1 – Id-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni

A. L-investigazzjoni hija affettwata mill-fatt li jien ċittadin barrani?

Huma biss il-persuni li jgawdu privileġġi u immunitajiet skont il-liġi jew il-liġi internazzjonali li huma esklużi mill-ġuriżdizzjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Għalhekk, il-fatt li inti ċittadin barrani fih innifsu ma jaffettwax l-investigazzjoni.

Sakemm ma jkunx mitlub mill-awtorità tal-infurzar tal-liġi għal kompitu speċifiku fejn il-preżenza tiegħek tkun meħtieġa (b’mod partikolari, sabiex tagħti stqarrija bħala xhud), il-preżenza tiegħek matul l-investigazzjoni ġeneralment ma tkunx meħtieġa sakemm ma tixtieqx tkun preżenti għall-investigazzjoni. Madankollu, jeħtieġlek iżżomm kuntatt mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tindika l-indirizz li fih se tirċievi d-dokumenti.

Madankollu, jekk il-prosekuzzjoni kriminali titressaq għal reat volontarju punibbli bi priġunerija fil-medda superjuri ta’ aktar minn sentejn, jew għal reat imwettaq permezz ta’ negliġenza li jkun punibbli bi priġunerija fil-medda superjuri ta’ aktar minn 3 snin, il-qorti – jew l-imħallef fuq talba tal-prosekutur pubbliku fil-proċess preparatorju – jistgħu jimponu restrizzjoni li tikkonsisti fi projbizzjoni tal-ivvjaġġar barra mill-pajjiż jekk dan ikun meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tal-proċedimenti kriminali. Ir-restrizzjoni titneħħa mill-president tal-kamra – u mill-prosekutur pubbliku ex officio fil-proċess preparatorju – jekk ir-raġunijiet għall-impożizzjoni tagħha ma jibqgħux japplikaw. Jekk tali restrizzjoni tkun ġiet imposta, għandek id-dritt li titlob li titneħħa fi kwalunkwe ħin. Tali restrizzjoni tista’ tiġi imposta wkoll fuqek bħala sostitut għall-arrest preventiv.

Jekk ma tafx biżżejjed il-lingwa Ċeka, għandek id-dritt li jkollok ċerti dokumenti importanti tradotti (eż. id-digriet sabiex tinbeda prosekuzzjoni kriminali, l-akkuża, is-sentenza) u l-proċedimenti quddiem l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jiġu interpretati fil-lingwa tan-nazzjonalità tiegħek jew f’lingwa oħra li inti tkun taf. Kwalunkwe konsultazzjoni mal-avukat tad-difiża tiegħek matul jew b’rabta diretta mal-proċedimenti kriminali tiġi interpretata wkoll fuq talba tiegħek.

B. X’inhuma l-istadji ta’ investigazzjoni?

Minflok għall-istadji, għandna nirreferu għat-tipi ta’ investigazzjonijiet, peress li l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jiddistingwi bejn il-proċess preparatorju sommarju, l-investigazzjoni standard u l-investigazzjoni estiża.

Madankollu, l-istadju tal-investigazzjoni huwa ppreċedut mill-istadju tal-eżami li huwa mmirat lejn il-verifika u l-identifikazzjoni ta’ jekk reat ikunx twettaq jew le, u lejn l-identifikazzjoni tal-awtur. F’dak l-istadju, il-persuna li kontriha jkunu qed jitmexxew il-proċedimenti kriminali jkun għad ma għandha l-ebda deżinjazzjoni formali, iżda l-persuni interrogati għandhom id-dritt għal għajnuna legali pprovduta minn avukat. Jekk tkun qiegħed tiġi interrogat bħala persuna suspettata f’dak l-istadju (jiġifieri fuq suspett li tkun wettaqt reat), int għandek id-dritt li tibqa’ sieket - dritt li dwaru trid tiġi avżat minn qabel.

Matul l-investigazzjoni, il-persuna li kontriha jkunu qegħdin jitwettqu l-proċedimenti kriminali diġà jkollha status formalizzat u għandha d-dritt li tkun assistita minn avukat tad-difiża. L-għan ta’ dan l-istadju huwa li jinkisbu u jiġu ddokumentati l-provi għall-finijiet tat-tressiq ta’ akkuża u tat-tmexxija ta’ proċedimenti quddiem qorti. Dan jinkludi, pereżempju, it-teħid ta’ stqarrijiet tax-xhieda, l-eżami ta’ oġġett, l-għoti ta’ perizji u atti oħra.

Meta tagħmel dan, l-awtorità tal-pulizija tfittex kemm evidenza inkriminanti kif ukoll dik li tiskaġuna.

Proċess preparatorju sommarju

Il-proċess preparatorju sommarju jseħħ fil-każ ta’ reati inqas serji (reati li jinstemgħu fil-prim’istanza minn qorti distrettwali, punibbli bi priġunerija fil-medda superjuri ta’ mhux aktar minn ħames snin) huwa rapidu u inqas formali. Proċess bħal dan jista’ jsir sakemm dan ma jkunx prekluż minn xi ostaklu ieħor (eż. ikun hemm raġunijiet għad-detenzjoni), dment li

  • tkun inqbadt fl-att jew immedjatament wara; jew
  • matul l-eżami ta’ kwerela jew ta’ talba oħra ta’ prosekuzzjoni, ikunu nstabu fatti li b’xi mod ieħor jiġġustifikaw il-ftuħ tal-prosekuzzjoni kriminali u tista’ tkun mistenni li tiġi mixli fi żmien ġimagħtejn mid-data meta l-awtorità tal-pulizija tkun infurmatek bl-att li tkun issuspettat li wettaqt u liema reat speċifiku jitqies li jikkostitwixxi dak l-att.

Il-proċess preparatorju sommarju jibda bin-notifika ta’ suspett matul l-ewwel interrogazzjoni.
Fil-proċess preparatorju sommarju għandek l-istess drittijiet bħal imputat, inkluż id-dritt għal avukat tad-difiża. Id-differenza ewlenija minn investigazzjoni standard fir-rigward tad-drittijiet tiegħek hija li l-proċess preparatorju sommarju ma jinbediex b’digriet formali sabiex tinbeda l-prosekuzzjoni kriminali (li inti tista’ tikkontesta permezz ta’ lment) u li ma għandekx id-dritt li tispezzjona l-fajl kriminali u li tipproponi provi addizzjonali fi tmiem il-proċess preparatorju sommarju; dan ma jippreġudikax id-dritt tiegħek li tispezzjona l-fajl kriminali (sakemm l-awtorità tal-pulizija ma tiċħadlekx dan id-dritt għal raġunijiet serji) u d-dritt tiegħek li tipproponi provi addizzjonali fi proċedimenti quddiem il-qorti.

Sakemm il-proċess preparatorju sommarju ma jiġix konkluż mod ieħor, dan jintemm b’mozzjoni għal sentenza
(fil-prinċipju, akkuża simplifikata mingħajr raġunament). Il-mozzjoni tiġi ppreżentata lill-qorti mill-prosekutur pubbliku.

Investigazzjoni standard

Investigazzjoni ta’ dan it-tip tibda bin-notifika tad-digriet sabiex tinbeda l-prosekuzzjoni kriminali kontrik; għandek id-dritt li tikkontesta d-digriet permezz ta’ lment. Int għandek id-dritt għal avukat tad-difiża fl-investigazzjoni. Għall-kuntrarju tal-proċess preparatorju sommarju, l-investigazzjoni titwettaq fir-rigward ta’ reati aktar serji (madankollu, issir ukoll investigazzjoni standard jekk ikun hemm ostaklu għat-twettiq ta’ proċess preparatorju sommarju jew jekk dak il-proċess ma jkunx tlesta fil-limitu ta’ żmien preskritt), u hija itwal u aktar formali minn proċess preparatorju sommarju. Kif diġà ssemma, inti u l-avukat tad-difiża tiegħek għandkom id-dritt li tispezzjonaw il-fajl kriminali u tissottomettu provi addizzjonali fi tmiem l-investigazzjoni. Sakemm l-investigazzjoni ma tiġix konkluża mod ieħor, din tintemm bil-preżentazzjoni ta’ akkuża; l-akkuża tiġi ppreżentata lill-qorti mill-prosekutur pubbliku. Għall-kuntrarju ta’ mozzjoni għal sentenza, akkuża kriminali tinkludi fiha raġunament.

Investigazzjoni estiża

Issir investigazzjoni estiża fir-rigward tal-aktar reati serji, li jiġu pproċessati quddiem il-qorti reġjonali kompetenti fil-prim’istanza (reati punibbli f’konformità mal-Kodiċi Kriminali bi priġunerija b’medda aktar baxxa ta’ mill-inqas ħames snin jekk ikunu punibbli b’sentenza eċċezzjonali, jew ċerti reati elenkati). Investigazzjoni ta’ dan it-tip hija mistennija li tkun l-itwal u għalhekk jinġabru u jittieħdu l-provi b’mod aktar estensiv milli f’investigazzjoni standard. Dan huwa l-uniku aspett li jiddistingwi l-investigazzjoni estiża mill-investigazzjoni standard. Investigazzjoni estiża tinbeda b’digriet sabiex tinbeda prosekuzzjoni kriminali u tintemm bil-preżentazzjoni ta’ akkuża kriminali sakemm ma jiġix konkluż mod ieħor.

i. Il-fażi tal-ġbir tal-evidenza / is-setgħat tal-investigaturi

Dan l-istadju tal-proċedimenti kriminali jitwettaq minn awtorità tal-pulizija taħt is-superviżjoni ta’ prosekutur pubbliku, li jista’ jagħti struzzjonijiet vinkolanti lill-awtorità tal-pulizija, jipparteċipa fl-atti mwettqa, jirreferi l-każ lura lill-awtorità tal-pulizija bi struzzjonijiet għal supplimentazzjoni, jikkanċella d-deċiżjonijiet u l-miżuri illegali jew mhux ġustifikati tal-awtorità, eċċ. Għandek id-dritt titlob lill-prosekutur pubbliku jirrieżamina l-passi meħuda mill-awtorità tal-pulizija (sakemm din ma tkunx deċiżjoni li għandek id-dritt li tippreżenta lment kontriha).

Xi atti jistgħu jitwettqu fil-proċess preparatorju biss mill-prosekutur pubbliku (eż. il-waqfien tal-proċess preparatorju) jew soġġetti għall-approvazzjoni minn qabel tal-prosekutur pubbliku (eż. il-qbid ta’ assi sakemm ma jkunx hemm ħtieġa għal azzjoni urġenti). L-aktar interferenzi serji mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mbagħad jiġu deċiżi minn imħallef (eż. iż-żamma taħt arrest preventiv, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest, mandat ta’ tiftix u interċettazzjoni).

ii. Arrest mill-pulizija

Jekk int diġà ġejt akkużat u hemm raġunijiet għaż-żamma taħt arrest preventiv sakemm isir il-proċess, l-awtorità tal-pulizija tista’ żżommok detenut. Madankollu, il-pulizija jeħtiġilha tinforma minnufih lill-prosekutur pubbliku dwar id-detenzjoni u tipprovdi lill-prosekutur b’dokumenti bil-miktub meħtieġa minn dan tal-aħħar sabiex jippreżenta, jekk ikun meħtieġ, mozzjoni għal żamma taħt arrest preventiv. Il-mozzjoni trid tiġi ppreżentata sabiex jiġi żgurat li inti tkun tista’ tiġi titressaq quddiem qorti fi żmien 48 siegħa mid-detenzjoni; inkella, trid tinħeles.

Jekk tkun għadek ma ġejtx akkużat iżda tkun suspettat li wettaqt reat, u jekk ikun hemm xi raġuni biex tinżamm taħt arrest preventiv, l-awtorità tal-pulizija tista’ żżommok detenut f’każijiet urġenti, anke jekk il-prosekuzzjoni kriminali tiegħek tkun għadha ma bdietx (eż. jekk ikun impossibbli li tiġi nnotifikat bid-digriet sabiex tinbeda l-prosekuzzjoni kriminali). L-arrest jeħtieġ il-kunsens minn qabel tal-prosekutur pubbliku f’dawn il-każijiet. Mingħajr dan il-kunsens, id-detenzjoni hija possibbli biss jekk il-kwistjoni tkun urġenti u l-kunsens minn qabel ma jkunx jista’ jinkiseb. Inti tiġi interrogat mill-awtorità tal-pulizija li żammitek detenut. Int għandek id-dritt li titlob li avukat tad-difiża li tagħżel int (jekk disponibbli) ikun preżenti fl-interrogazzjoni tiegħek u għandek id-dritt li tikkonsulta l-avukat mingħajr il-preżenza ta’ terzi. Int għandek id-dritt li l-uffiċċju konsulari tal-pajjiż li inti ċittadin tiegħu jiġi nnotifikat bid-detenzjoni tiegħek.

L-awtorità tal-pulizija teħilsek minnufih jekk is-suspett li inti stajt wettaqt delitt jiġi eliminat. Jekk ma tinħelisx, l-awtorità tal-pulizija tippreżenta verbal dwar l-interrogazzjoni tiegħek lill-prosekutur pubbliku (inkluż id-digriet li tinbeda l-prosekuzzjoni kriminali u provi ulterjuri), sabiex il-prosekutur pubbliku jkun jista’, jekk ikun meħtieġ, jippreżenta mozzjoni għaż-żamma taħt arrest preventiv. L-awtorità tal-pulizija jeħtiġilha tippreżenta l-mozzjoni sabiex inti tkun tista’ titressaq il-qorti mhux aktar tard minn 48 siegħa wara d-detenzjoni tiegħek; inkella, trid tinħeles.

Jekk ikun hemm raġunijiet sabiex inti tinżamm taħt arrest preventiv u tkun qiegħed tevita l-proċedimenti kriminali, l-imħallef jista’ joħroġ mandat ta’ arrest. Jekk tiġi arrestat mill-pulizija, ikollok drittijiet simili għal dawk li għandhom il-persuni detenuti. L-awtorità tal-pulizija trid tressqek il-qorti fi żmien 24 siegħa mill-arrest. L-imħallef jisimgħek
u jieħu deċiżjoni dwar iż-żamma taħt arrest preventiv; trid tiġi nnotifikat b’dik id-deċiżjoni fi żmien 24 siegħa wara li tkun tressaqt il-qorti. Int għandek id-dritt li l-avukat tad-difiża tiegħek ikun preżenti fis-seduta jekk l-avukat ikun disponibbli fil-limitu ta’ żmien stabbilit għall-qorti sabiex tagħti deċiżjoni.

iii. Interrogazzjoni

Qabel ma tiġi interrogat għall-ewwel darba bħala imputat, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jistabbilixxu l-identità tiegħek, jiċċaraw is-sustanza tal-akkuża u javżawk bid-drittijiet tiegħek u r-riperkussjonijiet kriminali ta’ akkuża falza u malafama. Jekk ikun hemm proċedimenti pendenti għal delitt li fir-rigward tiegħu jista’ jiġi nnegozjat ftehim dwar il-ħtija u l-piena, trid tiġi avżat ukoll bil-fatt li tista’ tinnegozja ftehim dwar il-ħtija u l-piena mal-prosekutur pubbliku fil-proċess preparatorju (il-ftehim huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-qorti) u bil-konsegwenzi tan-negozjar ta’ tali ftehim.

Ma tistax titpoġġa taħt pressjoni sabiex tixhed jew b’xi mod tammetti matul l-interrogazzjoni. Matul l-interrogazzjoni, trid tingħata l-opportunità li tikkummenta fid-dettall dwar l-akkuża, b’mod partikolari li tagħti stqarrija koerenti dwar il-fatti li huma s-suġġett tal-akkuża, li tiddikjara kwalunkwe ċirkostanza li ttaffi jew tiċħad l-akkuża, u li toffri provi dwar dawk iċ- ċirkostanzi. Jistgħu jsiru mistoqsijiet sabiex iżżid mal-istqarrija jew sabiex jitneħħew kwalunkwe inkompletezza, ambigwità u kontradizzjoni. Il-mistoqsijiet iridu jsiru b’mod ċar u li jinftiehem, mingħajr ma jippreżentaw ċirkostanzi qarrieqa u foloz, u mingħajr ma jindikaw x’għandha tkun it-tweġiba.

Il-verbal tal-interrogazzjoni jrid jiġi ppreżentat lilek sabiex tkun tista’ taqrah jew, jekk titlob dan, irid jinqaralek (fil-każ ta’ interrogazzjoni permezz ta’ vidjokonferenza, il-verbal jinqaralek). Inti għandek id-dritt li titlob li l-verbal jiġi ssupplimentat jew li jsiru korrezzjonijiet fih skont id-dikjarazzjoni tiegħek.

iv. Arrest preventiv

Tista’ tinżamm taħt arrest biss jekk tkun ġejt akkużat b’delitt. Huwa f’idejn l-imħallef biex jiddeċiedi jekk tinżammx taħt arrest preventiv jew le.

Ir-raġunijiet li abbażi tagħhom tinżamm taħt arrest preventiv huma dawn li ġejjin:

  • tħassib fondat li se taħrab jew tinħeba sabiex tevita l-prosekuzzjoni jew piena kriminali;
  • tħassib fondat li se tostakola l-investigazzjoni, pereżempju billi tħeġġeġ lix-xhieda biex jixhdu falza; jew
  • tħassib fondat li se terġa’ twettaq id-delitt li bih tkun mixli, li se ttemm id-delitt li tkun bdejt twettaq jew li se twettaq reat li kont qiegħed tħejji jew thedded li se twettaq.

Jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni għaż-żamma tiegħek taħt arrest preventiv, il-qorti ma żżommokx taħt arrest preventiv; jekk ir-raġunijiet ma jibqgħux jeżistu, inti tinħeles. Trid tinħeles ukoll malli jiskadi l-perjodu massimu statutorju tal-arrest preventiv. Fil-każ ta’ arrest preventiv sabiex jiġi evitat l-influwenzar potenzjali tax-xhieda, dan il-perjodu huwa ta’ tliet xhur (dan ma japplikax, madankollu, jekk ikun ġie stabbilit li inti diġà ostakolajt il-kjarifika tal-fatti rilevanti għall-proċedimenti kriminali). Skont is-serjetà tad-delitt li bih tkun mixli, it-tul totali tal-arrest preventiv jista’ jkun ta’ bejn sena u erba’ snin. Madankollu, terz biss tal-perjodu msemmi hawn fuq huwa allokat għall-proċess preparatorju u żewġ terzi huma riżervati għal proċedimenti quddiem il-qorti.

Ir-raġunijiet għaż-żamma tiegħek taħt arrest preventiv iridu jiġu rieżaminati minn żmien għal żmien mill-qorti u l-arrest preventiv dejjem irid jiġi estiż mill-qorti wara ċertu perjodu ta’ żmien, jekk ikun meħtieġ. Għandek ukoll id-dritt li titlob il-ħelsien tiegħek mill-arrest preventiv. Iż-żamma taħt arrest preventiv meta l-proċess ikun għadu pendenti tista’ tiġi sostitwita b’miżura mhux konnessa maċ-ċaħda tal-libertà (permezz ta’ priġunerija), eż. billi jiġi ddepożitat ċertu ammont ta’ flus (garanzija għall-ħelsien mill-arrest preventiv), billi tiġi ordnata s-superviżjoni minn uffiċjal tal-probation, billi jiġi impost ir-rekwiżit li tibqa’ f’dar partikolari matul perjodu ta’ żmien stabbilit, eċċ. Għandek id-dritt li titlob lill-qorti tissostitwixxi l-arrest preventiv bi kwalunkwe miżura ta’ din ix-xorta.

C. X’inhuma d-drittijiet tiegħi matul l-istadju tal-investigazzjoni?

Meta teżerċita d-drittijiet tiegħek tad-difiża, għandek id-dritt li:

  • tiġi avżat mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi dwar id-drittijiet tiegħek u li tkun tista’ teżerċita bis-sħiħ dawk id-drittijiet;
  • tikkummenta dwar l-akkuża miġjuba kontrik u dwar il-provi mressqa;
  • tirrifjuta li tixhed;
  • tispezzjona fajls, tieħu siltiet u noti mill-fajls, u tagħmel kopji tal-fajls jew ta’ partijiet minnhom bi spejjeż tiegħek stess (dan id-dritt jista’ għal raġunijiet serji jiġi ristrett matul l-investigazzjoni);
  • tressaq provi għad-difiża tiegħek;
  • tissottometti mozzjonijiet u rikorsi;
  • tippreżenta appelli;
  • tuża lsien twelidek jew lingwa oħra li taf quddiem l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jekk tiddikjara li ma tafx biżżejjed il-lingwa Ċeka;
  • tagħżel avukat tad-difiża (jekk ma tagħżilx avukat inti stess, membru tal-familja tiegħek jew xi ħadd ieħor jista’ jagħżel avukat għalik);
  • titlob li tiġi assenjat avukat tad-difiża mingħajr ħlas jew bi ħlas imnaqqas jekk ma jkollokx biżżejjed fondi sabiex tħallas għad-difiża tiegħek;
  • titkellem mal-avukat tad-difiża tiegħek mingħajr il-preżenza ta’ terzi;
  • titlob li tiġi interrogat fil-preżenza tal-avukat tad-difiża tiegħek u titlob li l-avukat tiegħek jipparteċipa fil-proċess preparatorju.

i. Għandi d-dritt għal interpretu u għal traduzzjonijiet? Sa liema punt?

Jekk tiddikjara li ma tafx biżżejjed il-lingwa Ċeka, inti intitolat tuża fil-komunikazzjoni tiegħek mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi lsien twelidek jew il-lingwa li tiddikjara li taf sew.

Jekk fil-proċedimenti jkun hemm il-ħtieġa li jiġi interpretat il-kontenut ta’ dokument, ta’ xhieda jew ta’ kwalunkwe att proċedurali ieħor, jew jekk tiddikjara li ma tafx biżżejjed il-lingwa Ċeka, jinħatar interpretu sabiex jinterpreta l-atti mwettqa miegħek fil-proċedimenti kriminali. Fuq talba tiegħek, l-interpretu maħtur jista’ jinterpreta wkoll il-konsultazzjoni tiegħek ma’ avukat tad-difiża jekk il-konsultazzjoni tkun direttament relatata ma’ atti proċedurali; l-interpretu jista’ wkoll jinterpreta kwalunkwe konsultazzjoni matul l-atti proċedurali.

F’każ bħal dan, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jipprovdu traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti definiti mil-liġi (eż. digriet sabiex tinbeda l-prosekuzzjoni kriminali, digriet ta’ żamma taħt arrest preventiv, digriet sabiex inti tiġi osservat f’istitut mediku, akkuża, ftehim dwar il-ħtija u l-piena u rikors għall-approvazzjoni tagħhom, il-mozzjoni għal sentenza, id-deċiżjoni li twaqqaf il-prosekuzzjoni kriminali b’mod kondizzjonali, eċċ.) sakemm ma tirrinunzjax għal dan id-dritt. Jekk tkun ġejt arrestat jew detenut, inti tirċievi wkoll traduzzjoni bil-miktub tal-avviż dwar id-drittijiet tiegħek. Int għandek id-dritt li titlob lill-awtorità tal-infurzar tal-liġi sabiex tittraduċi jew tinterpreta barra minn hekk kwalunkwe dokument ieħor li huwa rilevanti f’termini tal-eżerċizzju tad-dritt tiegħek tad-difiża.

ii. X’inhuma d-drittijiet tiegħi għall-informazzjoni u aċċess għall-fajl?

Fl-istadju tal-eżami, għandek id-dritt tispezzjona l-fajl kriminali jekk dan ikun meħtieġ għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħek; dan huwa soġġett biss għall-approvazzjoni mill-awtorità tal-pulizija.

Jekk tkun akkużat li wettaqt reat, għandek id-dritt tispezzjona l-fajl kriminali, tieħu estratti u noti mill-fajl, u tagħmel kopji tal-fajl jew partijiet minnu bi spejjeż tiegħek.

Madankollu, il-prosekutur pubbliku jew l-awtorità tal-pulizija jistgħu, għal raġunijiet importanti, jiċħdu d-dritt tiegħek li tispezzjona l-fajls u drittijiet oħra msemmija hawn fuq assoċjati magħhom fil-proċess preparatorju. Ma tistax tiġi miċħud dawn id-drittijiet ladarba tkun ġejt infurmat bil-possibbiltà li tispezzjona l-fajls, u meta tinnegozja ftehim dwar il-ħtija u l-piena. Ma tistax tiġi mċaħħad mill-aċċess għad-digriet sabiex tibda l-prosekuzzjoni kriminali u għandek id-dritt li tiffamiljarizza ruħek mal-partijiet tal-fajl rilevanti għad-deċiżjoni dwar iż-żamma taħt arrest preventiv.

iii. Għandi dritt ta’ aċċess għal avukat u li terzi jiġu infurmati bis-sitwazzjoni tiegħi?

Jekk int akkużat li wettaqt reat, int għandek id-dritt għal avukat tad-difiża. Jekk ma tagħżilx avukat tad-difiża inti stess, membru tal-familja jista’ jagħżel avukat għalik jew tista’ tiddefendi ruħek waħdek. F’ċerti każijiet, madankollu, jeħtieġlek ikollok avukat tad-difiża (dan huwa magħruf bħala “difiża obbligatorja”); f’każ bħal dan, l-imħallef jassenjalek avukat tad-difiża sakemm ma tagħżilx wieħed tiegħek f’limitu ta’ żmien speċifikat. Diġà jrid ikollok avukat tad-difiża fil-proċess preparatorju fil-każijiet li ġejjin:

  • jekk inti tinżamm taħt arrest preventiv, tkun qiegħed tiskonta sentenza ta’ ħabs jew tkun soġġett għal miżura preventiva assoċjata maċ-ċaħda tal-libertà, jew taħt osservazzjoni f’istitut mediku;
  • jekk il-kapaċità legali tiegħek tkun ġiet ristretta (eż. minħabba disturb mentali);
  • fi proċedimenti kontra persuna li ħarbet (jekk inti tkun ħrabt u l-proċedimenti jkunu qegħdin isiru fl-assenza tiegħek);
  • jekk il-proċedimenti jikkonċernaw reat punibbli bi priġunerija fil-medda superjuri ta’ aktar minn ħames snin;
  • jekk il-prosekutur pubbliku jqis li dan huwa meħtieġ minħabba li, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tiegħek, il-prosekutur pubbliku għandu dubji dwar il-kapaċità tiegħek li tiddefendi ruħek kif suppost;
  • jekk inti delinkwent minorenni (ta’ bejn 15 u 18-il sena).

Fi proċedimenti li jikkonċernaw reat punibbli bi priġunerija fil-medda superjuri ta’ aktar minn ħames snin, tista’ tirrinunzja d-dritt għal avukat tad-difiża sakemm id-delitt ma jkunx punibbli b’sentenza eċċezzjonali (sentenza tal-ħajja jew priġunerija ta’ aktar minn 20 sena u sa 30 sena).

Jekk int ġejt detenut jew miżmum taħt arrest preventiv, int għandek id-dritt li l-uffiċċju konsulari tal-pajjiż li tiegħu int ċittadin, kif ukoll membru tal-familja jew kwalunkwe persuna fiżika oħra magħżula minnek, jiġu infurmati dwar is-sitwazzjoni. Int għandek id-dritt li tikkomunika mal-uffiċċju konsulari tiegħek; jekk ma għandekx biżżejjed flus, int tkun tista’ tagħmel dan mingħajr ħlas. Jeħtieġlek tiġi avżat kif xieraq.

iv. Jien intitolat għall-għajnuna legali?

Bħala parti mill-istadju tal-eżami - jiġifieri qabel il-bidu tal-prosekuzzjoni kriminali (investigazzjoni) - għandek id-dritt għal għajnuna legali pprovduta minn avukat matul l-interrogazzjoni tiegħek (għoti ta’ spjegazzjoni).

Jekk inti tkun ġejt akkużat b’reat, int jkollok id-dritt għal avukat tad-difiża, li jeħtieġlu jipprovdilek l-għajnuna legali meħtieġa. Int għandek id-dritt li tagħżel avukat tad-difiża; jekk ma tagħżilx wieħed, int tiġi assenjat wieħed jekk id-difiża tkun “obbligatorja”. Jekk ma jkollokx biżżejjed flus biex tħallas it-tariffi tal-avukat tad-difiża, tista’ titlob lill-imħallef sabiex joħroġ deċiżjoni li inti intitolat għal avukat tad-difiża mingħajr ħlas jew b’tariffa mnaqqsa.

v. X’għandi nkun jaf dwar:

a. Il-preżunzjoni tal-innoċenza

Il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza japplika f’erba’ livelli bażiċi fil-proċedimenti kriminali:

  • il-ħtija tiegħek trid tiġi ppruvata; sakemm tkun għadha ma ġietx ippruvata l-ħtija tiegħek, trid titqies bħala innoċenti;
  • meta jkun hemm dubji dwar il-ħtija tiegħek, jenħtieġ li l-kawża tinqata’ favur tiegħek;
  • ma tistax tinstab ħati qabel ma l-ħtija tiegħek tkun ġiet ipproklamata permezz ta’ sentenza finali ta’ kundanna;
  • matul il-proċedimenti kriminali, id-drittijiet tiegħek jistgħu jiġu ristretti biss sal-punt strettament meħtieġ.

b. Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u li wieħed ma jinkriminax ruħu

Ma intix obbligat tixhed fil-proċedimenti kriminali u ma tistax tiġi imġiegħel b’xi mod jew ieħor tixhed jew tammetti. Lanqas ma għandek l-obbligu li tipproduċi xi provi kontrik. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ma jistgħux jimmultawk jekk tirrifjuta li tgħaddilhom dokument inkriminanti jew evidenza oħra.

c. L-oneru tal-prova

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jridu jiċċaraw kemm iċ-ċirkostanzi inkriminanti kif ukoll dawk li jiskaġunaw bl-istess livell ta’ dettall. Il-prosekutur pubbliku jrid jipprova l-ħtija tiegħek quddiem il-qorti. M’intix meħtieġ tagħti prova tal-innoċenza tiegħek. Madankollu, dan ma jipprekludikx milli teżerċita d-dritt tiegħek li tippreżenta l-fatti u tressaq il-provi sabiex tiddefendi ruħek.

vi. Hemm xi salvagwardji speċjali għat-tfal?

Jekk tkun wettaqt reat li għandu l-elementi ta’ delitt u inti tkun wild minuri taħt l-età ta’ 15-il sena, int ma tkunx kriminalment responsabbli għar-reat, u l-miżuri mmirati lejn ir-riabilitazzjoni tiegħek jistgħu jiġu imposti biss fi proċedimenti ċivili minn qorti speċjalizzata tal-minorenni. F’dawn il-proċedimenti, irid ikollok avukat imħallas mill-Istat ħlief jekk, għal raġunijiet speċjali, l-Istat jiddeċiedi li int jew il-familja tiegħek għandkom tikkontribwixxu għat-tariffi tal-avukat.

Bħala regola, l-Att dwar il-Ġustizzja tal-Minorenni japplika bħala liġi speċjali (lex specialis) jekk int tkun wettaqt delitt bħala delinkwent minorenni (bejn 15 u 18-il sena). Meta jinvestigaw u jisimgħu reati li tkun wettaqt, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jridu jqisu l-età, is-saħħa, u l-maturità mentali u morali tiegħek, sabiex jikkompromettu l-iżvilupp futur tiegħek mill-inqas possibbli. Il-liġi tipproteġi d-data personali tiegħek u l-privatezza tiegħek, il-pubbliku huwa eskluż mis-seduta tal-qorti jekk ma tixtieqx li l-pubbliku jkun preżenti, u s-sentenza tiġi ppubblikata mingħajr ma tindika ismek u informazzjoni oħra li twassal għall-identifikazzjoni tiegħek (eż. l-indirizz tar-residenza). Int għandek id-dritt għal avukat tad-difiża li jibda mill-ewwel att meħud kontrik fil-proċedimenti kriminali (jiġifieri sa mill-istadju tal-eżami). Il-gwardjan naturali tiegħek (tipikament il-ġenituri tiegħek) jew il-gwardjan legali, l-awtorità kompetenti tal-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal, u s-Servizz ta’ Probation u Medjazzjoni jiġu informati mingħajr dewmien dwar il-bidu tal-prosekuzzjoni kriminali kontrik, dwar id-detenzjoni, l-arrest jew iż-żamma tiegħek taħt arrest preventiv. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jikkooperaw mal-awtorità tal-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal, mas-Servizz tal-Probation u tal-Medjazzjoni, u mal-assoċjazzjonijiet u l-istituzzjonijiet involuti fil-protezzjoni tat-tfal.

vii. X’inhuma s-salvagwardji speċifiċi għal suspettati vulnerabbli?

Jekk il-qorti – u l-prosekutur pubbliku fil-proċess preparatorju – iqisu li huwa meħtieġ (b’mod partikolari, minħabba li għandhom dubji dwar il-kapaċità tiegħek li tiddefendi lilek innifsek kif suppost minħabba l-kundizzjoni fiżika jew mentali attwali tiegħek), huma jassenjawlek avukat tad-difiża mill-bidu tal-prosekuzzjoni kriminali.

Jekk inti nieqes mis-smigħ jew nieqes mid-dawl u mis-smigħ, il-mod ta’ komunikazzjoni huwa rregolat mill-Att Nru 155/1998 dwar is-sistemi ta’ komunikazzjoni għall-persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl. Fi proċedimenti kriminali, għandek id-dritt għal servizzi li jipprovdu interpretazzjoni bis-sistema ta’ komunikazzjoni li tagħżel int.

Jekk il-kapaċità legali tiegħek tkun ġiet ristretta, tiġi rrappreżentat fil-proċedimenti kriminali minn gwardjan, tipikament membru tal-familja, sakemm l-interessi tiegħu/tagħha ma jkunux f’kunflitt mal-interessi tiegħek.

D. X’inhuma l-iskadenzi legali matul l-investigazzjoni?

Il-kwistjonijiet kriminali jridu jinstemgħu mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi malajr, mingħajr dewmien bla bżonn; kwistjonijiet ta’ arrest preventiv u kwistjonijiet fejn tkun inqabdet proprjetà jinstemgħu bl-akbar urġenza jekk dan ikun meħtieġ fid-dawl tal-valur u n-natura tal-proprjetà maqbuda.

Fir-rigward tal-istadju tal-eżami (qabel il-prosekuzzjoni kriminali), l-awtorità tal-pulizija jeħtiġilha ttemm il-fażi

  • fi żmien xahrejn, għal kwistjonijiet fil-ġuriżdizzjoni ta’ mħallef uniku mingħajr il-proċess preparatorju sommarju;
  • fi żmien 3 xhur, għal kwistjonijiet oħra fil-ġuriżdizzjoni ta’ qorti distrettwali;
  • fi żmien 6 xhur, għal kwistjonijiet fil-ġuriżdizzjoni ta’ qorti reġjonali li taġixxi fil-prim’istanza.

Il-prosekutur pubbliku jista’ jestendi wkoll l-iskadenza ripetutament fuq talba ġustifikata.

Il-proċess preparatorju sommarju irid jiġi konkluż fi żmien ġimagħtejn mid-data meta l-awtorità tal-pulizija tkun infurmatek bl-att li inti tkun issuspettat li wettaqt u bid-delitt speċifiku li l-att jitqies li jikkostitwixxi. Jekk il-proċess preparatorju sommarju ma jiġix konkluż sal-iskadenza stabbilita, il-prosekutur pubbliku jista’ jestendi l-iskadenza b’mhux aktar minn 10 ijiem jew b’mhux aktar minn 30 jum jekk ikun qed jiġi nnegozjat ftehim dwar il-ħtija u l-piena.

L-awtorità tal-pulizija jeħtiġilha tikkonkludi investigazzjoni standard fi żmien

  • xahrejn mill-bidu tal-prosekuzzjoni kriminali jekk il-kwistjoni tkun fil-kompetenza ta’ mħallef uniku;
  • 3 xhur mill-bidu tal-prosekuzzjoni kriminali jekk din tkun kwistjoni oħra, fil-kompetenza ta’ qorti distrettwali.

Il-prosekutur pubbliku jista’ jestendi wkoll l-iskadenza ripetutament fuq talba ġustifikata. Il-prosekutur pubbliku mbagħad irid iwettaq rieżami tal-każ bħala parti mis-superviżjoni mill-inqas darba fix-xahar.

L-investigazzjoni estiża trid tiġi konkluża fi żmien 6 xhur mill-bidu tal-prosekuzzjoni kriminali. Il-prosekutur pubbliku jista’ jestendi wkoll l-iskadenza ripetutament fuq talba ġustifikata. Il-prosekutur pubbliku mbagħad irid iwettaq rieżami tal-każ bħala parti mis-superviżjoni mill-inqas darba fix-xahar.

Fir-rigward ta’ ċerti atti, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jistabbilixxi skadenzi legali speċifiċi ulterjuri (il-qorti jeħtiġilha tiddeċiedi dwar iż-żamma taħt arrest sakemm issir il-proċess fi żmien 48 siegħa mid-detenzjoni tiegħek jew 24 siegħa mill-arrest tiegħek, it-tul massimu ta’ żamma taħt arrest preventiv, il-limitu ta’ żmien għar-reviżjoni obbligatorja tal-ġustifikazzjoni taż-żamma taħt arrest preventiv, eċċ.).

E. X’inhu l-proċess preparatorju (inkluża alternattiva għaż-żamma taħt arrest u t-trasferiment possibbli lejn il-pajjiż ta’ oriġini - l-Ordni ta’ Superviżjoni Ewropea)?

Il-proċess preparatorju huwa l-ewwel stadju tal-proċess kriminali. L-għan ta’ dan l-istadju huwa li jiġi stabbilit jekk is-suspett li tista’ tkun wettaqt reat huwiex ġustifikat sa punt li jagħmilha possibbli li tiġi ppreżentata akkuża quddiem il-qorti. F’dan l-istadju, iridu jinstabu u jinkisbu provi inkriminanti, kif ukoll provi oħra li jirribattu l-ħtija tiegħek.

L-objettiv tal-proċess preparatorju huwa speċjalment sabiex:

  • tiġi pprovduta l-bażi għal deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi ppreżentata akkuża u l-każ għandux jinstema’ minn qorti, jew jekk għandhiex tiġi rrinunzjata prosekuzzjoni kriminali ulterjuri;
  • jiġu identifikati ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti għad-deċiżjoni dwar id-delitt, l-awtur tiegħu, il-piena jew il-miżura preventiva tiegħu, kif ukoll li tittieħed deċiżjoni dwar l-intitolament tal-vittma għad-danni u jiġu żgurati l-provi meħtieġa;
  • jiġu identifikati l-kawżi tal-attività kriminali u ċ-ċirkostanzi abilitanti jew ta’ faċilitazzjoni.

Jekk ikun hemm waħda mir-raġunijiet għaż-żamma taħt arrest preventiv, l-imħallef li jiddeċiedi dwar l-arrest preventiv jista’ joqgħod lura milli jżommok taħt arrest preventiv jew jista’ jeħilsek jekk l-imħallef jadotta waħda mill-miżuri ta’ sostituzzjoni li ġejjin:

  • meta assoċjazzjoni ċivika ta’ interess speċjali jew persuna kredibbli toffri garanzija dwar l-imġiba futura tiegħek u dwar il-fatt li tidher fil-qorti, quddiem il-prosekutur pubbliku jew quddiem l-awtorità tal-pulizija jekk dan jintalab, u li dejjem tirrapporta, minn qabel, it-tluq tiegħek mill-post tas-soġġorn, u l-awtorità li tiddeċiedi dwar iż-żamma taħt arrest preventiv tqis li l-garanzija hija suffiċjenti fid-dawl tal-istatus personali tal-imputat u n-natura tal-każ inkwistjoni u taċċettaha;
  • inti twiegħed bil-miktub li tgħix ħajja ordnata, speċjalment li toqgħod lura minn attività kriminali, tidher quddiem il-qorti, quddiem il-prosekutur pubbliku jew fl-awtorità tal-pulizija jekk tintalab tagħmel dan, li dejjem tirrapporta, minn qabel, it-tluq tiegħek mill-post tas-soġġorn u li tikkonforma mad-dmirijiet u r-restrizzjonijiet imposti lilek, u l-awtorità li tiddeċiedi dwar iż-żamma taħt arrest preventiv tqis li l-wegħda hija suffiċjenti u taċċettaha;
  • jekk tkun taħt superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation;
  • jekk xi waħda mill-miżuri proviżorji tiġi imposta fuqek;
  • jekk l-imħallef jaċċetta garanzija (ammont speċifikat ta’ flus); madankollu, il-garanzija ma tistax tiġi aċċettata jekk int tkun ġejt akkużat b’ċerti reati serji.

Fir-rigward tas-sostituzzjoni taż-żamma taħt arrest preventiv b’waħda minn dawn il-miżuri, l-awtorità li tiddeċiedi dwar l-arrest preventiv tista’ tiddeċiedi li twettaq kontroll elettroniku dwar it-twettiq tad-dmirijiet imposti fir-rigward ta’ din il-miżura bl-użu ta’ brazzuletta ta’ sorveljanza elettronika mal-għaksa jekk inti twiegħed li tipprovdi l-assistenza meħtieġa. L-awtorità li tiddeċiedi dwar iż-żamma taħt arrest preventiv tista’ timponi wkoll restrizzjonijiet li jipprekluduk milli tivvjaġġa barra mill-pajjiż.

Jekk inti ċittadin ta’ jew għandek xi relazzjoni oħra ma’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE, għandek id-dritt (f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat- 23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja, li ġiet trasposta bl-Att Nru 104/2013 dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali) li titlob li titħalla tikkonforma mal-miżura li tissostitwixxi żamma taħt arrest preventiv fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tiegħek jew f’xi Stat Membru ieħor speċifikat minnha (soġġett għall-ftehim ta’ dan tal-aħħar). Irid ikun possibbli li tiġi ssorveljata l-konformità ma’ tali miżuri ta’ sostituzzjoni jew li tiġi żgurata s-superviżjoni b’xi mod ieħor fl-Istat Membru kkonċernat. Jekk tonqos milli tikkonforma mal-miżura ta’ sostituzzjoni imposta, int tiġi ttrasferit lura lejn iċ-Ċekja.

L-aħħar aġġornament: 16/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

2 – Id-drittijiet tiegħi matul il-proċedimenti ġudizzjarji

A. Fejn isiru l-proċedimenti ġudizzjarji?

Skont is-serjetà tad-delitt, il-proċedimenti ġudizzjarji jsiru jew f’qorti distrettwali jew f’qorti reġjonali li fiċ-ċirkwit tagħha jkun twettaq id-delitt. Jekk il-post tad-delitt ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat jew jekk id-delitt ikun twettaq barra mill-pajjiż, il-proċedimenti jsiru fil-qorti li fiċ-ċirkwit tagħha inti tgħix, taħdem jew toqgħod; jekk dawn il-postijiet ma jkunux jistgħu jiġu ddeterminati jew ikunu barra mit-territorju tar-Repubblika Ċeka, il-proċedimenti jitmexxew mill-qorti li fiċ-ċirkwit tagħha l-att ġie żvelat (ġie aċċertat).

B. L-akkuża tista’ tinbidel? Jekk iva, għandi dritt għal informazzjoni f’dan ir-rigward?

L-uniku għan tal-proċess huwa li jiddeċiedi liema att jew għemil jifforma s-suġġett tal-akkuża. Ladarba l-akkuża tkun ġiet ippreżentata, il-prosekutur pubbliku ma jistax jibdilha; tista’ biss tiġi rtirata.

Jekk ir-riżultati tal-proċess jindikaw bidla sostanzjali fiċ-ċirkostanzi tal-każ jew jekk tkun meħtieġa investigazzjoni ulterjuri sabiex jiġi ċċarat il-każ, jew jekk jirriżulta li inti wettaqt att jew għemil ieħor li jikkostitwixxi delitt u l-prosekutur pubbliku jitlob li l-każ jiġi rrinvjat lura minħabba l-ħtieġa għal seduta konġunta, il-qorti tirrinvija l-każ lura għall-proċess preparatorju. Il-prosekutur pubbliku mbagħad jippreżenta akkuża ġdida, li tirrifletti l-bidliet li seħħew. Kopja ġdida tal-akkuża dejjem tiġi nnotifikata lilek u lill-avukat tad-difiża tiegħek, mhux aktar tard mit-taħrika jew min-notifika tagħha. Int tiġi nnotifikat b’kopja tal-akkuża flimkien ma’ parir tal-president tal-kamra dwar id-dritt tiegħek li tikkummenta dwar il-fatti stabbiliti fl-akkuża fit-terminu stabbilit mill-president, b’mod partikolari dwar:

  • jekk inti tħossokx innoċenti jew ħati li wettaqt l-att jew kwalunkwe wieħed mill-atti msemmija fl-akkuża u għal liema raġunijiet;
  • jekk tixtieqx tidħol fi ftehim dwar il-ħtija u l-piena mal-prosekutur pubbliku jew jekk tixtieqx tammetti l-ħtija fil-proċess;
  • jekk taqbilx mad-deskrizzjoni tal-att u l-klassifikazzjoni legali tiegħu, u mas-sentenza proposta jew mal-miżura preventiva; u
  • liema fatti tqis li ma humiex ikkontestati.

Il-president tal-kamra jinfurmak ukoll dwar il-konsegwenzi ta’ tali dikjarazzjonijiet kif ukoll dwar il-fatt li l-avukat tad-difiża tiegħek jista’ jipprovdi wkoll dikjarazzjonijiet dwar l-akkuża f’ismek, ħlief għal konfessjoni jew ammissjoni ta’ ħtija.

Il-president jistiednek ukoll tinforma lill-qorti fi żmien xieraq bit-talbiet għal ġbir ta’ provi ulterjuri fil-proċess, u tindika ċ-ċirkostanzi li għandhom jiġu ċċarati permezz ta’ dawk il-provi.

Madankollu, il-qorti ma hijiex marbuta bil-klassifikazzjoni legali tal-att jew għemil kif indikati fl-akkuża u tista’ tikklassifika l-att bħala xi delitt ieħor (inqas jew aktar serju), jew tista’ tikkonkludi li l-att ma jikkostitwix delitt, iżda reat minuri. Jekk il-qorti tqis li l-att huwa reat punibbli b’mod aktar sever minn dak li għalih ġiet ippreżentata l-akkuża, hija trid tinformak bil-bidla u tiżgura li jkollok l-opportunità li twieġeb għall-bidla biex tiddefendi ruħek u li jkollok biżżejjed żmien sabiex tibdel id-difiża tiegħek.

C. Liema drittijiet għandi matul seduta tal-qorti?

Għandek id-dritt li:

  • tingħata parir mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi dwar id-drittijiet tiegħek u tkun tista’ teżerċita bis-sħiħ dawk id-drittijiet;
  • tammetti il-ħtija, tiddikjara li inti ħati jew tippreżenta proposta għal ftehim dwar il-ħtija u l-piena qabel ma tibda l-kumpilazzjoni tal-provi;
  • tikkummenta dwar l-akkużi miġjuba kontrik;
  • tirrifjuta li tixhed;
  • tispezzjona l-fajls, tieħu estratti u noti mill-fajls, u tagħmel kopji tal-fajls jew ta’ partijiet minnhom bi spejjeż tiegħek stess;
  • tipparteċipa fis-smigħ tal-kawża matul il-proċess innifsu u matul is-seduti pubbliċi;
  • tagħmel dikjarazzjoni tal-għeluq matul il-proċess u waqt seduta pubblika tal-appell;
  • tgħid l-aħħar kelma fil-proċess;
  • tippreżenta fatti u tressaq provi biex tiddefendi ruħek;
  • tikkummenta dwar kull prova mressqa u toġġezzjona għall-mod kif tkun tressqet;
  • tistaqsi mistoqsijiet lill-persuni li jkunu qegħdin jiġu eżaminati;
  • tagħmel talbiet u proposti (fir-rigward tal-kumpilazzjoni tal-provi u l-mod kif se tittieħed id-deċiżjoni);
  • tfittex rimedju ġudizzjarju kemm ordinarju (jiġifieri lmenti, appelli, dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni) kif ukoll straordinarju (jiġifieri rikorsi għal reviżjoni, rikorsi għal appell fuq punt ta’ liġi) jew tissuġġerixxi li għandu jiġi ppreżentat ilment dwar ksur tal-liġi;
  • tagħżel avukat tad-difiża (jekk ma tagħżilx avukat inti stess, jista’ jintgħażel avukat tad-difiża għalik, eż. minn membru tal-familja) u titlob lill-avukat għal parir ukoll matul l-atti mwettqa mill-awtorità tal-infurzar tal-liġi nnifisha;
  • titkellem mal-avukat tad-difiża tiegħek mingħajr il-preżenza ta’ terzi;
  • titlob li tiġi interrogat fil-preżenza tal-avukat tad-difiża tiegħek u titlob lill-avukat tiegħek jipparteċipa f’kull att tal-proċedimenti kriminali;
  • tuża lsien twelidek jew lingwa oħra li taf sew quddiem l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jekk tiddikjara li ma tafx sew il-lingwa Ċeka.

i. Jeħtieġli nidher quddiem il-qorti? Taħt liema kundizzjonijiet nista’ nkun assenti mill-qorti?

Il-proċess innifsu jista’ jseħħ biss fl-assenza tiegħek jekk il-qorti tqis li l-kawża tista’ tiġi deċiża b’mod affidabbli u li l-iskop tal-proċedimenti kriminali jista’ jinkiseb anke fl-assenza tiegħek, u

  • int tkun ġejt debitament innotifikat bl-akkuża u tkun ġejt imħarrek għall-proċess kif suppost u fi żmien xieraq; u
  • inti diġà tkun ġejt interrogat mill-awtorità tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tal-att jew l-għemil li huwa s-suġġett tal-akkuża, id-dispożizzjoni legali dwar il-bidu tal-prosekuzzjoni kriminali tkun ġiet osservata, u inti tkun ġejt avżat bil-possibbiltà li tispezzjona l-fajl u tipproponi proposti sabiex tissupplimenta l-investigazzjoni.

It-taħrika jrid ikun fiha avviż dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ attendenza għall-proċess.

Għalhekk, il-proċess jista’ jsir fl-assenza tiegħek, iżda mhux jekk

  • tkun miżmum taħt arrest preventiv;
  • tkun qiegħed tiskonta sentenza ta’ priġunerija;
  • il-każ ikun jikkonċerna delitt punibbli bi priġunerija ta’ aktar minn 5 snin.

Madankollu, anke f’każijiet bħal dawn ma għandekx għalfejn tkun preżenti fil-proċess jekk inti titlob b’mod espliċitu lill-qorti sabiex twettaq il-proċess fl-assenza tiegħek, sakemm il-preżenza personali tiegħek ma titqiesx neċessarja mill-qorti.

F’każijiet ta’ difiża obbligatorja, il-proċess ma jistax isir mingħajr il-preżenza tal-avukat tad-difiża tiegħek.

ii. Għandi d-dritt għal interpretu u għal traduzzjonijiet tad-dokumenti? Sa liema punt?

Jekk tiddikjara li ma tafx il-lingwa Ċeka, inti intitolat tuża fil-komunikazzjoni tiegħek mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi lsien twelidek jew il-lingwa li qed tiddikjara li taf sew.

Jekk imbagħad ikun hemm il-ħtieġa li jiġi interpretat il-kontenut ta’ dokument, ta’ xhieda jew ta’ kwalunkwe att proċedurali ieħor, jew jekk tiddikjara li ma tafx sew il-lingwa Ċeka, jinħatar interpretu sabiex jinterpreta l-atti tal-proċedimenti kriminali. Fuq talba tiegħek, l-interpretu maħtur jista’ jinterpreta wkoll il-konsultazzjoni tiegħek ma’ avukat tad-difiża jekk il-konsultazzjoni tkun direttament relatata ma’ atti proċedurali; l-interpretu jista’ wkoll jinterpreta kwalunkwe konsultazzjoni matul l-atti proċedurali.

F’każ bħal dan, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jipprovdu traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti definiti fil-liġi (eż. digriet għaż-żamma taħt arrest preventiv, sentenza, digriet penali, deċiżjoni dwar appell, eċċ.); tista’ tirrinunzja dan id-dritt għat-traduzzjoni.

Int għandek id-dritt li titlob lill-qorti tittraduċi jew tinterpreta barra minn hekk kwalunkwe dokument ieħor li huwa rilevanti f’termini tal-eżerċizzju tad-dritt tiegħek ta’ difiża.

iii. Għandi d-dritt għal avukat tad-difiża?

  • Jekk int tkun akkużat li wettaq delitt, int għandek id-dritt għal avukat tad-difiża. Jekk ma tagħżilx avukat tad-difiża inti stess, membru tal-familja jista’ jagħżel avukat għalik jew tista’ tiddefendi ruħek waħdek. F’ċerti każijiet, madankollu, jeħtieġlek ikollok avukat tad-difiża (din hija magħrufa bħala “difiża obbligatorja”); f’każ bħal dan l-imħallef jassenjalek avukat tad-difiża sakemm ma tagħżilx wieħed tiegħek f’limitu ta’ żmien speċifikat. Irid ikollok avukat tad-difiża fi proċedimenti ġudizzjarji sakemm id-deċiżjoni li biha jintemmu l-proċedimenti ssir finali:
    • jekk int tinżamm taħt arrest preventiv, tkun qiegħed tiskonta sentenza ta’ priġunerija jew tkun soġġett għal miżura preventiva assoċjata maċ-ċaħda tal-libertà, jew tkun taħt osservazzjoni f’istitut mediku;
    • jekk il-kapaċità legali tiegħek kienet ristretta (eż. minħabba disturb mentali);
    • fi proċedimenti kontra persuna li ħarbet (jekk tkun ħrabt u l-proċedimenti jkunu qegħdin isiru fl-assenza tiegħek);
    • jekk il-proċedimenti jikkonċernaw delitt punibbli bi priġunerija fil-medda superjuri ta’ aktar minn 5 snin;
    • jekk il-qorti tqis li dan huwa meħtieġ minħabba li, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tiegħek, il-qorti għandha dubji dwar il-kapaċità tiegħek li tiddefendi lilek innifsek kif suppost;
    • jekk inti delinkwent minorenni (bejn l-età ta’ 15 u 18-il sena);
    • waqt il-proċess jekk tinżamm f’detenzjoni;
    • fi proċedimenti li jikkonċernaw l-impożizzjoni jew it-tibdil tat-termini ta’ detenzjoni preventiva sigura, jew l-impożizzjoni jew it-tibdil tat-termini tat-trattament forensika, bl-eċċezzjoni tat-trattament forensiku istituzzjonali tal-alkoħoliżmu;
  • Irid ikollok avukat tad-difiża fil-proċedura ta’ infurzar fejn il-qorti tiddeċiedi f’seduta pubblika jekk:
    • il-kapaċità legali tiegħek tkun ġiet ristretta;
    • tkun miżmum taħt arrest preventiv;
    • ikun hemm dubji dwar il-kapaċità tiegħek li tiddefendi ruħek kif suppost.
  • Fi proċedimenti dwar rimedji straordinarji (ilmenti dwar ksur tal-liġi, rikorsi għal appell fuq punt ta’ liġi, rikorsi għal reviżjoni), irid ikollok avukat tad-difiża:
    • jekk int tinżamm taħt arrest preventiv, tkun qiegħed tiskonta sentenza ta’ priġunerija jew tkun soġġett għal miżura preventiva assoċjata maċ-ċaħda tal-libertà, jew tkun taħt osservazzjoni f’istitut mediku;
    • jekk il-kapaċità legali tiegħek tkun ġiet ristretta;
    • jekk dan ikun delitt punibbli bi priġunerija fil-medda superjuri ta’ aktar minn 5 snin;
    • jekk ikun hemm dubji dwar il-kapaċità tiegħek li tiddefendi ruħek kif suppost.
  • Fi proċedimenti li jikkonċernaw delitt punibbli bi priġunerija fil-medda superjuri ta’ aktar minn 5 snin, tista’ tirrinunzja d-dritt għal avukat tad-difiża sakemm ir-reat ma jkunx punibbli b’sentenza eċċezzjonali (sentenza ta’ għomor priġunerija jew priġunerija ta’ aktar minn 20 sena sa 30 sena). Tista’ wkoll tirrinunzja d-dritt tiegħek għal avukat tad-difiża jekk tinżamm detenut u l-proċess ikun mistenni li jseħħ.

iv. X’drittijiet proċedurali oħra għandi nkun naf dwarhom (eż. preżentazzjoni ta’ persuni suspettati quddiem il-qorti)?

Kulħadd ipoġġi f’postu matul il-proċess. Il-mistoqsijiet u d-dikjarazzjonijiet jistgħu jsiru biss bil-kunsens tal-president tal-kamra (l-imħallef uniku); trid tqum bilwieqfa meta tindirizza lill-imħallef, anke fl-iqsar diskors (madankollu, il-president jista’ jippermetti lil ċerti persuni biex jibqgħu bilqiegħda minħabba l-età jew is-saħħa tagħhom kemm meta jitkellmu kif ukoll meta jixhdu). Il-president tal-kamra (l-imħallef uniku) jistieden lil kulħadd preżenti sabiex jisma’ d-dispożittiv tas-sentenza waqt li kulħadd ikun bilwieqfa. Biċ-Ċek, kemm il-persuni ġudizzjarji kif ukoll persuni oħra preżenti għandhom jindirizzaw lil xulxin billi jżidu pane/paní/slečno (“Sinjur/Sinjura/Sinjorina”) qabel il-funzjoni jew il-pożizzjoni tal-persuna indirizzata fil-proċess (eż. pane předsedo, pane přísedící, pane doktore, paní státní zástupkyně, pane znalče, pane svědku, eċċ. meta jindirizzaw lill-president tal-kamra, lill-imħallef onorarju, lill-avukat tad-difiża, lil avukat/tabib, lill-prosekutur pubbliku, lill-espert, lix-xhud, rispettivament). Ma huwiex permess li wieħed jitkellem fl-awla mingħajr il-kunsens tal-president tal-kamra (l-imħallef uniku) jew li wieħed jiekol, jixrob jew ipejjep, inkluż matul waqfa. Il-persuni preżenti fl-awla tal-qorti jridu joqogħdu lura minn kwalunkwe ħaġa li tista’ tfixkel l-andament jew id-dinjità tas-seduta tal-qorti, inklużi espressjonijiet ta’ kuntentizza jew skuntentizza dwar l-andament tas-seduta, l-istqarrijiet tax-xhieda, id-deċiżjonijiet mogħtija, eċċ. Kull apparat (speċjalment il-mowbajls) għandhom jintfew ukoll jekk ikunu jistgħu jfixklu l-andament u d-dinjità tas-seduta.

Jistgħu jsiru trażmissjonijiet bl-immaġni jew bil-ħoss u jistgħu jsiru reġistrazzjonijiet viżwali matul seduta tal-qorti biss bil-kunsens minn qabel tal-president tal-kamra (l-imħallef uniku). Ir-reġistrazzjonijiet tal-awdjo jistgħu jsiru bl-għarfien tal-president tal-kamra jew tal-imħallef uniku; meta l-mod kif isiru jista’ jfixkel l-andament jew id-dinjità tas-seduta, il-president tal-kamra jew l-imħallef uniku jistgħu jipprojbixxu r-reġistrazzjoni.

L-armi ma humiex permessi fil-kamra tal-qorti.

D. Penali possibbli

  • detenzjoni domiċiljari;
  • servizz komunitarju;
  • konfiska tal-assi;
  • multa;
  • konfiska ta’ oġġett;
  • projbizzjoni tal-attivitajiet;
  • projbizzjoni fuq iż-żamma u t-trobbija tal-annimali;
  • digriet ta’ esklużjoni;
  • il-projbizzjoni tal-attendenza ta’ avvenimenti sportivi, kulturali u avvenimenti soċjali oħra;
  • telf ta’ titoli ta’ unuri jew għotjiet;
  • telf ta’ grad militari;
  • tneħħija.

Il-miżuri preventivi huma miżuri ta’ natura preventiva u, għall-kuntrarju tal-pieni, jistgħu jiġu imposti wkoll eż. għal atti li kieku jkunu punibbli fil-każ ta’ persuni li ma jkunux kriminalment responsabbli minħabba ġenn jew età żgħira. Il-miżuri preventivi jistgħu jiġu imposti jew separatament jew flimkien ma’ piena, soġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mil-liġi. Il-miżuri protettivi jinkludu:

  • it-trattament forensiku;
  • id-detenzjoni preventiva sigura;
  • il-konfiska tal-oġġetti;
  • il-konfiska ta’ parti mill-assi;
  • l-edukazzjoni protettiva.
L-aħħar aġġornament: 16/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

3 – Id-drittijiet tiegħi wara l-proċedimenti ġudizzjarji

A. Għandi d-dritt ta’ appell kontra deċiżjoni tal-qorti?

Iva, tista’ tikkontesta deċiżjoni tal-qorti tal-prim’istanza permezz ta’ appell; l-appell għandu effett sospensiv. Jista’ jiġi ppreżentat appell kontra sentenza li permezz tagħha l-qorti tkun approvat ftehim dwar il-ħtija u l-piena biss jekk tali sentenza tkun inkonsistenti mal-ftehim ippreżentat mill-prosekutur pubbliku lill-qorti għall-approvazzjoni.

Fl-appell tiegħek tista’ tinvoka li t-taqsimiet tad-dispożittiv li jaffettwawk direttament huma skorretti sakemm dan ma jkunx jikkonċerna sentenza dwar il-ħtija sal-punt li l-qorti tkun aċċettat l-ammissjoni tiegħek ta’ ħtija. Għandu jiġi ppreżentat appell quddiem il-qorti li tkun tat is-sentenza kkontestata fi żmien 8 ijiem min-notifika ta’ kopja tas-sentenza.

B. X’rimedji oħra għandi għad-dispożizzjoni tiegħi?

Fil-proċedimenti kriminali tista’ tagħmel użu minn rimedji ordinarji (appelli, ilmenti, dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni) u rimedji straordinarji (rikorsi għal appell fuq punt ta’ liġi, rikorsi għal reviżjoni) u tista’ tipproponi wkoll li jiġi ppreżentat ilment dwar ksur tal-liġi.

Ilment iservi bħala rimedju kontra digriet tal-qorti (riżoluzzjoni) u jrid jiġi ppreżentat lill-awtorità li tkun ħarġet id-digriet (riżoluzzjoni) ikkontestat fi żmien 3 ijiem min-notifika ta’ dan tal-aħħar. Id-digrieti (riżoluzzjonijiet) maħruġa mill-qorti (u mill-prosekutur pubbliku) jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ lment biss f’każijiet preskritti mil-liġi. Digriet (riżoluzzjoni) jista’ jiġi kkontestat fuq il-bażi ta’ żball fi kwalunkwe waħda mit-taqsimiet tad-dispożittiv tagħha jew ksur ta’ dispożizzjoni li tirregola l-proċedimenti ta’ qabel id-digriet (riżoluzzjoni) jekk il-ksur seta’ wassal għal żball fi kwalunkwe waħda mit-taqsimiet tad-dispożittiv tagħha. Ilment għandu effett sospensiv biss jekk dan ikun stabbilit b’mod espliċitu mil-liġi.

Inti tista’ tippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra digriet penali lill-qorti li tkun ħarġitu sa 8 ijiem wara li jkun ġie nnotifikat id-digriet. Jekk tkun ġiet ippreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra digriet penali fit-terminu stabbilit, id-digriet penali jiġi kkanċellat awtomatikament u l-imħallef uniku jordna proċess fil-kawża.

Rikors għal appell fuq punt ta’ liġi (biċ-Ċek : dovolání) jista’ jiġi ppreżentat biss kontra sentenza finali in rem ta’ qorti tas-sekond’istanza f’każijiet fejn dan ikun permess mil-liġi. Tista’ tippreżenta rikors għal appell fuq punt ta’ liġi fuq il-bażi li ċerta taqsima tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-qorti li taffettwak direttament tkun skorretta, iżda biss jekk tkun preżenti waħda mir-raġunijiet stabbiliti mil-liġi għall-appell fuq punt ta’ liġi. Dejjem trid tippreżenta tali rikors permezz ta’ avukat tad-difiża – l-avukat tiegħek. Ir-rikors irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-prim’istanza li tkun ħadet id-deċiżjoni in rem, fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata mir-rikors. Rikors għal appell fuq punt ta’ liġi ma għandha l-ebda effett ta’ sospensjoni sakemm il-Qorti Suprema ma tiddeċidix mod ieħor.

Int intitolat ukoll li tippreżenta rikors għal reviżjoni. B’mod ġenerali, ir-reviżjoni tal-proċedimenti li jkunu ntemmu b’sentenza finali jew b’digriet penali tkun permessa jekk jitfaċċaw fatti jew provi li qabel ma kinux magħrufa mill-qorti u dawk il-fatti jew il-provi – waħedhom jew flimkien mal-fatti u l-provi diġà magħrufa – ikunu jistgħu jiġġustifikaw deċiżjoni differenti dwar il-ħtija, jew il-piena imposta oriġinarjament tkun ovvjament sproporzjonata man-natura u s-serjetà tar-reat jew maċ-ċirkostanzi personali, familjari jew finanzjarji tiegħek u ċirkostanzi oħrajn, jew jekk it-tip ta’ piena ma jkunx adattat għall-iskop tal-piena. Rikors għal reviżjoni tal-proċedimenti li tkun intemmet b’sentenza finali jew b’digriet penali jinstema’ u jiġi deċiż mill-qorti li tkun iddeċidiet dwar il-kawża fil-prim’istanza. Il-liġi ma tistabbilixxi l-ebda limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ rikors għal reviżjoni favur tiegħek.

Barra minn hekk, tista’ tipproponi li jiġi ppreżentat ilment dwar il-ksur tal-liġi; madankollu, dan ir-rimedju straordinarju huwa disponibbli biss għall-Ministru tal-Ġustizzja u huwa f’idejn il-Ministru biex jiddeċiedi jekk tali lment għandux jiġi ppreżentat jew le. Ilment dwar ksur tal-liġi jista’ jiġi ppreżentat kontra kwalunkwe deċiżjoni finali tal-qorti (minbarra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema) jew kwalunkwe deċiżjoni maħruġa mill-prosekutur pubbliku jekk id-deċiżjoni tkun kisret il-liġi jew tkun saret abbażi ta’ proċedura vvizzjata minn difett. Il-liġi ma tistabbilixxi l-ebda limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ tali lment.

C. X’inhuma l-konsegwenzi tal-kundanna?

Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tibda ladarba l-kundanna għal delitt tidħol fis-seħħ legalment; f’dan l-istadju, is-sentenza jew il-miżura preventiva tiġi eżegwita u jitwettqu l-atti relatati.

Jekk inti tkun ġejt ikkundannat għal delitt b’sentenza finali, ma tistax terġa’ tiġi mixli bl-istess reat (lanqas fi Stat Membru ieħor) sakemm ma tkunx permessa reviżjoni.

Il-kundanna tiġi rreġistrata fir-reġistru kriminali u tidher fi kwalunkwe estratt mir-reġistru kriminali sakemm tiġi skontata l-kundanna. Dan jista’ jaffettwa l-kapaċità tiegħek li ssegwi professjoni partikolari, li tikseb ċertu permess jew liċenzja, jew li tingħata permess li jkollok arma, eċċ.

Ladarba l-kundanna tiegħek tkun ġiet skontata, int titqies daqslikieku qatt ma tkun ġejt ikkundannat. Madankollu, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u xi awtoritajiet oħra għandhom aċċess għal dak li huwa magħruf bħala “kopja” tar-reġistru kriminali; il-kundanna tiegħek tiġi rreġistrata fil-kopja anke wara li tkun ġiet skontata.

i. Li jkollok kondotta kriminali

Ladarba s-sentenza ta’ kundanna ssir finali, issir entrata fir-reġistru kriminali fejn jinżammu rekords ta’ kundanni u ta’ fatti oħra rilevanti għall-proċedimenti kriminali. Din l-informazzjoni tinżamm għal 100 snin mid-data tat-twelid tiegħek, irrispettivament minn jekk taqbilx ma’ dan jew le. Jekk il-kundanna tiegħek tkun ġiet skontata, l-informazzjoni ma tibqax tidher fl-estratt tiegħek mir-reġistru kriminali iżda tkompli tidher f’kopja tar-reġistru kriminali kif deskritt hawn fuq. Kundanna tista’ tiġi skontata fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-Kodiċi Kriminali, skont is-serjetà tal-kundanna. Dawn il-limiti ta’ żmien ivarjaw minn sena sa 15-il sena mid-data meta tiġi nnotifikata s-sentenza tiegħek; għal xi sentenzi, int titqies li ma ġejtx kkundannat ladarba tkun skontajthom.

Jekk inti ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-UE, l-informazzjoni dwar il-kundanna tiegħek tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-UE li tiegħu inti ċittadin.

v. Notifika ta’ sentenza, trasferiment ta’ priġunieri, probation u pieni alternattivi

Ladarba sentenza ta’ kundanna tkun saret finali, il-president tal-kamra jordna li tiġi eżegwita.

Jekk tkun ġejt ikkundannat b’forza legali għal sentenza ta’ priġunerija mhux ikkundizzjonata, il-president jibgħat digriet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza lill-ħabs rilevanti u, jekk ma tkunx ġejt detenut, inti tintalab li tiġi l-ħabs fil-limitu ta’ żmien stabbilit. Jekk tipprova taħrab min-notifika tas-sentenza tiegħek, il-Pulizija Ċeka tista’ tittrasportak lejn il-ħabs.

Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet statutorji, il-qorti tista’ tiddeċiedi li tipposponi n-notifika tas-sentenza tiegħek, tibdel il-mod li bih tiġi nnotifikata, tissospendi n-notifika tas-sentenza tiegħek, tiddeċiedi dwar il-parole tiegħek, eċċ. Il-qorti tista’ wkoll tirrinunzja għas-sentenza ta’ priġunerija jew għall-parti li jifdal minnha jekk ikollok tiġi estradit lejn pajjiż barrani jew imneħħi (imkeċċi).

Proċedura simili mbagħad tapplika jekk ikun ġie impost fuqek trattament mediku ordnat mill-qorti jew detenzjoni preventiva sigura, jiġifieri ladarba d-deċiżjoni li taħtha għandu jitwettaq it-trattament mediku ordnat mill-qorti jew detenzjoni preventiva sigura tkun saret eżegwibbli, il-president tal-kamra jibgħat digriet ta’ eżekuzzjoni rigward id-deċiżjoni lill-istituzzjoni medika rilevanti jew lill-istitut ta’ detenzjoni preventiva sigura rilevanti fejn il-miżura preventiva għandha tiġi eżegwita, u jitolbok tirrapporta lil dak l-istitut/istituzzjoni. Jekk tipprova tevita l-miżura preventiva, il-Pulizija Ċeka tista’ tittrasportak lejn l-istituzzjoni rilevanti.

Jekk il-kundizzjonijiet statutorji jew il-kundizzjonijiet stabbiliti fi trattat internazzjonali jiġu ssodisfati, tista’ tiġi ttrasferit lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħek jew lejn Stat ieħor biex tiskonta sentenza ta’ priġunerija mhux kondizzjonali jew miżura preventiva jekk titlob dan u l-Istat ikkonċernat jaqbel. Tista’ tiġi imposta wkoll sentenza alternattiva f’sentenza ta’ kundanna. Kwalunkwe piena li ma tinvolvix priġunerija immedjata tista’ titqies bħala sentenza alternattiva. Tista’ titqiegħed ukoll taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation għall-fini ta’ monitoraġġ tat-twettiq tal-obbligi imposti fuqek u li jgħinek tirritorna lejn il-komunità u tgħix ħajja ordnata. Jekk tkun ġiet imposta superviżjoni fuqek, inti jeħtieġlek:

  • tikkoopera mal-uffiċjal tal-probation b’mod iddeterminat minnu
    u timplimenta l-pjan ta’ probation superviżorja;
  • tidher quddiem l-uffiċjal tal-probation fil-ħinijiet stabbiliti minnu;
  • tinforma lill-uffiċjal tal-probation dwar il-post fejn tinsab, l-impjieg u l-mezzi ta’ sussistenza tiegħek, il-konformità tiegħek mar-restrizzjonijiet u l-obbligi imposti mill-qorti, u kwalunkwe ċirkostanza sinifikanti oħra rilevanti għas-superviżjoni mill-uffiċjal tal-probation;
  • tħalli lill-uffiċjal tal-probation jidħol f’darek.

Jekk ikun ġie impost fuqek obbligu raġonevoli sabiex tgħaddi minn programm xieraq ta’ taħriġ soċjali u ta’ edukazzjoni mill-ġdid jew li tgħaddi minn programmi xierqa ta’ konsulenza psikoloġika bħala riżultat ta’ deċiżjoni tal-qorti, tista’ tiġi inkluż fi programm ta’ probation u ta’ risoċjalizzazzjoni. Tista’ tiġi inkluż ukoll f’tali programm jekk tissodisfa l-kriterji ta’ inklużjoni stabbiliti mill-fornitur tal-programm, mingħajr ebda obbligu impost mill-qorti sabiex tgħaddi mill-programm; f’każ bħal dan, jista’ jsir ftehim dwar il-parteċipazzjoni fil-programm mal-uffiċjal tal-probation skont it-termini ta’ superviżjoni u l-ftehim jista’ jiġi inkluż fil-pjan ta’ probation superviżorja. Jekk il-programm jiġi implimentat bħala parti mis-sentenza ta’ priġunerija, il-parteċipazzjoni tiegħek fil-programm tista’ tiġi miftiehma ma’ speċjalist li jaħdem mas-Servizz tal-Ħabsijiet Ċek.

Tista’ tiskonta wkoll xi wħud minn dawk is-sentenzi alternattivi f’pajjiżek jew fi Stat ieħor li għandek rabtiet miegħu, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet statutorji u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn trattat internazzjonali u l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi tista’ tiġi ssorveljata jew b’mod ieħor ivverifikata. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-opzjoni jvarja skont jekk il-pajjiż ikkonċernat huwiex Stat Membru tal-UE jew Stat li ma huwiex Stat Membru tal-UE (l-opzjonijiet ikunu aktar limitati f’dan l-aħħar każ).

L-aħħar aġġornament: 16/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.