Please note that the original language version of this page Latvian has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: English have already been translated.
Swipe to change

Għajnuna legali

Latvia
Content provided by:
European Judicial Network
European Judicial Network (in civil and commercial matters)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

Skont il-Liġi tal-Proċedura Ċivili, l-ispejjeż tal-proċedimenti legali jinkludu dawn li ġejjin:

I L-ispejjeż tal-qorti u

II L-ispejjeż relatati mal-proċedimenti.

L-ispejjeż tal-qorti u l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti jiġu stabbiliti bil-għan li:

  • jiġu kkumpensati parti mill-ispejjeż li jġarrab l-Istat biex jiffinanzja x-xogħol tal-qrati;
  • jiġu kkumpensati l-ispejjeż tal-parti li l-qorti taqta’ favuriha;
  • jħeġġeġ il-ħelsien volontarju tal-obbligazzjonijiet mid-debituri.

L-informazzjoni dwar fejn jistgħu jitħallsu l-ispejjeż tal-qorti tista’ tinkiseb mir-reġistru ta’ kull qorti.

Talba anċillari kontra deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti tista’ tiġi ppreżentata mill-persuna suġġetta għad-deċiżjoni.

L-ISPEJJEŻ TAL-QORTI jinkludu:

  • tariffa tal-Istat (valsts nodeva);
  • tariffa klerikali (kancelejas nodeva);
  • spejjeż relatati mal-eżami tal-kawża.

Skont l-Artikolu 34 tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili, kull azzjoni mressqa quddiem qorti hija suġġetta għal tariffa speċifika tal-Istat, kemm jekk tkun talba oriġinali jew kontrotalba, rikors ippreżentat minn parti terza f’kawża diġà pendenti b’talba indipendenti relatata mas-suġġett tat-tilwima, rikors fi proċedura speċjali ta’ deċiżjoni, u rikorsi oħra previsti f’dan l-Artikolu. F’petizzjonijiet għad-divorzju, meta l-petizzjonant ikollu dipendenti taħt l-età, l-imħallef jiddifferixxi l-ħlas tat-tariffa tal-Istat jew jippermetti li din titħallas bin-nifs fuq talba tal-petizzjonant.

Skont l-Artikolu 38 tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili, it-tariffa klerikali titħallas:

  • għall-ħruġ ta’ kopja vera ta’ dokument fil-kawża, u għall-ħruġ mill-ġdid ta’ sentenza jew deċiżjoni tal-qorti;
  • għall-ħruġ ta’ dikjarazzjoni;
  • għall-ħruġ ta’ kopja ta’ titolu eżekuttiv bil-miktub;
  • għaċ-ċertifikazzjoni tad-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni tal-qorti, meta d-deċiżjoni trid tiġi sottomessa lil awtorità barranija;
  • għat-taħrik tax-xhieda.

Skont l-Artikolu 39 tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili, l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti jinkludu:

  • ħlasijiet lix-xhieda u lill-periti;
  • spejjeż relatati mas-smigħ tax-xhieda jew mat-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-post;
  • spejjeż relatati mat-tiftix tal-intimat;
  • spejjeż relatati mal-eżekuzzjoni ta’ sentenza;
  • spejjeż relatati man-notifika, il-ħruġ u t-traduzzjoni tat-taħrikiet tal-qorti u dokumenti ġudizzjarji oħra;
  • l-ispejjeż għall-pubblikazzjoni tal-avviżi fil-gazzetti;
  • tariffi relatati mal-garanzija ta’ pretensjoni.

Eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti:

Il-Liġi tispeċifika l-persuni li huma eżenti mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti (l-Artikolu 43(1) tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili), inkluża l-parti li tingħata għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat.

F’każijiet oħra, parti fil-kawża tista’ titlob lill-qorti għal eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-ispejjeż tal-qorti abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u dment li tagħti prova rilevanti.

Il-qorti jew l-imħallef iqis it-talba u jagħti eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti lill-baġit nazzjonali, filwaqt li jqis is-sitwazzjoni finanzjarja tal-individwu.

Ħlas tal-ispejjeż tal-qorti:

Il-kontijiet għall-ħlas tat-tariffi tal-Istat, it-tariffi klerikali u l-ispejjeż tad-deċiżjoni jistgħu jinstabu fuq il-portal fit-taqsima “Tariffi tal-Istat u kontijiet tal-qorti” (Valsts nodevas un tiesu konti).

Rimborż tal-ispejjeż tal-qorti:

  • Il-parti li tinqata’ s-sentenza favuriha tingħata l-irkupru tal-ispejjeż kollha tal-qorti mill-kontroparti.
  • Jekk talba tintlaqa’ parzjalment, l-irkupru tal-ispejjeż tal-qorti jingħata lir-rikorrent fi proporzjon mal-parti tat-talbiet milqugħa, u lill-intimat fi proporzjon mal-parti tat-talbiet miċħuda.
  • Jekk rikorrent jirtira talba, huwa jkollu jirrimborża l-ispejjeż tal-qorti li jkun ġarrab l-intimat. F’każ ta’ dan, l-intimat ma jkollux għalfejn jirrimborża l-ispejjeż tal-qorti tar-rikorrent. Madankollu, jekk rikorrent jirtira t-talbiet tiegħu minħabba li l-intimat ikun issodisfahom minn jeddu wara li jkunu ġew ippreżentati, il-qorti, fuq talba tar-rikorrent, tordna lill-intimat jirrimborża l-ispejjeż tal-qorti mħallsa mir-rikorrent.
  • Jekk rikorrent ikun eżentat milli jħallas l-ispejjeż tal-qorti, l-intimat jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tal-qorti tar-rikorrent lill-baġit nazzjonali fi proporzjon mal-parti tat-talba li tkun intlaqgħet.
  • Jekk it-talba tiġi miċħuda, ma jittieħdux aktar azzjonijiet, jew ir-rikorrent jirtira t-talba, ir-rikorrent jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tal-qorti li ma jkunux tħallsu bil-quddiem lill-baġit nazzjonali. Madankollu, jekk ir-rikorrent ma jiftaħx kawża minħabba li l-intimat ikun issodisfa t-talba tiegħu minn jeddu wara li din tkun ġiet ippreżentata, l-intimat jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tal-qorti lill-baġit nazzjonali.
  • Jekk it-talba tkun intlaqgħet parzjalment, iżda l-intimat ikun eżentat milli jħallas l-ispejjeż tal-qorti, l-ispejjeż iridu jitħallsu mir-rikorrent li ma jkunx eżentat milli jħallas l-ispejjeż tal-qorti, fi proporzjon mal-ammont tat-talba li tkun ġiet miċħuda.
  • Jekk iż-żewġ partijiet ikunu eżentati milli jħallsu l-ispejjeż tal-qorti, l-ispejjeż jitħallsu mill-Istat.
  • Il-qorti jew l-imħallef jista’ jiddifferixxi l-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti jew jippermetti li dawn jitħallsu bin-nifs, filwaqt li jqis is-sitwazzjoni finanzjarja tal-individwu.

Rimborż ta’ tariffa tal-Istat:

Tista’ ssib informazzjoni dwar ir-raġunijiet u l-proċedura għar-rimborż ta’ tariffa tal-Istat fuq il-portal fit-taqsima “Rimborż ta’ tariffi” (nodevu atmaksa).

II L-ISPEJJEŻ RELATATI MAL-PROĊEDIMENTI huma:

  • l-onorarji tal-avukat;
  • l-ispejjeż relatati mal-ivvjaġġar għas-seduti tal-qorti;
  • l-ispejjeż relatati mal-ġbir tal-provi;
  • l-ispejjeż tal-għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat (applikabbli għall-proċedimenti mibdija wara l-1 ta’ Marzu 2016).
  • l-ispejjeż għall-assistenza minn interpretu fis-seduta tal-qorti.

Ir-rimborż tal-ispejjeż relatati mal-proċedimenti:

  • L-ispejjeż relatati mal-proċedimenti għandhom jiġu rimborżati fl-ammont stabbilit fil-liġi.
  • L-intimat jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti mġarrba mir-rikorrent, jekk it-talba tar-rikorrent tkun intlaqgħet kompletament jew parzjalment, u jekk ir-rikorrent jirtira t-talbiet tiegħu minħabba li l-intimat ikun issodisfahom minn jeddu wara li t-talba tkun ġiet ippreżentata.
  • Jekk talba tiġi miċħuda, il-qorti tordna lir-rikorrent iħallas lura l-ispejjeż tal-intimat relatati mal-proċedimenti.
  • Jekk il-parti responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż tal-għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat tkun eżentata mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti, l-ispejjeż relatati mal-għoti ta’ għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat jitħallsu mill-Istat.

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

L-għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat hija assistenza fis-soluzzjoni ta’ materja legali barra mill-qorti jew fil-qorti sabiex jiġu difiżi d-drittijiet miksura jew ikkontestati ta’ persuna jew l-interessi tagħhom protetti mil-liġi f’kawżi, permezz tal-Liġi dwar l-għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat u fil-kamp ta’ applikazzjoni previst fiha.

L-għajnuna ffinanzjata mill-Istat tkopri l-pariri legali, l-abbozzar tad-dokumenti proċedurali u r-rappreżentanza fil-qorti.

3 Għandi dritt għal għajnuna legali?

Il-persuni li ġejjin jistgħu jirċievu għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat:

  1. persuna li għandha l-istatus ta’ persuna b’introjtu baxx jew persuna fil-bżonn – iċ-ċertifikati rilevanti jinħarġu mis-servizzi soċjali lokali;
  2. persuna li bla ħsieb issib ruħha f’tali ċirkostanzi u sitwazzjoni finanzjarja li ma jippermettulhiex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tagħha (diżastri naturali, force majeure jew ċirkostanzi oħra lil hinn mill-kontroll tal-persuna) – din trid tippreżenta informazzjoni u prova rilevanti;
  3. persuna li tiddependi għalkollox fuq l-Istat jew l-awtorità lokali – l-informazzjoni rilevanti trid tiġi ppreżentata mill-Istat jew mill-korp tal-awtorità lokali fuq talba tal-persuna jew tal-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali.

Jistgħu jingħataw għajnuna legali parzjalment iffinanzjata mill-Istat, fejn il-persuna tagħmel kopagament, u l-assistenza ta’ avukat f’tipi speċifiċi ta’ kawżi ċivili (kawżi biex tiġi invalidata deċiżjoni ta’ laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, kawżi li jikkonċernaw tilwim li jirriżulta mil-liġi kuntrattwali fejn l-ammont tat-talba jaqbeż il-EUR 150 000, u kawżi li jittrattaw il-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali mill-akkwist, l-użu u d-divulgazzjoni illegali) lil persuni li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

  1. l-introjtu tagħhom ma jaqbiżx il-paga minima fix-xahar fil-Latvja;
  2. is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tagħmilhom eliġibbli li jirċievu għajnuna legali.

L-informaturi huma eliġibbli għal għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.

Is-sitwazzjoni finanzjarja u l-livell ta’ introjtu ta’ persuna li teħtieġ għajnuna legali f’tilwima transfruntiera u li r-residenza jew id-domiċilju abitwali tagħha jkunu f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE jitqiesu eliġibbli biex din tirċievi għajnuna legali biex it-tilwima tiġi deċiża fil-Latvja jekk dakinhar li titlob l-għajnuna legali, l-introjtu medju fix-xahar tagħha matul it-tliet xhur preċedenti ma jkunx qabeż il-50 % tal-paga minima fix-xahar fil-Latvja, suġġett għal kundizzjonijiet regolatorji applikabbli oħra.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

L-għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat tingħata għas-soluzzjoni ta’ tilwim ċivili ġustifikat u ta’ kawżi ċivili fil-qorti sakemm is-sentenza finali ssir effettiva, bl-eċċezzjoni ta’ pereżempju:

  1. kawżi li jikkonċernaw talba direttament relatata mal-attivitajiet kummerċjali jew tan-negozju tal-persuna, jew attivitajiet professjonali indipendenti;
  2. kawżi li jikkonċernaw materji doganali jew materji relatati mat-taxxa;
  3. kawżi li jikkonċernaw talba relatata ma’ ksur tal-unur u tad-dinjità;
  4. kawżi li jikkonċernaw ir-rimedju għal dannu morali, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi fejn l-għoti ta’ għajnuna legali jkun relatat mat-tiftix ta’ rimedju għal dannu morali kkawżat lill-vittma bħala riżultat ta’ reat kriminali;
  5. tilwim li jiġi deċiż minn qorti tal-arbitraġġ jew minn mekkaniżmi alternattivi oħra ta’ soluzzjoni tat-tilwim;
  6. kawżi li jikkonċernaw talba relatata ma’ oġġetti ta’ lussu jew servizzi ta’ lussu;
  7. spejjeż tal-għajnuna legali għoljin b’mod sproporzjonat meta mqabbla mal-ammont tat-talba.

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

Il-persuna trid tippreżenta talba mimlija għal għajnuna legali (formola ta’ applikazzjoni) lill-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali flimkien ma’ kopji tad-dokumenti ta’ sostenn għall-informazzjoni inkluża fl-applikazzjoni (dokumenti li jagħtu prova tal-eliġibbiltà għal għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat u dokumenti li jiddeskrivu n-natura tat-tilwima ċivili u l-proċedimenti relatati). Id-dokumenti jridu jiġu ppreżentati lill-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali personalment, bil-posta jew bil-posta elettronika pasts@jpa.gov.lv, bl-użu ta’ firma elettronika b’timbru tal-ħin.

L-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali tirrieżamina t-talba u tiddeċiedi jekk tagħtix għajnuna legali jew jekk tirrifjutax it-talba fi żmien 21 jum minn meta tirċievi l-applikazzjoni jew fi żmien 14-il jum minn meta tirċievi l-applikazzjoni jekk il-każ ikun jikkonċerna d-drittijiet tat-tfal.

Jekk tintalab informazzjoni addizzjonali, l-iskadenza tad-deċiżjoni tiġi posposta sakemm l-informazzjoni meħtieġa tkun waslet jew sakemm jiskadi ż-żmien għall-preżentazzjoni tagħha.

Meta tieħu deċiżjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna legali, l-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali taħtar fornitur tal-għajnuna legali li jkun ikkonkluda kuntratt għall-għoti ta’ għajnuna legali mal-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali.

Id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna legali tistipula l-fornitur tal-għajnuna legali u l-post u l-ħin tal-għoti ta’ għajnuna legali.

L-applikant jiġi nnotifikat bid-deċiżjoni li tingħata għajnuna legali jew li t-talba ġiet irrifjutata bil-miktub, bil-posta jew b’messaġġ elettroniku mibgħut lill-indirizz indikat fl-applikazzjoni; l-applikant jista’ jirċievi wkoll in-notifika personalment mill-uffiċċju tal-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali.

Id-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali tista’ tiġi appellata quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja, filwaqt li d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja tista’ tiġi appellata quddiem qorti amministrattiva.

F’kawżi li jikkonċernaw l-għoti ta’ għajnuna legali parzjalment iffinanzjata mill-Istat (jiġifieri l-assistenza ta’ avukat f’tipi speċifiċi ta’ proċedimenti ċivili), l-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali tieħu deċiżjoni fi żmien xahar mid-data meta tirċievi l-applikazzjoni għall-għajnuna legali u tispeċifika fid-deċiżjoni l-ambitu tal-għajnuna legali u d-data ta’ skadenza sa meta jrid isir il-ħlas għall-għajnuna legali. Malli jasal il-ħlas, titfassal assenjazzjoni għall-fornitur tal-għajnuna legali fi żmien sebat ijiem dwar l-għoti ta’ għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat. Jekk ma jasal ebda ħlas għall-għoti ta’ għajnuna legali, l-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali tieħu deċiżjoni li ttemm l-għoti ta’ għajnuna legali.

Jekk persuna li r-residenza jew id-domiċilju abitwali tagħha jkun fi Stat Membru tal-UE tkun teħtieġ għajnuna legali f’tilwima transfruntiera u t-tilwima transfruntiera tiġi deċiża fil-Latvja, l-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali tirċievi l-applikazzjoni rilevanti fit-tilwima transfruntiera mibgħuta minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor tal-UE jew mill-persuna u tqisha f’konformità mal-proċedura stabbilita mil-Liġi dwar l-għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat. F’każijiet fejn tilwima transfruntiera tiġi deċiża barra mil-Latvja, il-persuna li r-residenza abitwali jew id-domiċilju tagħha jkun fi Stat Membru tal-UE għandha tissottometti l-applikazzjoni rilevanti lill-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali (il-formola tal-applikazzjoni hija disponibbli fuq https://e-justice.europa.eu/157/mt/legal_aid_forms). F’każijiet bħal dawn, l-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali tibgħat formola mimlija għat-trażmissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali u d-dokumenti rilevanti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti tal-UE fi żmien sebat ijiem mill-wasla tat-traduzzjonijiet kollha.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Il-formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat hija disponibbli:

  1. fuq is-sit web tal-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali https://www.jpa.gov.lv/ fit-taqsima “Servizzi” (Pakalpojumi);
  2. fl-uffiċċju tal-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali (Pils laukums 4, Riga);
  3. fl-uffiċċji tal-awtoritajiet lokali fl-ibliet u fil-muniċipalitajiet tal-Latvja fejn il-persuna għandha l-post ta’ residenza ddikjarat tagħha jew fejn tirrisjedi legalment.

Il-formola ta’ Applikazzjoni għall-Għajnuna Legali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea (f’tilwima transfruntiera) hija disponibbli fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika fit-taqsima “Formoli online”.

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Id-dokumenti li ġejjin iridu jkunu mehmuża mal-formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat:

  1. kopja tad-dokument li turi li l-persuna hija eliġibbli għal għajnuna legali, eż. ċertifikat li juri li l-individwu għandu l-istatus ta’ persuna fil-bżonn jew b’introjtu baxx (jew dokument ieħor li juri li l-persuna hija eliġibbli għal għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat);
  2. kopji ta’ dokumenti li jiddeskrivu n-natura tat-tilwima, il-proċedimenti tal-kawża, eċċ. (eż. ftehim, taħrika tal-qorti, deċiżjoni tal-qorti tal-familja).

Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat f’kategoriji oħra ta’ kawżi hija disponibbli fuq: https://jpa.gov.lv/ (is-sit web tal-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali, bil-lingwa Latvjana) jew https://jpa.gov.lv/par-mums-eng (is-sit web tal-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali, bl-Ingliż).

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

L-indirizz tal-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali: Pils laukums 4, Riga, LV-1050.

Email: pasts@jpa.gov.lv

Linja ta’ informazzjoni bla ħlas: +371 80001801 (għal informazzjoni dwar is-servizzi pprovduti mill-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali u l-mili tal-formoli).

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

Persuni bi status ta’ persuna fil-bżonn jew b’introjtu baxx, persuni li jiddependu għalkollox fuq l-Istat jew il-gvern lokali, jew persuni li jkunu sabu ruħhom b’mod mhux mistenni f’tali ċirkostanzi u sitwazzjoni finanzjarja li ma jippermettulhomx jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom huma intitolati għal għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat.

L-għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat hija pprovduta f’kawżi ċivili barra mill-qorti u fil-qorti (inkluż tilwim transfruntier), fi proċedimenti ta’ appell f’kawżi amministrattivi li jittrattaw l-għoti tal-ażil, jew f’appelli kontra deċiżjonijiet fir-rigward ta’ ordnijiet ta’ tneħħija kkontestati jew kontra deċiżjonijiet fir-rigward ta’ ordnijiet ta’ tkeċċija furzata kkontestati.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Il-persuna trid tippreżenta talba mimlija għal għajnuna legali (formola ta’ applikazzjoni) lill-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali flimkien ma’ kopji tad-dokumenti ta’ sostenn għall-informazzjoni inkluża fl-applikazzjoni (dokumenti li jagħtu prova tal-eliġibbiltà għal għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat u dokumenti li jiddeskrivu n-natura tat-tilwima ċivili u l-proċedimenti relatati). Id-dokumenti jridu jiġu ppreżentati lill-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali personalment, bil-posta jew bil-posta elettronika pasts@jpa.gov.lv, bl-użu ta’ firma elettronika b’timbru tal-ħin.

Sabiex tingħata għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat, id-dokumenti li ġejjin iridu jiġu ppreżentati lill-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali:

1) formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat mimlija b’kopja tad-dokument li juri l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali, eż. ċertifikat li juri l-istatus ta’ persuna fil-bżonn jew b’introjtu baxx;

2) kopji tad-dokumenti li jiddeskrivu n-natura tat-tilwima, il-proċedimenti fil-kawża, eċċ.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

L-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali tikkonkludi ftehimiet ma’ fornituri tal-għajnuna legali għall-finijiet ta’ għajnuna legali. Meta tieħu deċiżjoni li tagħti għajnuna legali, l-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali tassenja fornitur tal-għajnuna legali lill-kawża speċifika.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

L-individwu jrid iħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti huwa stess, sakemm ma jkunux japplikaw eċċezzjonijiet.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

L-ispejjeż mhux koperti mill-għajnuna legali jridu jitħallsu mill-individwu.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

L-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali tipprovdi għajnuna legali garantita mill-Istat fil-każijiet li ġejjin:

1) Fi proċedimenti tal-Qorti Kostituzzjonali, l-għajnuna legali tingħata lill-persuna li fir-rigward tal-ilment kostituzzjonali tagħha l-Qorti Kostituzzjonali tkun ħadet deċiżjoni li ma tibdiex proċedimenti biss abbażi tan-nuqqas ta’ raġunijiet legali jew l-insuffiċjenza evidenti tagħha biex issostni r-rikors;

2) F’kawżi ċivili (ħlief fejn il-kawża tikkonċerna materji doganali jew materji relatati mat-taxxa, ksur tal-unur u tad-dinjità, il-kawża tkun marbuta direttament mal-attivitajiet kummerċjali jew tan-negozju tal-persuna, jew ma’ attivitajiet professjonali indipendenti, eċċ.);

3) f’kawżi amministrattivi:

  • fi proċedimenti ta’ appell f’kawżi li jittrattaw l-għoti ta’ ażil;
  • f’appelli kontra deċiżjonijiet fir-rigward ta’ ordnijiet ta’ tneħħija kkontestati jew kontra deċiżjonijiet fir-rigward ta’ ordnijiet ta’ tkeċċija furzata kkontestati;
  • f’appelli kontra deċiżjoni ta’ qorti tal-familja fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi ta’ wild minuri;
  • f’kawżi amministrattivi fejn il-qorti (l-imħallef) tkun ħadet deċiżjoni li tipprovdi għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat fid-dawl tal-kumplessità tal-kawża u taċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-persuna fiżika.

Għajnuna legali parzjali ffinanzjata mill-Istat tista’ tiġi pprovduta għall-assistenza ta’ avukat f’tipi speċifiċi ta’ kawżi ċivili:

  • f’kawżi biex tiġi invalidata deċiżjoni ta’ laqgħa ġenerali tal-parteċipanti jew tal-azzjonisti ta’ kumpanija kapitali;
  • f’kawżi li jikkonċernaw tilwim li jirriżulta mil-liġi kuntrattwali fejn l-ammont tat-talba jaqbeż il-EUR 150 000;
  • f’kawżi li jittrattaw il-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali mill-akkwist, l-użu u d-divulgazzjoni illegali.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Jekk il-persuna ma jkollhiex bżonn l-għajnuna legali mogħtija, hija tista’ tirtira l-applikazzjoni tagħha għal għajnuna legali qabel ma jiġu konklużi l-proċedimenti, billi tinnotifika lill-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali kif xieraq.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Deċiżjoni tal-Amministrazzjoni tal-Għajnuna Legali li tagħti jew tiċħad l-għajnuna legali tista’ tiġi kkontestata u appellata skont il-proċedura stabbilita fil-Liġi dwar il-proċedura amministrattiva.

L-aħħar aġġornament: 25/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.