Please note that the original language version of this page Latvian has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages have already been translated.
Swipe to change

Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Latvia
Content provided by:
European Judicial Network
European Judicial Network (in civil and commercial matters)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili tiggarantixxi d-dritt ta' kull persuna, fiżika jew ġuridika, għal protezzjoni tad-drittijiet ċivili tagħha permezz tal-qrati, jekk dawn jiġu miksura jew kontestati, u l-protezzjoni bil-qorti ta' kull interess imħares mil-liġi. Bħala regola ġenerali, il-kawżi ċivili jinstemgħu mill-qrati, skont il-proċeduri ordinarji tal-qrati. F'każijiet eċċezzjonali, u fejn ikun speċifikat mil-liġi biss, it-tilwim ċivili jista' jiġi deċiż permezz ta' proċeduri extraġudizzjarji oħra. Fejn tipprovdi l-liġi, qorti tisma' wkoll it-talbiet imressqa mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li min-natura tagħhom ma jaqgħux fil-qasam ċivili. Madankollu, l-assenjazzjoni ta' tilwima ssir dejjem minn qorti jew imħallef. Jekk il-qorti jew l-imħallef jagħraf li tilwima ma taqax fil-ġurisdizzjoni ta' qorti, id-deċiżjoni f'dan is-sens tindika l-korp responsabbli biex jiddeċiedi mit-tilwima.

Il-Latvja ma għandhiex qrati speċjalizzati li jisimgħu biss kategoriji speċjali ta' kawżi ċivili. Madankollu, ir-regoli ordinarji tal-ġurisdizzjoni huma soġġetti għal ċerti eċċezzjonijiet li jistabbilixxu liema qorti tisma' l-kawża fl-ewwel istanza.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

Il-parti sostantiva tal-kawżi ċivili tinstema' mill-qorti tal-ewwel istanza tal-post rilevanti; ċerti kawżi speċifikati mil-liġi jridu jinstemgħu minn qorti reġjonali.

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Il-mertu tal-kawża ma jistax jiġi eżaminat minn qorti superjuri jekk il-kawża ma tkunx għadha nstemgħet minn qorti inferjuri. Il-qorti tal-ewwel istanza għall-kawżi ċivili hija l-qorti distrettwali jew tal-belt (rajona (pilsētas) tiesa) jew il-qorti reġjonali (apgabaltiesa) li fil-ġurisdizzjoni tagħha taqa' l-kawża. Fil-proċedimenti ċivili l-kawżi jiġu meqjusa fil-mertu mill-qorti bil-ġurisdizzjoni għal dak it-tip ta' kawża, suġġett u post tat-tilwima.

Jekk il-kawża ma taqax fil-ġurisdizzjoni tal-qrati, bħala regola ġenerali tinstema' fil-qorti distrettwali jew tal-belt, iżda hemm każijiet speċifikati mil-liġi li jinstemgħu mill-qorti reġjonali. Il-każijiet li ġejjin jinstemgħu fl-ewwel istanza mill-qorti reġjonali:

  • tilwim dwar drittijiet fuq proprjetà immobbli, ħlief għad-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali bejn il-miżżewwġin;
  • kawżi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fuq privattivi, trademarks u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti;
  • kawżi dwar il-falliment u l-istralċ tal-istituzzjonijiet ta' kreditu.

Jekk kawża jkun fiha diversi talbiet, u xi talbiet huma soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-qorti distrettwali jew tal-belt u oħrajn għall-ġurisdizzjoni tal-qorti reġjonali, jew meta kontrotalba li taqa' fil-ġurisdizzjoni ta' qorti reġjonali ġiet ippreżentata quddiem qorti distrettwali jew tal-belt, il-kawża tinstema' mill-qorti reġjonali.

Il-kawżi ċivili li jinvolvu sigriet tal-Istat jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Reġjonali ta' Riga (Rīgas apgabaltiesa) bħala qorti tal-ewwel istanza.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

Il-kawżi ċivili jiġu assenjati għas-smigħ fl-ewwel istanza lil qrati fi gradi differenti, skont is-suġġett: il-kawżi jiġu klassifikati skont il-kategorija u n-natura tat-talba. Irid jingħad ukoll li anki qrati fl-istess grad għandhom il-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom stess.

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Il-proċeduri ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni territorjali jistabbilixxu li talba kontra persuna fiżika trid titressaq quddiem il-qorti tal-post ta' residenza ddikjarat tagħha (l-Artikolu 26 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili). Talba kontra persuna ġuridika trid titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. B'hekk il-qorti adattata tal-ewwel istanza tiġi determinata mis-suġġett tal-kawża u mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni territorjali.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

L-Att dwar il-Proċedura Ċivili jispeċifika wkoll l-eċċezzjonijiet għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni territorjali fil-kawżi ċivili, meta r-rikorrent jista' jagħżel li jiftaħ kawża jew skont id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni territorjali, jiġifieri jidher quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut jew jiftaħ kawża quddiem qorti tal-ewwel istanza differenti, fl-istess grad, li l-liġi tindika bħala qorti alternattiva.

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Talba kontra konvenut li ma għandux post ta' residenza dikjarat titressaq quddiem qorti li tiġi magħżula skont il-post ta' residenza de facto tal-konvenut.

Jekk il-post ta' residenza de facto tal-konvenut mhux magħruf, jew jekk il-konvenut ma għandux post ta' residenza abitwali fil-Latvja, it-talba titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli tal-konvenut, jew tal-aħħar post ta' residenza magħruf tiegħu.

F'ċerti każijiet speċifikati mil-liġi, rikorrent għandu ċerti drittijiet biex jagħżel fejn jiftaħ il-kawża, quddiem qorti stabbilita mill-post ta' residenza dikjarata tal-konvenut jew l-uffiċċju reġistrat jew quddiem qorti oħra.

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Ir-regoli dwar l-għażla tal-qorti mir-rikorrent jinsabu fl-Artikolu 28 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili, li jagħti lista dettaljata tat-tip ta' kawżi u qrati alternattivi li quddiemhom tista' titressaq il-kawża:

  • Kawża minħabba l-attivitajiet ta' sussidjarju jew uffiċċju rappreżentattiv ta' persuna ġuridika tista' titressaq ukoll fil-qorti fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat tas-sussidjarju jew tal-uffiċċju rappreżentattiv.
  • Kawża għall-irkupru tal-manteniment tat-tfal jew tal-ġenituri jew tal-filjazzjoni tista titressaq ukoll quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tar-rikorrent.
  • Kawża dwar korriment personali (l-Artikoli 2347-2353 tal-Kodiċi Ċivili) li wassal għal diżabbiltà, dannu ieħor għas-saħħa jew il-mewt tal-persuna konċernata tista' titressaq ukoll fil-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tar-rikorrent jew il-post fejn seħħ il-korriment.
  • Kawża dwar ħsara fuq proprjetà ta' persuna fiżika jew ġuridika tista' titressaq ukoll fil-qorti tal-post fejn saret il-ħsara.
  • Kawża għar-restituzzjoni ta' proprjetà, jew kumpens għall-valur tagħha, tista' titressaq ukoll quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tar-rikorrent.
  • Il-kawżi marittimi jistgħu jitressqu wkoll fil-qorti tal-post fejn ġie sekwestrat il-bastiment proprjetà tal-konvenut.
  • Kawża kontra diversi konvenuti li jgħixu jew jinsabu f'diversi postijiet tista' titressaq fil-qorti tal-post ta' residenza jew uffiċċju reġistrat ta' konvenut minnhom.
  • Kawża marbuta ma' divorzju jew annullament taż-żwieġ tista' titressaq quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tar-rikorrent jekk:
    • il-minorenni jgħixu mar-rikorrent;
    • iż-żwieġ li se jinħall ġie ċċelebrat ma' persuna li qed tiskonta sentenza ta' ħabs;
    • iż-żwieġ li se jinħall ġie ċċelebrat ma' persuna b'post ta' residenza mhux magħrug jew li tgħix barra l-pajjiż.
  • Kawża minħabba relazzjoni industrijali tista' titressaq ukoll fil-qorti tal-post dikjarat ta' residenza jew tal-post tax-xogħol tar-rikorrent.

Jekk ir-rikorrent fil-każijiet imsemmija hawn qabel ma għandux post iddikjarat ta' residenza, tista' ssir talba quddiem il-qorti tal-post ta' residenza de facto tar-rikorrent.

Hemm ukoll dispożizzjoni rigward il-ġurisdizzjoni esklussiva fil-kawżi ċivili, li tieħu preċedenza mhux biss fuq il-ġurisdizzjoni territorjali ordinarja iżda wkoll kull forma oħra ta' ġurisdizzjoni territorjali. Il-ġurisdizzjoni hija determinata mit-tip ta' kawża fil-każijiet li ġejjin.

Kawża dwar id-drittijiet ta' sjieda jew drittijiet ta' proprjetà oħra fir-rigward ta' proprjetà immobbli jew marbuta magħhom, jew kawża dwar ir-reġistrazzjoni ta' dawn id-drittijiet fir-reġistru tal-artijiet jew it-tneħħija ta' dawn id-drittijiet u l-esklużjoni tal-proprjetà mir-rekords, trid titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà.

Meta l-kawża tinġieb kontra l-beni tad-decujus, u ma hemmx eredi magħrufa li ġew konfermati jew aċċettaw il-wirt, il-ġurisdizzjoni hija tal-qorti tal-post ta' residenza dikjarata jew de facto tad-decujus, iżda jekk ir-residenza dikjarata jew de facto mhix fil-Latvja jew mhix magħrufa, il-ġurisdizzjoni hija tal-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà jew parti minnha tal-wirt.

Il-ġurisdizzjoni esklussiva tinsab ukoll f'atti leġiżlattivi oħra.

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll f'każijiet soġġetti għal proċedimenti ġudizzjarji speċjali:

Rikors għall-approvazzjoni ta' adozzjoni jird jiġi preżentat lill-qorti tal-post ta' residenza dikjarata ta' min se jaddotta, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu; rikors għall-annullazzjoni ta' adozzjoni jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tar-rikorrent, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu.

Rikors għall-approvazzjoni ta' adozzjoni minn ċittadin barrani jew persuni li tgħix fi stat barrani jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tal-persuna adottata, iżda jekk il-persuna adottata tkun f'kustodja mhux fil-familja r-rikors irid jiġi ppreżentat lill-qorti tal-post fejn qed tiġi provvduta l-kura w kustodja (l-Artikolu 259(2) tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

Rikors għall-interdizzjoni minħabba diżordni mentali jew kundizzjonijiet oħra jrid jiġi ppreżentat lill-qorti tal-post ta' residenza dikjarata ta' dik il-persuna, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tagħha; jekk il-persuna tkun ġiet trasferita f'istitut mediku, ir-rikors irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post fejn jinsab l-istitut mediku (l-Artikolu 264 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

  • Rikors għall-inabilitazzjoni u għat-twaqqif ta' trusteeship għal persuna minħabba l-istil ta' ħajja mhux għaqli u ta' tberbiq, jew użu eċċessiv ta' alkoħol jew sustanzi intossikanti oħra, irid jiġi ppreżentat fil-qorti tal-post ta' residenza dikjarata ta' dik il-persuna, jew fin-nuqqas, fil-post ta' residenza de facto tagħha (l-Artikolu 271 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
  • Kwistjonijiet dwar it-trusteeship għall-proprjetà ta' persuna assenti jew mitlufa jridu jiġu deċiżi mill-qorti tal-aħħar post ta' residenza tagħha (l-Artikolu 278 tal-Att).
  • Rikors sabiex persuna mitlufa tiġi ddikjarata mejta trid tiġi ppreżentata lill-qorti tal-aħħar residenza tagħha (l-Artikolu 282 tal-Att).
  • Rikors sabiex jiġu stabbiliti l-fatti b'rilevanza ġuridika minn qorti jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tar-rikorrent, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu (l-Artikolu 290 tal-Att).
  • Rikors sabiex jiġu kanċellati drittijiet fuq proprjetà immobbli jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà; rikors għall-kanċellament ta' kull dritt ieħor jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tar-rikorrent, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu, jew f'każ ta' persuna ġuridika l-uffiċċju reġistrat, sakemm mhux previst mod ieħor mil-liġi (l-Artikolu 294(2) tal-Att).
  • Rikors għall-kanċellament ta' dokument mitluf, misruq jew meqrud u t-tiġdid tad-drittijiet marbuta miegħu jridu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post ta' ħlas indikat fuq id-dokument, jew, jekk mhux magħruf, quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tad-debitur, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tad-debitur, jew f'każ ta' persuna ġuridika, l-uffiċċju reġistrat tagħha;  jekk il-post ta' residenza de facto tad-debitur jew l-uffiċċju reġistrat mhux magħrufa, ir-rikors irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post fejn inħareġ id-dokument (l-Artikolu 299 tal-Att).
  • Rikors għall-fidi taċ-ċens tal-proprjetà immobbli jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà (l-Artikolu 336 tal-Att).
  • Rikors għal miżuri biex tiġi garantita talba jrid jiġi deċiż mill-qorti tal-post fejn ikollu l-uffiċċju reġistrat id-debitur (l-Artikolu 341 tal-Att).

Kawża dwar il-falliment ta' persuna ġuridika trid tiġi deċiża mill-qorti tal-post fejn ikollu l-uffiċċju reġistrat id-debitur. Il-ġurisdizzjoni biex jinbdew proċedimenti ta' falliment skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000 hija għand il-qorti tal-post fejn jinsabu l-interessi prinċipali tad-debitur. Madankollu, jekk il-proċedimenti ta' falliment jinfetħu skont l-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, il-kawża tiġi deċiża mill-qorti tal-post fejn id-debitur ikollu "stabbiliment" fit-tifsira tal-Artikolu 2(h) tar-Regolament (l-Artikolu 363 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

Kawża dwar il-falliment ta' persuna ġuridika trid tiġi deċiża mill-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tad-debitur, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu. Il-ġurisdizzjoni biex jinbdew proċedimenti ta' falliment skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000 hija għand il-qorti tal-post fejn jinsabu l-interessi prinċipali tad-debitur. Madankollu, jekk il-proċedimenti ta' falliment jinfetħu skont l-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, il-kawża tiġi deċiża mill-qorti tal-post fejn id-debitur ikollu "stabbiliment" fit-tifsira tal-Artikolu 2(h) tar-Regolament (l-Artikolu 363 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

Kwistjonijiet dwar il-falliment jew il-likwidazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu jridu jiġu deċiżi mill-qorti tal-post fejn ikollha l-uffiċċju reġistrat l-istituzzjoni ta' kreditu (l-Artikolu 341 tal-Att).

  • Prinċipal jista' jressaq rikors sabiex strajk jew avviż ta' strajk jiġi ddikjarat illegali, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar l-Istrajks u skont il-proċedura prevista hemmhekk: ir-rikors għad-dikjarazzjoni ta' illegalità ta' strajk jew avviż ta' strajk irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post fejn se jinżamm l-istrajk (l-Artikolu 390 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
  • Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jressqu rikors biex lock out jew avviż ta' lock out jiġi ddikjarat illegali, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar l-Istrajks u skont il-proċedura prevista hemmhekk: ir-rikors għad-dikjarazzjoni ta' illegalità ta' lock out jew ta' avviż ta' lock out irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post fejn se jinżamm il-lock out (l-Artikolu 394 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

Il-kawżi relatati mal-eżekuzzjoni mhux kontestata ta' obbligi (saistību bezstrīdus piespiedu izpildīšana):

  • Ir-rikors għall-bejgħ volontarju ta' proprjetà immobbli b'subbasta l-qorti jrid jiġi ppreżentat lill-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli (l-Artikolu 395 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
  • Ir-rikors għall-eżekuzzjoni mhux kontestata ta' pagamenti ta' flus jew ir-ritorn ta' proprjetà mobbli jew għall-eżekuzzjoni mhux kontestata ta' obbligi kuntrattwali li jiġu garantiti bi pleġġ kummerċjali jrid jiġi ppreżentat lill-uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post ta' residenza dikjarata tad-debitur, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu (l-Artikolu 403(1) tal-Att).
  • Ir-rikorsi għall-eżekuzzjoni mhux kontestata ta' dokumenti li jiggarantixxu proprjetà immobbli, jew l-eżekuzzjoni mhux kontestata ta' obbligu għall-iżgumbrament jew ritorn ta' proprjetà immobbli mikrija jew biċ-ċens, irid jiġi ppreżentat lill-uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli. Jekk numru ta' proprjetajiet immobbli huma l-garanzija ta' obbligu, u r-rikorsi jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-uffiċċji tar-reġistru tal-artijiet ta' qrati distrettwali jew tal-belt differenti, ir-rikors għandu jinstema' mill-uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, skont l-għażla tar-rikorrent (l-Artikolu 403(2) tal-Att).
  • Ir-rikorsi għall-eżekuzzjoni mhux kontestata bbażata fuq ipoteka ta' vapur jridu jiġu ppreżentati lill-uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post fejn hija reġistrata din l-ipoteka (l-Artikolu 403(3) tal-Att).

Każjiet marbuta mal-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifiki tal-qorti (saistību piespiedu izpildīšana brīdinājuma kārtībā):

Rikors għall-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti jrid jiġi ppreżentat lill-uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post ta' residenza dikjarata tad-debitur, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu jew l-uffiċċju reġistrat (l-Artikolu 406 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Iva, din il-possibilità teżisti: Skont il-leġiżlazzjoni Latvjana l-partijiet jistgħu jagħżlu l-qorti bil-ġurisdizzjoni territorjali għall-kawża tagħhom bi ftehim bejniethom. Fil-konklużjoni ta' kuntratt il-partijiet jistgħu jispeċifikaw il-qorti tal-ewwel istanza fejn jista' jiġi deċiż tilwim aktar 'il quddiem marbut mal-kuntratt jew fil-kisba tat-termini tiegħu. Huma ma jistgħux ibiddlu l-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-suġġett ta' tilwima, jiġifieri l-grad tal-qorti li se tisma' l-kawża fl-ewwel istanza (l-Artikolu 25 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili); lanqas jistgħu jbiddlu ġurisdizzjoni esklussiva (l-Artikolu 29 tal-Att). Il-ġurisdizzjoni bi ftehim hija soġġett għal żewġ kundizzjonijiet:

  • L-għażla tal-ġurisdizzjoni tista' ssir biss f'każ ta' tilwim fuq kuntratt.
  • Il-ftehim li jiddetermina l-ġurisdizzjoni territorjali jrid jintlaħaq meta jiġi konkluż il-kuntratt, u trid tiġi indikata l-qorti speċifika li tisma' tilwima potenzjali fl-ewwel istanza. Meta jikkonkludu l-kuntratt, il-partijiet ma jistgħux jantiċipaw il-valur ta' talba potenzjali, għalhekk il-kuntratt irid jippermetti għażla ta' qorti alternattiva fl-ewwel istanza: il-kuntratt irid jindika kemm qorti distrettwali jew tal-belt speċifika jew qorti reġjonali speċifika li quddiemha l-partijiet jistgħu jressqu kull tilwima, skont l-ammont tat-talba.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Skont il-leġiżlazzjoni Latvjana, il-qrati b'ġurisdizzjoni ġenerali jisimgħu kemm kawżi ċivili kif ukoll kriminali. Il-Latvja ma għandhiex qrati speċjalizzati, pereżempju qrati tal-familja, jew imħallfin li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet ġuridiċi partikolari, kif inhu l-każ f'pajjiżi oħra.

Kif spjegat aktar 'il fuq, il-mertu ta' kawża ċivili jitqies f'qorti tal-ewwel istanza u ma jistax jerġa' jiġi eżaminat minn qorti ogħla sakemm il-qorti inferjuri tkun qatgħet il-kawża. Il-qorti tal-ewwel istanza għall-kawżi ċivili hija l-qorti distrettwali jew tal-belt jew il-qorti reġjonali li fil-ġurisdizzjoni tagħha taqa' l-kawża. Bħala regola ġenerali, il-kawżi ċivili kollha jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qrati, li jisimgħuhom skont il-proċeduri ordinarji tal-qorti.

L-aħħar aġġornament: 07/02/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Use the form below to share your comments and feedback on our new website