Tämän sivun alkukielistä versiota ranska on muutettu äskettäin. Päivitystä suomennetaan parhaillaan.

1- Parir ta' avukat

Huwa importanti ħafna li meta tkun b'xi mod jew ieħor implikat fi proċess kriminali tieħu l-parir indipendenti ta' avukat. Dawn l-iskedi informattivi jgħidulek meta u f'liema ċirkustanzi inti jkollok dritt li tiġi rappreżentat minn avukat. Huma jgħidulek ukoll kif l-avukat għandu jassistik. Din l-iskeda informattiva ġenerali ser turik kif għandek issib avukat u kif l-ispejjeż tiegħu jiġu koperti anke meta inti ma tkunx tiflaħ tħallas.

Kif issib avukat

Għandek id-dritt assolut li tkun assistit minn avukat f’kull kwistjoni. Tista' tagħżel avukat inti u tista' wkoll tikkuntattja lill-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKamra tal-Avukati tal-Lussemburgu biex takkwista l-lista tal-avukati sabiex tagħżel wieħed li tixtieq.

F'każ li ma tagħżilx avukat jew f'każ illi l-President tal-Kamra tal-Avukati jqis l-għażla tiegħek bħala inadegwata, ikun il-President illi jagħżlu. L-avukat huwa marbut, ħlief f'każ ta' xi impediment jew kunflitt ta' interess, li jieħu f'idejh il-każ li jkun ġie assenjat.

Jekk inti tkun tinsab arrestat, tista' titlob lill-maġistrat inkwerenti, fil-bidu tal-proċedura, sabiex tkun assistit minn avukat ipprovdut mill-qorti jew minn avukat tal-għażla tiegħek.

Kif tħallas lill-avukat

Il-ħlas tal-avukat mhuwiex obbligatorju. Jekk inti m'għandekx minn fejn tħallas avukat, tista' titlob għajnuna legali mis-servizz tal-assistenza, kif ukoll informazzjoni ġuridika mill-qrati.

Jeżisti servizz ta’ assistenza u informazzjoni ġuridika fil-Belt tal-Lussemburgu, f'Diekirch u f'Esch-sur-Alzette:

  • Il-Belt tal-Lussemburgu: Cité Judiciaire, Bâtiment CR, L-2080, Luxembourg, Tél : 22 18 46
  • Diekirch: bei der Aler Kiirch, B. P. 66 L-9201 Diekirch, Tél: 80 23 15
  • Esch-sur-Alzette: place de la Résistance, L-4002 Esch/Alzette, Tél: 54 15 52

Titqies bħala persuna li m'għandhiex riżorsi biżżejjed jekk ma jkollokx mezzi finanzjarji ogħla mid-dħul minimu stipulat mil-liġi.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinisteru tal-Ġustizzja - Għajnuna legali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinisteru tal-Ġustizzja - Assistenza ġuridika

L-aħħar aġġornament: 05/04/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

2 - Id-drittijiet tiegħi matul l-inkjesta u l-investigazzjoni u qabel ma tinġieb il-kawża quddiem it-tribunal/il-Qorti

X’inhuma l-istadji ta’ investigazzjoni kriminali?

L-inkjesta u l-investigazzjoni kriminali huma intiżi sabiex jinġabru l-provi relattivi għal reati kriminali mwettqa u sabiex jiġi determinat jekk persuna jew persuni ssuspettati humiex responsabbli għar-reat.

Il-Prosekutur tal-Istat jiftaħ inkjesta preliminari li tingħata lill-Pulizija, li jinterrogaw lill-awturi possibbli tar-reat, jiġbru l-provi u jniżżlu l-każ fil-procès-verbal.

Meta l-inkjesta titlesta, il-Prosekutur tal-Istat jiddeċiedi li jagħlaq l-eżami tiegħu mingħajr ma jittieħdu passi jew li jressaq lill-akkużat quddiem Qorti sabiex jiġi ġġudikat.

Meta jitwettaq reat jew f’każ ta’ delitti kumplikati, il-Prosekutur tal-Istat jaħtar imħallef inkwerenti, li jiġbor u jivverifika l-fatti u ċ-ċirkostanzi favur u kontra l-akkużat. L-imħallef jixli lil kull akkużat li jidher li huwa implikat fil-każ u jista’ jipproċedi huwa stess jew bl-intervent tal-pulizija għat-tfittxija, qbid jew proċeduri oħra relatati. Jista’ jiddeċiedi li jżomm lill-akkużati kollha fil-ħabs.

F’każ ta’ inkjesta, għall-inqas f’materja kriminali, l-imħallef jagħmel rapport lill-Prosekutur tal-Istat dwar il-proċess. Dan tal-aħħar jitlob l-għeluq tal-proċess mingħajr ma jittieħdu passi jew inkella jressaq lill-akkużat quddiem qorti sabiex jiġi ġġudikat. Il-qorti distrettwali (tribunal d’arrondissement) tiddeċiedi in camera jekk issegwix jew le t-talbiet tal-Prosekutur tal-Istat.

Id-drittijiet tiegħi matul l-inkjesta u l-investigazzjoni

Interrogazzjoni/inkjesta preliminari tal-pulizija (1)

X’jiġri matul l-inkjesta preliminari?

Wara kwerela ta’ vittma jew il-konstatazzjoni ta’ reat jew delitt mill-pulizija, il-Prosekutur tal-Istat imexxi l-inkjesta preliminari u jipprova jistabbilixxi min hu l-awtur tar-reat. Jista’ jgħaddi l-inkjesta lil imħallef inkwerenti sabiex jiġbor il-fatti tal-każ ghal kull reat. Ghar-reati l-aktar serji, l-imħallef inkwerenti għandu jiġi mgħarraf. Kull xhud jista’ jinstema’. Tista’ tiġi għalhekk msejjaħ mill-Prosekutur tal-Istat, il-pulizija jew l-imħallef inkwerenti sabiex tinstema’ fuq l-involviment tiegħek fil-każ.

X’jiġifieri tkun ‘akkużat’?

Id-drittijiet tiegħek matul l-inkjesta u l-investigazzjoni jibdew fil-mument fejn int tiġi kkwalifikat bħala ‘akkużat’ mill-imħallef inkwerenti, jiġifieri akkużat li tkun għamilt reat. Għaldaqstant, inti tkun preżunt innoċenti sakemm il-prova tal-ħtija tiegħek tiġi kkunsidrata u determinata minn tribunal.

Min jinfurmani dwar dak li jkun qed jiġri?

Int għandek id-dritt li tkun infurmat dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża, jiġifieri dwar il-fatti li qed jiġu allegati kontrik u l-bażi ġuridika. Dan id-dritt ta’ informazzjoni jservi sabiex jippermettilek tipprepara bl-aħjar mod possibbli d-difiża tiegħek. L-informazzjoni għandha tkun tinftiehem u sħiħa u għandha tkun komunikata lilek jew mill-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja, jew mill-imħallef inkwerenti.

Niġi assistit minn interpretu jekk ma nitkellimx il-lingwa?

Jekk inti ma titkellimx waħda mil-lingwi użati quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji (il-pulizija jew l-imħalef inkwerenti), issir talba għal interpretu. Huwa jittraduċi kull mistoqsija u kull tweġiba tiegħek.

Arrest (inkluż mandat ta’ arrest Ewropew) (2)

X’jiġri f’każ ta’ reat jew delitt in flagrante?

F’każ ta’ reat jew delitt in flagrante, jiġifieri jekk reat ikun għadu kemm seħħ, inti tista’ tiġi arrestat minnufih mill-pulizija jekk tkun issuspettat li wettaqt dak ir-reat. Tista’ tinżamm għal massimu ta’ 24 siegħa mill-pulizija. Oġġetti li jkunu ntużaw għar-reat jistgħu jiġu ssekwestrati. Jistgħu jittiħdulek il-marki tas-swaba’ kif ukoll ritratti. Jista’ jittieħed ukoll id-DNA tiegħek. Imbagħad titressaq quddiem imħallef inkwerenti.

Meta u kif ikolli aċċess għal avukat?

Fil-każ fejn int tkun miżmum minn uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja għal reati jew delitti gravi jew interrogat mill-imħallef inkwerenti, l-uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja jew l-imħallef inkwerenti huma obbligati li jgħarrfuk bid-drittijiet tiegħek li tiġi assistit minn avukat u li jħalluk tikkuntattjah sabiex jassistik. Dan it-tagħrif jingħata qabel tiġi interrogat, bil-miktub u jiġi ċċertifikat b’lingwa li tifhem.

Nista’ nikkomunika ma’ membru ta’ familti jew ma’ ħabib?

Il-pulizija għandha tinfurmak bil-miktub, u dan għandu jiġi ddokumentat, f’lingwa li tifhem, bid-dritt tiegħek li tavża lil persuna tal-għażla tiegħek u jkollok aċċess għal telefown. Din tista’ tkun membru ta’ familtek jew ħabib, ħlief jekk dan jista’ jfixkel l-inkjesta.

Nista’ nikkuntattja tabib jekk ikolli bżonn?

Meta tkun miżmum taħt arrest, tiġi infurmat u jiġi dokumentat f’lingwa li inti tifhem, bid-dritt tiegħek li tiġi eżaminat mingħajr dewmien minn tabib. Il-prosekutur tal-Istat jista’ jaħtar tabib sabiex jeżaminak, minn jeddu jew fuq talba ta’ membru ta’ familtek.

Nista’ nikkuntatja lill-ambaxxata tiegħi jekk jiena ċittadin ta’ pajjiż ieħor?

Inti tista’ tikkuntattja persuna tal-għażla tiegħek, mill-ambaxxata ta’ pajjiżek jekk inti trid.

Jistgħu jagħmluli strip-search?

Jekk, waqt id-detenzjoni tiegħek, inti tkun issuspettat li qed taħbi oġġetti li jistgħu juru l-verità jew oġġetti perikolużi għalik jew għal xi ħadd ieħor, tista’ tkun sottopost għal strip-search minn persuna tal-istess sess.

Jistgħu jfittxu r-residenza, l-uffiċċju, il-karozza tiegħi, eċċ.?

Fl-istadju ta’ inkjesta preliminari, tfittxija tista’ ssir biss fir-residenza tiegħek jekk inti tagħti l-kunsens ċar u bil-miktub għal dan. F’każ ta’ reat jew delitt serju, m’hemmx bżonn ta’ dan il-kunsens u t-tfittxija tista’ ssir f’kull ħin kemm binhar kif ukoll billejl. Tfittxija fil-karozza tiegħek hija possibli jekk ikunu jeżistu indikazzjonijiet li jwasslu għall-preżunzjoni li inti wettaqt reat jew delitt.

Fl-istadju ta’ investigazzjoni, tista’ ssir tfittxija biss fir-residenza bejn is-sitta u nofs ta’ filgħodu u t-tmienja ta’ filgħaxija. Tista’ tikseb kopja tad-dokumenti tiegħek li jkunu ġew issekwestrati u tista’ titlob li jagħtuk lura oġġett issekwestrat. L-Istat jagħtik lura dawn l-oġġetti jekk ma jkollux bżonnhom għall-konstatazzjoni tal-verità jew sabiex iħares id-drittijiet tal-partijiet u jekk l-għoti lura ma jkunx jikkostitwixxi periklu lill-persuni jew jista’ jkun ta’ ħsara għall-oġġetti. L-għoti lura jista’ jiġi rrifjutat fil-każ fejn il-konfiska hija prevista mil-liġi.

Jistgħu jitolbuni nagħti kampjuni tad-DNA, tal-marki tas-swaba’ jew ta’ sustanzi fluwidi ta’ ġismi?

Fuq ordni tal-prosekutur tal-istat jew tal-imħallef inkwerenti u bil-kunsens bil-miktub tiegħek mogħti minn qabel, uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jista’ jippreleva ċelluli tiegħek sabiex jistabbilixxi profil tad-DNA sabiex dan jiġi mqabbel. Tista’ tiġi mġiegħel tippreleva ċelluli jekk tkun teżisti linja diretta bejnek u t-twettiq tal-fatti tal-kawża u jekk dawn il-fatti jkunu punibbli b’piena ta’ sentejn ħabs jew aktar.

Ma tistax tiġi mġiegħel tagħti kampjun tad-demm.

Il-Prosekutur tal-Istat jista’ jordna t-teħid tal-marki tas-swaba’ jekk jaħseb li pparteċipajt f’reat gravi u dan matul l-inkjesta preliminari. Dawn il-marki jistgħu jintużaw 'il quddiem mill-Pulizija għall-prevenzjoni, ir-riċerka u l-konstatazzjoni ta’ reati kriminali.

Jekk il-marki tas-swaba’ jkunu neċessarji ħafna sabiex jistabbilixxu l-identità tiegħek, dawn jistgħu jiġu mitluba mingħandek fl-istadju tal-inkjesta għal reati jew delitti gravi jew f’inkjesta preliminari jew b’ittra rogatorja jew fit-twettiq ta’ ordni għal riċerka mogħtija minn awtorità ġudizzjarja fuq awtorizzazzjoni mill-prosekutur tal-Istat jew mill-imħallef inkwerenti. Dawn il-marki jistgħu jintużaw iktar ’il quddiem mill-Pulizija għall-prevenzjoni, ir-riċerka u l-konstatazzjoni ta’ reati kriminali ħlief jekk inti ma tkun soġġett għall-ebda inkjesta ġudizzjarja jew miżura eżekuttiva.

B’liema mod tista’ titressaq għal interrogazzjoni mill-imħallef inkwerenti?

Jekk inti ħieles, l-imħallef inkwerenti jista’ jsejjaħlek permezz ta’ ittra, kif ukoll b’mandat, sabiex tidher quddiem l-awtoritajiet. Int trid tidher fid-data u fil-ħin indikat fejn tiġi mismugħ mill-ewwel mill-imħallef inkwerenti.

L-imħallef inkwirenti jista’ jitlob lill-pulizija sabiex iressquk permezz ta’ mandat ta’ akkumpanjament, meta jaħseb illi jkun hemm periklu li taħrab, periklu li xi provi jisparixxu jew jekk ma tidhirx għas-sejħa tiegħu. F’każ ta’ reat, il-periklu li taħrab huwa preżunt jekk il-fatt ikun punibbli b’piena kriminali.

Mandat ta’ arrest jista’ jinħareġ jekk l-akkużat ikun maħrub jew jgħix barra mill-pajjiż u jekk il-fatti li jkunu imputabbli lilu jkunu jesponuh għall-piena ta’ ħabs.

Jekk jiena ċittadin ta’ pajjiż ieħor, irrid inkun preżenti waqt l-investigazzjoni u nista’ nipparteċipa permezz tal-vidjo?

Hemm bżonn li tkun preżenti matul is-smigħ. Is-sehem tiegħek permezz tal-vidjo mhuwiex previst mil-liġi.

Interrogazzjoni mill-imħallef inkwerenti u d-detenzjoni (3)

X’inhuwa l-għan tal-interrogazzjoni mill-imħallef inkwerenti?

L-imħallef inkwerenti jikkonstata l-identità tiegħek u jgħarrfek bl-atti mwettqin matul il-proċedura. Imbagħad jinfurmak dwar l-akkuża, i.e. li minn issa ‘l quddiem inti akkużat b’mod uffiċjali li wettaqt ċertu reat u jinterrogak dwar il-fatti inkwistjoni (jew ‘li inti akkużat bihom’).

X’inhuma d-drittijiet tiegħek matul l-interrogazzjoni mill-imħallef inkwerenti?

Għandek id-dritt tkun mgħarraf dwar kull fatt li inti akkużat bih u dwar l-atti li twettqu matul it-twettiq tar-reat gravi jew delitt u matul l-inkjesta preliminari. L-imħallef inkwerenti huwa obbligat javżak bid-dritt tiegħek li tkun assistit minn avukat tal-għażla tiegħek. Dan isir qabel ma tiġi interrogat, bil-miktub, u l-istess jiġi dokumentat b’lingwa li inti tifhem. Jekk inti ma tagħmilx l-għażla, l-imħallef inkwerenti, fuq talba tiegħek, għandu jaħtarlek wieħed.

Tista’ tiġi interrogat biss fil-preżenza tal-avukat tiegħek, ħlief fejn inti tirrinunzja espressament għal dan.

Għandek id-dritt li ma tweġibx, imma trid tkun preżenti. Inti trid tkun mgħarraf dwar dan id-dritt.

Għandek id-dritt li tbiddel l-istqarrijiet li tkun għamilt; ammissjoni tista’ tintuża kontrik biss jekk din tkun saret b’mod ħieles u volontarjament.

Ghandek id-dritt li ssaqsi mistoqsijiet lix-xhieda.

M’għandekx id-dritt li tikkomunika mal-avukat tiegħek sa tmiem l-ewwel interrogazzjoni. L-imħallef jista’ jwaqqfek, b’deċiżjoni motivata, milli tikkomunika (bil-kitba) mal-qraba tiegħek għal tul massimu ta’ 10 ijiem.

Interpretu jassistini jekk ma nifhimx il-lingwa?

L-imħallef inkwerenti għandu jsejjaħ interpretu għall-interrogazzjoni, li jittraduċi kull mistoqsija u kull tweġiba u li jittraduċilek l-istqarrija tiegħek waqt li din tkun qed terġa’ tinqara.

Nista’ nerġa’ nintbagħat lura f’pajjiżi?

Le, sakemm l-awtoritajiet ta’ pajjiżek ma jkunux iriduk lura għall-istess reat u sakemm l-awtoritajiet tal-Lussemburgu ma jaċċettawx li l-investigazzjoni jew l-inkjesta tkun tista’ ssir f’pajjiżek, inti tkun mġiegħel tibqa’ fil-Lussemburgu, jekk hemm bżonn fil-ħabs.

Jistgħu jitolbu informazzjoni dwar il-fedina penali tiegħi?

Fil-prattika, l-awtoritajiet ġudizzjarji jivverifikaw il-fatti tal-każ fl-istadju tal-investigazzjoni, u għalhekk jaraw ukoll il-fedina penali tiegħek.

Jinfurmawni dwar xhieda li jixhdu kontrija u dwar provi oħra li jkunu jeżistu kontrija?

Fl-istadju meta inti jkollok id-dritt li tara l-proċess, normalment permezz tal-avukat tiegħek, tista’ tiġi infurmat dwar dawk ix-xhieda li jkunu xehdu kontrik u dwar il-provi l-oħra li jkun hemm kontrik. Inti jkollok aċċess għall-proċess wara l-ewwel interrogazzjoni. Tista’ wkoll, f’kull mument, titlob lill-imħallef inkwerenti biex tara l-atti tal-proċess tiegħek.

Niġi lliberat jew detenut?

L-imħallef inkwerenti, wara li jkun akkużak u interrogak, jista’ jilliberak. Jista’ wkoll iżommok taħt detenzjoni preventiva, meta jkun ħareġ att ta’ akkuża. Inti tittieħed il-ħabs mill-pulizija. L-imħallef inkwerenti jista’ jżommok milli tikkomunika ma’ barra f’każ li dan ikun meħtieġ għall-investigazzjoni. Jekk din l-ordni titneħħa, tkun tista’ ċċempel mill-ħabs lill-qraba, filwaqt li tirrispetta r-regolamenti stretti tal-ħabs.

Inti għandek id-dritt li titlob li tiġi lliberat proviżorjament f’kull mument tal-proċedura. Il-libertà proviżorja tista’ tkun soġġetta għall-obbligu ta’ garanzija personali u jkun hemm bżonn li tagħti indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu.

Nista’ nitlaq mill-pajjiż waqt l-investigazzjoni?

B’mod ġenerali, inti tista’ titlaq mill-pajjiż matul l-investigazzjoni sakemm ma tkunx qiegħed il-ħabs. Min-naħa l-oħra, jekk int tkun soġġett għal piena ta’ ħabs jew piena aktar gravi (fejn il-massimu huwa ekwivalenti għal jew aktar minn sentejn ħabs jekk inti residenti fil-Lussemburgu), l-imħallef inkwerenti fis-seduta jew in camera jista’ jordna kontroll ġudizzjarju u jista’ jordna bħala obbligu pereżempju li inti ma tkunx tista’ toħroġ mil-limiti territorjali determinati mill-imħallef inkwerenti.

Jien diġa’ ġejt mixli fi Stat Membru ieħor għall-istess reat. X’jiġri f’dan il-każ?

Fuq l-istess fatt, inti tista’ tiġi kkundannat darba biss għall-istess reat, imma l-prosekuzzjoni doppja tibqa’ possibbli jekk ma jkunx hemm sentenza definittiva f’xi pajjiż. Jekk  tkun qed issir investigazzjoni f’dak il-pajjiż, inti tista’ tiġi estradit lejn dak il-pajjiż sabiex tiġi mixli u ġġudikat f'dak l-Istat u mhux aktar fil-Lussemburgu.

Smigħ in camera tal-Qorti sabiex tiddeċiedi dwar ir-rilaxx (4)

Jekk inkun detenut, kif u lil min nitlob għal-libertà proviżorja?

It-talba sabiex tiġi meħlus tista’ tintalab f’kull stadju tal-każ, i.e. f’kull mument u ma jimpurtax f’liema stadju tal-investigazzjoni u mingħajr ebda limitu ta’ kemm-il darba tista’ ssir din it-talba. Sempliċement isir rikors in camera lill-Qorti Distrettwali (Tribunal d’arrondissement).

Imma jekk inti detenut proviżorjament fil-ħabs, inti tista’ titlob ukoll il-libertà proviżorja b’sempliċi talba bil-miktub lill-persunal tal-ħabs.

X’inhi l-proċedura u kemm iddum?

Id-deċiżjoni tittieħed b’urġenża u mhux aktar tard minn tlitt ijiem mill-preżentata tat-talba għal-libertà proviżorja. Bħala akkużat inti għandek tinstema’ u, jekk ikun meħtieġ, anki l-avukat tiegħek. Il-qorti distrettwali tiddeċiedi in camera abbażi ta’ opinjoni motivata bil-miktub mill-imħallef inkwerenti.

Nista’ niġi lliberat proviżorjament jekk inħallas somma flus (garanzija personali)?

Effettivament, il-kodiċi jiddetermina l-ammont li għandu jitħallas bħala garanzija personali. Il-qorti tista’ tilliberak proviżorjament billi tħallas tali somma li hija tiddetermina b’mod ħieles. Din is-somma tiggarantixxi li inti tidher quddiem l-imħallef inkwerenti u quddiem il-qorti, kif ukoll l-eżekuzzjoni tas-sentenza u l-ħlas tal-multi u tat-tariffi tal-qorti.

Inkun soġġett għal kontrolli jekk niġi lliberat proviżorjament?

Il-libertà tiegħek tista’ tkun soġġetta għal kontroll ġudizzjarju. L-awtoritajiet jistgħu jorbtuk b’ċerti kundizzjonijiet, bħal pereżempju li ma tkunx tista’ tikkuntattja lil ċerti nies jew li ma tkunx tista' tivvjaġġa.

Jeżisti appell kontra d-deċiżjonijiet tal-qorti?

Jekk inti lliberat, il-Prosekutur tal-Istat jista’, fi żmien jum li jibda jiddekorri mill-għoti tad-digriet, iressaq appell kontra d-deċiżjoni. F’dan il-każ, inti tibqa’ taħt detenzjoni sakemm tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Appell.

Inti tista’ dejjem tressaq appell mid-deċiżjoni tal-qorti talli ma lliberatekx, quddiem il-Qorti tal-Appell.

Investigazzjoni tal-każ mill-Prosekutur tal-Istat/mill-imħallef inkwerenti u d-drittijiet tad-difiża (5)

X’għandu setgħa jagħmel l-imħallef inkwerenti?

Matul l-investigazzjoni, il-maġistrat inkwerenti jista' jirrikorri għal numru ta’ metodi differenti sabiex jasal għall-verità tal-fatti relattivi għar-reat imwettaq.

Għalhekk, l-imħallef jista’ jordna tfittxija, jisma’ xhieda, jordna konfrontazzjonijiet, jordna perizja jew jisma’ kollegament telefoniku jew possibbilment interċezzjoni telefonika.

Nista’ nressaq rikors kontra att proċedurali li ttieħed fl-investigazzjoni?

Inti għandek id-dritt li titlob li att proċedurali tal-investigazzjoni jiġi annullat mill-qorti distrettwali in camera.

Din it-talba trid issir matul l-istess investigazzjoni, fi żmien ħamest ijiem minn mindu ssir taf bl-att. Jekk it-talba għan-nullità ma ssirx matul l-investigazzjoni, inti ma tkunx tista’ tagħmel din it-talba fis-seduta.

X’nista’ nitlob aktar?

Barra mir-raġunijiet ta’ nullità msemmijin qabel, inti għandek ukoll id-dritt li titlob, matul l-investigazzjoni, l-eżerċizzju ta’ fakultà jew ta’ dritt mogħti mil-liġi. Jekk ma kienx hemm deċiżjoni dwar it-talba tiegħek, jew minħabba ommissjoni jew għax it-talba tiegħek ġiet miċħuda, inti tkun tista’ tibbaża fuqha fi stadju ieħor billi tilmenta li ma kellekx smigħ xieraq.

Liema azzjonijiet nista’ nitlob li jagħmel l-imħallef inkwerenti?

Inti tista’ titlob lill-imħallef inkwerenti, permezz tal-avukat tiegħek, li jwettaq  atti intiżi biex juru l-innoċenza tiegħek. Għalhekk, inti tista’ titlob tfittxija, smigħ mill-ġdid, li jerġħu jinstemgħu x-xhieda mressqa minnek, li tiġi organizzata konfrontazzjoni jew il-ftuħ ta’ perizja.

Inti tista’ terġa’ tippreżenta lill-imħallef id-dokumenti kollha li l-għan tagħhom huwa li juri l-innoċenza tiegħek jew titlob it-tneħħijja ta’ xi sekwestru li sar mill-imħallef fuq xi dokumenti, oġġetti jew kontijiet bankarji.

Proċedura tal-għeluq tal-investigazzjoni u tar-rinviju quddiem il-qorti (6)

X’jiġri meta tintemm l-inestigazzjoni?

L-imħallef inkwerenti jordna l-għeluq tal-proċeduri. Huwa jsostni li wettaq dmirijietu sabiex tiġi stabbilita l-verità u li l-akkużati jistgħu jittressqu sabiex jiġu ġġudikati.

X’inhuma d-drittijiet tiegħek wara l-ordni għal għeluq tal-proċeduri?

Il-proċess bl-opinjoni eventwali tal-imħallef inkwerenti jitqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħek u tal-avukat tiegħek mill-inqas tmint ijiem qabel id-data stabbilita għall-eżami tal-proċess in camera mill-qorti distrettwali. Inti għandek id-dritt li titlob li ssir taf kull biċċa informazzjoni li tkun ħarġet mill-investigazzjoni.

Għandek id-dritt tippreżenta nota ta’ osservazzjonijiet, li fil-prattika ssir mill-avukat tiegħek, qabel ma tittieħed deċiżjoni in camera, li twassal għal digriet biex ma jitressqux akkużi (minħabba nuqqas ta’ prova) jew għal digriet ta’ rinviju quddiem qorti (sabiex jiġu ġġudikati l-akkużati).

Għandek dritt ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet msemmija tal-imħallef inkwerenti fis-seduta u in camera: tista’ tressaq appell kontra d-deċiżjoni tal-imħallef inkwerenti jew tal-qorti distrettwali in camera. Dan l-appell isir quddiem il-Qorti tal-Appell in camera.

Nista’ niddikjara l-ħtija qabel il-proċess fuq il-kapi ta’ akkuża/ta' ħtija kollha jew xi jħud minnhom?

Sa llum il-ġurnata fil-Lussemburgu ma teżistix proċedura għall-ammissjoni tal-ħtija.

Il-kapi ta’ akkuża/ta' ħtija jistgħu jiġu emendati qabel il-proċess?

Il-kapi ta’ akkuża/ta' ħtija jistgħu jiġu emendati qabel il-proċess skont il-fatti li jirriżultaw matul l-inkjesta jew l-investigazzjoni.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi kriminali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi tal-proċedura kriminali

L-aħħar aġġornament: 05/04/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Tämän sivun alkukielistä versiota ranska on muutettu äskettäin. Päivitystä suomennetaan parhaillaan.

3 – Id-drittijiet tiegħi quddiem it-tribunal/il-qorti      

Liema kompetenza għal liema tribunal?

Jeżistu tliet tipi ta’ reati, fejn kull wieħed huwa ġġudikat minn tribunal/qorti differenti:

  • Kontravenzjoni = quddiem it-tribunal tal-pulizija (tribunal de police) (imħallef wieħed)
  • Delitt = quddiem l-Awla Korrettiva tal-Qorti Distrettwali (tribunal d’arrondissement) (tliet imħallfin ħlief f’każijiet tat-traffiku : imħallef wieħed)
  • Reat = quddiem l-Awla Kriminali tal-Qorti Distrettwali (tribunal d’arrondissement) (tliet imħallfin)

It-tribunal jista’ jordna li dan isir in camera, pereżempju jekk il-vittma tkun tifel jew tifla.

Sa liema punt il-kapi tal-akkuża/tal-ħtija jistgħu jiġu emendati waqt il-proċess?

Il-prinċipju huwa li l-kwalifikazzjoni ġuridika mogħtija hija proviżorja u tista’ tiġi mibdula mit-tribunal li quddiemu tkun tinsab il-kawża.

Sabiex issir emenda fil-kapi tal-akkuża, jeħtieġ li l-fatt fil-qofol tal-proċedura jkun l-istess.

X’jiġri jekk niddikjara li jiena ħati tal-kapi tal-akkuża/tal-ħtija kollha jew xi wħud minnhom matul il-proċess?

Wieħed ma jistax jiddikjara ruħu ħati imma jista’ jammetti reat. L-imħallef jista’ xorta waħda ma jagħtix kas ammissjoni li jkun iqisha suspettuża. L-ammissjoni, għaldaqstant, tista’ tintuża bħala ċirkostanza mitiganti.

X’inhuma d-drittijiet tiegħek waqt il-proċess?

Irrid inkun preżenti waqt il-proċess? Jista’ jsir mingħajri?

Inti trid tidher quddiem il-qorti, sakemm ma tressaqx raġuni, bħal pereżempju ċertifikat mediku. Il-proċess b’hekk ikun jista’ jiġi differit. Tista’ tinkariga lill-avukat tiegħek sabiex jirrappreżentak, ħlief jekk il-qorti titlob li tkun preżenti. Għar-reati, inti trid tidher personalment.

Jekk ngħix fi Stat Membru ieħor, nista’ nieħu sehem permezz tal-vidjo? Jiena obbligat naċċetta?

Il-possibilità ta’ parteċipazzjonji permezz tal-vidjo minn persuna residenti fi Stat ieħor mhijiex prevista mil-liġi.

Irrid bilfors inkun preżenti matul il-proċess kollu?

Iva, għax l-imħallef jista’ jkun irid jisimgħek fi kwalunkwe ħin.

Niġi pprovdut b’interpretu jekk ma nifhimx il-lingwa tat-tribunal/tal-qorti?

Id-dritt li tiġi assisstit b’xejn minn interpretu jekk ma tifhimx jew ma titkellimx il-lingwa użata fis-seduta huwa dritt fundamentali ggarantit mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Madanakollu, l-atti tal-proċess ma jiġux tradotti.

Bilfors għandi bżonn avukat? Ningħata avukat? Nista’ nbiddel l-avukat?

Għandek id-dritt illi tiddefendi lilek innifsek jew li jkollok l-assistenza ta’ avukat tal-għażla tiegħek, u jekk inti m’għandekx il-mezzi sabiex tħallas avukat, tiġi assistit minn avukat (tal-għajnuna legali). Dejjem tista’ tbiddel l-avukat.

Nista’ nitkellem waqt il-proċess? Hemm bżonn nitkellem fil-proċess? Pereżempju, għandi d-dritt li ma nitkellimx, li ma ninkriminax ruħi?

Inti għandek id-dritt illi tesprimi ruħek dwar il-punti kollha tal-akkuża. Inti għandek ukoll id-dritt li ma tweġibx għall-akkużi miġjuba kontrik.

X’inhuma l-konsegwenzi jekk jiena ma ngħidx il-verità waqt il-proċess?

Jekk inti ma tgħidx il-verità matul il-proċess tkun qed tirriskja li teħel piena aktar ħarxa.

Nista’ nikkontesta l-provi mressqa kontrija? Kif? Għaliex?

Il-kontestazzjoni tal-provi mressqa kontrik hija possibbli u dan b’kull mezz, bħal pereżempju permezz ta’ xhieda, ta' xi dokumenti, ta' argumenti u ta' esperti.

X’tip ta’ provi nista’ nressaq favurija?

Il-qorti trid jieħu f’konsiderazzjoni kull tip ta’ prova.

F’liema ċirkostanzi nista’ nressaq tali provi?

Dawn il-provi jistgħu jiġu mressqa taħt żewġ kundizzjonijiet, l-ewwelnett li jkunu ġew regolarment inklużi fil-proċess u t-tieni nett li jkunu ġew diskussi liberament mill-partijiet matul il-proċeduri fil-miftuħ.

Nista’ nuża investigatur privat sabiex inġib provi favur tiegħi? Provi bħal dawn huma ammissibbli?

L-użu ta’ investigatur sabiex iġġib provi huwa permess, imma dan l-investigatur irid ikun għamel dan għal kollox skont il-liġi.

Jien jew l-avukat tiegħi, nistgħu nsaqsu mistoqsijiet waqt il-kawża lix-xhieda l-oħra? Jien jew l-avukat tiegħi, nistgħu nikkontestaw dak li jgħidu?

Id-dritt għas-smigħ ta’ xhud joħroġ mid-dritt tad-difiża stipulat fil-punt 3 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Id-difiża tista’ tressaq u tinterroga xhieda biex tiskolpa lilha nnifisha bħalma jistgħu jagħmlu x-xhieda kontrik.

Informazzjoni dwar il-fedina penali tiegħek tittieħed f’konsiderazzjoni?

Kull kundanna li tkun imniżżla fil-fedina penali tiegħek tiġi trażmessa lill-qorti, matul il-proċess.

Jittieħdu f’konsiderazzjoni kundanni preċedenti fil-konfront tiegħek li jkunu ngħataw fi Stat Membru ieħor?

Le, għal dak li għandu x’jaqsam mar-reċidiva. Iva, għall-kundizzjonijiet tas-sentenza sospiża.

X’inhuma t-tipi ta' eżitu possibbli tal-proċess?

Inti tista’ tiġi lliberat totalment jew parzjalment. Inti tista’ wkoll tinstab ħati. Il-piena tiddependi mir-reat li tiegħu tiġi misjub ħati.

Il-pieni kriminali huma:

  • Għomrok il-ħabs jew għal żmien minn 5 sa 30 sena
  • Multa ta’ mill-inqas EUR 251
  • Konfiska speċjali
  • It-tneħħijja ta’ titli, gradi, funzjonijiet, impiegi u karigi pubbliċi
  • L-interdizzjoni ta’ xi drittijiet ċivili u politiċi
  • L-għeluq ta’ intrapriżi u stabbilimenti
  • Il-pubblikazzjoni jew it-tpoġġija fil-pubbliku, bl-ispejjeż kontra l-ħati, tas-sentenza jew ta' estratt tas-sentenza li tkun ikkundannatek
  • Interdizzjoni milli tipprattika ċerti attivitajiet professjonali

Il-pieni korrettivi huma:

  • Priġunerija (8 ijiem sa 5 snin)
  • Multa ta’ mill-inqas EUR 251
  • Konfiska speċjali
  • L-interdizzjoni ta’ xi drittijiet ċivili u politiċi
  • L-għeluq ta’ intrapriżi u stabbilimenti
  • Il-pubblikazzjoni jew it-tpoġġija fil-pubbliku tal-kundanna
  • Interdizzjoni milli tipprattika ċerti attivitajiet professjonali
  • Interdizzjoni milli ssuq ċerti vetturi
  • Jekk il-kundanna ta’ priġunerija tkun ta' inqas minn sitt xhur, l-imħallef għandu l-fakultà li jbiddel il-piena għal servizz komunitarju ġenerali ta’ bejn 40 u 240 siegħa.

Il-pieni tal-pulizija huma:

  • Multa ta’ bejn EUR 25 u EUR 250 ħlief jekk il-liġi tiddisponi mod ieħor
  • Konfiska speċjali
  • Interdizzjoni milli ssuq ċerti vetturi

Jekk tiġi kkundannat għal piena ta’ priġunerija, x’inhuma l-modi differenti ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena?

Fil-Lussemburgu, huwa il-Prosekutur Pubbliku tal-Istat li jiddeċiedi l-metodi tal-eżekuzzjoni tal-pieni tat-tneħħija tal-libertà, mingħajr l-intervent ta’ imħallef.

Hemm numru ta’ possibbiltajiet li jistgħu jseħħu:

L-eżekuzzjoni maqsuma

Il-qsim jippermetti lid-detenut li mhuwiex ta’ periklu, li jiskonta żmienu f’perjodi li jixtieq.

Is-semilibertà

Dan ir-reġim jagħti l-possibbiltà lid-detenut li jeżerċita attività professjonali jew li jsegwi tagħlim jew taħriġ minn barra.

Il-libertà kondizzjonata

Tippermetti tnaqqis ta’ nofs il-piena.

Lif mill-ħabs

Tali piena sseħħ meta tingħata permess li tħalli l-bini tal-ħabs, matul parti tal-ġurnata jew matul perjodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, u dan il-perjodu jitqies meta jiġi kkalkulat iż-żmien tal-piena.

Is-sospensjoni tal-piena

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-libertà kkundizzjonata jew il-ħelsien effettiv, tista’ tingħata sospensjoni tal-piena lill-persuni kkundannati jekk waqt il-lif li jkunu ħadu jkunu ġiebu ruħhom tajjeb.

Il-brazzuletta elettronika

L-ebda liġi għadha ma ppreċiżat l-użu tagħha.

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess?

Il-vittma tista’ tinstema' bħala xhud. Hi tkun tista’ wkoll tikkostitwixxi ruħha bħala parte civile, jiġifieri tkun tista’ titlob danni u interessi. Tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-reat inkwistjoni u l-konsegwenzi tiegħu. Hija tista’ tappella kontra s-sentenza, imma biss għal dak li għandu x’jaqsam mal-interessi ċivili tagħha.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaOrganizzazzjoni tal-qrati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi kriminali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi ta’ proċedura kriminali

L-aħħar aġġornament: 05/04/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Tämän sivun alkukielistä versiota ranska on muutettu äskettäin. Päivitystä suomennetaan parhaillaan.

4 – Id-drittijiet tiegħi wara li tkun ittieħdet deċiżjoni mit-tribunal/mill-qorti

Nista’ nappella?

Għandek id-dritt li tappella s-sentenza fi żmien erbgħin jum mill-ġurnata li fiha tkun inqatgħet is-sentenza permezz ta’ dikjarazzjoni l-qorti. L-appell jista' jkun limitat għal appell kontra l-ammont tal-piena jew għall-affarijiet ċivili.

Kompetenzi

  • Kontravenzjoni = quddiem il-qorti tal-pulizija; l-appell jitressaq quddiem il-qorti kriminali.
  • Reat = quddiem il-qorti kriminali; l-appell jitressaq quddiem il-Qorti tal-appell.
  • Delitt = quddiem l-awla kriminali tal-qorti distrettwali; l-appell jitressaq quddiem l-awla kriminali tal-Qorti tal-appell.

X’jiġri jekk inressaq appell?

Il-Prokuratur tal-Istat tal-qorti jew tat-tribunal li quddiemhom jitressaq l-appell jiġi infurmat fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa wara li jitressaq l-appell. Tintgħażel data għas-smigħ tal-appell u tiġi infurmat biha.

Kemm irid jgħaddi żmien biex jinstema’ l-appell?

Hemm bżonn ta’ xi xhur sa ma jinstema’ l-appell.

Nista’ nressaq provi ġodda fl-appell? X’regoli japplikaw?

Għandek dritt tressaq provi ġodda fil-kuntest tal-appell. Ir-regoli tad-dritt tal-provi japplikaw. Il-qorti taċċetta l-provi legali kollha ppreżentati. Mill-banda l-oħra, ma jiġux aċċettati mezzi proċedurali, bħan-nullità ta’ att, li kellhom jiġu mqajma fl-ewwel istanza.

X’jiġri fis-smigħ tal-appell u x’tista’ tkun id-deċiżjoni tat-tribunal/tal-qorti?

L-imħallfin jeżaminaw il-fatti mill-ġdid, iżda fil-prinċipju m’humiex marbuta li jerġgħu jisimgħu lix-xhieda sakemm ma jkunx meqjus neċessarju mill-Qorti. Bl-istess mod, jekk jitqies li huwa meħtieg, tista’ terġa’ tisma’ lix-xhieda.

Fil-prinċipju, l-imħallef tal-appell ma jistax jagħti sentenza aktar ħarxa minn dik li tkun ngħatat fl-ewwel istanza jekk kien il-konvenut biss illi oġġezzjona għas-sentenza. F’dan il-każ, il-qorti tista’ biss iżżomm l-istess piena tal-konvenut jew tnaqqasha. Is-sentenza tista’ tiħrax biss meta anki l-Prosekutur Ġenerali jkun appella s-sentenza, xi haġa li normalment isseħħ fi kwistjonijiet kriminali.

X’jiġri jekk l-appell jiġi aċċettat/rifjutat?

Għandek dritt tressaq appell quddiem l-ogħla istanza. Il-Qorti tal-ogħla istanza tivverifika l-punti legali iżda ma tidħolx fil-punti tal-fatti.

Jekk l-ewwel sentenza tkun żbaljata, niġi kkumpensat? Ta' xiex? Kif?

Għandek dritt għal indennizz biss f’każ ta’ priġunerija mhux ġustifikata. Jaqgħu taħt dan id-dritt dawk kollha li nżammu b’azzjoni preventiva għal iżjed minn tlett ijiem ħlief jekk din id-detenzjoni jew il-kontinwazzjoni tagħha kienu ħtija tiegħek.

Jekk l-appell jintlaqa’ il-kundanna tiegħi tibqa’ mniżżla fil-kondotta tiegħi?

Jekk l-appell jintlaqa’ u jwassal għall-ħelsien, il-kundanna ma tibqax imniżżla fil-kondotta.

Huwa possibbli li tressaq appell ieħor jekk l-ewwel wieħed ikun falla? Quddiem min trid tressqu? F’liema ċirkustanzi tista’ tressqu?

Jista’ jerġa’ jintalab appell minn kull persuna meqjusa bħala ħatja definittivament ta’ reat jew ta’ delitt fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

  • Meta, wara kundanna għal reat jew delitt, sentenza ġudizzjarja ġdida tikkundanna għall-istess att persuna oħra u l-kundanni ma jkunux jaqblu flimkien. F’dan il-każ, il-kontradizzjoni ta’ bejniethom hija l-prova tal-innoċenza ta’ wieħed jew l-ieħor.
  • Jekk ix-xhieda mismugħa ikunu ġew sussegwentament ikkundannati għal xhieda falza.
  • Jekk, wara l-kundanna, joħrog fatt ġdid jew tinstab evidenza ġdida u li jkunu ta’ natura li tistabilixxi l-innoċenza sħiħa jew parzjali tiegħek.
  • Jekk, wara l-kundanna għal omiċidju, xi evidenza terġa’ tiġi ppreżentata speċifikament sabiex tqajjem xi indikazzjonijiet dwar l-eżistenza tal-allegata vittma tal-omiċidju.
  • Meta jirriżulta minn sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li kundanna penali li ngħatat tmur kontra din il-Konvenzjoni.

Il-Qorti superjuri tal-ġustizzja, fl-irwol tal-Qorti tal-Ogħla Istanza, tiddeċiedi fuq it-talbiet tal-appell.

Meta tkun definittiva l-kundanna?

Il-kundanna tkun definittiva meta jkun sar rikors għall-modi kollha ta' appell, inkluż meta l-appell jew il-każ quddiem l-ogħla istanza jiġi preskritt.

Nista’ niġi ddeportat wara l-każ jekk jiena ċittadin ta’ Stat Membru ieħor?

Bħala ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, inti tista’ tiġi ddeportat ma' tmiem il-kawża għal disturb attwali u serji għall-ordni pubbliku. Ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jitlob li jinħeles wara nofs il-piena ta’ priġunerija tiegħu jekk bil-miktub jintrabat li ma jerġax jiġi lura f’dak il-pajjiż.

Tista’ tressaq rikors quddiem it-tribunal amministrattiv kontra d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Immigrazzjoni li jiddeportak.

X’jiġri mill-informazzjoni dwar il-kapi tal-akkuża/il-kundanna?

Informazzjoni dwar il-kundanna tiegħek tiġi mniżżla fil-kondotta, u arkivjata sabiex tiġi rreġistrata fil-kundanni maħruġa mill-qrati kriminali tal-Lussemburgu.

Fejn u kif tiġi miżmuma din l-informazzjoni?

Il-kondotta tinżamm għand il-Prokura Ġenerali taħt l-awtorità tal-Prokuratur Ġenerali tal-Istat bħala kopja elettronika. Tkun identifikat fil-fajl permezz ta’ kunjomok u ismek, dawk ta’ missierek u ta’ ommok u, fejn meħieġ, ta’ martek jew żewġek, permezz tad-data u l-post tat-twelid, tar-residenza u l-professjoni tiegħek, jew b’numru li jidentifikak.

Kemm idum jinżamm?

Il-kundanni deċiżi taħt il-ġuriżdizzjoni Lussemburgiża jibqgħu mniżżla fil-kondotta sakemm terġa’ tingħata d-drittijiet legali jew ġudizzjarji.

L-informazzjoni tista’ tinżamm mingħajr il-kunsens tiegħi?

Iż-żamma tal-informazzjoni fil-kondotta hija obbligatorja u tista’ tinżamm anke mingħajr il-kunsens tiegħek.

Nista’ noġġezzjona kontra ż-żamma ta’ din l-informazzjoni? Kif? Fejn?

Għandek dritt li toġġezzjona għal dak li jista’ jitniżżel fil-kondotta; tista’ tappella quddiem is-Sigrieta tal-Qorti distrettwali.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-kondotta

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi Kriminali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKodiċi tal-proċedura kriminali

L-aħħar aġġornament: 05/04/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Tämän sivun alkukielistä versiota ranska on muutettu äskettäin. Päivitystä suomennetaan parhaillaan.

5 - Kontravenzjonijiet minuri

Il-kontravenzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-traffiku tat-triq huma stabbiliti fil-kodiċi tat-traffiku, li fih b'mod partikulari dawk il-kontravenzjonijiet marbuta mal-konsum tal-alkoħol, kontravenzjonijiet marbuta mal-veloċità u kontravenzjonijiet marbuta mal-aġir ta’ persuna f’każ ta’ inċident.

X’inhuma l-kontravenzjonijiet marbuta mal-konsum tal-alkoħol?

Trid issir distinzjoni bejn il-livelli tal-alkoħol. L-ewwel livell li minnu l-konsum tal-alkoħol jsir att li jista’ jiġi kkastigat huwa meta jkun hemm 0.5 grammi ta’ alkoħol għal kull litru demm. Minn dan l-ammont 'il fuq il-kwistjoni taqa’ taħt il-qorti tal-pulizija (kontravenzjoni serja) u tibqa’ taqa’ taħtha sal-livell li jibda minn 1.2 grammi alkoħol ghal kull litru demm, li mbaghad taqa’ taħt il-qorti kriminali (reat).

Il-liġi tipprovdi wkoll għall-każijiet meta jkun hemm sinjali fid-dieher ta’ sakra. Fil-fatt, jekk ikollok ammont ta’ alkoħol inqas minn 0.5 grammi alkoħol għal kull litru demm, iżda turi sinjali ċari li tinsab fis-sakra, tiġi ttrattat daqslikieku għandek minimu ta’ 0.5 grammi alkoħol għal kull litru demm. Bl-istess mod, fil-każ illi jkollok ammont ta’ bejn 0.5 u 1.2 grammi alkoħol għal kull litru demm, iżda bħala sewwieq turi sinjali ċari ta’ sakra, it-trattament ikun daqslikieku għandek minn tal-inqas 1.2 grammi alkoħol għal kull litru demm.

X’penali tista’ teħel?

Inti tista’ teħel dawn il-penali: priġunerija, multa, teħid tal-liċenzja (temporanjament, definittivament, irtirar immedjat) jew konfiska. Il-pieni jvarjaw skont il-gravità tal-ksur.

Liema huma l-kontravenzjonijiet marbuta mal-veloċità?

Il-kontravenzjonijiet tal-veloċità huma tlieta:

Il-kontravenzjoni sempliċi

Din tiġbor kull aġir li ma jaqa’ taħt ebda kategorija oħra. Il-piena għal kontravenzjoni sempliċi tkun il-ħlas ta’ twissija ta' multa u l-istorja tieqaf hemm.

Il-kontravenzjoni serja

Il-piena tkun multa (bejn EUR 25 u 500).

Ir-reat ta’ veloċità eċċessiva (jingħata biss f’każ ta’ reċidiv li jkun diġà wettaq kontravenzjoni serja)

Il-piena hija multa (bejn EUR 500 u 10,000) u sentenza ta' ħabs (bejn 8 ijiem u 3 snin) jew waħda minn dawn il-pieni.

Għal izjed informazzjoni dwar il-limiti relatati mal-eċċess tal-veloċità u l-kategorizzazzjoni tagħhom skont il-gravità ikkonsulta mal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinisteru tat-Trasport.

X’inhu l-ksur marbut mal-aġir f’każ ta’ inċident?

Ir-reat ta’ ħarba

F’każ ta’ inċident (irrilevanti min-natura jew il-gravità tal-ħsara) inti obbligat tibqa’ fuq il-post tal-inċident sa ma tinġabar l-informazzjoni kollha. Jekk tonqos milli tagħmel dan tkun qed twettaq reat ta’ ħarba.

F’każ ta’ reat ta’ ħarba tista’ teħel il-ħabs, multa u projbizzjoni milli ssuq.

In-nuqqas ta’ għajnuna lil nies f’periklu

In-nuqqas ta’ għajnuna lil persuna li tkun tinsab f’periklu jipi kkastigat jekk, f’każ illi l-għajnuna ma tkunx ta’ periklu għalik innifsek jew għal ħaddiehor, inti volontarjament ma tgħinx, jew ma tfittixx għajnuna għall-persuna li tkun tinsab esposta għal periklu serju, sew jekk is-sitwazzjoni ta’ dik il-persuna tkun rajtha inti stess u sew jekk is-sitwazzjoni tkun ġiet deskritta lilek minn dawk li jkunu qed jitolbu l-għajnuna tiegħek.

F’każ ta’ nuqqas ta’ għajnuna lil persuna f’periklu, inti tista’ teħel piena ta’ priġunerija ta’ bejn tmint ijiem u ħames snin u multa ta’ bejn EUR 251 u 10,000, jew waħda minn dawn il-pieni.

Ferimenti involontarji fuq il-persuna u omiċidju involontarju.

Quddiem il-qorti l-każ jiġi meqjus bħala każ għalih u mhux marbut mat-traffiku.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDipartiment tat-trasport, veloċità eċċessiva

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaŻviluppi ġodda fil-qasam tat-traffiku tat-triq

L-aħħar aġġornament: 05/04/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.