1 - Drittijieti bħala vittma ta' reat

X’informazzjoni nirċievi mingħand l-awtorità wara li jkun seħħ ir-reat (eż. il-pulizija, il-prosekutur pubbliku) iżda qabel ma nirrapporta r-reat?

B’mod ġenerali, bħala vittma, mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet jew mal-uffiċjali u matul l-intervent mis-servizzi ta’ assistenza u appoġġ ipprovduti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, inkluż qabel ma tirrapporta r-reat, inti għandek id-dritt li tirċievi protezzjoni, informazzjoni, appoġġ, assistenza u kura.

Inti tista’ titlob lill-awtoritajiet jew lill-uffiċjali li tikkuntattja fil-bidu sabiex jirreferuk għall-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità (Oficinas de Asistencia a las Víctimas del delito), fejn huma jassistuk mingħajr ħlas u b’mod kunfidenzjali, anki jekk qabel ma tkunx irrapportajt ir-reat.

Tista’ wkoll tkun akkumpanjat(a) minn persuna tal-għażla tiegħek mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet u l-uffiċjali.

Barra minn hekk, bħala vittma, inti għandek id-dritt li tifhem u tinftiehem fi kwalunkwe azzjoni li tkun twettqet ladarba jkun ġie rrapportat ir-reat, inkluża l-informazzjoni qabel jiġi ppreżentat ir-rapport, bl-interpretazzjoni tiġi pprovduta f’lingwi tas-sinjali rikonoxxuti legalment, kif ukoll mezzi ta’ appoġġ għal komunikazzjoni orali f’każijiet fejn meħtieġa.

Il-komunikazzjoni kollha, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, għandha ssir b’lingwaġġ ċar, sempliċi u aċċessibbli u tqis il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet personali tiegħek, speċjalment jekk għandek xi diżabilità sensorja, intellettwali jew mentali jew jekk inti minorenni.

L-informazzjoni li għaliha inti intitolat bħala vittma u li tiġi pprovduta lilek mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet jew mal-uffiċjali u matul l-intervent tas-servizzi ta’ assistenza u appoġġ tikkonċerna prinċipalment:

  • il-proċedura sabiex tirrapporta r-reat u tikseb il-pariri u l-assistenza ta’ avukat u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas;
  • il-miżuri ta’ assistenza u appoġġ disponibbli għalik, kemm jekk dawn ikunu mediċi, psikoloġiċi jew materjali, u l-proċedura sabiex jinkisbu;
  • il-possibbiltà li titlob miżuri ta’ protezzjoni u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex tagħmel dan;
  • il-kumpens li għalih tista’ tkun intitolat u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex titolbu;
  • is-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva disponibbli, f’każijiet fejn dan ikun legalment possibbli;
  • il-każijiet li fihom tista’ tiġi rrimborżat għall-ispejjeż legali u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex titlobhom.

Jekk ikollok bżonnha, tista’ tirċievi wkoll informazzjoni dwar is-servizzi ta’ interpretar u traduzzjoni, kif ukoll l-għajnuniet u s-servizzi ta’ komunikazzjoni disponibbli.

Jekk mintix residenti fi Spanja, inti intitolat li tirċievi informazzjoni dwar il-proċedura sabiex teżerċita d-drittijiet tiegħek.

Jien ma ngħixx fil-pajjiż fejn seħħ ir-reat (ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex). Kif inhuma protetti d-drittijiet tiegħi?

Jekk inti vittma ta’ reat u tirrisjedi fi Spanja, ser tkun tista’ tirrapporta l-atti kriminali li jkunu twettqu f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea lill-awtoritajiet Spanjoli.

F’każ li l-awtoritajiet Spanjoli jiddeċiedu li ma jkomplux bl-investigazzjoni minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, huma għandhom jibagħtu minnufih ir-rapport lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat fejn twettqu l-atti u jinformawk b’dan bħala l-ilmentatur.

Jekk inti ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE u ordinarjament residenti fi Spanja u r-reat li tkun vittma tiegħu jkun twettaq fi Stat Membru tal-UE minbarra Spanja (vittma ta’ reat f’sitwazzjonijiet transfruntiera), tista’ tmur fl-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, li jistgħu jipprovdulek informazzjoni dwar il-proċedimenti legali li għandhom jiġu segwiti fil-pajjiż fejn twettaq ir-reat u dwar il-kumpens li għalih tista’ tkun intitolat. Jekk ikun reat terroristiku, għandek tikkuntattja lid-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ għall-Vittmi tat-Terroriżmu fi ħdan il-Ministeru tal-Intern (Dirección General de Apoyo a las Víctimas del Terrorismo del Ministerio del Interior).

Jekk inti ċittadin mhux residenti fi Spanja, jista’ jkollok id-dritt għal servizz ta’ interpretu mingħajr ħlas, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa reġjonali rispettiva. Il-pulizija jistgħu jipprovdulek formola bil-lingwa tiegħek sabiex tirrapporta r-reat, kif ukoll aċċess għal interpretu bit-telefon jew personalment. Il-qrati għandhom servizz ta’ interpretu, li jikkoordina mal-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità. Barra minn hekk, jekk mintix residenti fi Spanja, inti intitolat li tirċievi informazzjoni dwar il-proċedura sabiex teżerċita d-drittijiet tiegħek.

Jekk inti benefiċjarju ta’ ordni ta’ protezzjoni maħruġa fi Stat Membru, tista’ titlob ordni ta’ protezzjoni Ewropea. Bl-użu ta’ proċess issimplifikat u mgħaġġel, inti tingħata protezzjoni permezz ta’ miżura ta’ protezzjoni ġdida meħuda mill-Istat Membru li lejh tkun qed tivvjaġġa jew tiċċaqlaq.

Jekk nirrapporta reat, x’informazzjoni nirċievi?

Fil-mument li tkun qed tirrapporta reat, inti għandek id-dritt li tirċievi kopja debitament iċċertifikata tar-rapport. Ser ikollok ukoll id-dritt li tingħata assistenza lingwistika bla ħlas u traduzzjoni bil-miktub tal-kopja tar-rapport li tippreżenta, jekk ma tifhimx jew ma titkellimx xi waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn jiġi rrapportat ir-reat.

Ser tkun intitolat ukoll li tirċievi informazzjoni dwar dawn li ġejjin:

  • il-miżuri ta’ kura u appoġġ disponibbli għalik, kemm jekk mediċi, psikoloġiċi jew materjali, u l-proċedura sabiex jinkisbu, inkluża, jekk tkun meħtieġa u xierqa, informazzjoni dwar il-possibbiltajiet li tinkiseb akkomodazzjoni alternattiva;
  • id-dritt li tagħti l-evidenza lill-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni;
  • il-possibbiltà li titlob miżuri ta’ protezzjoni u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex tagħmel dan;
  • il-kumpens li għalih tista’ tkun intitolat u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex titolbu;
  • is-servizzi ta’ interpretar u traduzzjoni disponibbli;
  • kwalunkwe għajnuniet u servizzi ta’ komunikazzjoni disponibbli;
  • il-proċeduri li permezz tagħhom tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek jekk tkun tgħix barra minn Spanja;
  • l-appelli li tista’ tressaq kontra kwalunkwe deċiżjoni li tqis li hija inkompatibbli mad-drittijiet tiegħek;
  • id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità inkarigata mill-immaniġġjar tal-proċedura u l-mezzi ta’ komunikazzjoni li tista’ tuża magħhom;
  • is-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva disponibbli, f’każijiet fejn dan ikun legalment possibbli;
  • il-każijiet li fihom tista’ tiġi rrimborżat għall-ispejjeż legali u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex titlobhom;
  • id-dritt li tagħmel talba ġenerali sabiex tiġi nnotifikat b’ċerti deċiżjonijiet fil-proċedimenti bħal, fost l-oħrajn, id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali, is-sentenza finali fil-proċedimenti, id-deċiżjonijiet li t-trasgressur jinżamm arrestat jew li sussegwentement jinħeles mill-arrest, kif ukoll il-ħarba possibbli tat-trasgressur mill-kustodja, u d-deċiżjonijiet ta’ kwalunkwe awtorità ġudizzjarja jew tal-ħabs li jaffettwaw lill-persuni kkundannati għal reati mwettqa bl-użu ta’ vjolenza jew intimidazzjoni li joħolqu riskju għas-sikurezza tiegħek.

Barra minn hekk, ser tiġi informat bid-data, il-ħin u l-post tal-proċess, kif ukoll is-sustanza tal-akkużi kontra t-trasgressur.

Jekk inti vittma ta’ reat ta’ vjolenza abbażi ta’ sess, ser tiġi nnotifikat bid-deċiżjonijiet li t-trasgressur jinżamm arrestat jew li sussegwentement jinħeles mill-arrest, kif ukoll il-ħarba possibbli tat-trasgressur mill-kustodja, minbarra dawk li japprovaw miżuri ta’ prekawzjoni personali jew li jemendaw il-miżuri diġà miftiehma, fejn dawn ikunu maħsuba sabiex jiżguraw is-sikurezza tiegħek, mingħajr ma jkollok bżonn titlobhom, ħlief fi kwalunkwe każ fejn tesprimi x-xewqa li ma tirċevix dawn in-notifiki.

Inti ser tkun tista’ wkoll tikseb aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ u assistenza mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità mingħajr ħlas u b’mod kunfidenzjali. Tista’ tiġi riferut għal dawn l-Uffiċċji, fejn meħtieġ, skont is-serjetà tar-reat jew meta titlob dan.

Fejn ir-reati inkwistjoni jkunu kkawżaw dannu partikolarment serju, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jistgħu jestendu għall-membri tal-familja tiegħek id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ u assistenza. Għaldaqstant, il-membri tal-familja huma definiti bħala l-persuni marbuta miegħek biż-żwieġ jew b’relazzjoni simili u l-qraba sat-tieni grad (nanniet, aħwa u neputijiet).

Jien intitolat għal servizzi ta’ interpretar jew traduzzjoni mingħajr ħlas (meta nikkuntattja lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħrajn, jew inkella matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Jekk inti ċittadin mhux residenti fi Spanja, jista’ jkollok id-dritt għal servizz ta’ interpretu mingħajr ħlas, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa reġjonali rispettiva. Il-pulizija jistgħu jipprovdulek formola bil-lingwa tiegħek sabiex tirrapporta r-reat, kif ukoll aċċess għal interpretu bit-telefon jew personalment. Il-qrati għandhom servizz ta’ interpretu, li jikkoordina mal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek informazzjoni dwar id-dritt tiegħek għal assistenza lingwistika mingħajr ħlas u għat-traduzzjoni bil-miktub tal-kopja tar-rapport jekk ma tifhimx jew ma titkellimx b’xi waħda mil-lingwi uffiċjali fil-post fejn tirrapporta r-reat.

B’mod partikolari, inti għandek id-dritt:

  • li tkun assistit mingħajr ħlas minn interpretu li jitkellem b’lingwa li tifhem meta tagħti x-xhieda tiegħek lill-imħallef, lill-prosekutur pubbliku jew lill-uffiċjali tal-pulizija matul l-investigazzjoni, jew meta tidher bħala xhud fil-proċess jew fi kwalunkwe seduta ta’ smigħ pubblika.

Dan id-dritt japplika wkoll jekk ikollok nuqqas ta’ smigħ jew diffikultajiet fit-taħdit;

  • it-traduzzjoni mingħajr ħlas ta’ ċerti deċiżjonijiet fil-proċedimenti bħal, fost l-oħrajn, id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali, is-sentenza finali fil-proċedimenti, id-deċiżjonijiet li t-trasgressur jinżamm arrestat jew li sussegwentement jinħeles mill-arrest, kif ukoll il-ħarba possibbli tat-trasgressur mill-kustodja, id-deċiżjonijiet ta’ kwalunkwe awtorità ġudizzjarja jew tal-ħabs li jaffettwaw lill-persuni kkundannati għal reati mwettqa bl-użu ta’ vjolenza jew intimidazzjoni li joħolqu riskju għas-sikurezza tiegħek u d-deċiżjoni li tingħalaq l-investigazzjoni.

Tista’ titlob li t-traduzzjoni tkun tinkludi sommarju qasir tar-raġunijiet tad-deċiżjoni meħuda;

  • it-traduzzjoni mingħajr ħlas ta’ kwalunkwe informazzjoni li hija essenzjali għalik sabiex tieħu sehem fil-proċedimenti kriminali. Għaldaqstant, tista’ tissottometti talba motivata sabiex dokument jitqies bħala essenzjali;
  • li tkun informat, b’lingwa li tifhem, bid-data, il-ħin u l-post tal-proċess.

L-assistenza minn interpretu tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ konferenza bil-vidjo jew kwalunkwe mezz ta’ telekomunikazzjoni, sakemm l-imħallef jew il-qorti, ex officio jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, ma jaqblux li l-interpretu jkun fiżikament preżenti sabiex jissalvagwardja d-drittijiet tiegħek.

It-traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti tista’ tiġi sostitwita, b’mod eċċezzjonali, b’sommarju orali tal-kontenut tagħhom b’lingwa li tifhem sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

Jekk tixtieq li l-azzjonijiet tal-pulizija jiġu interpretati jew tradotti u dan is-servizz ma jiġix ipprovdut, tista’ tappella mal-imħallef li jeżamina. L-appell jitqies bħala li tressaq mill-mument li fih tkun esprimejt in-nuqqas ta’ qbil tiegħek maċ-ċaħda tas-servizz ta’ interpretar jew traduzzjoni mitlub minnek.

Kif tista’ l-awtorità tiżgura li qed nifhem u li qed ninftiehem (jekk jien minorenni; jekk għandi diżabilità)?

B’mod ġenerali, bħala vittma, mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet jew mal-uffiċjali u matul l-intervent mis-servizzi ta’ assistenza u appoġġ ipprovduti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, inkluż qabel ma tirrapporta r-reat, għandek id-dritt li tirċievi protezzjoni, informazzjoni, appoġġ, assistenza u kura.

Inti tista’ titlob lill-awtoritajiet jew lill-uffiċjali li tikkuntattja fil-bidu sabiex jirreferuk għall-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, fejn huma jassistuk mingħajr ħlas u b’mod kunfidenzjali, anki jekk qabel ma tkunx irrapportajt ir-reat.

Tista’ wkoll tkun akkumpanjat(a) minn persuna tal-għażla tiegħek mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet u l-uffiċjali.

Barra minn hekk, għandek id-dritt li tifhem u tinftiehem fi kwalunkwe azzjoni li tkun twettqet ladarba jkun ġie rrapportat ir-reat, inkluża l-informazzjoni qabel jiġi ppreżentat ir-rapport, bl-interpretazzjoni tiġi pprovduta f’lingwi tas-sinjali rikonoxxuti legalment, kif ukoll mezzi ta’ appoġġ għal komunikazzjoni orali f’każijiet fejn meħtieġa.

Il-komunikazzjoni kollha, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, għandha ssir b’lingwaġġ ċar, sempliċi u aċċessibbli u tqis il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet personali tiegħek, speċjalment jekk għandek xi diżabilità sensorja, intellettwali jew mentali jew jekk inti minorenni.

Servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi

Min jipprovdi l-appoġġ lill-vittmi?

Jekk inti vittma tal-kriminalità, għandek id-dritt li tikseb aċċess, mingħajr ħlas u b’mod kunfidenzjali, għas-servizzi ta’ assistenza u appoġġ ipprovduti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll għal dawk ipprovduti mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità.

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità huwa servizz multidixxiplinarju pubbliku pprovdut mingħajr ħlas sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-vittmi, imwaqqaf mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

Hemm Uffiċċji Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidafil-komunitajiet awtonomi kollha, kważi fil-bliet kapitali provinċjali kollha, kif ukoll fi bliet oħrajn.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek appoġġ komprensiv, ikkoordinat u speċjalizzat bħala vittma tal-kriminalità, filwaqt li jissodisfaw il-ħtiġijiet legali, psikoloġiċi u soċjali speċifiċi tiegħek.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali (Oficina de Información y Asistencia a Víctimas del Terrorismo de la Audiencia Nacional), għalkemm tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità fil-provinċja tiegħek jekk tixtieq. L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità mbagħad jikkoordina mal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali.

Id-dritt ta’ aċċess ikompli waqt l-intervent tas-servizzi ta’ appoġġ u assistenza u, fejn xieraq, tas-servizzi tal-ġustizzja restorattiva, matul il-proċedimenti kriminali kollha u għal perjodu ta’ żmien xieraq wara li jintemmu, irrispettivament minn jekk l-identità tat-trasgressur tkunx magħrufa u mill-eżitu tal-proċedimenti, inkluż iż-żmien qabel jiġi rrapportat ir-reat.

Fejn ir-reati inkwistjoni jkunu kkawżaw dannu partikolarment serju, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jistgħu jestendu għall-membri tal-familja tiegħek id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ u assistenza. Għaldaqstant, il-membri tal-familja huma definiti bħala l-persuni marbuta miegħek biż-żwieġ jew b’relazzjoni simili u l-qraba sat-tieni grad (nanniet, aħwa u neputijiet).

Jekk għandek tfal taħt l-età jew inti minorenni soġġett għal tutela, il-kustodja ta’ vittma femminili ta’ vjolenza abbażi ta’ sess jew minn persuni li huma vittmi ta’ vjolenza domestika, ser tkun intitolat(a) għall-miżuri speċifiċi ta’ assistenza u protezzjoni stabbiliti bil-liġi.

Barra minn hekk, jekk int vittma ta’ reati terroristiċi jew vjolenza abbażi ta’ sess jew jekk inti minorenni, ser ikollok ukoll id-drittijiet rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni speċifika għal kull tip ta’ reat.

Il-pulizija ser jirreferuni awtomatikament għall-appoġġ għall-vittmi?

L-uffiċjali tal-pulizija tal-Istat u, fejn xieraq, il-pulizija tal-komunità awtonoma fejn ikun seħħ ir-reat, ser iwettqu valutazzjoni individwali inizjali tas-sitwazzjoni tiegħek meta tirrapporta r-reat, sabiex jiddeterminaw il-ħtiġijiet tal-protezzjoni tiegħek u jidentifikawk, jekk applikabbli, bħala vittma vulnerabbli. Matul din il-valutazzjoni inizjali, inti ser tirċievi informazzjoni dwar il-possibbiltà li tmur f’Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità.

Kwalunkwe awtorità jew uffiċjal li jiġu f’kuntatt miegħek iridu jirreferuk għall-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, fejn ikun meħtieġ, skont is-serjetà tar-reat jew, fi kwalunkwe każ, meta inti titlob dan.

Kif tiġi protetta l-privatezza tiegħi?

L-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ u assistenza pprovduti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll għal dawk ipprovduti mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, għandu jkun kunfidenzjali fil-każijiet kollha.

L-informazzjoni li tipprovdi lill-uffiċjali tal-pulizija jew lil kwalunkwe awtorità jew uffiċjal li jassistuk mill-ewwel mument tista’ tingħata biss lil servizzi oħrajn ta’ appoġġ u assistenza, bħalma huma l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, bil-kunsens minn qabel u informat tiegħek.

Is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi jistgħu biss jipprovdu l-informazzjoni li rċevew dwarek lil partijiet terzi bil-kunsens minn qabel u informat tiegħek.

Fir-rigward tal-isfera ġudizzjarja, l-imħallfin, il-qrati, il-prosekuturi pubbliċi u awtoritajiet u uffiċjali oħrajn inkarigati mill-investigazzjoni kriminali, kif ukoll oħrajn li huma involuti bi kwalunkwe mod fil-proċedimenti jew li jieħdu sehem fihom, ser jieħdu l-miżuri meħtieġa, f’konformità mal-liġi, sabiex jipproteġu l-privatezza tiegħek u dik tal-membri tal-familja tiegħek u, b’mod partikolari, sabiex jipprevjenu t-tixrid ta’ kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiżvela l-identità tiegħek jekk inti vittma taħt l-età jew persuna b’diżabilità li teħtieġ protezzjoni speċjali.

Barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja tista’ tipprojbixxi l-kisba, id-divulgazzjoni jew il-pubblikazzjoni ta’ immaġnijiet tiegħek jew ta’ membri tal-familja tiegħek, speċjalment jekk inti vittma taħt l-età jew persuna b’diżabilità li teħtieġ protezzjoni speċjali.

Għandi nirrapporta reat qabel inkun nista’ nikseb aċċess għall-appoġġ għall-vittmi?

Kull vittma għandha dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ u assistenza mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità mingħajr ħlas u fuq bażi kunfidenzjali.

L-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ u assistenza mhux ser ikun kondizzjonali fuq ir-rapportar ta’ reat minn qabel.

Protezzjoni personali jekk inkun fil-periklu

X’tipi ta’ protezzjoni hija disponibbli?

L-awtoritajiet u l-uffiċjali inkarigati mill-investigazzjoni, mill-prosekuzzjoni u mill-proċess tar-reati ser jieħdu l-miżuri meħtieġa stabbiliti mil-liġi sabiex jissalvagwardjaw il-ħajja tal-vittma u tal-membri tal-familja tagħha, il-benesseri mentali u fiżiku, il-libertà, is-sikurezza, il-libertà sesswali u l-integrità tagħhom, kif ukoll sabiex jipproteġu b’mod adegwat il-privatezza u d-dinjità tagħhom, b’mod partikolari meta jagħmlu stqarrijiet jew ikollhom jixhdu fil-qorti.

Il-prosekutur pubbliku ser jiżgura b’mod partikolari li dan id-dritt għall-protezzjoni jiġi ssodisfat fil-każ ta’ vittmi taħt l-età, billi jieħu l-miżuri xierqa fl-aħjar interess tagħhom, fejn ikun hemm bżonn, sabiex jipprevjeni jew inaqqas id-dannu li jista’ jinħoloq għalihom mit-tmexxija tal-proċedimenti.

Jekk inti vittma taħt l-età jew vittma b’diżabilità (vittmi li jeħtieġu protezzjoni speċjali), hemm il-possibbiltà li l-provi jiġu eżaminati qabel il-proċess mill-esperti u li l-intervista tiegħek ma’ tim imħarreġ apposta u li ssir f’kamra speċjali tiġi rrekordjata.

Min jista’ joffrili protezzjoni?

Iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħek ser jiġu vvalutati sabiex jiġi ddeterminat liema miżuri ta’ protezzjoni jridu jittieħdu?

Dawn li ġejjin huma responsabbli sabiex jivvalutaw u jiddeċiedu fuq dawn it-tipi ta’ miżuri:

  • matul l-investigazzjoni tar-reat, l-imħallef li jeżamina jew l-imħallef li jittratta l-vjolenza fuq in-nisa, mingħajr preġudizzju għall-valutazzjonijiet u d-deċiżjonijiet provviżorji li għandhom jitwettqu u jittieħdu minn:
  • il-prosekutur pubbliku, matul l-investigazzjonijiet tiegħu jew fi proċedimenti li jikkonċernaw vittmi taħt l-età, jew
  • l-uffiċjali tal-pulizija involuti fil-fażi inizjali tal-investigazzjonijiet;
  • matul il-proċess, l-imħallef jew il-qorti responsabbli mit-tressiq tal-provi tal-kawża.

Ser ikun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi sabiex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mit-trasgressur?

Iva, minħabba li ċ-ċirkostanzi partikolari tiegħek dejjem jiġu vvalutati l-ewwel sabiex jiġi ddeterminat liema miżuri ta’ protezzjoni jridu jittieħdu.

L-uffiċjali tal-pulizija tal-Istat u, fejn xieraq, il-pulizija tal-komunità awtonoma fejn ikun seħħ ir-reat, iwettqu valutazzjoni individwali inizjali tas-sitwazzjoni tiegħek meta tirrapporta r-reat, sabiex jiddeterminaw il-ħtiġijiet tal-protezzjoni tiegħek u jidentifikawk, jekk applikabbli, bħala vittma vulnerabbli. Matul din il-valutazzjoni inizjali, inti ser tirċievi informazzjoni dwar il-possibbiltà li tmur f’Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità.

Jekk tingħata assistenza f’Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, dan is-servizz iwettaq ukoll valutazzjoni individwali tal-każ tiegħek. L-informazzjoni miġbura fil-valutazzjoni tal-pulizija tista’ tintbagħat lill-Uffiċċju jekk inti tagħti l-kunsens għal dan.

Il-valutazzjoni individwali tqis il-ħtiġijiet li tesprimi, kif ukoll ix-xewqat tiegħek, u tirrispetta b’mod sħiħ l-integrità fiżika, mentali u morali tiegħek.

B’mod partikolari, hija tikkunsidra dawn li ġejjin:

  • il-karatteristiċi personali, is-sitwazzjoni, il-ħtiġijiet immedjati, is-sess, id-diżabilità u l-livell ta’ maturità tiegħek, u tivvaluta, b’mod partikolari, jekk intix persuna b’diżabilità jew jekk għandekx relazzjoni ta’ dipendenza mal-allegat awtur tar-reat, jekk intix vittma taħt l-età jew jekk għandekx bżonn protezzjoni speċjali jew jekk hemmx fatturi oħrajn ta’ vulnerabbiltà partikolari preżenti;
  • in-natura tar-reat li tiegħu inti vittma u s-serjetà tad-dannu kkawżat, kif ukoll ir-riskju li r-reat jerġa’ jseħħ. Il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tiegħek ser jiġu vvalutati b’mod speċjali jekk int vittma ta’ reati ta’ terroriżmu, reati mwettqa minn organizzazzjoni kriminali, vjolenza abbażi ta’ sess u vjolenza domestika, reati kontra l-libertà sesswali u l-integrità, it-traffikar tal-bnedmin, l-għajbien sfurzat u reati mwettqa għal raġunijiet razzisti, anti-Semitiċi jew oħrajn li jikkonċernaw ideoloġija, reliġjon jew twemmin, sitwazzjoni familjari, sħubija ta’ etniċità, razza jew nazzjon, l-oriġini nazzjonali tiegħek, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tiegħek, jew għal raġunijiet ta’ sess, mard jew diżabilità;
  • iċ-ċirkostanzi tar-reat, b’mod partikolari fil-każ ta’ reati vjolenti.

Jekk inti taħt l-età jew għandek xi diżabilità u teħtieġ protezzjoni speċjali, l-opinjonijiet u l-interessi tiegħek jiġu kkunsidrati wkoll, flimkien maċ-ċirkostanzi personali tiegħek, filwaqt li l-prinċipji tal-aħjar interess tal-persuna taħt l-età jew b’diżabilità li teħtieġ protezzjoni speċjali għandhom jiġu rrispettati b’mod partikolari, kif ukoll id-dritt tagħha għall-informazzjoni, in-nondiskriminazzjoni, id-dritt għall-kunfidenzjalità, il-privatezza u d-dritt li tiġi protetta.

Ser ikun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi sabiex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?

Iva, matul l-investigazzjoni tar-reat, ikun l-imħallef li jeżamina jew l-imħallef li jittratta l-vjolenza fuq in-nisa jew, jekk ikun reat ta’ vjolenza abbażi ta’ sess, il-prosekutur pubbliku jew l-uffiċjali tal-pulizija involuti fil-fażi inizjali tal-investigazzjonijiet li jivvalutaw u jiddeterminaw il-miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jkunu xierqa għalik.

Jekk tkun fil-periklu, tirċievi l-protezzjoni tal-pulizija.

Ix-xhieda tiegħek tingħata permezz ta’ konferenza bil-vidjo għal raġunijiet ta’ sikurezza, ordni pubbliku, utilità jew sabiex tiġi ppreservata d-dinjità tiegħek.

Jekk inti vittma ta’ ċerti reati speċifiċi li jwasslu għal miżuri ta’ protezzjoni speċjali li jingħataw lill-vittmi tagħhom, bħal vjolenza abbażi ta’ sess, vjolenza domestika, traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta’ sfruttament sesswali u sfruttament tal-ħaddiema, offiżi, reati kontra l-libertà, tortura, reati kontra l-individwu, kontra l-libertà sesswali, il-privatezza, id-dritt għal immaġini personali, l-invjolabbiltà tad-dar, l-unur u l-ordni soċjoekonomika, għandek id-dritt li tiġi imposta waħda mill-projbizzjonijiet li ġejjin fuq l-aggressur jekk din tkun strettament meħtieġa għall-protezzjoni tiegħek: projbizzjoni fuq ir-residenza jew iż-żjara f’post, viċinat, belt jew reġjun, projbizzjoni fuq l-avviċinament lejk jew fuq il-komunikazzjoni ma’ ċerti persuni.

Il-miżuri li ġejjin jistgħu jittieħdu matul l-investigazzjoni għall-protezzjoni tiegħek:

  • inti tista’ tagħti x-xhieda tiegħek f’faċilitajiet iddisinjati apposta jew adattati lill-professjonisti mħarrġa apposta;
  • jekk ikollok tixhed diversi drabi, ix-xhieda tittieħed mill-istess persuna, sakemm dan ma jkunx jista’ jipperikola b’mod sinifikanti t-tmexxija tal-proċedimenti jew sakemm ix-xhieda tiegħek ma tkunx trid tittieħed direttament minn imħallef jew prosekutur pubbliku;
  • jekk inti vittma ta’ vjolenza abbażi ta’ sess, vjolenza domestika, reat kontra l-libertà sesswali jew l-integrità, ix-xhieda tiegħek tista’ tingħata minn xi ħadd tal-istess sess, meta inti titlob dan, sakemm dan ma jkunx jista’ jipperikola b’mod sinifikanti t-tmexxija tal-proċedimenti jew sakemm ix-xhieda tiegħek ma tkunx trid tittieħed direttament minn imħallef jew prosekutur pubbliku.

Jekk tiġi mħarrek sabiex tixhed u l-imħallef jara li tinsab f’riskju serju jew li l-libertà, il-proprjetà jew il-familja tiegħek qegħdin f’riskju, huwa jista’ jieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

  • jipproteġi l-identità, l-indirizz, il-professjoni jew il-post tax-xogħol tiegħek, billi ma jużax din l-informazzjoni fil-proċedimenti;
  • ma jħallikx tidher fil-qorti u jistabbilixxi l-qorti bħala l-indirizz għan-notifiki;
  • ma jħallix l-immaġini tiegħek tiġi rrekordjata bi kwalunkwe mod;
  • jordna l-protezzjoni tal-pulizija matul u wara l-proċedimenti;
  • jipprovdilek trasport lejn il-qorti f’karozzi uffiċjali;
  • fil-qorti, ipoġġik f’kamra ta’ stennija mgħassa mill-pulizija;
  • f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jipprovdilek identità ġdida u għajnuna finanzjarja sabiex tkun tista’ tbiddel il-post tar-residenza jew tax-xogħol tiegħek.

Jekk inti vittma ta’ reat ta’ vjolenza abbażi ta’ sess jew ta’ vjolenza domestika, tista tingħata ‘ordni ta’ protezzjoni’ li tinkludi miżuri ta’ prekawzjoni ġenerali kontra l-aggressur (projbizzjoni fuq ir-residenza jew iż-żjara f’ċerti postijiet, viċinati, bliet jew reġjuni, projbizzjoni fuq l-avviċinament jew il-komunikazzjoni ma’ ċerti persuni).

Matul il-proċedimenti ġudizzjarji, l-imħallef jew il-president tal-qorti jista’ jordna seduta ta’ smigħ privata (li tirrestrinġi l-preżenza ta’ mezzi awdjoviżivi fis-sessjonijiet tal-proċess u tipprojbixxi l-irrekordjar tas-seduti ta’ smigħ kollha jew ta’ wħud minnhom) bil-għan li jipproteġi l-moralità, l-ordni pubbliku u lilek bħala vittma u/jew il-familja tiegħek. Huma jistgħu jipprojbixxu d-divulgazzjoni tal-identità tal-esperti jew ta’ kwalunkwe persuna oħra li tieħu sehem fil-proċess.

Bħala prosekutur privat, tista’ titlob li ssir seduta ta’ smigħ privata.

Matul il-proċedimenti, jistgħu jittieħdu l-miżuri li ġejjin għall-protezzjoni tiegħek:

  • miżuri sabiex jiġi evitat li jkollok kuntatt viżwali mal-allegat awtur tar-reat u li jiżguraw li tkun tista’ tinstema’ mingħajr ma tkun preżenti fl-awla; jistgħu jintużaw teknoloġiji tal-komunikazzjoni għal dan (jintrama skrin fl-awla u l-istqarrijiet isiru permezz ta’ konferenza bil-vidjo);
  • miżuri sabiex jiġi evitat li jsiru mistoqsijiet li huma relatati mal-ħajja privata tiegħek u li ma għandhom l-ebda rilevanza għall-att kriminali li jkun qed jinstema’ mill-qorti, sakemm l-imħallef jew il-qorti ma jikkunsidrawx b’mod eċċezzjonali li dawn iridu jiġu mwieġba;
  • is-seduta ta’ smigħ orali ssir fil-privat, għalkemm l-imħallef jew il-president tal-qorti jista’ jawtorizza l-preżenza ta’ persuni li jistgħu juru li għandhom interess speċjali fil-kawża.

Il-miżuri sabiex jiġi evitat il-kuntatt viżwali mal-allegat awtur tar-reat u l-mistoqsijiet li jsiru rigward il-ħajja privata tiegħek jistgħu jittieħdu wkoll matul l-investigazzjoni.

X'tip ta' protezzjoni hu disponibbli għall-vittmi vulnerabbli ħafna?

Fil-każ ta’ vittmi vulnerabbli, bħal vittmi taħt l-età u vittmi b’diżabilità li jeħtieġu protezzjoni speċjali, minbarra l-miżuri stabbiliti fit-taqsima ‘Ser ikun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi sabiex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?’, il-miżuri li ġejjin ser ikunu applikabbli matul il-proċedimenti:

  • l-istqarrijiet miksuba ser jiġu rrekordjati b’mezzi awdjoviżivi u jistgħu jiġu riprodotti fil-proċess fil-każijiet u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi;
  • l-istqarrija tista’ tinkiseb permezz ta’ esperti.

Jekk inti vittma taħt l-età jew vittma b’diżabilità (vittmi li jeħtieġu protezzjoni speċjali), hemm il-possibbiltà li l-provi jiġu eżaminati qabel il-proċess mill-esperti u li l-intervista tiegħek ma’ tim imħarreġ apposta u li ssir f’kamra speċjali tiġi rrekordjata.

Barra minn hekk, fuq talba tal-prosekutur pubbliku, jista’ jkun possibbli li jinħatar kustodju ad litem jekk inti vittma partikolarment vulnerabbli u f’ċerti każijiet, bħal meta jkun hemm kunflitti ta’ interess mar-rappreżentant legali tiegħek, jew ma’ wieħed mill-ġenituri, sakemm il-ġenitur l-ieħor ma jkunx jista’ jaqdi b’mod adegwat id-dmirijiet tiegħu ta’ rappreżentanza u assistenza tal-vittma. 

Jien minorenni - għandi xi drittijiet speċjali?

Jekk inti minorenni, matul il-fażi tal-investigazzjoni tar-reat ser tiġi ttrattat skont il-protokolli li huma maħluqa apposta sabiex jipproteġuk. Ser jittieħdu prekawzjonijiet speċjali meta tkun trid tagħti x-xhieda tiegħek. Il-prosekutur pubbliku, li għandu d-dmir speċifiku li jipproteġi lill-minorenni, għandu dejjem ikun preżenti. Il-kuntatt viżwali bejnek u l-aggressur irid jiġi evitat bl-użu ta’ kwalunkwe mezz tekniku.

Inti ser tiġi intervistat minn tim imħarreġ apposta f’kamra speċjali, li ma jidhirx li jkun ta’ theddida għalik, minħabba li hemm il-possibbiltà li l-provi jiġu eżaminati qabel il-proċess minn esperti u li l-intervista tiġi rrekordjata.

Inti tista’ tagħti x-xhieda tiegħek darba biss, fil-preżenza tal-imħallef li jeżamina, tal-iskrivan tal-qorti u tal-partijiet kollha fil-proċedimenti, u ma terġax tagħmel dan waqt il-proċess.

Matul il-proċedimenti ġudizzjarji, jekk inti persuna minorenni li tkun qed tagħti x-xhieda tiegħek, il-kuntatt viżwali bejnek u l-persuna akkużata għandu jiġi evitat b’kull mezz tekniku possibbli.

Il-konfrontazzjoni hija wkoll ristretta.

Minbarra l-miżuri stabbiliti fit-taqsima ‘Ser ikun hemm xi ħadd li jevalwa l-każ tiegħi sabiex jara jekk ninsabx f’riskju ta’ aktar dannu mis-sistema tal-ġustizzja kriminali (matul l-investigazzjoni u l-proċess)?’, il-miżuri li ġejjin ser ikunu applikabbli matul il-proċedimenti:

  • l-istqarrijiet miksuba ser jiġu rrekordjati b’mezzi awdjoviżivi u jistgħu jiġu riprodotti fil-proċess fil-każijiet u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi;
  • l-istqarrija tista’ tinkiseb permezz ta’ esperti.

Barra minn hekk, fuq talba tal-prosekutur pubbliku, jista’ jkun possibbli li jinħatar kustodju ad litem jekk inti vittma partikolarment vulnerabbli u f’ċerti każijiet, bħal meta jkun hemm kunflitti ta’ interess mar-rappreżentant legali tiegħek, jew ma’ wieħed mill-ġenituri, sakemm il-ġenitur l-ieħor ma jkunx jista’ jaqdi b’mod adegwat id-dmirijiet tiegħu ta’ rappreżentanza u assistenza għall-vittma. 

Il-membru tal-familja tiegħi miet minħabba r-reat – x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

Jekk membru tal-familja jkun miet minħabba reat, inti tkun vittma indiretta tar-reat ikkawżat lill-membru tal-familja tiegħek (il-vittma diretta) jekk tkun f’ċerti sitwazzjonijiet previsti mil-liġi (minbarra, fil-każijiet kollha, il-persuna responsabbli għar-reat), kif ukoll jekk inti kont il-konjuġi tal-vittma diretta u ma kontux legalment separati jew tgħixu bogħod minn xulxin; jekk kont il-wild tal-vittma diretta jew tal-konjuġi mhux legalment separati jew jgħixu bogħod minn xulxin u kont qed tgħix magħhom; jekk kellek rabta mal-vittma diretta permezz ta’ relazzjoni simili u kont tgħix magħhom, fost sitwazzjonijiet oħrajn.

Ftakar li l-vittmi kollha għandhom id-dritt li jressqu azzjoni kriminali u azzjoni ċivili skont il-liġi u li jidhru quddiem l-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni sabiex jagħtuhom il-provi u l-informazzjoni meqjusa bħala rilevanti sabiex jiġu ċċarati l-fatti.

Bħala vittma indiretta, ser ikollok aċċess kunfidenzjali mingħajr ħlas għas-servizzi ta’ appoġġ u assistenza pprovduti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll għal dawk ipprovduti mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi, sakemm jitqies li huwa xieraq li dan id-dritt jiġi estiż għall-membri tal-familja tal-vittma diretta minħabba li r-reati kkawżaw dannu partikolarment serju. Għaldaqstant, il-membri tal-familja ser jiġu definiti bħala l-persuni marbuta mal-vittma diretta biż-żwieġ jew b’relazzjoni simili u l-qraba sat-tieni grad (nanniet, aħwa u neputijiet).

Bħala vittma indiretta, tista’ tirċievi informazzjoni dwar il-miżuri ta’ appoġġ u assistenza disponibbli, kemm jekk mediċi, psikoloġiċi jew materjali, u l-proċedura sabiex jinkisbu, kif ukoll il-kumpens li għalih inti intitolat u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex titolbu.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jagħtuk pariri dwar l-intitolamenti ekonomiċi relatati mal-proċedimenti, b’mod partikolari dwar l-għajnuna finanzjarja għad-danni kkawżati mir-reat u l-proċedura sabiex titlobha u joffrulek l-appoġġ emozzjonali u l-assistenza terapewtika li tkun teħtieġ, sabiex b’hekk tiżgura li jkollok l-assistenza psikoloġika xierqa sabiex tegħleb il-konsegwenzi trawmatiċi tar-reat.

F’termini tal-għajnuna finanzjarja li għaliha inti intitolat bħala vittma indiretta tal-kriminalità, fi Spanja teżisti sistema ta’ għajnuna pubblika għall-benefiċċju tal-vittmi indiretti ta’ reati vjolenti u intenzjonati mwettqa fi Spanja li jwasslu għal mewt jew dannu serju għas-saħħa mentali tiegħek.

Inti trid tissodisfa ċerti rekwiżiti sabiex titqies bħala vittma indiretta għall-finijiet tal-għajnuna finanzjarja (benefiċjarju):

  • tkun Spanjol jew ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew, jekk ebda wieħed minn dawk il-każijiet ma japplika għalik, trid tkun ordinarjament residenti fi Spanja jew tkun ċittadin ta’ Stat ieħor li jagħti għajnuna simili liċ-ċittadini Spanjoli fit-territorju tiegħu. Fil-każ ta’ mewt, in-nazzjonalità jew ir-residenza ordinarja tal-persuna deċeduta mhijiex importanti;
  • tkun il-konjuġi tal-persuna deċeduta, mhux legalment separati jew tgħixu bogħod minn xulxin, jew il-persuna li għext mal-persuna deċeduta fuq bażi permanenti f’relazzjoni simili għal mill-inqas sentejn qabel il-mewt tagħha, sakemm ma kellkomx tfal flimkien, f’liema każ sempliċi koabitazzjoni tkun biżżejjed. Dan jinkludi wkoll it-tfal tal-persuni msemmija, anki jekk ma kinux it-tfal tal-persuna deċeduta, sakemm kienu finanzjarjament dipendenti fuq dik il-persuna u għexu magħha;
  • il-benefiċjarji fl-ebda każ ma jinkludu lil xi ħadd li ġie kkundannat għal omiċidju intenzjonat f’xi waħda mill-forom tiegħu, fejn il-persuna deċeduta kienet il-konjuġi tagħhom jew il-persuna li magħha kellhom rabta stabbli permezz ta’ relazzjoni simili;
  • tkun il-wild tal-persuna deċeduta, finanzjarjament dipendenti fuq dik il-persuna u għext magħha, jekk wieħed jassumi li t-tfal li huma taħt l-età jew adulti b’diżabilità huma finanzjarjament dipendenti;
  • jekk inti l-ġenitur tal-persuna deċeduta u kont finanzjarjament dipendenti fuq dik il-persuna, sakemm ma jkun hemm ħadd fis-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq;
  • il-ġenituri ta’ persuni minorenni li jmutu bħala konsegwenza diretta tar-reat jitqiesu wkoll bħala vittmi indiretti għall-finijiet tal-għajnuna finanzjarja stabbilita mil-liġi Spanjola.

Inti trid titlob l-għajnuna fi żmien sena mid-data li fiha seħħ ir-reat. F’każ li l-mewt tkun seħħet bħala konsegwenza diretta ta’ offiżi fuq il-persuna jew dannu għas-saħħa, jiġi skattat limitu ta’ żmien ġdid ta’ tul ta’ żmien ugwali sabiex tintalab l-għajnuna.

Bħala regola ġenerali, l-għoti tal-għajnuna huwa kondizzjonali fuq it-teħid ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali li ttemm il-proċedimenti kriminali.

L-għajnuna ma tistax tiġi kkombinata mal-kumpens stabbilit permezz tas-sentenza, għalkemm l-għajnuna kollha jew parti minnha titħallas meta l-persuna ħatja tar-reat tkun ġiet iddikjarata parzjalment insolventi, jew mal-kumpens jew l-għajnuna minn assigurazzjoni privata jekk l-ammont ikun ogħla mill-ammont stabbilit fis-sentenza, jew mas-sussidju tas-sigurtà soċjali li jista’ jkun pagabbli minħabba d-diżabilità temporanja tal-vittma.

L-ammont ta’ għajnuna f’ebda każ ma jista’ jaqbeż il-kumpens stabbilit fis-sentenza.

Nista’ nikseb aċċess għas-servizzi ta’ medjazzjoni? X’inhuma l-kundizzjonijiet? Ser inkun sikur(a) waqt il-medjazzjoni?

Bħala vittma, inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar soluzzjoni alternattiva għat-tilwim bl-użu, fejn xieraq, ta’ medjazzjoni u miżuri oħrajn ta’ ġustizzja restorattiva, u dwar is-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva disponibbli, fil-każijiet fejn dan ikun legalment possibbli. L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek din l-informazzjoni.

Barra minn hekk, l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità ser ikunu jistgħu jipproponu lill-korp ġudizzjarju li tintuża medjazzjoni kriminali meta din titqies bħala ta’ benefiċċju għalik, filwaqt li jipprovdu appoġġ lis-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva u proċeduri oħrajn ta’ soluzzjoni barra l-qorti stabbiliti mil-liġi.

Tista’ tikseb aċċess għas-servizzi tal-ġustizzja restorattiva sabiex tikseb kumpens xieraq għat-telf materjali u mhux materjali li jirriżulta mir-reat, meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:

  • it-trasgressur ikun irrikonoxxa l-fatti essenzjali li minnhom tinħoloq l-obbligazzjoni tiegħu;
  • inti tkun tajt il-kunsens tiegħek, wara li tkun irċevejt informazzjoni eżawrjenti u imparzjali dwar il-kontenut tagħhom, l-eżiti possibbli tagħhom u l-proċeduri fis-seħħ sabiex tiġi infurzata l-konformità;
  • it-trasgressur ikun ta l-kunsens tiegħu;
  • il-proċedura ta’ medjazzjoni ma tinvolvi ebda riskju għas-sikurezza tiegħek u ma jkun hemm ebda periklu li t-twettiq tagħha jista’ jikkawżalek telf materjali jew mhux materjali ġdid;
  • dan ma jkunx ipprojbit mil-liġi għar-reat imwettaq.

Id-diskussjonijiet li jsiru bħala parti mill-proċedura ta’ medjazzjoni ser jinżammu kunfidenzjali u ma jistgħux jinxterdu mingħajr il-kunsens tiegħek u l-kunsens tat-trasgressur.

Il-medjaturi u professjonisti oħrajn li jieħdu sehem fil-proċedura ta’ medjazzjoni ser ikunu soġġetti għas-segretezza professjonali b’rabta mal-avvenimenti u l-istqarrijiet li kellhom għarfien dwarhom fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

Kemm inti kif ukoll it-trasgressur ser tkunu tistgħu tirrevokaw il-kunsens tagħkom sabiex tipparteċipaw fil-proċess ta’ medjazzjoni fi kwalunkwe ħin.

Ġeneralment, il-medjazzjoni sseħħ fil-każ ta’ reati inqas serji.

Fil-ġustizzja tal-minorenni (minn 14 sa 18-il sena), il-medjazzjoni hija espressament stabbilita bħala mezz għall-edukazzjoni mill-ġdid tal-minorenni. F’dan il-qasam, il-medjazzjoni titwettaq mit-timijiet li jappoġġjaw is-servizz tal-prosekuzzjoni tal-minorenni, għalkemm tista’ titwettaq ukoll minn aġenziji mill-komunitajiet awtonomi u minn entitajiet oħrajn bħal ċerti assoċjazzjonijiet speċjalizzati.

Fil-qasam tal-ġustizzja tal-adulti, il-medjazzjoni hija inkluża bħala parti mis-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva, fejn issa hemm diversi programmi pilota li ilhom fis-seħħ għal bosta snin.

Fir-rigward tas-sikurezza tal-medjazzjoni għalik, dejjem ser ikun hemm xi miżuri ta’ protezzjoni fiżika meħtieġa u miżuri oħrajn meħtieġa miċ-ċirkostanzi li ser ikunu jistgħu jingħataw mill-awtorità ġudizzjarja.

Fejn nista’ nsib il-liġi li tgħid x’inhuma d-drittijiet tiegħi?

  • Código Penal (Il-Kodiċi Kriminali Spanjol) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Código Civil (Il-Kodiċi Spanjol tal-Proċedura Ċivili) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Ley de Enjuiciamiento Criminal (Ir-Regoli dwar il-Proċedura Kriminali) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Ley 4/2015, de 27 de abril, del Estatuto de la víctima del delito (Il-Liġi 4/2015 tas-27 ta’ April 2015 dwar il-pożizzjoni tal-vittmi tal-kriminalità) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Real Decreto 1109/2015, de 11 de diciembre, por el que se desarrolla la Ley 4/2015, de 27 de abril, del Estatuto de la víctima del delito, y se regulan las Oficinas de Asistencia a las Víctimas del Delito (Id-Digriet Irjali 1109/2015 tal-11 ta’ Diċembru 2015 li jimplimenta l-Liġi 4/2015 tas-27 ta’ April 2015 dwar il-pożizzjoni tal-vittmi tal-kriminalità u li jirregola l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Ley Orgánica 8/2015, de 22 de julio y Ley 26/2015, de 22 de julio, de modificación del sistema de protección de la infancia y de la adolescencia (Il-Liġi Organika 8/2015 tat-22 ta’ Lulju 2015 u l-Liġi 26/2015 tat-22 ta’ Lulju 2015 li jemendaw is-sistema għall-protezzjoni tat-tfal u tal-adoloxxenti) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Ley 23/2014, de 20 de noviembre, de reconocimiento mutuo de resoluciones penales en la Unión Europea (Il-Liġi 23/2014 tal-20 ta’ Novembru 2014 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet f’materji kriminali fl-Unjoni Ewropea) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Real Decreto 671/2013, de 6 de septiembre, por el que se aprueba el Reglamento de la Ley 29/2011 (Id-Digriet Irjali 671/2013 tas-6 ta’ Settembru 2013 li jistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Liġi 29/2011) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Ley 29/2011, de 22 de septiembre, de Reconocimiento y Protección Integral a las Víctimas de Terrorismo (Il-Liġi 29/2011 tat-22 ta’ Settembru 2011 dwar ir-Rikonoxximent u l-Protezzjoni Komprensiva tal-Vittmi tat-Terroriżmu) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Ley Orgánica 1/2004, de 28 de diciembre, de Medidas de Protección Integral contra la Violencia de Género (Il-Liġi Organika 1/2004 tat-28 ta’ Diċembru 2004 dwar Miżuri ta’ Protezzjoni Komprensiva kontra l-Vjolenza Abbażi ta’ Sess) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Ley Orgánica 5/2000, de 12 de enero, reguladora de la responsabilidad penal de los menores (Il-Liġi Organika 5/2000 tat-12 ta’ Jannar 2000 li tirregola r-responsabbiltà kriminali tat-tfal) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Ley Orgánica 1/1996, de 15 de enero, de Protección Jurídica del Menor (Il-Liġi Organika 1/1996 tal-15 ta’ Jannar 1996 dwar il-Protezzjoni Legali għat-Tfal) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Ley 1/1996, de 10 de enero, de asistencia jurídica gratuita (Il-Liġi 1/1996 tal-10 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna legali) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Ley 35/1995, de 11 de diciembre, de ayuda y asistencia a las víctimas de delitos violentos y contra la libertad sexual (Il-Liġi 35/1995 tal-11 ta’ Diċembru 1995 dwar l-għajnuna u l-assistenza għall-vittmi ta’ reati vjolenti u reati kontra l-libertà sesswali) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Real Decreto 738/1997, de 23 de mayo, por el que se aprueba el Reglamento de ayudas a las víctimas de delitos violentos y contra la libertad sexual (Id-Digriet Irjali 738/1997 tat-23 ta’ Mejju 1997 li japprova r-Regolament dwar l-għajnuna għall-vittmi ta’ reati vjolenti u reati kontra l-libertà sesswali) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
  • Ley Orgánica 19/1994, de 23 de diciembre, de protección a testigos y peritos en causas criminales (Il-Liġi Organika 19/1994 tat-23 ta’ Diċembru 1994 dwar il-protezzjoni għax-xhieda u l-esperti f’kawżi kriminali) – Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-Ispanjol
L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

2 - Ir-rappurtar ta’ reat u d-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni jew il-proċess

Kif nirrapporta reat?

Jekk int vittma ta’ reat, inti intitolat, mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet jew l-uffiċjali, li tirċievi informazzjoni dwar id-dritt tiegħek li tirrapporta r-reat u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex tagħmel dan.

Tista’ tirrapporta r-reat lill-pulizija u ssir xhud fil-proċedura li tiġi segwita. Tista’ wkoll titlob lill-pulizija sabiex jirreferuk għall-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità (Oficina de Asistencia a las Víctimas del delito), fejn tingħata informazzjoni dwar kif tirrapporta r-reat.

L-aċċess għas-servizzi ta’ kura u appoġġ, bħall-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, huwa mingħajr ħlas u kunfidenzjali; mhuwiex neċessarju li l-ewwel tirrapporta r-reat.

Bħala l-persuna li tirrapporta r-reat, inti għandek id-drittijiet li ġejjin:

  • li tikseb kopja tar-rapport, li jkun debitament iċċertifikat;
  • li tingħata assistenza lingwistika bla ħlas u traduzzjoni bil-miktub tal-kopja tar-rapport li tippreżenta, jekk ma tifhimx jew ma titkellimx xi waħda mil-lingwi uffiċjali fil-post fejn isir ir-rapport. Jekk ma titkellimx jew ma tifhimx l-Ispanjol jew il-lingwa uffiċjali użata fil-proċedimenti inkwistjoni, inti tkun intitolat li tiġi assistit, mingħajr ħlas, minn interpretu li jitkellem lingwa li tifhem meta tagħti x-xhieda tiegħek matul il-fażi tal-investigazzjoni quddiem l-imħallef, il-prosekutur pubbliku jew l-uffiċjali tal-pulizija;
  • jekk tkun tlabt li tiġi nnotifikat b’ċerti deċiżjonijiet, bħad-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali jew bis-sentenza finali fil-proċedimenti, inti għandek id-dritt li tiġi infurmat bid-data, il-ħin u l-post tal-proċess, kif ukoll dwar il-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur.

Inti tista’ tressaq ukoll azzjoni kontra t-trasgressur u ssir parti fil-proċedimenti bħala prosekutur privat, bi drittijiet simili ħafna għal dawk tal-prosekutur pubbliku.

Minbarra każijiet ordinarji, fejn il-prosekutur pubbliku jippreżenta l-akkużi kontra t-trasgressur, hemm żewġ tipi ta’ reati fejn ir-rwol tiegħek huwa importanti ħafna sabiex jinbdew il-proċedimenti:

  • il-proċedimenti għal reati semi-pubbliċi jesiġu li inti tirrapporta r-reat jew tressaq azzjoni sabiex ikunu jistgħu jibdew; il-prosekutur pubbliku mbagħad jassumi r-responsabbiltà għall-akkużi kontra t-trasgressur. Madankollu, għal proċedimenti kontra reati privati (eż. malafama), huwa kompletament f’idejk: il-prosekutur pubbliku ma għandu ebda responsabbiltà fir-rigward tal-akkużi kontra t-trasgressur u inti tista’ tirtira r-rapport fi kwalunkwe ħin, u b’hekk ittemm il-proċedimenti.

Inti tista’ tirrapporta r-reat bi kwalunkwe lingwa u, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew b’xi waħda mil-lingwi reġjonali rispettivi, għandek id-dritt għal interpretu mingħajr ħlas. Fil-prattika, jekk fl-għassa tal-pulizija ma jkun hemm ħadd li jitkellem bil-lingwa tiegħek, il-pulizija joffrulek l-għażliet li ġejjin:

  • jekk ir-reat ma jkunx serju, inti tkun tista’ tirrapportah bl-użu ta’ formola bil-lingwa tiegħek;
  • jekk ir-reat ikun serju, tiġi pprovdut is-servizz ta’ interpretu permezz tat-telefon jew personalment.

Ikun hemm interpreti Ingliżi, Franċiżi u Ġermaniżi f’xi għases tal-pulizija, speċjalment fis-sajf.

Ma hemm ebda limitu ta’ żmien sabiex tirrapporta r-reat, iżda hemm limiti ta’ żmien li warajhom il-prosekuzzjoni tar-reat ma tkunx possibbli: minn 10 sa 20 sena, skont is-serjetà tar-reat. Ma huwa meħtieġ ebda mod speċifiku għar-rapportar ta’ reat mill-awtoritajiet. Tista’ tirrapportah bil-miktub jew bil-fomm, f’liema każ l-awtorità kompetenti tieħu nota tar-rapport. Int trid tagħti ismek, l-indirizz, in-numru tal-ID, in-numru tat-telefon, eċċ. u trid tiffirma r-rapport.

Meta tirrapporta r-reat, jekk inti tkun vittma ta’ reat ta’ vjolenza abbażi ta’ sess jew vjolenza domestika, tista’ titlob għal ordni ta’ protezzjoni mill-pulizija. Tista’ wkoll titlob ordni ta’ protezzjoni direttament mill-awtorità ġudizzjarja jew mill-prosekutur pubbliku, mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jew inkella mis-servizzi soċjali jew l-istituzzjonijiet tal-kura marbuta mal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Fil-każijiet kollha, inti tiġi pprovdut formoli sabiex titlob l-ordni ta’ protezzjoni u tingħata informazzjoni dwar din l-ordni.

Kif nista’ nsir naf x’inhu jiġri bil-kawża?

Meta tippreżenta rapport, inti tirċievi kopja ċċertifikata b’numru ta’ referenza.

Bħala l-vittma, tista’ tikseb informazzjoni mill-pulizija dwar l-iżvilupp tal-proċedimenti, sakemm din ma tkunx ta’ detriment għall-investigazzjoni. Fil-prattika, huwa aħjar li wieħed jikkomunika mal-korp tal-pulizija rispettiv u jitlob l-informazzjoni.

B’mod ġenerali, inti għandek id-dritt – jekk tkun għamilt it-talba rilevanti – li tirċievi informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-post tal-proċess u l-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur, kif ukoll li tiġi nnotifikat bid-deċiżjonijiet li ġejjin:

  • id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali;
  • is-sentenza finali fil-proċedimenti;
  • deċiżjonijiet li t-trasgressur jingħata sentenza ta’ priġunerija jew li jinħeles mill-arrest, kif ukoll il-ħarba possibbli tat-trasgressur mill-kustodja u deċiżjonijiet li jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni għall-protezzjoni tiegħek.

Jekk tkun tlabt li tiġi riferut għal Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jew qed tirċievi assistenza minn wieħed minn dawn l-Uffiċċji, inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità responsabbli mill-immaniġġjar tal-proċedimenti u l-mezzi għall-komunikazzjoni ma’ din l-awtorità, kif ukoll informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-post tal-proċess u l-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur.

Jekk inti vittma ta’ reat ta’ vjolenza sessista, għandek id-dritt li tiġi infurmat dwar is-sitwazzjoni proċedurali tal-aggressur u l-miżuri ta’ prekawzjoni meħuda, mingħajr ma jkollok bżonn titlob għal dan. Inti tista’, fi kwalunkwe ħin, tesprimi x-xewqa tiegħek li ma tirċevix l-informazzjoni.

Jekk inti vittma ta’ reat vjolenti kontra l-libertà sesswali, għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar il-kumpens mill-Istat li għalih tkun intitolat jekk l-aggressur ma jħallasx il-kumpens tiegħek jew jekk dan ma jkunx biżżejjed.

Jien intitolat(a) għal għajnuna legali (matul l-investigazzjoni jew il-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

Mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet jew mal-uffiċjali, inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar il-proċedura sabiex tikseb pariri u difiża legali u, fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet li taħthom tkun tista’ tiksibhom mingħajr ħlas. L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek ukoll din l-informazzjoni.

Inti ser tkun tista’ tissottometti t-talba tiegħek sabiex ikollok id-dritt tiegħek għall-għajnuna legali rikonoxxut lill-uffiċjal jew lill-awtorità li tawk l-informazzjoni dwar il-proċedura sabiex tikseb pariri u difiża legali u, fejn applikabbli, sabiex tiksibhom mingħajr ħlas. Min-naħa tagħhom, l-uffiċjal jew l-awtorità jibagħtuha, flimkien mad-dokumentazzjoni pprovduta, lill-kamra tal-avukati rilevanti.

It-talba tiegħek tista’ tiġi sottomessa wkoll lill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, li min-naħa tagħhom jibagħtuha lill-kamra tal-avukati rilevanti.

B’mod ġenerali, inti tista’ tibbenifika minn servizzi ta’ gwida legali li joffru informazzjoni dwar il-liġi liċ-ċittadini kollha. Dawn is-servizzi huma organizzati mill-kmamar tal-avukati f’kull qasam ġudizzjarju.

Għandek timla formola li tista’ tinstab fil-qrati, fil-Ministeru tal-Ġustizzja u f’uffiċċji oħrajn tal-Istat u tipprova li l-mezzi ta’ appoġġ tiegħek mhumiex biżżejjed. Inti trid tissottometti t-talba tiegħek lill-kamra tal-avukati fil-qasam tal-qorti rispettiva jew fil-qorti fiż-żona fejn tirrisjedi, jekk il-proċedimenti kriminali jkunu għadhom ma bdewx.

Jekk inti vittma ta’ reat ta’ vjolenza sessista, ma hemmx bżonn li l-ewwel tipprova li l-mezzi tiegħek huma insuffiċjenti sabiex tkun tista’ tikseb għajnuna legali.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, tista’ tikseb ukoll għajnuna legali.

Tista’ titlob għajnuna legali fi Spanja jekk tkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

  • jekk inti ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-UE u tipprova li r-riżorsi tiegħek mhumiex biżżejjed;
  • jekk inti ċittadin ta’ pajjiż terz u legalment residenti fi Spanja jew bi dritt rikonoxxut fi ftehimiet internazzjonali (eż. ftehimiet dwar il-ħtif internazzjonali ta’ minuri). F’dan il-każ, inti ser tkun tista’ tikseb aċċess għal għajnuna legali fi Spanja taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-UE;
  • irrispettivament mill-eżistenza tar-riżorsi sabiex jinbdew proċedimenti legali, id-dritt tiegħek għall-għajnuna legali ser ikun rikonoxxut u din l-għajnuna tiġi pprovduta lilek minnufih jekk tkun vittma ta’ vjolenza sessista, terroriżmu jew traffikar tal-bnedmin fi kwalunkwe proċedimenti li huma marbuta ma’, derivati minn jew riżultat tal-istat tiegħek bħala vittma, jew jekk inti minorenni jew għandek diżabilità fit-tagħlim jew mard mentali meta tkun il-vittma ta’ sitwazzjonijiet ta’ abbuż jew trattament ħażin.

Dan id-dritt ser japplika wkoll għas-suċċessuri fil-każ ta’ mewt tal-vittma, sakemm ma kinux involuti fl-atti.

Għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna legali, inti titqies bħala vittma meta jiġi ppreżentat rapport jew titressaq azzjoni, jew meta jinbdew proċedimenti kriminali, għal kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija, u inti żżomm dan l-istatus sakemm il-proċedimenti kriminali jkunu fis-seħħ jew meta jkun inħareġ verdett ta’ ħtija wara l-konklużjoni tal-proċedimenti.

Id-dritt għall-għajnuna legali jintilef ladarba l-liberazzjoni minn akkuża ssir finali, jew wara s-soġġorn temporanju jew iċ-ċaħda tal-proċedimenti minħabba li l-atti kriminali ma jiġux ipprovati, mingħajr l-obbligu li titħallas l-ispiża tal-benefiċċji li jkunu tgawdew mingħajr ħlas sa dak il-punt.

Fil-proċedimenti differenti li jistgħu jinbdew bħala riżultat tal-istatus tiegħek bħala vittma tar-reati identifikati u, b’mod partikolari, fi proċedimenti ta’ vjolenza abbażi ta’ sess, irid ikun l-avukat innifsu li jgħinek, sakemm id-dritt ta’ difiża tiegħek ikun b’hekk debitament garantit.

Inti għandek id-dritt għal għajnuna legali jekk l-introjtu annwali tiegħek u l-introjtu għal kull unità tal-familja ma jaqbżux:

  • darbtejn aktar mill-indiċi pubbliku tal-introjtu ((indicador público de renta de efectos múltiples – IPREM) fis-seħħ fil-mument li ssir it-talba, meta l-persuni inkwistjoni ma jkunux parti minn kwalunkwe unità tal-familja. L-IPREM huwa indiċi li jiġi ffissat kull sena u jintuża sabiex jiddetermina l-ammont ta’ ċerti benefiċċji jew il-livell limitu għall-aċċess għal ċerti benefiċċji, intitolamenti jew servizzi pubbliċi;
  • darbtejn u nofs aktar mill-IPREM fis-seħħ fil-mument li ssir it-talba, meta l-persuni inkwistjoni jkunu parti minn kwalunkwe wieħed mit-tipi ta’ unità tal-familja b’inqas minn erba’ membri;
  • tliet darbiet aktar mill-IPREM meta l-unitajiet tal-familja inkwistjoni jkunu fformati minn erba’ membri jew aktar.

L-IPREM annwali għall-2016 huwa ta’ EUR 6 390.13.

Jekk tingħata għajnuna legali, ma jkollokx bżonn tħallas l-ispejjeż li ġejjin:

  1. l-ispejjeż għall-pariri legali preliminari;
  2. il-miżati tal-avukat u tar-rappreżentant tal-qorti (procurador);
  3. l-ispejjeż li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni tal-avviżi fil-ġurnali uffiċjali;
  4. id-depożiti meħtieġa sabiex jitressqu ċerti appelli;
  5. il-ħlasijiet għall-esperti;
  6. inti tibbenifika minn tnaqqis ta’ 80% fuq l-ammont għall-atti notarili u ċ-ċertifikazzjonijiet mir-reġistri tal-artijiet u tal-kummerċ.

Nista’ nitlob l-ispejjeż (għall-parteċipazzjoni fl-investigazzjoni jew fil-proċess)? Taħt liema kundizzjonijiet?

B’mod ġenerali, jekk bħala vittma ta’ reat tkun ħadt sehem fil-proċedimenti, inti jkollok id-dritt li tiġi rrimborżat għall-ispejjeż meħtieġa sabiex teżerċita d-drittijiet tiegħek u għall-ispejjeż legali mġarrba bi preferenza għall-ħlas tal-ispejjeż li jkunu ġew imġarrba għall-Istat.

Għaldaqstant, il-ħlas għandu jiġi impost fis-sentenza u, barra minn hekk, il-persuna akkużata għandha tkun ġiet ikkundannata, fuq talba tiegħek bħala l-vittma, għal reati li għalihom il-prosekutur pubbliku ma jkun għamel ebda akkuża, jew inkella tkun ġiet ikkundannata wara li d-deċiżjoni li tingħalaq il-kawża tkun ġiet irrevokata minħabba appell ippreżentat minnek bħala l-vittma.

Is-servizzi ta’ assistenza u appoġġ u, b’mod partikolari, l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, jipprovdulek informazzjoni dwar il-każijiet li fihom tista’ tiġi rrimborżat għall-ispejjeż legali u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex titlobhom.

Nista’ nappella jekk il-kawża tiegħi tingħalaq qabel immur il-qorti?

Jekk inti vittma u ma dehertx fil-proċedimenti u l-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li jirtira l-akkużi kontra t-trasgressur, l-imħallef jista’ jinformak b’dan u jistiednek tressaq azzjoni u ssir prosekutur privat fi żmien 15-il jum. Fil-każ ta’ proċedura rapida, l-imħallef huwa obbligat li jinformak u jistiednek.

Jekk il-prosekutur pubbliku jressaq akkużi kontra t-trasgressur, bħala vittma ma tista’ tagħmel xejn biex ittemm il-proċedimenti, ħlief f’reati privati.

Jekk tkun diġà dehert fil-proċedimenti u inti prosekutur privat, tista’ titlob il-ftuħ tal-proċedimenti orali u tressaq akkużi kontra t-trasgressur. Jekk l-imħallef investigattiv jiddeċiedi li jtemm il-proċedimenti, jiġifieri jwaqqa’ l-kawża, inti tista’ tappella.

Jekk il-prosekutur pubbliku jressaq akkużi kontra t-trasgressur, tista’ titlob sabiex il-kawża titwaqqa’ u tirtira mir-rwol tiegħek bħala prosekutur privat. Madankollu, il-prosekutur pubbliku jista’ jkompli bil-kawża, jekk jiddeċiedi hekk.

Nista’ nkun involut(a) fil-proċess?

Fl-ewwel dehra tiegħek fil-qorti, l-avukat jinformak bid-drittijiet tiegħek fil-proċedimenti kriminali bħala vittma u joffrilek il-possibbiltà li tidħol fil-proċedimenti bħala parti privata, billi juża lingwaġġ ċar, sempliċi u li jinftiehem, filwaqt li jqis il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tiegħek.

Bħala vittma ta’ reat, fil-proċedimenti kriminali inti intitolat(a) għal dawn li ġejjin:

  • li tressaq azzjonijiet ċivili u kriminali skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni kriminali fis-seħħ;
  • li tidher quddiem l-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni sabiex tipprovdilhom sorsi ta’ evidenza u informazzjoni rilevanti bil-għan li jiġu ċċarati l-fatti.

Barra minn hekk, f’din id-dehra inizjali tiġi mistoqsi jekk tixtieqx tirċievi l-komunikazzjonijiet jew in-notifiki stabbiliti bil-liġi, f’liema każ trid tipprovdi indirizz tal-posta elettronika jew, fin-nuqqas ta’ dan, indirizz tad-dar jew indirizz postali.

Irrispettivament mir-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali, ġeneralment tista’ tkun preżenti waqt is-seduti ta’ smigħ, anki jekk dawn ma jkunux pubbliċi. Inti tkun obbligat biss li tattendi sabiex tagħti x-xhieda tiegħek bħala xhud.

Jekk inti vittma li ma dehritx fil-proċedimenti kriminali, ser tiġi informat bid-data u l-post tal-proċess. Ir-rwol ewlieni tiegħek ser ikun li tagħti x-xhieda tiegħek. Sabiex tkun tista’ tiġi nnotifikat bid-data u l-ħin tal-proċess, inti trid tikkomunika kwalunkwe bidla fl-indirizz tiegħek matul il-proċedimenti.

Inti tista’ tidher fil-proċedimenti bħala prosekutur privat qabel titħejja l-akkuża, jiġifieri qabel il-bidu tal-proċedimenti orali, ħlief fil-każ ta’ proċedimenti kriminali kontra persuna minorenni. Il-prosekutur pubbliku, il-prosekutur privat, jekk ikun hemm wieħed, u l-avukat tad-difiża jħejju l-akkuża. Dan id-dokument jinkludi l-klassifikazzjoni tar-reat u l-piena rrakkomandata minn dawn il-persuni. Fil-prattika, kull parti għandha ħamest ijiem sabiex tippreżenta l-pożizzjoni tagħha bil-miktub.

Ġeneralment, inti tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek, li jiddefendi l-kawża tiegħek, kif ukoll mir-rappreżentant tal-qorti tiegħek, li jirrappreżentak formalment fil-proċedimenti.

Jekk ikun hemm aktar minn vittma waħda, dawn ikunu jistgħu jidhru separatament, għalkemm l-imħallef jista’ jitlobhom jinġabru f’difiża waħda jew f’diversi difiżi. L-assoċjazzjonijiet tal-vittmi jkunu jistgħu jidhru wkoll fil-proċedimenti kriminali, diment li jkollhom il-permess tiegħek bħala l-vittma tar-reat.

Jekk inti diġà prosekutur privat, l-avukat tiegħek ser ikollu aċċess għas-sommarju u għad-dokumenti l-oħrajn tal-kawża, kif ukoll drittijiet oħrajn, simili għal dawk tal-prosekutur pubbliku, inklużi dawn li ġejjin:

  • li jitlob il-ġbir ta’ aktar evidenza;
  • li jipproponi xhieda jew esperti ġodda li jappoġġjaw il-kawża tiegħek;
  • li jipproponi konfrontazzjonijiet, eċċ.

F’każ li l-persuna akkużata tiġi kkundannata, il-qorti tista’ tordnalha li tħallsek l-ispejjeż li ġejjin: l-ispiża ta’ avukati u rappreżentanti tal-qorti, esperti, ċertifikati minn reġistri pubbliċi u nutara, eċċ.

Bħala parti mill-proċedimenti kriminali, inti tista’ tressaq azzjoni ċivili (parti ċivili) jekk titlob ir-restituzzjoni ta’ proprjetà, li jsir tajjeb għad-dannu jew il-kumpens għad-danni, kemm materjali kif ukoll le, ikkawżati mir-reat. F’dan il-każ, inti tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek, li jiddefendi l-kawża tiegħek, kif ukoll mir-rappreżentant tal-qorti tiegħek, li jirrappreżentak formalment fil-proċedimenti.

F’każ li jiġi deċiż li tingħalaq l-investigazzjoni, id-deċiżjoni li titwaqqa’ l-kawża tiġi kkomunikata lill-vittmi diretti tar-reat li rrapportaw l-atti, kif ukoll lill-vittmi diretti l-oħrajn li l-identitajiet u l-postijiet tar-residenza tagħhom ikunu magħrufa. F’każijiet ta’ mewt jew għajbien ta’ persuna bħala riżultat dirett ta’ reat, id-deċiżjoni tiġi kkomunikata lill-vittmi indiretti tar-reat.

X’inhu r-rwol uffiċjali tiegħi fis-sistema ġudizzjarja? Pereżempju, jien meqjus(a) jew nista’ nagħżel li nkun meqjus(a) bħala: vittma, xhud, parti ċivili jew prosekutur privat?

Bħala vittma ta’ reat, fil-proċedimenti kriminali inti intitolat(a) għal dawn li ġejjin:

  • li tressaq azzjonijiet ċivili u kriminali skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni kriminali fis-seħħ;
  • li tidher quddiem l-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni sabiex tipprovdilhom sorsi ta’ evidenza u informazzjoni rilevanti bil-għan li jiġu ċċarati l-fatti.

Ir-rwoli differenti li tista’ twettaq fis-sistema ġudizzjarja huma:

  • vittma diretta jew indiretta: skont ir-reat irrapportat jew, f’każ li jintalab aċċess għal servizzi ta’ appoġġ u assistenza għall-vittmi, mingħajr ma tkun irrapportajt ir-reat qabel, minħabba li l-aċċess għal dawn is-servizzi mhuwiex dipendenti fuq is-sottomissjoni ta’ rapport;
  • xhud: jekk ikun hemm rapport. L-involviment tiegħek fil-proċedimenti jseħħ ladarba tirċievi ċ-ċitazzjoni;
  • prosekutur privat: jekk tiddeċiedi li tidher fil-proċedimenti kriminali bħala prosekutur privat,, f’każ li tressaq azzjoni kontra t-trasgressur (reati semi-pubbliċi u reati privati) u qabel ma titħejja l-akkuża, jiġifieri qabel ma jibda l-proċediment orali, ħlief fil-każ ta’ proċedimenti kriminali kontra minorenni;
  • parti ċivili: b’mod ġenerali, jekk tiddeċiedi li tressaq kawża ċivili bħala parti mill-proċedimenti kriminali, jiġifieri titlob ir-restituzzjoni ta’ proprjetà, li jsir tajjeb għad-dannu jew il-kumpens għad-danni, kemm materjali kif ukoll le, ikkawżati mir-reat.

B’mod ġenerali, trid tkun preżenti waqt is-seduti ta’ smigħ, anki jekk ma jkunux pubbliċi. Inti tkun obbligat biss li tattendi sabiex tagħti x-xhieda tiegħek bħala xhud.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi f’dan ir-rwol?

B’mod ġenerali, bħala vittma, mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet jew mal-uffiċjali u matul l-attività tas-servizzi ta’ assistenza u appoġġ ipprovduti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, inkluż qabel ma tirrapporta r-reat, għandek id-dritt li tirċievi protezzjoni, informazzjoni, appoġġ, assistenza u kura.

Inti tista’ titlob lill-awtoritajiet jew lill-uffiċjali li tikkuntattja fil-bidu sabiex jirreferuk għall-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, fejn huma jassistuk mingħajr ħlas u b’mod kunfidenzjali, anki jekk qabel ma tkunx irrapportajt ir-reat.

Tista’ wkoll tkun akkumpanjat(a) minn persuna tal-għażla tiegħek mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet u l-uffiċjali.

Barra minn hekk, bħala vittma għandek id-dritt li tifhem u tinftiehem fi kwalunkwe azzjoni li għandha titwettaq ladarba r-reat ikun ġie rrapportat, inkluża l-informazzjoni qabel ma jiġi ppreżentat ir-rapport. Tiġi pprovduta interpretazzjoni f’lingwi tas-sinjali rikonoxxuti legalment, kif ukoll mezzi ta’ appoġġ għal komunikazzjoni orali f’każijiet fejn meħtieġa.

Il-komunikazzjonijiet kollha magħmula, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, għandhom isiru b’lingwaġġ ċar, sempliċi u aċċessibbli u jqisu l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet personali tiegħek, speċjalment jekk għandek xi diżabilità sensorja, intellettwali jew mentali jew jekk int minorenni.

Bħala vittma, inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni primarjament rigward dawn li ġejjin:

  • il-miżuri ta’ assistenza u appoġġ disponibbli, kemm jekk dawn ikunu mediċi, psikoloġiċi jew materjali, u l-proċedura sabiex jinkisbu. Fejn xieraq, dawn il-miżuri jinkludu informazzjoni dwar il-possibbiltajiet li tinkiseb akkomodazzjoni alternattiva;
  • id-dritt li tirrapporta r-reat u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex tagħmel dan u d-dritt li tipprovdi evidenza lill-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni;
  • il-proċedura sabiex jinkisbu pariri u difiża legali u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas;
  • il-possibbiltà li titlob miżuri ta’ protezzjoni u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex tagħmel dan;
  • il-kumpens li għalih tista’ tkun intitolat u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex titolbu;
  • is-servizzi ta’ interpretar u traduzzjoni disponibbli;
  • l-għajnuna awżiljarja u s-servizzi għall-komunikazzjoni disponibbli;
  • il-proċedura li permezz tagħha tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek jekk tkun tgħix barra minn Spanja;
  • appelli li tista’ tressaq kontra kwalunkwe deċiżjoni li tqis li hija inkompatibbli mad-drittijiet tiegħek;
  • id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità inkarigata mill-immaniġġjar tal-proċedura u l-mezzi sabiex tikkomunika magħha;
  • is-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva disponibbli, f’każijiet fejn dan ikun legalment possibbli;
  • il-każijiet li fihom tista’ tiġi rimborżat għall-ispejjeż legali u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex titlobhom;
  • id-dritt li tagħmel talba sabiex tiġi nnotifikat b’ċerti deċiżjonijiet fil-proċedimenti bħal, fost l-oħrajn, id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali, is-sentenza finali fil-proċedimenti, eċċ.

Irrispettivament mir-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali, ġeneralment tista’ tkun preżenti waqt is-seduti ta’ smigħ, anki jekk dawn ma jkunux pubbliċi. Inti tkun obbligat biss li tattendi sabiex tagħti x-xhieda tiegħek bħala xhud.

Jekk inti vittma li ma dehritx fil-proċedimenti kriminali, ser tiġi informat bid-data u l-post tal-proċess. Ir-rwol ewlieni tiegħek ser ikun li tagħti x-xhieda tiegħek. Sabiex tkun tista’ tiġi nnotifikat bid-data u l-ħin tal-proċess, inti trid tikkomunika kwalunkwe bidla fl-indirizz tiegħek matul il-proċedimenti.

Inti tista’ tidher fil-proċedimenti bħala prosekutur privat qabel titħejja l-akkuża, jiġifieri qabel il-bidu tal-proċess orali, ħlief fil-każ ta’ proċedimenti kriminali kontra persuna minorenni. Inti tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek, li jiddefendi l-kawża tiegħek, kif ukoll mir-rappreżentant tal-qorti tiegħek, li jirrappreżentak formalment fil-proċedimenti.

Jekk inti diġà prosekutur privat, l-avukat tiegħek ser ikollu aċċess għas-sommarju u għad-dokumenti l-oħrajn tal-kawża, kif ukoll drittijiet oħrajn, simili għal dawk tal-prosekutur pubbliku, inklużi dawn li ġejjin:

  • li jitlob il-ġbir ta’ aktar evidenza;
  • li jipproponi xhieda jew esperti ġodda li jappoġġjaw il-kawża tiegħek;
  • li jipproponi konfrontazzjonijiet, eċċ.

F’każ li l-persuna akkużata tiġi kkundannata, il-qorti tista’ tordnalha li tħallsek l-ispejjeż li ġejjin: l-ispiża ta’ avukati u rappreżentanti tal-qorti, esperti, ċertifikati minn reġistri pubbliċi u nutara, eċċ.

Bħala xhud, inti għandek id-dritt għal servizz ta’ interpretu mingħajr ħlas, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa reġjonali rispettiva, iżda ma għandekx il-possibbiltà ta’ traduzzjoni tad-dokumenti. Minkejja l-fatt li ġeneralment ikun diffiċli li tevita l-kuntatt wiċċ imb wiċċ mal-persuna akkużata u l-bini tal-qorti ġeneralment ma jkollux kmamar ta’ stennija differenti għax-xhieda, jekk inti kont vittma ta’ attakk sesswali tista’:

  • tibbenifika minn skrin fl-awla tal-qorti, jew
  • tixhed permezz ta’ konferenza bil-vidjo.

Jekk ser tixhed u tinsab fil-periklu, il-president tal-qorti jista’ jordna seduta ta’ smigħ privata sabiex jipproteġi l-moralità, l-ordni pubbliku u lilek innifsek bħala vittma u/jew il-familja tiegħek. Bħala prosekutur privat, tista’ titlob li ssir seduta ta’ smigħ privata.

Jekk tiġi mħarrek sabiex tixhed u l-imħallef jara li tinsab f’riskju serju jew li l-libertà, il-proprjetà jew il-familja tiegħek qegħdin f’riskju, huwa jista’ jieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

  • jipproteġi l-identità, l-indirizz, il-professjoni jew il-post tax-xogħol tiegħek, billi ma jużax din l-informazzjoni fil-proċedimenti;
  • ma jħallikx tidher fil-qorti u jistabbilixxi l-qorti bħala l-indirizz għan-notifiki;
  • jipprevjeni l-immaġini tiegħek milli tiġi rrekordjata bl-użu ta’ kwalunkwe mezz;
  • jordna l-protezzjoni tal-pulizija matul u wara l-proċedimenti;
  • jipprovdilek trasport lejn il-qorti f’karozzi uffiċjali;
  • fil-qorti, ipoġġik f’kamra ta’ stennija mgħassa mill-pulizija;
  • f’ċirkostanzi speċjali, jipprovdilek identità ġdida u għajnuna finanzjarja sabiex tkun tista’ tbiddel il-post, ir-residenza u l-impjieg tiegħek.

Jekk inti persuna minorenni li tagħmel stqarrija, il-kuntatt bl-għajnejn bejnek u l-persuna akkużata għandu jiġi evitat bl-użu ta’ kwalunkwe mezz tekniku possibbli. Il-konfrontazzjonijiet huma wkoll ristretti. Jekk ikollok xi kunflitt ta’ interess mar-rappreżentanti legali tiegħek li ma jagħmilhiex possibbli li tkun kunfidenti li l-interessi tiegħek ser jiġu ġestiti b’mod adegwat fl-investigazzjoni jew fil-proċedimenti kriminali, jew il-kunflitt ikun ma’ wieħed mill-ġenituri tiegħek u l-ġenitur l-ieħor ma jkunx kapaċi jwettaq id-dmirijiet tiegħu b’mod adegwat sabiex jirrappreżentak jew jgħinek, fost każijiet oħrajn, il-prosekutur pubbliku jitlob lill-imħallef jew lill-qorti sabiex jaħtru kustodju ad litem għalik, li jkollu d-dmir li jirrappreżentak fl-investigazzjoni u fil-proċedimenti kriminali.

Jekk inti persuna barranija, jista’ jkollok interpretu mingħajr ħlas, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa reġjonali rispettiva. Il-pulizija jistgħu joffrulek formola bil-lingwa tiegħek sabiex tirrapporta r-reat, kif ukoll aċċess għal interpretu bit-telefon jew personalment. Il-qrati għandhom servizz ta’ interpretu li jiġi kkoordinat mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità.

Jekk tkun tixtieq tressaq azzjoni ċivili fil-proċedimenti kriminali (parti ċivili), inti trid tidher ma’ avukat u rappreżentant tal-qorti fil-ħin li toffri l-possibbiltà li tidħol fil-proċedimenti bħala parti privata u dejjem qabel jiġi kklassifikat ir-reat. F’dan il-każ, inti tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek, li jiddefendi l-kawża tiegħek, kif ukoll mir-rappreżentant tal-qorti tiegħek, li jirrappreżentak formalment fil-proċedimenti.

Jekk tikseb kwalunkwe sussidju jew għajnuna abbażi tal-istatus tiegħek bħala vittma u inti kont is-suġġett ta’ kwalunkwe miżura ta’ protezzjoni prevista mil-liġi, inti għandek l-obbligu li tirrimborża s-sussidju jew l-għajnuna, fil-każijiet ta’ kundanna għal rapport falz ta’ reat jew simulazzjoni tar-reat, kif ukoll l-obbligu li tħallas l-ispejjeż imġarrba għall-amministrazzjoni għall-azzjonijiet ta’ rikonoxximent, protezzjoni u appoġġ u għas-servizzi pprovduti, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligazzjoni ċivili jew kriminali oħra li tista’ tapplika.

Nista’ nagħmel stqarrija matul il-proċess jew nagħti x-xhieda tiegħi? Taħt liema kundizzjonijiet?

Irrispettivament mir-rwol tiegħek fil-proċedimenti kriminali, ġeneralment tista’ tkun preżenti waqt is-seduti ta’ smigħ, anki jekk dawn ma jkunux pubbliċi. Inti tkun obbligat biss li tattendi sabiex tagħti x-xhieda tiegħek.

Waqt li tkun qed tieħu sehem fil-proċedimenti, tista’ tkompli tibbenifika mis-servizzi tal-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità.

Jekk inti vittma li ma dehritx fil-proċedimenti kriminali, ser tiġi informat bid-data u l-post tal-proċess. Ir-rwol ewlieni tiegħek ser ikun li tagħti x-xhieda tiegħek. Sabiex tkun tista’ tiġi nnotifikat bid-data u l-ħin tal-proċess, inti trid tikkomunika kwalunkwe bidla fl-indirizz tiegħek matul il-proċedimenti.

Inti tista’ tidher fil-proċedimenti bħala prosekutur privat qabel titħejja l-akkuża, jiġifieri qabel il-bidu tal-proċedimenti orali, ħlief fil-każ ta’ proċedimenti kriminali kontra persuna minorenni. Inti tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek, li jiddefendi l-kawża tiegħek, kif ukoll mir-rappreżentant tal-qorti tiegħek, li jirrappreżentak formalment fil-proċedimenti.

Jekk inti diġà prosekutur privat, l-avukat tiegħek ser ikollu aċċess għas-sommarju u għad-dokumenti l-oħrajn tal-kawża, kif ukoll drittijiet oħrajn, simili għal dawk tal-prosekutur pubbliku:

  • li jitlob il-ġbir ta’ aktar evidenza;
  • li jipproponi xhieda jew esperti ġodda li jappoġġjaw il-kawża tiegħek;
  • li jipproponi konfrontazzjonijiet, eċċ.

F’każ li l-persuna akkużata tiġi kkundannata, il-qorti tista’ tordnalha li tħallsek l-ispejjeż li ġejjin: l-ispiża ta’ avukati u rappreżentanti tal-qorti, esperti, ċertifikati minn reġistri pubbliċi u nutara, eċċ.

Bħala xhud, inti għandek id-dritt għal servizz ta’ interpretu mingħajr ħlas, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa reġjonali rispettiva, iżda ma għandekx il-possibbiltà ta’ traduzzjoni tad-dokumenti. Minkejja l-fatt li ġeneralment ikun diffiċli li tevita li tiġi wiċċ imb wiċċ mal-persuna akkużata u l-bini tal-qorti ġeneralment ma jkollux kmamar ta’ stennija differenti għax-xhieda, jekk inti kont vittma ta’ attakk sesswali tista’:

  • tibbenifika minn skrin fl-awla tal-qorti, jew
  • tixhed permezz ta’ vidjokonferenza.

Jekk ser tixhed u tinsab fil-periklu, il-president tal-qorti jista’ jordna seduta ta’ smigħ privata sabiex jipproteġi l-moralità, l-ordni pubbliku u lilek innifsek bħala vittma u/jew il-familja tiegħek. Bħala prosekutur privat, tista’ titlob li ssir seduta ta’ smigħ privata.

Jekk tiġi mħarrek sabiex tixhed u l-imħallef jara li tinsab f’riskju serju jew li l-libertà, il-proprjetà jew il-familja tiegħek qegħdin f’riskju, huwa jista’ jieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

  • jipproteġi l-identità, l-indirizz, il-professjoni jew il-post tax-xogħol tiegħek, billi ma jużax din l-informazzjoni fil-proċedimenti;
  • ma jħallikx tidher fil-qorti, billi jistabbilixxi l-qorti bħala l-indirizz għan-notifiki;
  • jipprevjeni l-immaġini tiegħek milli tiġi rrekordjata bl-użu ta’ kwalunkwe mezz;
  • jordna l-protezzjoni tal-pulizija matul u wara l-proċedimenti;
  • jipprovdilek trasport lejn il-qorti f’karozzi uffiċjali;
  • fil-qorti, ipoġġik f’kamra ta’ stennija mgħassa mill-pulizija;
  • f’ċirkostanzi speċjali, jipprovdilek identità ġdida u għajnuna finanzjarja sabiex tkun tista’ tbiddel il-post, ir-residenza u l-impjieg tiegħek.

Jekk inti persuna minorenni li tagħmel stqarrija, il-kuntatt wiċċ imb wiċċ bejnek u l-persuna akkużata għandu jiġi evitat bl-użu ta’ kwalunkwe mezz tekniku possibbli. Il-konfrontazzjonijiet huma wkoll ristretti. Jekk ikollok xi kunflitt ta’ interess mar-rappreżentanti legali tiegħek li ma jagħmilhiex possibbli li tkun kunfidenti li l-interessi tiegħek ser jiġu ġestiti b’mod adegwat fl-investigazzjoni jew fil-proċedimenti kriminali, jew il-kunflitt ikun ma’ wieħed mill-ġenituri tiegħek u l-ġenitur l-ieħor ma jkunx kapaċi jwettaq id-dmirijiet tiegħu b’mod adegwat sabiex jirrappreżentak jew jgħinek, fost każijiet oħrajn, il-prosekutur pubbliku jitlob lill-imħallef jew lill-qorti sabiex jaħtru kustodju ad litem għalik, li jkollu d-dmir li jirrappreżentak fl-investigazzjoni u fil-proċedimenti kriminali.

Jekk inti persuna barranija, jista’ jkollok interpretu mingħajr ħlas, jekk ma titkellimx bl-Ispanjol jew bil-lingwa reġjonali rispettiva. Il-qrati għandhom servizz ta’ interpretu li jiġi kkoordinat mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità.

X’informazzjoni nirċievi matul il-proċess?

Inti għandek id-dritt – jekk tkun għamilt it-talba rilevanti – li tirċievi informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-post tal-proċess u l-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur, kif ukoll li tiġi nnotifikat bid-deċiżjonijiet li ġejjin:

  • id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali;
  • is-sentenza finali fil-proċedimenti;
  • deċiżjonijiet li t-trasgressur jingħata sentenza ta’ priġunerija jew li jinħeles mill-arrest, kif ukoll il-ħarba possibbli tat-trasgressur mill-kustodja;
  • deċiżjonijiet li jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni personali jew li jiġu emendati dawk diġà miftiehma, meta jkunu fis-seħħ sabiex jiżguraw is-sikurezza tiegħek;
  • deċiżjonijiet minn kwalunkwe awtorità ġudizzjarja jew tal-ħabs li jaffettwaw lil dawk ikkundannati għal reati mwettqa bl-użu ta’ vjolenza jew intimidazzjoni u li joħolqu riskju għas-sikurezza tiegħek;
  • deċiżjonijiet li jinvolvu l-parteċipazzjoni tiegħek bħala vittma fl-eżekuzzjoni tas-sentenza u li jingħataw fl-ambjent tal-ħabs, kif ukoll dawk li jaffettwaw il-klassifikazzjoni tal-persuna kkundannata f’reġim ta’ ħabs miftuħ tal-grad 3, benefiċċji tal-ħabs, leave għal żmien qasir, libertà kondizzjonali, eċċ.

Meta titlob li tiġi nnotifikat bid-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq, inti trid tindika indirizz tal-posta elettronika jew, inkella, indirizz postali jew tad-dar, fejn ikunu jistgħu jintbagħtu l-komunikazzjonijiet u n-notifiki mill-awtorità.

B’mod eċċezzjonali, jekk ma jkollokx indirizz tal-posta elettronika, dawn jintbagħtu permezz tal-posta ordinarja fl-indirizz ipprovdut minnek.

Jekk inti ċittadin li tirrisjedi barra l-Unjoni Ewropea u ma għandekx indirizz tal-posta elettronika jew indirizz postali fejn jistgħu jintbagħtu l-komunikazzjonijiet, dawn jintbagħtu lill-uffiċċju konsulari jew diplomatiku Spanjol fil-pajjiż tar-residenza tiegħek għall-pubblikazzjoni.

In-notifiki li tista’ tirċievi jinkludu, bħala minimu, id-dispożizzjonijiet operattivi tad-deċiżjoni u l-bażi ġuridika tagħha.

Jekk bħala vittma tkun dehert formalment fil-proċedimenti, id-deċiżjonijiet jiġu nnotifikati lir-rappreżentant tal-qorti tiegħek u jiġu wkoll ikkomunikati lilek fl-indirizz tal-posta elettronika pprovdut minnek.

Fi kwalunkwe ħin, tista’ tesprimi x-xewqa tiegħek li ma tiġix informat bid-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq u t-talba li tkun għamilt imbagħad ma tibqax operattiva.

Jekk tkun tlabt li tiġi riferut għal Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jew qed tirċievi assistenza minn wieħed minn dawn l-Uffiċċji, inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità responsabbli mill-immaniġġjar tal-proċedura u l-mezzi għall-komunikazzjoni ma’ din l-awtorità, kif ukoll informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-post tal-proċess u l-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur.

Jekk inti vittma ta’ reat ta’ vjolenza sessista, għandek id-dritt li tiġi infurmat dwar is-sitwazzjoni proċedurali tal-aggressur u l-miżuri ta’ prekawzjoni meħuda, mingħajr ma jkollok bżonn titlob għal dan. Inti tista’, fi kwalunkwe ħin, tesprimi x-xewqa tiegħek li ma tirċevix l-informazzjoni.

Ser inkun nista’ nikseb aċċess għall-fajls tal-qorti?

Jekk inti diġà prosekutur privat, l-avukat tiegħek ikollu aċċess għas-sommarju u għad-dokumenti l-oħrajn tal-kawża.

L-attivitajiet ta’ kuljum tal-avukati jinkludu l-aċċess għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni legali, b’mod partikolari f’każijiet fejn il-klijent tagħhom ma jkunx parti fil-proċediment.

Skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, il-partijiet li jidhru jistgħu jiġu informati bil-proċedimenti u jipparteċipaw fil-formalitajiet proċedurali kollha.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

3 - Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni?

Jekk tkun tixtieq tappella kontra s-sentenza f’każ li l-persuna akkużata tiġi ddikjarata innoċenti, żomm f’moħħok li jekk ma kontx parti fil-proċedimenti, ma tistax tappella kontra s-sentenza.

Jekk kont parti fil-proċedimenti u inti prosekutur privat, tista’ tappella kif ġej:

  • kontra s-sentenza fi żmien għaxart ijiem minn meta tiġi nnotifikata; hemm diversi raġunijiet għal appell u huwa possibbli li tiġi riveduta l-evidenza. Dan huwa appell ordinarju.
  • Appell tal-kassazzjoni fi żmien ħamest ijiem minn meta tiġi nnotifikata s-sentenza; ir-raġunijiet huma ksur tal-liġi jew tal-Kostituzzjoni Spanjola jew raġunijiet formali. Dan huwa appell straordinarju.

Bħala parti ċivili, tista’ tressaq appell fil-kassazzjoni biss fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kumpens tiegħek.

Fir-rigward tal-possibbiltajiet għat-tressiq ta’ appelli oħrajn, jekk l-ewwel tkun ressaqt appell ordinarju, tkun tista’ tressaq appell ta’ kassazzjoni bħala t-tieni appell. L-appell tal-kassazzjoni jiġi deċiż mill-Qorti Suprema.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek informazzjoni dwar l-appelli li tista’ tressaq kontra d-deċiżjonijiet li tqis li huma inkompatibbli mad-drittijiet tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi wara li tingħata s-sentenza?

Jekk għamilt it-talba rilevanti, inti għandek id-dritt li tkun innotifikat bid-deċiżjonijiet li ġejjin:

  • id-deċiżjoni li ma jinbdewx proċedimenti kriminali;
  • is-sentenza finali fil-proċedimenti;
  • deċiżjonijiet li t-trasgressur jingħata sentenza ta’ priġunerija jew li jinħeles mill-arrest, kif ukoll il-ħarba possibbli tat-trasgressur mill-kustodja;
  • deċiżjonijiet li jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni personali jew li jiġu emendati dawk diġà miftiehma, meta l-għan tagħhom ikun li jiżguraw is-sikurezza tiegħek;
  • deċiżjonijiet minn kwalunkwe awtorità ġudizzjarja jew tal-ħabs li jaffettwaw lil dawk ikkundannati għal reati mwettqa bl-użu ta’ vjolenza jew intimidazzjoni u li joħolqu riskju għas-sikurezza tiegħek;
  • deċiżjonijiet li jinvolvu l-parteċipazzjoni tiegħek fl-eżekuzzjoni tas-sentenza u li jingħataw għal kwistjonijiet relatati mal-ħabs, kif ukoll dawk li jaffettwaw il-klassifikazzjoni tal-persuna kkundannata f’reġim ta’ ħabs miftuħ tal-Grad 3, benefiċċji tal-ħabs, leave għal żmien qasir, libertà kondizzjonali, eċċ.

Id-drittijiet ewlenin tiegħek matul l-eżekuzzjoni tas-sentenza huma d-dritt għal informazzjoni dwar is-sentenza tal-persuna akkużata. B’mod ġenerali, l-informazzjoni rigward il-ħelsien mill-ħabs titqies bħala parti mill-privatezza tagħha u ma tkunx tista’ tiġi kkomunikata lilek.

B’mod eċċezzjonali, jekk kont vittma ta’ reat ta’ vjolenza sessista, inti ser tiġi pprovdut informazzjoni dwar l-istatus proċedurali tal-persuna akkużata u kif qed tiskonta l-piena tagħha, sakemm tibqa’ fis-seħħ l-ordni ta’ protezzjoni jew l-ordni ta’ trażżin.

Jekk kont prosekutur privat fil-proċedimenti, inti tista’ tieħu sehem fis-sospensjoni tas-sentenza tal-persuna akkużata. Sentenza ta’ priġunerija ta’ inqas minn sentejn tista’ tiġi sospiża jekk ma jkunx hemm reċidività f’perjodu ta’ żmien partikolari. Wara dan il-perjodu, is-sentenza tiskadi. Il-qorti tiddeċiedi dwar is-sospensjoni tas-sentenza u inti tinstema’ mill-imħallef qabel id-deċiżjoni tal-qorti.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltà li għandek bħala vittma li tipparteċipa fl-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija u jwettqu kwalunkwe attivitajiet ta’ assistenza li jkunu meħtieġa sabiex inti tkun tista’ teżerċita d-drittijiet rikonoxxuti mil-liġi.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali jipprovdilek il-mezzi ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ ssib dak kollu li huwa relatat mal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija sal-iskontar tal-piena kollha, speċjalment f’każijiet fejn jingħataw benefiċċji jew jinħelsu l-persuni kkundannati.

Jien intitolat għal appoġġ jew protezzjoni wara l-proċess? Għal kemm żmien?

Jekk is-sentenza tiġi eżegwita u jkun meħtieġ, inti tista’ tkompli tingħata protezzjoni, jekk l-imħallef jiddeċiedi hekk. Inti jista’ jkollok protezzjoni tal-pulizija jew, f’każijiet eċċezzjonali, identità ġdida jew għajnuna finanzjarja sabiex tbiddel il-post ta’ residenza jew xogħol.

Għal ċerti reati, bħal vjolenza abbażi ta’ sess jew vjolenza domestika, tista’ titlob għal ordni ta’ protezzjoni li l-validità temporanja tagħha tiġi stabbilita b’deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja.

L-ordni ta’ protezzjoni tista’ tintalab direttament mill-awtorità ġudizzjarja jew mill-prosekutur pubbliku, jew minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jew inkella mis-servizzi soċjali jew l-istituzzjonijiet tal-kura marbuta mal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

L-ordni ta’ protezzjoni tirrappreżenta status ta’ protezzjoni komprensiva li jinkludi l-miżuri ta’ prekawzjoni ċivili u kriminali stabbiliti bil-liġi u kwalunkwe miżura oħra ta’ assistenza u protezzjoni soċjali stabbilita fis-sistema legali.

L-għoti ta’ ordni ta’ protezzjoni jimplika d-dmir li żżomm ruħek infurmat fuq bażi kontinwa dwar is-sitwazzjoni proċedurali tal-persuna akkużata jew suspettata, kif ukoll dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-validità tal-miżuri kawtelatorji meħuda. B’mod partikolari, inti tinżamm infurmat il-ħin kollu dwar is-sitwazzjoni tal-allegat aggressur fil-ħabs. Għaldaqstant, l-ordni ta’ protezzjoni tintbagħat lill-amministrazzjoni tal-ħabs.

Inti tista’ tkun protett ukoll minn ċerti pieni jew miżuri ta’ sigurtà li jiġu imposti fuq it-trasgressur: ordnijiet ta’ trażżin, ċaħda tas-setgħa tal-ġenituri jew tat-tutela, ċaħda tad-dritt li ġġorr u tuża armi, eċċ. Barra minn hekk, f’każijiet fejn is-sentenza tiġi sospiża qabel id-dħul fil-ħabs, l-imħallef jista’ jipprojbixxi lit-trasgressur milli jmur f’ċerti postijiet jew milli jersaq lejk, jobbliga lit-trasgressur sabiex jieħu sehem fi programmi edukattivi speċifiċi, eċċ.

Bħala vittma, inti intitolat sabiex:

a) titlob li jiġu imposti fuq il-parolee miżuri jew regoli ta’ mġiba previsti mil-liġi u meqjusa bħala meħtieġa sabiex tiżgura s-sikurezza tiegħek, meta din il-persuna tkun ġiet ikkundannata għal atti li minnhom tista’ raġonevolment tinħoloq sitwazzjoni ta’ periklu għalik;

b) tipprovdi lill-imħallef jew lill-qorti bi kwalunkwe informazzjoni li tkun rilevanti sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-infurzar tal-piena imposta, l-obbligazzjonijiet ċivili li jirriżultaw mir-reat jew il-konfiska li ntlaħaq qbil dwarha.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jikkooperaw u jikkoordinaw mal-korpi, l-istituzzjonijiet u s-servizzi li jistgħu jkunu involuti fl-għajnuna lill-vittmi: il-ġudikatura, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika, l-uffiċjali għall-infurzar tal-liġi, speċjalment fil-każ ta’ vittmi vulnerabbli b’riskju għoli ta’ vittimizzazzjoni. Barra minn hekk, jekk inti vittma li teħtieġ miżuri ta’ protezzjoni speċjali, huma jevalwaw il-każ tiegħek sabiex jiddeterminaw liema miżuri ta’ protezzjoni, assistenza u appoġġ għandhom jiġu pprovduti, li jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

  • l-għoti ta’ appoġġ psikoloġiku jew assistenza sabiex jittrattaw id-disturbi kkawżati mir-reat, bl-użu tal-aktar metodi psikoloġiċi xierqa għall-kura tiegħek;
  • akkumpanjament għall-proċess;
  • informazzjoni dwar ir-riżorsi psikosoċjali u tal-kura disponibbli u riferiment għal dawn is-servizzi jekk inti titlob dan;
  • kwalunkwe miżuri ta’ appoġġ speċjali li jistgħu jkunu meħtieġa jekk inti tkun vittma bi ħtiġijiet ta’ protezzjoni speċjali;
  • riferiment għal servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat;

Għal kemm żmien?

Il-miżuri protettivi ta’ natura ġudizzjarja ser ikunu validi għall-perjodu ta’ żmien stabbilit fid-deċiżjoni rilevanti mill-awtorità ġudizzjarja.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jissorveljaw is-sitwazzjoni tiegħek bħala vittma, speċjalment jekk inti vittma vulnerabbli, matul il-proċedimenti kriminali kollha u għal perjodu ta’ żmien xieraq wara li jintemmu, irrispettivament minn jekk l-identità tat-trasgressur u l-eżitu tal-proċedimenti jkunux magħrufa.

X’informazzjoni ningħata jekk it-trasgressur jingħata s-sentenza?

Id-drittijiet ewlenin tiegħek matul l-eżekuzzjoni tas-sentenza huma d-dritt għal informazzjoni dwar is-sentenza tal-persuna akkużata. B’mod ġenerali, l-informazzjoni rigward il-ħelsien mill-ħabs titqies bħala parti mill-privatezza tagħha u ma tkunx tista’ tiġi kkomunikata lilek.

B’mod eċċezzjonali, jekk kont vittma ta’ reat ta’ vjolenza sessista, inti ser tiġi pprovdut informazzjoni dwar l-istatus proċedurali tal-persuna akkużata u kif qed tiskonta l-piena tagħha, waqt li l-ordni ta’ protezzjoni jew l-ordni ta’ trażżin tkun fis-seħħ, ħlief meta tesprimi x-xewqa tiegħek li ma tirċievi ebda notifika dwar il-kwistjoni.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltà li għandek bħala vittma li tipparteċipa fl-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija u jwettqu kwalunkwe attivitajiet ta’ assistenza li jkunu meħtieġa sabiex inti tkun tista’ teżerċita d-drittijiet rikonoxxuti mil-liġi.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali jipprovdilek il-mezzi ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ ssib dak kollu li huwa relatat mal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija sal-mument li l-pieni jkunu ġew skontati kompletament, speċjalment f’każijiet fejn jingħataw benefiċċji jew jinħelsu l-persuni kkundannati.

Ser inkun infurmat jekk it-trasgressur jinħeles (inkluż billi jinħeles qabel iż-żmien jew b’libertà kondizzjonali) jew jaħrab mill-ħabs?

Jekk għamilt it-talba rilevanti, inti għandek id-dritt li tkun innotifikat bid-deċiżjonijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

  • deċiżjonijiet li t-trasgressur jingħata sentenza ta’ priġunerija jew li jinħeles mill-arrest, kif ukoll il-ħarba possibbli tat-trasgressur mill-kustodja;
  • deċiżjonijiet minn kwalunkwe awtorità ġudizzjarja jew tal-ħabs li jaffettwaw lil dawk ikkundannati għal reati mwettqa bl-użu ta’ vjolenza jew intimidazzjoni u li joħolqu riskju għas-sikurezza tiegħek;
  • deċiżjonijiet li jinvolvu l-parteċipazzjoni tiegħek fl-eżekuzzjoni tas-sentenza u li jingħataw għal kwistjonijiet relatati mal-ħabs, kif ukoll dawk li jaffettwaw il-klassifikazzjoni tal-persuna kkundannata f’reġim ta’ ħabs miftuħ tal-Grad 3, benefiċċji tal-ħabs, leave għal żmien qasir, libertà kondizzjonali, eċċ.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltà li għandek bħala vittma li tipparteċipa fl-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija u jwettqu kwalunkwe attivitajiet ta’ assistenza li jkunu meħtieġa sabiex inti tkun tista’ teżerċita d-drittijiet rikonoxxuti mil-liġi.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali jipprovdilek il-mezzi ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ ssib dak kollu li huwa relatat mal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija sal-mument li l-pieni jkunu ġew skontati kompletament, speċjalment f’każijiet fejn jingħataw benefiċċji jew jinħelsu l-persuni kkundannati.

Ser inkun involut f’deċiżjonijiet dwar ħelsien jew parole?

Bħala vittma tal-kriminalità, inti ser tkun intitolat sabiex:

  • titlob li jiġu imposti fuq il-parolee miżuri jew regoli ta’ mġiba previsti mil-liġi u meqjusa bħala meħtieġa sabiex tiżgura s-sikurezza tiegħek, meta din il-persuna tkun ġiet ikkundannata għal avvenimenti li minnhom tista’ raġonevolment tinħoloq sitwazzjoni ta’ periklu għall-vittma;
  • tipprovdi lill-imħallef jew lill-qorti bi kwalunkwe informazzjoni li tkun rilevanti sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza imposta, l-obbligazzjonijiet ċivili li jirriżultaw mir-reat jew il-konfiska li ntlaħaq qbil dwarha.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltà li għandek bħala vittma li tipparteċipa fl-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija u jwettqu kwalunkwe attivitajiet ta’ assistenza li jkunu meħtieġa sabiex inti tkun tista’ teżerċita d-drittijiet rikonoxxuti mil-liġi.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali jipprovdilek il-mezzi ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ ssib dak kollu li huwa relatat mal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ priġunerija sal-mument li l-pieni jkunu ġew skontati kompletament, speċjalment f’każijiet fejn jingħataw benefiċċji jew jinħelsu l-persuni kkundannati.

Pereżempju, nista’ nagħmel stqarrija jew inressaq appell?

Jekk inti tkun tlabt li tiġi nnotifikat b’ċerti deċiżjonijiet mogħtija għal kwistjonijiet relatati mal-ħabs, kif ukoll dawk li jaffettwaw il-klassifikazzjoni tal-persuna kkundannata f’reġim ta’ ħabs miftuħ tal-Grad 3, benefiċċji tal-ħabs, leave għal żmien qasir, libertà kondizzjonali, eċċ., tista’ tappella kontrihom anki jekk ma kontx parti fil-proċedimenti. Inti trid tavża lill-iskrivan tal-qorti kompetenti bix-xewqa tiegħek li tappella, mingħajr il-ħtieġa li tkun assistit minn avukat sabiex tagħmel dan, f’perjodu massimu ta’ ħamest ijiem li jibdew jgħoddu minn dakinhar meta tkun ġejt innotifikat bid-deċiżjoni u tressaq l-appell fi żmien ħmistax-il jum minn din in-notifika.

Sabiex tappella l-klassifikazzjoni possibbli tal-persuna kkundannata f’reġim ta’ ħabs miftuħ tal-Grad 3, inti trid tkun vittma ta’ wieħed mir-reati li ġejjin:

  • omiċidju;
  • abort;
  • korriment;
  • reati kontra l-libertà;
  • reati ta’ tortura u kontra l-integrità morali;
  • reati kontra l-libertà sesswali u indennizz;
  • reati ta’ serq imwettqa bi vjolenza jew intimidazzjoni;
  • reati ta’ terroriżmu;
  • reati ta’ traffikar tal-bnedmin.

Qabel ma l-awtorità tal-ħabs tagħti kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq, id-deċiżjoni inkwistjoni tiġi kkomunikata lilek sabiex tkun tista’ tissottometti kwalunkwe argument li tqis li huwa xieraq, sakemm tkun għamilt it-talba rilevanti sabiex tiġi nnotifikat b’dawn id-deċiżjonijiet.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek kwalunkwe informazzjoni li tkun teħtieġ dwar l-appelli li tista’ tressaq kontra d-deċiżjonijiet li tqis li huma inkompatibbli mad-drittijiet tiegħek.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

4 - Kumpens

X’inhu l-proċess sabiex titlob kumpens għad-danni mingħand it-trasgressur? (eż. kawża indipendenti, talba ċivili, proċedimenti ċivili u kriminali konġunti)

Bħala prosekutur privat, tista’ titlob kumpens għad-danni permezz ta’ azzjoni ċivili fi ħdan l-istess proċedimenti kriminali jew tiddifferixxi din it-talba sakemm jintemmu l-proċedimenti kriminali. Jekk iż-żewġ kawżi jkunu separati, il-kawża ċivili trid tistenna sakemm jintemmu l-proċedimenti kriminali.

Barra minn hekk, inti tista’ tidher biss fil-proċedimenti bħala parti ċivili li ma jkollha ebda kapaċità fil-proċedimenti. Jekk ma tidhirx bħala parti ċivili sabiex tfittex il-kumpens, il-prosekutur pubbliku jitlob l-azzjoni ċivili f’ismek. Jekk il-qorti tiddikjara li l-akkużat mhuwiex ħati jew ma tagħtikx il-kumpens, inti dejjem tista’ titlob kumpens għad-danni permezz ta’ proċedura ċivili.

Ir-responsabbiltà ċivili tal-akkużat tkopri r-restituzzjoni tal-proprjetà, li tagħmel tajjeb għad-danni u l-kumpens għad-danni, inklużi dawk ikkawżati lis-sieħeb/sieħba tiegħek u lit-tfal.

Tista’ wkoll tikseb kumpens mill-Istat.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità huma l-awtorità li tagħti assistenza lill-vittmi tal-kriminalità f’sitwazzjonijiet transfruntiera, f’każijiet fejn ir-reat kriminali mġarrab minnek ikun twettaq fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea minbarra Spanja waqt li inti tkun ordinarjament residenti fi Spanja. F’każijiet ta’ reati ta’ terroriżmu f’sitwazzjonijiet transfruntiera, il-Ministeru tal-Intern huwa l-awtorità tal-assistenza, permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu.

B’mod ġenerali, ħlief għal reati ta’ terroriżmu, l-awtorità tal-assistenza tikkoopera fil-bidu u fl-immaniġġjar tal-proċeduri għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea fejn twettaq ir-reat, sabiex b’hekk inti, bħala l-pretendent, tkun tista’ tikseb aċċess, minn Spanja, għall-kumpens mill-Istat li fit-territorju tiegħu twettaq ir-reat.

Għaldaqstant, l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek, bħala applikant għall-għajnuna, l-informazzjoni li ġejja:

  • informazzjoni dwar il-possibbiltajiet li tintalab għajnuna finanzjarja jew kumpens, il-proċeduri jew il-formoli meħtieġa, inkluż il-mod kif dawn iridu jimtlew, u d-dokumentazzjoni ta’ sostenn li tista’ tkun meħtieġa;
  • gwida ġenerali dwar kif timla t-talbiet għal informazzjoni addizzjonali.

Barra minn hekk, bħala l-awtorità tal-assistenza, l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jridu jagħmlu dan li ġej:

  • jibagħtu t-talba tiegħek u d-dokumentazzjoni ta’ sostenn, kif ukoll kwalunkwe dokumentazzjoni li tista’ tkun meħtieġa sussegwentement, fejn applikabbli, lill-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet maħtura mill-Istat li fit-territorju tiegħu twettaq ir-reat;
  • jikkooperaw mal-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet meta, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, din l-awtorità tiddeċiedi li tisma’ lill-pretendent jew lil kwalunkwe persuna oħra.

L-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet hija d-Direttorat Ġenerali tal-Ispejjeż tal-Persunal u l-Pensjonijiet tal-Istat fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi meta t-talba għall-għajnuna mill-Istat stabbilita legalment tiġi ttrattata permezz tal-awtorità tal-assistenza tal-Istat fejn il-pretendent ikun ordinarjament residenti.

L-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet trid tikkomunika dan li ġej kemm lilek bħala applikant għall-għajnuna kif ukoll lill-awtorità tal-assistenza:

  • irċevuta tat-talba għall-għajnuna mill-Istat, il-korp li jiftaħ il-proċedimenti, il-perjodu ta’ żmien sabiex tingħata deċiżjoni u, jekk possibbli, id-data antiċipata ta’ meta ser tittieħed id-deċiżjoni;
  • id-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedimenti.

Għal reati ta’ terroriżmu, il-Ministeru tal-Intern (id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu) jaġixxi bħala l-awtorità tal-assistenza f’każijiet fejn il-post fejn jitwettaq ir-reat ikun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea minbarra Spanja u inti, bħala l-applikant għall-għajnuna, tkun ordinarjament residenti fi Spanja, sabiex b’hekk tkun tista’ tikseb aċċess, minn Spanja, għall-kumpens xieraq, fejn applikabbli, mill-Istat li fit-territorju tiegħu twettaq ir-reat. L-azzjonijiet li jridu jitwettqu mid-Direttorat Ġenerali tal-Appoġġ għall-Vittmi, bħala l-awtorità tal-assistenza jew tat-teħid tad-deċiżjonijiet, huma ekwivalenti għal dawk li jappartjenu lid-Direttorat Ġenerali tal-Ispejjeż tal-Persunal u l-Pensjonijiet tal-Istat fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi.

Il-qorti ordnat lit-trasgressur sabiex iħallasni danni/kumpens. Kif nista’ niżgura li t-trasgressur iħallas?

L-Istat iħallas l-għajnuna kollha jew parti minnha meta t-trasgressur ikun ġie ddikjarat parzjalment insolventi.

L-Istat ser ikun surrogat, sal-ammont sħiħ tal-għajnuna provviżorja jew finali li tkun ingħatajt bħala vittma jew benefiċjarju, għad-drittijiet tiegħek kontra l-parti ċivilment responsabbli għar-reat.

L-Istat jista’ jressaq azzjoni għall-irkupru kontra l-parti ċivilment responsabbli għall-att kriminali sabiex jitlob ir-rimborż sħiħ jew parzjali tal-għajnuna mogħtija.

Din l-azzjoni ser titwettaq, fejn xieraq, permezz tal-proċedura ta’ rkupru amministrattiv u ser tapplika fil-każijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

  • fejn id-deċiżjoni ġudizzjarja finali ssib li ma twettaq ebda reat;
  • fejn, wara l-ħlas, kemm inti bħala l-vittma, kif ukoll il-benefiċjarji tiegħek ksibtu, għal kwalunkwe raġuni, kumpens sħiħ jew parzjali għad-danni mġarrba fit-tliet snin wara l-għoti tal-għajnuna;
  • fejn l-għajnuna tkun inkisbet abbażi tal-forniment ta’ informazzjoni falza jew deliberatament inkompleta jew bi kwalunkwe mezz frodulenti ieħor, kif ukoll l-ommissjoni deliberata ta’ ċirkostanzi li jwasslu għar-rifjut jew it-tnaqqis tal-għajnuna mitluba;
  • fejn il-kumpens mogħti fis-sentenza jkun inqas mill-għajnuna provviżorja.

Din l-azzjoni titressaq mill-Istat li jidher fil-proċedimenti kriminali jew ċivili li jitwettqu, mingħajr preġudizzju għall-azzjoni ċivili li tista’ titressaq mill-prosekutur pubbliku.

Jekk it-trasgressur ma jħallasx, jista’ l-Istat iħallasni avvanz? Taħt liema kundizzjonijiet?

L-Istat iħallas l-għajnuna kollha jew parti minnha meta l-persuna kkundannata għar-reat tkun ġiet iddikjarata parzjalment insolventi.

L-għajnuna provviżorja tista’ tingħata qabel ma tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja finali li ttemm il-proċedimenti kriminali, sakemm tkun intweriet is-sitwazzjoni ekonomika prekarja li tkun tħallejt fiha bħala l-vittma jew il-benefiċjarju.

L-għajnuna provviżorja tista’ tintalab ladarba tkun irrapportajt l-avvenimenti lill-awtoritajiet kompetenti jew meta l-proċedimenti kriminali jitwettqu ex officio abbażi ta’ dawn l-avvenimenti.

Jien intitolat(a) għal kumpens mill-Istat?

Tista’ tikseb kumpens mill-Istat.

Fi Spanja, hemm sistema ta’ għajnuna għall-vittmi ta’ reati intenzjonati u vjolenti, imwettqa fi Spanja, li jwasslu għal mewt, offiża serja fuq il-persuna jew dannu serju għas-saħħa fiżika jew mentali. L-għajnuna tingħata wkoll lill-vittmi ta’ reati kontra l-libertà sesswali, anki meta dawn ir-reati jitwettqu mingħajr vjolenza.

B’mod ġenerali, tista’ tikseb aċċess għall-għajnuna finanzjarja stabbilita legalment jekk, fiż-żmien meta jitwettaq ir-reat, inti tkun Spanjol jew ċittadin ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jew jekk ebda waħda minn dawn ta’ hawn fuq ma tapplika għalik, tkun ordinarjament residenti fi Spanja jew ċittadin ta’ Stat ieħor li jagħti għajnuna simili lil ċittadini Spanjoli fit-territorju tiegħu.

F’każ ta’ mewt, ir-rekwiżiti tan-nazzjonalità jew tar-residenza msemmija hawn fuq iridu jiġu ssodisfati mill-benefiċjarji, mhux mill-persuna deċeduta.

Fil-każ ta’ offiża serja fuq il-persuna jew dannu serju għas-saħħa fiżika jew mentali, il-vittmi diretti, jiġifieri dawk li sofrew l-offiżi jew id-danni, ser ikunu l-benefiċjarji.

Fil-każ ta’ mewt, il-benefiċjarji huma l-vittmi indiretti, li jkunu dawn li ġejjin:

  • Il-konjuġi tal-persuna deċeduta, jekk ma kinux legalment separati, jew il-persuna li għexet mal-persuna deċeduta fuq bażi permanenti f’relazzjoni simili għal żwieġ għal mill-inqas sentejn qabel il-mewt, sakemm ma kellhomx tfal flimkien, f’liema każ sempliċi koabitazzjoni tkun biżżejjed. It-tfal tal-persuni msemmija huma wkoll inklużi, anki jekk ma kinux it-tfal tal-persuna deċeduta, sakemm kienu finanzjarjament dipendenti fuq dik il-persuna u kien hemm koabitazzjoni.

Il-benefiċjarji fl-ebda każ ma jinkludu lil xi ħadd li ġie kkundannat għal omiċidju intenzjonat f’xi waħda mill-forom tiegħu, fejn il-persuna deċeduta kienet il-konjuġi tiegħu jew tagħha jew il-persuna li magħha kien jew kienet f’relazzjoni stabbli simili għal żwieġ.

  • Il-wild tal-persuna deċeduta, li kien dipendenti fuq dik il-persuna u kien hemm koabitazzjoni, jekk wieħed jassumi li tfal li huma taħt l-età jew adulti b’diżabilità huma finanzjarjament dipendenti.
  • Il-ġenitur tal-persuna deċeduta, li kien finanzjarjament dipendenti fuq dik il-persuna, sakemm ma jkun hemm ħadd fis-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq.
  • Il-ġenituri ta’ persuna minorenni li tmut bħala konsegwenza diretta tar-reat jitqiesu wkoll bħala vittmi indiretti għall-finijiet tal-għajnuna finanzjarja stabbilita mil-liġi Spanjola.

L-offiżi li jintitolaw lill-vittmi sabiex jirċievu għajnuna finanzjarja huma dawk li jkunu ta’ dannu għall-integrità tal-persuna jew għas-saħħa fiżika jew mentali u li jwasslu għal diżabilità temporanja, għal aktar minn sitt xhur, jew permanenti, bi grad ta’ diżabilità ta’ mill-inqas 33 %, tal-persuna li ġarrbithom.

Bħala regola ġenerali, l-għoti tal-għajnuna jiddependi fuq l-għoti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja finali li ttemm il-proċedimenti kriminali. B’kont meħud tal-iskedi ta’ żmien sabiex tittieħed deċiżjoni dwar kawżi kriminali, qabel ma tingħata deċiżjoni ġudizzjarja finali li ttemm il-proċedimenti kriminali, il-liġi tipprevedi l-possibbiltà li tingħata għajnuna provviżorja, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika prekarja tal-vittma tar-reat jew tal-benefiċjarji tagħha. L-għajnuna provviżorja tista’ tintalab ladarba l-vittma tkun irrapportat l-avvenimenti lill-awtoritajiet kompetenti jew meta l-proċedimenti kriminali jkunu nbdew mill-korpi kompetenti mingħajr il-ħtieġa ta’ rapport.

L-ammont ta’ għajnuna f’ebda każ ma jista’ jaqbeż il-kumpens stabbilit fis-sentenza.

Fil-każ tal-mewt ta’ persuna minorenni jew b’diżabilità bħala konsegwenza diretta tar-reat, il-ġenituri jew il-kustodji tal-minorenni jkunu intitolati biss għal għajnuna li tikkonsisti f’kumpens għall-ispejjeż tal-funeral li effettivament tħallsu sal-limitu stabbilit legalment.

F’każijiet ta’ reati kontra l-libertà sesswali li jikkawżaw danni għas-saħħa mentali tal-vittma, l-ammont ta’ għajnuna ser ikopri l-ispejjeż tat-trattament terapewtiku magħżul liberament mill-vittma, b’massimu stabbilit mil-liġi.

B’mod ġenerali, il-limitu ta’ żmien sabiex tintalab l-għajnuna huwa ta’ sena, li jibda jgħodd minn meta twettaq ir-reat. Dan il-limitu ta’ żmien jiġi sospiż meta jibdew il-proċedimenti kriminali u jerġa’ jibda meta tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja finali u tiġi nnotifikata lill-vittma.

Ir-riċeviment tal-għajnuna huwa inkompatibbli ma’ dan li ġej:

  • il-kumpens stabbilit permezz tas-sentenza. Madankollu, l-għajnuna kollha jew parti minnha titħallas meta t-trasgressur ikun ġie ddikjarat bħala parzjalment insolventi;
  • kumpens jew għajnuna minn assigurazzjoni privata, kif ukoll mas-sussidju tas-Sigurtà Soċjali li jista’ japplika minħabba d-diżabilità temporanja tal-vittma. Madankollu, l-għajnuna titħallas lill-benefiċjarju ta’ assigurazzjoni privata meta l-ammont tal-kumpens li għandu jiġi riċevut taħt din l-assigurazzjoni kien inqas mill-ammont stabbilit fis-sentenza;
  • ir-riċeviment ta’ din l-għajnuna f’ebda każ ma jkun kompatibbli mal-kumpens għad-danni lill-vittmi ta’ gruppi armati u terroristi.

Ir-riċeviment tal-għajnuna huwa kompatibbli ma’ dawn li ġejjin:

  • f’każijiet ta’ diżabilità permanenti jew mewt tal-vittma, mar-riċeviment ta’ kwalunkwe pensjoni tal-Istat li l-benefiċjarju huwa intitolat li jirċievi;
  • l-assistenza soċjali prevista fl-Artikolu 27 tal-Liġi Organika 1/2004 tat-28 ta’ Diċembru 2004 dwar Miżuri ta’ Protezzjoni Komprensiva kontra l-Vjolenza Abbażi ta’ Sess (Ley Orgánica 1/2004 de 28 de diciembre, de Medidas de Protección Integral contra la Violencia de Género).

L-għajnuna għal diżabilità permanenti ser tkun inkompatibbli mal-għajnuna għal diżabilità temporanja.

Il- kompetenza sabiex jiġu pproċessati u deċiżi t-talbiet għall-għajnuna mill-Istat stabbilita legalment tinsab f’idejn id-Direttorat Ġenerali tal-Ispejjeż tal-Persunal u l-Pensjonijiet tal-Istat fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi, għall-vittmi ta’ kwalunkwe reat, ħlief għal vittmi tat-terroriżmu, f’liema każ ikun kompetenti l-Ministeru tal-Intern (id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu).

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, hemm serje ta’ għajnuniet mill-Istat maħsuba għall-vittmi tat-terroriżmu sabiex jikkumpensaw għad-danni kkawżati minn dawn it-tipi ta’ reati, diment li jkun hemm konnessjoni sħiħa bejn l-att terroristiku u d-danni mġarrba.

Dawn li ġejjin huma danni eliġibbli għal kumpens:

  • offiżi fuq il-persuna, fiżiċi u mentali, kif ukoll l-ispejjeż għal trattament mediku, proteżi u kirurġija.

Dawn l-ispejjeż jitħallsu lill-persuna affettwata biss f’każ li ma jkunux koperti kompletament jew parzjalment minn sistema ta’ protezzjoni soċjali pubblika jew privata;

  • danni materjali kkawżati lid-djar ta’ persuni fiżiċi jew dawk li jseħħu fi stabbilimenti kummerċjali u industrijali, lill-kwartieri ġenerali ta’ partiti politiċi, trade unions u organizzazzjonijiet soċjali;
  • l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni provviżorja waqt li jkun qed jitwettaq xogħol ta’ tiswija fir-residenzi ordinarji ta’ persuni fiżiċi;
  • danni kkawżati lil vetturi privati, kif ukoll dawk imġarrba minn vetturi użati għat-trasport fuq l-art ta’ persuni jew oġġetti, ħlief vetturi ta’ proprjetà pubblika.

Il-kumpens għad-danni indikati, ħlief għall-offiżi fuq il-persuna, ser ikun sussidjarju għal dak stabbilit għall-istess każijiet minn kwalunkwe korp pubbliku ieħor jew dawk li jirriżultaw minn ftehimiet ta’ assigurazzjoni. F’dawn il-każijiet, kwalunkwe ammont li jista’ jirriżulta mid-differenza bejn dak li tħallas minn dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi jew entitajiet tal-assigurazzjoni u l-valwazzjoni uffiċjali ser jiġi kkumpensat.

L-ammont ta’ kumpens jiġi ddeterminat skont il-ħsara prodotta (is-severità tal-offiżi u t-tip ta’ diżabilità li jikkawżaw, mewt, eċċ.).

Għajnuna oħra:

  • għall-istudju: meta att terroristiku jirriżulta f’korrimenti personali ta’ sinifikat partikolari għal student, il-ġenituri jew il-kustodji tiegħu, jew jekk dawn il-korrimenti ma jħalluhomx aktar tajbin sabiex jeżerċitaw il-professjoni regolari tagħhom;
  • assistenza u konsulenza psikoloġika immedjata, kemm għall-vittmi kif ukoll għall-membri tal-familja;
  • għajnuna straordinarja maħsuba biex ittaffi, b’mod eċċezzjonali, sitwazzjonijiet ta’ ħtieġa personali jew familjari tal-vittmi, li mhumiex koperti jew huma koperti b’mod notevolment insuffiċjenti permezz ta’ għajnuna ordinarja.

Il-benefiċjarji tal-għajnuna:

  • jekk ikun hemm korrimenti, il-persuni korruti;
  • jekk kien hemm mewt:
    • il-konjuġi tal-persuna deċeduta;
    • is-sieħeb/sieħba barra ż-żwieġ li miegħu/magħha l-persuna deċeduta tkun ikkoabitat għal mill-inqas sentejn;
    • is-sieħeb/sieħba barra ż-żwieġ li miegħu/magħha l-persuna deċeduta kellha t-tfal;
    • il-ġenituri tal-persuna deċeduta jekk dawn kienu finanzjarjament dipendenti fuq dik il-persuna. Fin-nuqqas ta’ ġenituri u f’din l-ordni, il-neputijiet, l-aħwa u n-nanniet tal-persuna mejta li kienu finanzjarjament dipendenti fuq dik il-persuna;
    • jekk ma hemm l-ebda waħda mill-persuni msemmija hawn fuq, it-tfal u, fin-nuqqas tagħhom, il-ġenituri li ma kinux finanzjarjament dipendenti fuq il-persuna deċeduta.

B’mod ġenerali, il-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tat-talbiet għal kumpens għal danni personali jew materjali ser ikun ta’ sena, li jibda jgħodd mid-data li fiha seħħew id-danni.

L-Uffiċċju ta’ Assistenza u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali (Oficina de Información y Asistencia a Víctimas del Terrorismo de la Audiencia Nacional), b’kollaborazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, jgħinek bħala vittma tat-terroriżmu permezz tal-proċess tat-talba għall-kumpens: il-kisba taċ-ċertifikati tas-sentenzi finali, tal-ordnijiet sabiex ma jiġux infurzati obbligazzjonijiet ċivili u ta’ dokumenti oħrajn meħtieġa sabiex tiġi pproċessata l-għajnuna.

Jien inkun intitolat(a) għal kumpens jekk it-trasgressur ma jiġix ikkundannat?

Is-sentenza finali fil-proċedimenti kriminali, li ma tistax tiġi appellata, għandha tipprova li l-mewt, l-offiżi fuq il-persuna u d-dannu serju għas-saħħa fiżika jew mentali jikkostitwixxu reat intenzjonat u vjolenti u, konsegwentement, is-sentenza jkollha tiddetermina l-kumpens xieraq.

Sabiex tissottometti t-talba għal għajnuna finanzjarja, inti trid tehmeż mat-talba kopja tad-deċiżjoni ġudizzjarja finali li ttemm il-proċedimenti kriminali, kemm jekk din tkun sentenza, sentenza mogħtija b’kontumaċja jew deċiżjoni li tagħlaq il-każ minħabba mewt tat-trasgressur, jew inkella deċiżjoni li tiċħad il-każ.

L-ammont ta’ għajnuna mogħtija f’ebda ma jista’ jaqbeż il-kumpens stabbilit fis-sentenza.

Jien intitolat għal ħlas ta’ emerġenza waqt li nkun qed nistenna d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi għall-kumpens?

Tista’ tingħata għajnuna provviżorja qabel ma tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja finali li ttemm il-proċedimenti kriminali, sakemm tiġi pprovduta evidenza tas-sitwazzjoni ekonomika prekarja li tkunu tħallejtu fiha inti, bħala l-vittma, jew il-benefiċjarji tiegħek.

L-għajnuna provviżorja tista’ tintalab ladarba tkun irrapportajt l-avvenimenti lill-awtoritajiet kompetenti jew meta l-proċedimenti kriminali jitwettqu ex officio abbażi ta’ dawn l-avvenimenti.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

5 - Id-drittijiet tiegħi f'dak li għandu x'jaqsam ma' appoġġ u assistenza

Jien vittma tal-kriminalità. Lil min għandi nikkuntattja għall-appoġġ u l-assistenza?

Jekk int vittma tal-kriminalità, tista’ tmur f’Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità (Oficinas de Asistencia a las Víctimas del delito).

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità huma servizz multidixxiplinarju pubbliku mingħajr ħlas li jindirizza l-ħtiġijiet tal-vittmi, immexxi mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

Hemm Uffiċċji Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidafil-komunitajiet awtonomi kollha, kważi fil-bliet kapitali provinċjali kollha, kif ukoll fi bliet oħrajn.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek appoġġ komprensiv, ikkoordinat u speċjalizzat bħala vittma tal-kriminalità, filwaqt li jissodisfaw il-ħtiġijiet legali, psikoloġiċi u soċjali speċifiċi tiegħek.

Jekk inti vittma ta’ terroriżmu, tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali (Oficina de Información y Asistencia a Víctimas del Terrorismo de la Audiencia Nacional), għalkemm tista’ tmur fl-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità fil-provinċja tiegħek jekk tixtieq. L-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità mbagħad jikkoordina mal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali.

Il-kura u l-appoġġ offruti mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità huma pprovduti f’serje ta’ fażijiet:

  • Fażi ta’ akkoljenza u orjentazzjoni: il-fażi ta’ orjentazzjoni hija meta l-Uffiċċju jipprovdilek informazzjoni komprensiva dwar l-azzjonijiet li trid tieħu, il-kwistjonijiet li trid tindirizza u l-konsegwenzi possibbli. Din il-fażi ġeneralment isseħħ permezz ta’ intervista, wiċċ imb’wiċċ jew fuq it-telefon, fejn ikollok iċ-ċans li tispjega l-problemi u l-ħtiġijiet tiegħek. Abbażi tal-ispjegazzjoni tiegħek, inti tingħata gwida, tiġi vvalutata l-possibbiltà ta’ interventi minn sorsi oħrajn u jsiru riferimenti, jekk ikun hemm bżonn.
  • Fażi ta’ informazzjoni: bħala vittma, billi tibda mill-ewwel kuntatt mal-awtoritajiet u l-uffiċjali, saħansitra qabel tressaq ilment, inti għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni li taqbel maċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet personali tiegħek, kif ukoll in-natura tar-reat kriminali li esperjenzajt u d-danni li ġarrabt. Din l-informazzjoni tikkonċerna ċerti aspetti bħal:
  • Kif tista’ tagħmel ilment u l-proċedura għat-tressiq tiegħu.
  • Is-servizzi speċjalizzati u r-riżorsi psikosoċjali u tal-kura disponibbli, irrispettivament minn jekk jitressaqx ilment, u kif jinkiseb l-aċċess għalihom.
  • Il-miżuri ta’ kura u appoġġ (mediċi, psikoloġiċi jew materjali) disponibbli u l-proċedura sabiex jinkisbu, inkluża, fejn xieraq, informazzjoni dwar il-possibbiltajiet li tinkiseb akkomodazzjoni alternattiva.
  • Kif tista’ tikseb pariri u difiża legali u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas.
  • Akkumpanjament għalik, matul il-proċedimenti, għall-proċess, jekk tkun teħtieġ dan, u/jew għall-awtoritajiet kriminali differenti.
  • Possibbiltà għalik li titlob miżuri ta’ protezzjoni u, fejn xieraq, il-proċedura sabiex tagħmel dan.
  • Pariri dwar drittijiet ekonomiċi relatati mal-proċedimenti, b’mod partikolari rigward l-għajnuna u l-kumpens li għalihom tista’ tkun intitolat abbażi tad-danni kkawżati mir-reat kriminali u, fejn xieraq, liema proċedura għandha tintuża sabiex titlobhom.
  • Il-proċedura li trid issegwi sabiex teżerċita d-drittijiet tiegħek bħala vittma tal-kriminalità jekk tgħix barra Spanja.
  • Id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità responsabbli sabiex tittratta l-proċedimenti tiegħek u l-mezzi għall-komunikazzjoni magħha u informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-post tal-proċess, kif ukoll il-kontenut tal-akkuża kontra t-trasgressur.
  • Is-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva (eż. medjazzjoni) disponibbli, f’każijiet fejn dan ikun legalment possibbli.
  • Il-każijiet li fihom tista’ tiġi rimborżat għall-ispejjeż legali u, fejn xieraq, il-proċedura applikabbli sabiex titlobhom, eċċ.
  • Fażi ta’ intervent: l-intervent mill-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jseħħ f’oqsma differenti:
  • Interventi legali: l-Uffiċċji jipprovdulek l-assistenza legali li teħtieġ u, b’mod speċifiku, jagħtuk informazzjoni dwar it-tip ta’ assistenza li tista’ tirċievi fil-kuntest tal-proċedimenti ġudizzjarji, id-drittijiet li tista’ teżerċita bħala parti mill-proċedimenti, il-mod li bih u l-kundizzjonijiet li fihom tista’ tikseb aċċess għal pariri legali u t-tipi ta’ servizzi jew organizzazzjonijiet li tista’ tikkuntattja sabiex jagħtuk appoġġ.

Fil-każijiet kollha, l-assistenza legali tkun ġenerali fir-rigward tal-mod li bih jitwettqu l-proċedimenti u l-mod kif jiġu eżerċitati drittijiet differenti, billi l-avukat tiegħek huwa responsabbli għall-gwida u l-għajnuna legali f’kull każ.

  • Interventi mediċi u psikoloġiċi: il-kura psikoloġika offruta mill-Uffiċċji tikkonsisti fil-valutazzjoni u t-trattament tas-sitwazzjoni tiegħek sabiex titnaqqas il-kriżi kkawżata mir-reat, sabiex tlaħħaq mal-proċedimenti ġudizzjarji li jirriżultaw mir-reat u l-akkumpanjament matul il-proċedimenti u t-tisħiħ tal-istrateġiji u l-abbiltajiet tiegħek, li jippermettu għajnuna mill-ambjenti ta’ madwarek.

L-Uffiċċji joħolqu pjan ta’ appoġġ psikoloġiku f’każ li inti tkun vittma partikolarment vulnerabbli jew fil-bżonn ta’ protezzjoni speċjali.

  • Interventi ekonomiċi: fir-rigward tal-għajnuna ekonomika li għaliha tkun intitolat jekk kont vittma ta’ reat kriminali vjolenti jew reat kriminali kontra l-libertà sesswali, l-Uffiċċji primarjament ikollhom irwol ta’ informazzjoni u jistgħu jgħinu fit-trattament tal-pretensjonijiet.
  • Interventi soċjali u ta’ kura: f’dan il-qasam, l-Uffiċċji ser ikunu kkoordinati fil-kura li jipprovdulek u, fejn xieraq, jirreferuk għas-servizzi soċjali, l-istituzzjonijiet tal-kura jew l-organizzazzjonijiet disponibbli sabiex jiżguraw li inti jkollok akkomodazzjoni sikura, kura medika immedjata u kwalunkwe għajnuna finanzjarja li tista’ tkun intitolat għaliha, b’attenzjoni partikolari mogħtija għall-ħtiġijiet li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ta’ invalidità, kura fl-isptar, mewt u dawk ikkawżati minn sitwazzjoni possibbli ta’ vulnerabbiltà.
  • Fażi ta’ monitoraġġ: l-Uffiċċji ser jimmonitorjaw il-każ tiegħek, speċjalment jekk inti vittma vulnerabbli, matul il-proċess kriminali kollu u għal perjodu ta’ żmien xieraq wara li jintemm il-proċess. F’din il-fażi, l-Uffiċċji ser janalizzaw is-sitwazzjoni legali, medika u psikoloġika, soċjali u ta’ kura, kif ukoll ekonomika tiegħek wara r-reat kriminali f’perjodi differenti. Iż-żmien xieraq għall-monitoraġġ jiġi ddeterminat skont is-sitwazzjoni tiegħek.

Jekk inti vittma tat-terroriżmu, il-funzjonijiet ewlenin tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali huma dawn li ġejjin:

  • li jipprovdilek informazzjoni dwar l-istat tal-proċedimenti ġudizzjarji li jistgħu jaffettwawk abbażi tar-reat kriminali mwettaq;
  • li jagħtik pariri dwar dak kollu li huwa relatat mal-proċedimenti kriminali u amministrattivi li jistgħu jaffettwawk;
  • li joffrilek akkumpanjament personali għall-proċessi li jsiru rigward l-atti terroristiċi li jistgħu jaffettwawk;
  • li jipprovdilek appoġġ emozzjonali u terapewtiku, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Ministeru tal-Intern;
  • li jippromwovi l-protezzjoni tas-sikurezza u l-privatezza tiegħek bħala vittma tal-kriminalità fil-parteċipazzjoni tiegħek fil-proċedimenti ġudizzjarji;
  • li jinformak dwar il-kumpensi ewlenin għall-vittmi tat-terroriżmu u fil-każijiet kollha jirreferik għad-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu fi ħdan il-Ministeru tal-Intern;
  • li jinnotifikak dwar dak kollu li huwa relatat mal-infurzar tas-sentenza ta’ priġunerija, sakemm is-sentenza tkun ġiet skontata kompletament, b’mod partikolari f’każijiet fejn dawk ikkundannati jkunu ngħataw benefiċċji jew inħelsu.

Għall-vittmi tat-terroriżmu, id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu fi ħdan il-Ministeru tal-Intern ser jaġixxi bħala one-stop shop għal kwalunkwe proċedimenti li jistgħu jinbdew min-nies u l-familji affettwati minn azzjoni terroristika quddiem l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Istat, billi jirreferi kwalunkwe talbiet magħmula lill-korp kompetenti u jassumi r-relazzjoni mal-persuna kkonċernata.

Barra minn hekk, id-Direttorat Ġenerali ser jikkollabora mal-korpi kompetenti tal-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Istat u l-amministrazzjonijiet pubbliċi l-oħrajn fir-rigward tal-assistenza u l-appoġġ għall-vittmi tat-terroriżmu sabiex tiġi żgurata protezzjoni komprensiva għall-vittmi.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi tat-Terroriżmu ser ikun responsabbli għall-immaniġġjar, il-ġestjoni u l-abbozzar ta’ deċiżjonijiet dwar għajnuna u kumpens għal dawk affettwati minn reati ta’ terroriżmu.

Hotline ta’ appoġġ għall-vittmi

Matul il-fażi ta’ akkoljenza jew orjentazzjoni, inti tista’ tattendi personalment fl-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jew inkella tikkuntattjahom bit-telefon.

Għal ċerti reati bħal vjolenza sessista, fi Spanja hemm servizzi tat-telefon għal assistenza u gwida, eż. is-Servizz Telefoniku 016 għal Informazzjoni u Pariri Legali dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Sess (Servicio telefónico de información y asesoramiento jurídico en materia de violencia de género).

Fil-każ ta’ vittmi partikolarment vulnerabbli, bħal minorenni, hemm servizzi speċifiċi, bħall-Hotline tal-Fondazzjoni ANAR (Għajnuna għat-Tfal u l-Adoloxxenti f’Riskju) (Servicio de atención telefónica de la Fundación ANAR)), li huma mmirati għat-tfal u ż-żgħażagħ, l-adulti u l-qraba ta’ minorenni u l-qraba fil-każ ta’ minorenni neqsin.

Is-Servizz Telefoniku 016 għal Informazzjoni u Pariri Legali dwar il-Vjolenza Sessista jipprovdi assistenza professjonali u mingħajr ħlas 24 siegħa kuljum, 365 jum fis-sena. Id-data tal-persuni li jużaw dan is-servizz hija garantita li tibqa’ kunfidenzjali l-ħin kollu.

L-assistenza hija offruta b’51 lingwa. Speċifikament, l-assistenza 24 siegħa kuljum hija offruta bl-Ispanjol, bil-Katalan, bil-Galizjan, bil-Bask, bl-Ingliż u bil-Franċiż, u permezz ta’ servizz ta’ tele-traduzzjoni għat-telefonati bil-Ġermaniż, bil-Portugiż, bil-Mandarin, bir-Russu, bl-Għarbi, bir-Rumen u bil-Bulgaru. L-assistenza bil-lingwi l-oħrajn hija offruta permezz ta’ servizz ta’ tele-traduzzjoni.

L-aċċessibilità tas-servizz għal persuni neqsin mis-smigħ u/jew b’diffikultajiet fit-taħdit hija garantita permezz tal-mezzi li ġejjin:

  • telefon testwali (TTY) fuq 900 116 016;
  • Servizz ta’ Telesor permezz tas-sit web ta’ Telesor (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.telesor.es/). F’dan il-każ hija meħtieġa konnessjoni tal-Internet;
  • telefon ċellulari jew PDA. Fiż-żewġ każijiet huwa meħtieġ li tinstalla applikazzjoni bla ħlas billi ssegwi l-passi indikati fuq is-sit web ta’ Telesor.

Dan is-servizz joffri assistenza għal kull min għandu mistoqsijiet relatati ma’ każijiet speċifiċi ta’ vjolenza sessista: vittmi femminili ta’ vjolenza abbażi ta’ sess, persuni li huma qrib vittma femminili ta’ vjolenza abbażi ta’ sess (qraba, ħbieb, ġirien, eċċ.), professjonisti li jiltaqgħu ma’ vittma femminili ta’ vjolenza abbażi ta’ sess jew li huma konxji ta’ sitwazzjoni ta’ vjolenza ta’ dan it-tip, eċċ.

L-informazzjoni pprovduta tirreferi għar-riżorsi u d-drittijiet disponibbli għalik bħala vittma ta’ dan it-tip ta’ kriminalità, fir-rigward tal-impjiegi, is-servizzi soċjali, l-appoġġ finanzjarju u r-riżorsi ta’ informazzjoni, assistenza, akkoljenza u pariri legali.

F’każ li tidħol sejħa ta’ emerġenza, din tiġi ddevjata minnufih lejn in-numru ta’ emerġenza 112 tal-komunità awtonoma rispettiva.

Jekk inti vittma taħt l-età ta’ vjolenza sessista, kwalunkwe sejħa li tagħmel lis-Servizz 016 tiġi ddevjata lill-Hotline ta’ ANAR għall-Għajnuna għat-Tfal u l-Adoloxxenti (900 20 20 10).

Il-Hotline tal-Fondazzjoni ANAR (Għajnuna għat-Tfal u l-Adoloxxenti f’Riskju) (900 20 20 10) huwa servizz anonimu, kunfidenzjali u mingħajr ħlas, disponibbli 24 siegħa kuljum, 365 jum fis-sena, li primarjament jikkonsisti fi tliet linji ta’ għajnuna:

  • Il-Hotline tal-ANAR għall-Għajnuna għat-Tfal u l-Adoloxxenti, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li joffri lit-tfal jew l-adoloxxenti li jagħmlu s-sejħiet l-appoġġ u l-gwida meħtieġa meta jkollhom problemi jew meta jkunu f’sitwazzjoni ta’ riskju.
  • Il-Hotline tal-ANAR għall-Adulti u l-Familji, li huwa mmirat għall-adulti li jeħtieġu gwida dwar kwistjonijiet relatati ma’ minorenni.
  • Il-Hotline tal-ANAR 116 000 għal każijiet ta’ minorenni neqsin (in-numru armonizzat ta’ valur soċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex jittratta dawn il-każijiet).

Dan is-servizz jiddevja t-telefonati li tagħmel lis-Servizz 016 jekk inti mara adulta u vittma ta’ vjolenza sessista jew persuna adulta konxja ta’ każ ta’ vjolenza ta’ dan it-tip.

L-appoġġ għall-vittmi huwa mingħajr ħlas?

Iva. L-aċċess għas-servizzi ta’ kura u appoġġ għall-vittmi ta’ reati, bħall-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, huwa mingħajr ħlas u kunfidenzjali; mhuwiex neċessarju li l-ewwel tressaq ilment.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand awtoritajiet jew servizzi tal-Istat?

Inti tista’ tmur fl-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità li jinstabu Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidafil-komunitajiet awtonomi kollha, kważi f’kull belt kapitali provinċjali u anki fi bliet oħrajn.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek appoġġ komprensiv, ikkoordinat u speċjalizzat bħala vittma ta' reat, filwaqt li jissodisfaw il-ħtiġijiet legali, psikoloġiċi u soċjali speċifiċi tiegħek.

B’mod partikolari, l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jipprovdulek informazzjoni dwar is-servizzi speċjalizzati u r-riżorsi psikosoċjali u tal-kura disponibbli, irrispettivament minn jekk tressaqx ilment u dwar kif tikseb aċċess għal dawn is-servizzi.

Huma jipprovdulek ukoll informazzjoni dwar il-miżuri ta’ kura u appoġġ (mediċi, psikoloġiċi jew materjali) disponibbli u l-proċedura sabiex jinkisbu, inkluża, fejn tkun meħtieġa, informazzjoni dwar il-possibbiltajiet li tinkiseb akkomodazzjoni alternattiva.

Barra minn hekk, huma jagħtuk pariri dwar kif tista’ tagħmel ilment u l-proċedura għat-tressiq tiegħu, kif ukoll il-possibbiltà li tikseb pariri legali u difiża u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiksibhom mingħajr ħlas.

L-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità jkunu jistgħu jirreferuk għal servizzi legali, psikoloġiċi u soċjali speċjalizzati, skont il-ħtiġijiet tiegħek, bħal pereżempju servizzi muniċipali, tal-benesseri soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi; assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u entitajiet oħrajn mingħajr skop ta’ profitt; servizzi psikosoċjali mill-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja; u, f’każ li tkun vittma ta’ vjolenza abbażi ta’ sess, għall-Unitajiet ta’ Koordinazzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa (Unidades de Coordinación contra la Violencia sobre la Mujer) u l-Unitajiet iddedikati għan-Nisa (Unidades sobre la Mujer) f’kull komunità u provinċja awtonoma.

X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand organizzazzjonijiet mhux governattivi?

L-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) jistgħu joffru appoġġ lill-vittmi ta’ reati kriminali speċifiċi permezz tal-istabbiliment ta’ mogħdijiet personalizzati skont il-ħtiġijiet u l-karatteristiċi ta’ kull vittma. Il-funzjoni ta’ assistenza tinkludi primarjament pariri legali, informazzjoni dwar ir-riżorsi u l-għajnuna differenti disponibbli u appoġġ psikoloġiku u emozzjonali.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.