1 - Id-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni

A. Jekk jien ċittadin barrani, dan jaffettwa l-investigazzjoni?

Le. Il-persuni kollha fil-Greċja jibbenefikaw minn protezzjoni sħiħa ta’ ħajjithom, tal-unur u tal-libertà tagħhom, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, ir-razza, il-lingwa, u t-twemmin reliġjuż jew politiku.

B. X’inhuma l-istadji ta’ investigazzjoni?

i. Il-fażi tal-ġbir tal-evidenza / Is-setgħa tal-investigaturi

L-iskop tal-eżami preliminari huwa li tinġabar l-evidenza meħtieġa bil-ħsieb li jiġi deċiż jekk għandhomx jinbdew proċedimenti kriminali.

ii. Id-detenzjoni mill-pulizija

Kull min jiġi arrestat li jkun inqabad iwettaq reat jew taħt mandat irid jitressaq quddiem il-maġistrat inkwirenti kompetenti mhux aktar tard minn 24 siegħa wara l-arrest tiegħu. Jekk l-arrest ikun sar f’post differenti mis-sede tal-maġistrat inkwirenti, il-persuna trid titressaq quddiem il-qorti fiż-żmien strettament meħtieġ għat-trasferiment tagħha. Il-maġistrat inkwirenti jrid, fi żmien tlett ijiem minn meta l-persuna arrestata titressaq quddiem il-qorti, jilliberaha jew joħroġ mandat ta’ priġunerija. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’jumejn billi ssir talba tal-persuna mressqa quddiem il-qorti.

iii. L-interrogazzjoni

L-iskop tal-investigazzjoni prinċipali huwa li tinġabar l-evidenza meħtieġa bl-għan li jiġi stabbilit li twettaq reat u li jiġi deċiż jekk persuna għandhiex titressaq il-qorti għal dak ir-reat.

iv. L-arrest preventiv (qabel is-smigħ tal-kawża)

Iż-żamma taħt arrest b’mod temporanju hija permessa biss jekk l-akkużat jitressaq il-qorti għal reat gravissimu u ma jkollu l-ebda residenza magħrufa fil-pajjiż, jew ikun ħa azzjoni li tippreparah biex jaħrab, jew ikun preċedentement latitanti jew ħarab, jew ikun instab ħati li ħarab meta kien taħt il-kustodja jew ta’ ksur tar-restrizzjonijiet tar-residenza, u, minħabba ċirkostanzi bħal dawn, ikun beħsiebu b’mod ċar jaħrab jew jitqies b’mod ġustifikabbli, minħabba l-kundanni finali preċedenti tiegħu għal reati simili, li fl-eventwalità li jiġi lliberat, ikun hemm probabbiltà kbira li jwettaq reati ulterjuri. Jekk ir-reat li bih tkun akkużata l-persuna jkun legalment punibbli bi priġunerija għall-għomor jew priġunerija temporanja sa 15-il sena, jew jekk ir-reat ikun twettaq ripetutament jew fil-kuntest ta’ organizzazzjoni kriminali jew terroristika, jew jekk ikun hemm għadd kbir ta’ partijiet leżi, iż-żamma taħt arrest b’mod temporanju tista’ tiġi ordnata wkoll jekk, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-att, il-persuna inkwistjoni titqies b’mod ġustifikabbli li fl-eventwalità li tiġi lliberata, ikun hemm probabbiltà kbira li twettaq reati ulterjuri. Il-gravità ġuridika tal-att minnu nnifsu mhijiex biżżejjed biex tiġi ordnata ż-żamma taħt arrest b’mod temporanju.

C. X’inhuma d-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni?

i. Liema drittijiet għandi rigward l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni?

Il-persuni suspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-Grieg tajjeb biżżejjed huma intitolati għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti proċedurali essenzjali kollha.

ii. X’inhuma d-drittijiet tiegħi għall-informazzjoni u għall-aċċess għall-proċess tal-kawża?

Malli l-persuna akkużata tiġi mħarrka biex tidher sabiex tiddefendi ruħha, il-maġistrat inkwirenti għandu jinfurmaha bil-kontenut tal-att ta’ akkuża u bid-dokumenti ta’ investigazzjoni. Il-persuna akkużata jew l-avukat tad-difiża tagħha jkollu wkoll id-dritt li jistudja l-att ta’ akkuża u d-dokumenti ta’ investigazzjoni. Kopji tal-att ta’ akkuża u tad-dokumenti ta’ investigazzjoni jistgħu jiġu pprovduti lill-persuna akkużata meta tressaq talba bil-miktub u a spejjeż tagħha.

iii. X’inhu d-dritt tiegħi ta’ aċċess għal avukat u d-dritt li terzi jkunu infurmati bis-sitwazzjoni tiegħi?

Il-persuni akkużati għandhom id-dritt li jkunu rappreżentati minn avukat tad-difiża, anki f’kontroeżami max-xhieda jew ma’ persuni akkużati oħra. Taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ persuna akkużata tiġi pprojbita milli tikkomunika mal-avukat difensur tagħha. Tali komunikazzjoni hija strettament kunfidenzjali.

iv. X’inhu d-dritt tiegħi għall-għajnuna legali?

Il-persuni suspettati jew akkużati għandhom id-dritt għal għajnuna legali mingħajr ħlas, inklużi konsulenza u assistenza legali kif ukoll rappreżentanza fil-qorti, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

v. X’inhu importanti li wieħed ikun jaf dwar:

a. Il-preżunzjoni ta’ innoċenza

Il-persuni suspettati u akkużati huma preżunti innoċenti sakemm jinstabu ħatja skont il-liġi.

b. Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u li ma jinkriminax ruħu

Il-persuni suspettati jew akkużati għandhom id-dritt li jibqgħu siekta u li ma jinkriminawx ruħhom. L-eżerċitar ta’ dan id-dritt ma jistax jintuża kontra l-persuna suspettata jew akkużata inkwistjoni.

c. L-oneru tal-provi

Il-persuni akkużati mhumiex meħtieġa jipprovdu evidenza tal-fatti li jirreferu għalihom fid-difiża tagħhom. L-imħallfin u l-prosekuturi huma obbligati jeżaminaw bir-reqqa kwalunkwe fatt jew evidenza msemmija mill-persuna akkużata, jekk dan ikun utli biex tinkixef il-verità. Kull dubju fuq il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata.

vi. X’inhuma s-salvagwardji speċifiċi għat-tfal?

Minorenni li kien vittma ta’ ċerti reati kontra l-libertà personali jew sesswali tiegħu għandu d-dritt li jkun preżenti fl-atti investigattivi kollha u li jkollu aċċess għall-materjal kollu tal-każ, anki jekk ma jidhirx fil-qorti biex isostni l-akkuża.

vii. X’inhuma s-salvagwardji speċifiċi għas-suspettati vulnerabbli?

Il-persuni vulnerabbli jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Huma dejjem jiġu infurmati dwar il-konsegwenzi tar-rinunzja ta’ tali drittijiet.

D. X’inhuma t-termini legali matul l-investigazzjoni?

Il-lejl huwa definit bħala mit-8 p.m. sas-6 a.m. għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu u mid-9 p.m. sal-5 a.m. għall-perjodu mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Settembru.

E. X’inhuma d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu qabel il-proċess quddiem il-qorti, inklużi alternattivi għall-arrest preventiv (qabel is-smigħ tal-kawża) u l-possibbiltajiet għal trasferiment fl-istat ta’ oriġini (Ordni ta’ Superviżjoni Ewropea)?

Jista’ jiġi ordnat konfinament domiċiljari permezz ta’ sorveljanza elettronika. Dan jinvolvi li l-persuna akkużata tkun projbita milli toħroġ minn bini speċifiku jew kumpless ta’ binjiet, kif speċifikat fl-ordni tal-maġistrat inkwirenti u li jkun ġie ppruvat li huwa l-post ta’ soġġorn jew ta’ residenza tagħha.

L-aħħar aġġornament: 25/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

2 - Id-drittijiet tiegħi matul il-proċess

A. Meta se jseħħ il-proċess?

Il-proċess isir fil-bini tal-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali. Il-post tal-proċess jista’ jinbidel fil-każ ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku.

B. L-akkużi jistgħu jiġu modifikati? Jekk iva, x’inhu d-dritt tiegħi għal informazzjoni f’dan ir-rigward?

L-akkużi ma jistgħux jiġu modifikati. Il-persuna akkużata jew l-avukat tad-difiża tagħha għandha d-dritt li tistudja l-atti ta’ akkuża u d-dokumenti ta’ investigazzjoni.

C. X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt id-dehriet tiegħi quddiem il-qorti?

i. Meħtieġ(a) li nkun preżenti fil-qorti? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex inkun assenti matul il-kawża tal-qorti?

Il-persuna akkużata trid tidher personalment fis-seduta u tista’ wkoll taħtar avukat biex jiddefendiha fi proċedimenti kemm għal delitti kif ukoll għal reati.

ii. X’inhu d-drittijiet tiegħi għal interpretu u għal dokumenti tradotti?

Fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti kriminali, meta persuna suspettata, akkużata jew xhud li ma jitkellimx jew ma jifhimx il-Grieg tajjeb biżżejjed għandu jinstema’, l-interpretazzjoni trid tiġi pprovduta mingħajr dewmien. Fejn meħtieġ, l-interpretazzjoni tkun disponibbli għall-komunikazzjoni bejn il-persuni akkużati u l-avukati tad-difiża tagħhom fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali.

iii. Għandi d-dritt għal avukat?

Fil-każ ta’ reati, il-President tal-Qorti jrid jaħtar avukat(a) difensur għal dawk il-persuni akkużati li ma għandhomx avukat(a). Imħallef speċjalizzat dwar il-minorenni jrid jagħmel l-istess f’każijiet fejn minorenni jiġi akkużat b’att li, kieku laħaq l-età ta’ adult, kien ikun reat. Il-persuni akkużati ma jistgħux jirrifjutaw li jiġu difiżi mill-avukat(i) maħtur(a) mill-President tal-Qorti. Madankollu, huma jistgħu, f’każijiet fejn ikun inħatar aktar minn avukat tad-difiża wieħed, jippreżentaw talba motivata li titlob lill-qorti tirrevoka l-ħatra ta’ avukat difensur wieħed biss, b’mod li dawn ikomplu jiġu difiżi mill-oħrajn.

iv. Liema drittijiet proċedurali oħra jenħtieġ li nkun konxju minnhom? (pereż. il-preżenza ta’ persuni suspettati quddiem il-qorti)

F’każijiet fejn xhud assenti ma jkunx jista’ jidher fil-qorti, ix-xhieda ġuramentata tiegħu mogħtija fl-istadju ta’ qabel il-proċess tinqara fil-qorti, dment li l-persuna akkużata jew l-avukat difensur tagħha jkun espressament ta l-kunsens tiegħu, f’dikjarazzjoni li għandha tiġi rreġistrata fil-minuti.

D. Sentenzi possibbli

Il-priġunerija hija temporanja. Eċċezzjonalment, jekk ikun stipulat b’mod espliċitu mil-liġi, din tkun għal ħajtu. Id-durata tal-priġunerija temporanja ma tkunx ta’ iktar minn ħmistax-il sena jew inqas minn ħames snin. It-tul tal-kustodja ma jkunx ta’ iktar minn ħames snin jew inqas minn għaxart ijiem. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor, id-durata tas-servizz komunitarju ma jkunx itwal minn 720 siegħa jew inqas minn 100 siegħa. Il-penali finanzjarji ma jistgħux ikunu ogħla minn: (a) 90 unitajiet ta’ kuljum, fejn il-piena tkun l-unika piena prinċipali jew tiġi ordnata flimkien ma’ piena ta’ servizz komunitarju; (b) 180 unitajiet ta’ kuljum, fejn il-piena tiġi ordnata flimkien ma’ sentenza ta’ kustodja; u (c) 360 unità ta’ kuljum, fejn il-piena tiġi ordnata b’mod kumulattiv ma’ sentenza ta’ kustodja. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dispożizzjonijiet speċifiċi, l-ammont ta’ kull unità ta’ kuljum ma jistax ikun inqas minn EUR 1 jew iktar minn EUR 100.

L-aħħar aġġornament: 25/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

3 - Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess

A. Għandi d-dritt li nappella mid-deċiżjoni tal-qorti?

Iva, jekk sentenza ta’ priġunerija ta’ aktar minn xahrejn tkun ingħatat minn qorti kriminali b’membru uniku jew ta’ aktar minn erba’ xhur minn qorti kriminali bi tliet membri jew ta’ mill-inqas sentejn minn qorti tal-ġurija mħallta, jew jekk il-konfinament f’faċilità speċjali ta’ detenzjoni tal-minorenni jew miżuri riformattivi jew terapewtiċi jkunu ġew imposti minn qorti tal-minorenni b’membru wieħed jew bi tliet membri.

B. X’għażliet oħra ta’ rikors għandi?

Inti tista’ tagħmel rikors għall-annullament tal-proċedimenti fi żmien 15-il jum jekk il-persuna akkużata li tkun instabet ħatja b’sentenza finali ma setgħetx, fi żmien debitu, għal raġunijiet ta’ force majeure jew għal kawżi irriversibbli oħra, tinnotifika lill-qorti, bi kwalunkwe mezz, b’impediment insormontabbli għad-dehra tagħha fil-proċess u titlob li s-seduta ta’ smigħ tiġi aġġornata. Tista’ tagħmel rikors ukoll għall-annullament ta’ deċiżjoni jekk il-post fejn tinsab il-persuna akkużata ma kienx magħruf fil-mument tal-kundanna tagħha, iżda magħruf meta ċ-ċitazzjoni ġiet innotifikata lilha.

C. X’inhuma l-konsegwenzi jekk niġi kkundannat?

i. Rekord kriminali

Il-kundanni finali kollha jiddaħħlu fir-rekord kriminali. Is-sentenzi kollha jiddaħħlu fil-kopja li hija disponibbli għal użu ġudizzjarju, filwaqt li sentenzi ta’ ħabs sa sitt xhur mhumiex irreġistrati fil-kopja li hija disponibbli għal użu ġenerali wara tliet snin, sentenzi sa ħames snin ma jiġux irreġistrati wara tmien snin u sentenzi ta’ aktar minn ħames snin ma jiġux irreġistrati wara 20 sena. Ladarba l-persuna tagħlaq 80 sena, jew ħames snin wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ sospensjoni, ir-rekord jinqered.

ii. Eżekuzzjoni ta’ sentenza, trasferiment ta’ priġunieri, probation u sanzjonijiet alternattivi

Jekk persuna tiġi kkundannata għal priġunerija għal inqas minn tliet snin, il-qorti tordna li l-eżekuzzjoni tas-sentenza tiġi sospiża għal perjodu ta’ bejn sena sa tliet snin, sakemm ma tqisx, għal raġunijiet speċifikament iddikjarati, li l-priġunerija hija assolutament meħtieġa sabiex il-persuna sentenzjata ma titħalliex twettaq reati ġodda. Il-Greċja tista’ tirrikonoxxi u teżekwixxi sentenzi li ngħataw fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u timponi piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, u tista’ tagħmel rikors għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza korrispondenti ta’ qorti nazzjonali indirizzata mill-Greċja lil Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Il-persuna sentenzjata trid tkun tinsab fl-Istat emittenti jew ta’ eżekuzzjoni. Il-kriminalità doppja trid tiġi vverifikata, bl-eċċezzjoni ta’ uħud mir-reati serji, li huma punibbli fl-Istat emittenti b’sentenza ta’ priġunerija ta’ mhux aktar minn tliet snin.

L-aħħar aġġornament: 25/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.