Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Bulgaria
Content provided by:
European Judicial Network
European Judicial Network (in civil and commercial matters)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Skont il-Kostituzzjoni Bulgara, l-eżerċizzju tal-ġustizzja jsir mill-Qorti Suprema, il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-qrati tal-appell, il-qrati provinċjali, il-qrati militari u l-qrati distrettwali. Jistgħu jiġu stabbiliti wkoll qrati speċjalizzati b'att leġiżlattiv. Mhumiex permessi qrati straordinarji. Skont l-Att dwar l-Awtorità Ġudizzjarja, il-qrati amministrattivi huma bbażati fl-istess lokalitajiet u għandhom l-istess ġuriżdizzjoni territorjali bħall-qrati provinċjali. Jekk tkun tixtieq li deċiżjoni ta' awtorità pubblika tiġi emendata, irtirata jew imħassra jew jekk trid li l-qorti tordna lil awtorità pubblika toħroġ deċiżjoni partikolari, jekk temmen li awtorità pubblika tkun ħadet azzjoni ħażina jew għamlet ħażin billi naqset milli tieħu azzjoni, trid tippreżenta r-rikors f'qorti amministrattiva, sakemm il-każ tiegħek ma jkunx taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Amministrattiva Suprema. Ma hemm l-ebda qorti speċjalizzata oħra. Jekk tkun parti f'tilwima ċivili, il-każ tiegħek jinstema' minn qorti ċivili ordinarja. Skont il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, japplikaw regoli proċedurali speċjali fi kwistjonijiet ta' urġenza speċjali, f'każijiet li jirrigwardaw żwieġ u l-istat ċivili, interdizzjoni, diviżjoni ġudizzjarja, protezzjoni u restituzzjoni tad-drittijiet ta' pussess fuq proprjetà, stipulazzjoni ta' atti pubbliċi u azzjonijiet kollettivi. Skont il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, japplikaw ukoll regoli proċedurali speċjali għal ċerti proċedimenti ta' ġuriżdizzjoni volontarja, bħal talbiet għal mandati eżekuttivi. Skont l-Att dwar il-Kummerċ, japplikaw ukoll regoli speċjali għall-proċedimenti ta' insolvenza mismugħa mis-sezzjonijiet kummerċjali jew mill-qrati provinċjali meta jkollhom ġuriżdizzjoni inizjali.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Skont il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Bulgaru, trid tippreżenta rikors fil-qorti distrettwali (rayonen sad), sakemm il-każ tiegħek ma jkunx ta' tip li jkollhom il-ġuriżdizzjoni inizjali għalih il-qrati provinċjali (okrazhen sad).

Trid tippreżenta rikors f'qorti provinċjali jekk il-każ tiegħek jikkonċerna: konstatazzjoni jew kontestazzjoni tar-rabta ta' filjazzjoni, ir-revoka ta' adozzjoni, it-tqegħid taħt interdizzjoni jew ir-revoka tagħha,

  • is-sjieda ta' drittijiet in rem fuq proprjetà jekk il-valur tat-talba tkun taqbeż il-BGN 50 000,
  • tilwima ċivili jew kummerċjali fuq somma ta' iktar minn BGN 25 000 (sakemm il-każ tiegħek ma jkunx dwar ħlasijiet ta’ manteniment, talba skont il-liġi tax-xogħol jew l-irkupru ta' nfiq mhux awtorizzat),
  • reġistrazzjoni ta' kumpanija inammissibbli, nulla jew skorretta li l-liġi tistipula li l-qrati provinċjali jkollhom il-ġuriżdizzjoni inizjali,
  • tilwima suġġetta għall-eżami minn qorti provinċjali skont leġiżlazzjoni oħra,
  • talbiet, irrispettivament mill-valur tagħhom, magħquda f'rikors wieħed fil-ġuriżdizzjoni ta' qorti provinċjali, jekk ikunu jridu jiġu eżaminati bl-istess proċedura.

Jekk tixtieq tiddefendi drittijietek bħala soċju ta’ kumpanija, tikkontesta deċiżjoni tal-azzjonisti ta' kumpanija, tikseb il-kanċellazzjoni tal-inkorporazzjoni ta' kumpanija, tikseb l-għeluq ta' kumpanija jew tiftaħ proċedimenti ta' insolvenza, trid tippreżenta rikors fil-qorti provinċjali ta' fejn il-kumpanija jkollha l-post ta' kummerċ irreġistrat tagħha.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Trid tippreżenta r-rikors fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fid-distrett (rayon) fejn il-konvenut ikun residenti jew ikollu l-post ta' kummerċ irreġistrat jew l-uffiċċju prinċipali tiegħu.

Jekk it-tilwima tiegħek hija ma' istituzzjoni governattiva jew persuna ġuridika, trid tippreżenta r-rikors fil-qorti fejn ikollhom il-kwartieri ġenerali jew is-sede tagħhom. Jekk ikollok tilwima direttament ma' fergħa ta' kumpanija, tista' tippreżenta rikors fil-qrati ta' fejn tinsab dik il-fergħa.

Jekk tixtieq tiftaħ kawża ċivili kontra l-Istat Bulgaru trid tippreżenta rikors fil-qrati fid-distrett fejn inqalgħet il-kwistjoni, jew, jekk dan ma jkunx fil-Bulgarija, fil-qrati ta' Sofija.

Jekk tixtieq tiftaħ kawża ċivili kontra xi ħadd li ma għandux indirizz magħruf, trid tippreżenta rikors fil-qrati fid-distrett fejn ikun residenti l-avukat jew ir-rappreżentant legali tiegħu, jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fil-qrati tal-post fejn tkun residenti int. Dan japplika wkoll f'każ li l-persuna ma tkunx residenti l-Bulgarija. Jekk lanqas int m'inti residenti l-Bulgarija, trid tippreżenta rikors fil-qrati ta' Sofija.

Jekk tixtieq tiftaħ kawża kontra minuri jew kontra xi ħadd mingħajr kapaċità ġuridika, trid tippreżenta rikors fil-qrati fejn ikun residenti r-rappreżentant legali tiegħu.

Jekk il-kawża tiegħek tkun dwar wirt, l-irtirar sħiħ jew parzjali ta' testment, il-qasma tal-wirt jew il-kanċellazzjoni ta' qasma volontarja, trid tippreżenta rikors fil-qrati fejn jiġi amministrat it-testment. Jekk il-mejjet ikun ċittadin Bulgaru, imma t-testment ikun amministrat f'pajjiż ieħor, trid tippreżenta rikors jew lill-qrati tal-aħħar post ta' residenza Bulgara tal-mejjet, jew tal-post fejn jinsab il-patrimonju.

Biex tikkontesta deċiżjoni maħruġa minna awtorità pubblika, trid tippreżenta rikors fil-Qorti Amministrattiva (Administrativen sad) għall-uffiċċju prinċipali tal-awtorità. Jekk dak ma jkunx fil-Bulgarija, il-kawża tiegħek taqa' taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija (Administrativen sad – grad Sofia).

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Għal talbiet finanzjarji bbażati fuq kuntratt, tista' tippreżenta rikors fil-qrati fejn tirrisjedi attwalment il-parti l-oħra.

Jekk tixtieq titlob manteniment, tista' tippreżenta rikors ukoll fil-qrati tal-post ta' residenza permanenti tiegħek.

Jekk ikollok talba dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, tista' tippreżenta rikors fil-qrati ta' fejn inti residenti bħalissa jew b'mod permanenti.

Il-ħaddiema jistgħu jiftħu kawża kontra min iħaddimhom fil-post abitwali tax-xogħol tagħhom.

Tilwim skont il-liġi tax-xogħol bejn barranin, kumpaniji jew impriżi konġunti li għandhom il-post ta' kummerċ irreġistrat tagħhom fil-Bulgarija minn naħa u impjegati barranin li jaħdmu magħhom fil-Bulgarija min-naħa l-oħra, huma taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati fil-post ta' kummerċ irreġistrat tal-impjegatur, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor.

Tilwim dwar il-liġi tax-xogħol bejn impjegati b'ċittadinanza Bulgara li jaħdmu barra l-pajjiż għal impjegaturi Bulgari jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati ta' Sofija jekk il-kawża tinfetaħ kontra l-impjegatur, u tal-qrati tar-residenza Bulgara tal-impjegat jekk il-kawża tkun kontra l-impjegat.

Jekk ġarrabt dannu inġust, għandek l-għażla li tiftaħ il-kawża tiegħek quddiem il-qrati ta' fejn seħħ id-dannu.

Jekk trid tiftaħ kawża kontra partijiet li jinsabu f'distretti ġudizzjarji differenti jew jekk il-kawża tiegħek tikkonċerna proprjetà mifruxa f'iktar minn distrett ġudizzjarju wieħed, tista' tippreżenta r-rikors fil-qrati ta' wieħed minn dawk id-distretti.

Jekk inti jew l-organizzazzjoni tiegħek tridu titolbu kumpens għal danni ġejjin minn deċiżjoni maħruġa minn awtorità pubblika, tista' tippreżenta rikors fil-qrati fejn tkun residenti jew fejn ikollok il-post ta' kummerċ irreġistrat tiegħek, sakemm it-talba tiegħek ma tkunx magħquda ma' appell kontra d-deċiżjoni stess.

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Jekk il-kawża tiegħek tkun dwar drittijiet in rem, id-diviżjoni ta' koproprjetà jew l-istituzzjoni ta' konfini jew il-protezzjoni u r-restituzzjoni tad-drittijiet ta' pussess fuq proprjetà immobbli, trid tippreżenta rikors fil-qrati ta' fejn tinsab il-proprjetà. Barra minn hekk, trid tippreżenta rikors fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-proprjetà jekk il-kawża tiegħek tkun dwar att pubbliku li jikkonferma d-drittijiet in rem f'dik il-proprjetà jew dwar ir-riżoluzzjoni, ix-xoljiment jew l-annullament ta' att ta' proprjetà immobbli.

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Madankollu, il-partijiet f'tilwima ta' proprjetà jistgħu jaqblu li ma japplikawx ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni territorjali billi jiffirmaw ftehim li jikkonferixxi l-ġuriżdizzjoni lil qorti partikolari. Madankollu, dan mhux possibbli meta l-kawża tiegħek tkun dwar drittijiet in rem, id-diviżjoni ta' koproprjetà, l-istituzzjoni ta' konfini jew il-protezzjoni u r-restituzzjoni tad-drittijiet ta' pussess fuq proprjetà immobbli, att pubbliku li jikkonferma drittijiet in rem fuq proprjetà jew dwar ir-riżoluzzjoni, ix-xoljiment jew l-annullament ta' att ta' proprjetà immobbli.

Jekk il-kawża tiegħek tkun dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jew dwar il-liġi tax-xogħol u tkun qbilt ma' parti jew partijiet oħra dwar liema qorti jkun se jkollha l-ġuriżdizzjoni, dak il-ftehim ikun validu biss jekk ikun iffirmat wara li tinqala' t-tilwima.

Jekk għandek pretensjoni finanzjarja, inti u l-parti l-oħra tistgħu taqblu li ssolvu l-kwistjoni bl-arbitraġġ, sakemm ma tkunx tikkonċerna drittijiet in rem jew proprjetà immobbli, il-ħlasijiet ta' manteniment jew il-liġi tax-xogħol. Sabiex jinfetħu proċedimenti ta' arbitraġġ, il-partijiet involuti kollha jridu jikkonkludu ftehim proċedurali speċjali (arbitrazhno sporazumenie jew ftehim ta’ arbitraġġ). Il-qorti tal-arbitraġġ tista' tuża kull sors rilevanti ta' dritt internazzjonali u sors Bulgaru speċifiku: l-Att dwar it-Tilwim Kummerċjali Internazzjonali (Zakon za mezhdunarodniya targovski arbitrazh). Skont din il-liġi, ftehim ta' arbitraġġ ifisser li l-partijiet kollha involuti jitolbu li qorti tal-arbitraġġ issolvi t-tilwim kollu li jista' jinqala' jew li nqala' bejniethom jew parti minnu f'relazzjoni kuntrattwali jew nonkuntrattwali. Il-ftehim jista' jieħu l-forma ta' klawżola ta’ arbitraġġ f'kuntratt ieħor jew ta' ftehim separat. Ftehim ta' arbitraġġ irid ikun bil-miktub. Qorti tal-arbitraġġ tista' tkun istituzzjoni permanenti jew tinta' tinħoloq biex tiġi solvuta tilwima partikolari. Qorti tal-arbitraġġ jista' jkollha s-sede barra mill-Bulgarija jekk waħda mill-partijiet tkun normalment ibbażata barra mill-Bulgarija, ikollha l-post ta' kummerċ hemmhekk skont l-istatuti tagħha jew ikollha l-maniġment ċentrali tagħha hemmhekk.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

L-uniċi qrati speċjalizzati f'materji ċivili fil-Bulgarija huma l-qrati amministrattivi.

Il-ġuriżdizzjoni tal-kawżi amministrattivi kollha hija tal-qrati amministrattivi, ħlief dawk li huma taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Amministrattiva Suprema. Il-Qorti Amministrattiva Suprema għandha ġuriżdizzjoni inizjali jekk tixtieq tikkontesta: regolament maħruġ minn awtorità pubblika li mhux kunsill muniċipali, regolament maħruġ mill-Kunsill tal-Ministri, mill-Prim Ministru, mill-Viċi Prim Ministru jew Ministru, deċiżjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, regolament maħruġ mill-Bank Nazzjonali Bulgaru jew kull regolament ieħor li l-liġi tistipula li l-ġuriżdizzjoni inizjali fuqhom hija tal-Qorti Amministrattiva Suprema.

L-aħħar aġġornament: 27/09/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Use the form below to share your comments and feedback on our new website