The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.

Imputati (proċeduri kriminali)

Latvia

Content provided by:
Latvia
There is no official translation of the language version you are viewing.
You can access a machine translated version of this content here. Please note that it is only provided for contextual purposes. The owner of this page accepts no responsibility or liability whatsoever with regard to the quality of this machine translated text.

Fejn isir il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-kawża tinstema' mill-qorti distrettwali/tal-belt jew, fil-każ ta' delitt serju, mill-qorti reġjonali. Ġeneralment il-lokalità tittependi mill-post fejn ikun twettaq id-delitt. Tingħata avviż bil-miktub.

Il-każ jinstema' f'qorti miftuħa għall-pubbliku, b'xi eċċezzjonijiet (reati sesswali; il-ħtieġa li jiġi protett sigriet statali, etc.).

Fil-Qorti tal-Prim'Istanza l-każ jiġi eżaminat minn imħallef wieħed imma l-Prim'Imħallef jista' jitlob li l-każ jiġi eżaminat minn kulleġġ ta' tliet imħallfin professjonisti. L-imħallef/ il-kulleġġ ta' mħallfin jiddeċiedu fuq il-każ.

Il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

L-avukat ġenerali jista' jibdel il-kapi ta' akkuża waqt il-proċess b'oħrajn iktar/inqas serji.

Jekk l-avukat ġenerali jibdel il-kapi ta' akkuża għal oħrajn inqas serji, imma l-provi fattwali jibqgħu l-istess, il-kapi ta' akkuża l-ġodda jiddaħħlu fil-verbal tas-seduti tal-qorti.

Jekk il-kapi ta' akkuża jinbidlu għal oħrajn inqas serji filwaqt li l-provi fattwali jinbidlu, jew għal oħrajn iktar serji imma l-provi fattwali ma jinbidlux, il-kapi ta' akkuża l-ġodda għandhom jiddaħħlu fil-verbal tas-seduti tal-qorti. Tista' titlob li jinħarġu bil-miktub.

Jekk l-avukat ġenerali jibdel il-kapi ta' akkuża b'oħrajn iktar serji minħabba li jkunu ġew skoperti provi fattwali ġodda fir-rigward tad-delitt, il-qorti tista' tiddikjara li se tirtira u l-prosekutur għandu jippreżenta kapi ta' akkuża ġodda quddiem il-qorti fi żmien xahar.

L-informazzjoni dwar il-kapi ta' akkuża ġodda tintbagħat lilek, lill-avukat tiegħek, lill-vittma u lir-rappreżentant tal-vittma u tiġi indikata d-data tal-proċess.

X'jiġri jekk inwieġeb li jien ħati għal xi kapi ta' akkuża jew għall-kapi kollha ta' akkuża?

Jekk l-imputat iwieġeb li hu ħati dan jista' jfisser li tingħatalu piena inqas ħarxa. Dan japplika wkoll fil-każ li l-ammissjoni tal-ħtija tiddaħħal bħala parti mill-kapi ta' akkuża.

Jekk twieġeb li inti ħati tal-kapi kollha ta' akkuża l-każ jista' jiġi pproċessat mingħajr ma jiġu vverifikati l-provi u billi jiġu indirizzati biss il-provi li jirrigwardawk personalment, u l-kumpens taħt forma ta' danni. F'dan il-każ il-possibilitajiet ta' appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti jkunu limitati.

Irrid inkun preżenti waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Trid tkun preżenti fis-seduti tal-qorti f'kull mument sakemm tingħata s-sentenza. Tista' titlob li l-każ jinstema' fl-assenza tiegħek iżda f'dan il-każ jeħtieġ li jkun preżenti r-rappreżentant tiegħek.

Jekk tkun tinsab f'pajjiż ieħor/il-lok fejn tinsab ma jkunx magħruf/il-preżenza tiegħek fil-qorti mhix possibbli, il-każ jista' jinstema' in absentia. (jiġifieri mingħajrek)

M'għandekx id-dritt li tipparteċipa fil-proċess permezz ta' konnessjoni bil-vidjo minn Stat Membru ieħor.

Ikolli interpretu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-qorti tipprovdilek interpretu.

Ikolli avukat waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Inti trid tiddeċiedi jekk għandekx bżonn avukat. Huwa obbligatorju li jkollok avukat fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • jekk inti minuri/għandek xi restrizzjonijiet legali/għandek xi diffikultajiet biex titgħallem;
  • jekk tittieħed deċiżjoni fir-rigward ta' miżuri ta' koerċizzjoni ta' natura medika;
  • jekk m'intix kapaċi teżerċita d-drittijiet proċedurali tiegħek minħabba inkapaċità fiżika/mentali;
  • jekk inti illetterat/irċevejt livell baxx ta' edukazzjoni li ma jippermettilekx li teżerċita d-drittijiet proċedurali tiegħek;
  • jekk inbdew negozjati mal-prosekuzzjoni biex jintlaħaq ftehim;
  • jekk il-kawża qed tinsema' fl-assenza tiegħek.

F'każijiet bħal dawn jinħatarlek avukat u inti tista' taċċettah jew tirrifjutah ħlief meta jiġu applikati miżuri ġegħiela ta' natura medika. Għandek id-dritt li titlob avukat differenti.

Nista' nitkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Għandek id-dritt li tixhed u tesprimi l-opinjoni tiegħek fil-qorti. M'intix obbligat li tixhed - dan ma jistax jitqies bħala nuqqas ta' koperazzjoni mal-qorti. Għandek id-dritt li tixhed permezz ta' affidavit bil-miktub; Imbagħad il-qorti taqra x-xhieda tiegħek. M'intix obbligat li tinkrimina lilek innifsek; il-prosekutur għandu l-obbligu li jipprova l-ħtija tiegħek.

M'intix obbligat li tgħid il-verità; Ma tistax tinbeda kawża oħra kontrik minħabba li deliberatament tixhed il-falż/ tirrifjuta li tixhed. L-imġiba tiegħek tista' titqies meta tingħata s-sentenza imma ma tistax tiqies bħala ċirkostanza aggravanti.

X'inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-provi kontrija?

Tista' tippreżenta provi ġodda waqt il-proċeduri fil-qorti biex issaħħaħ l-alibi tiegħek, teżonera ruħek mir-responsabilità kriminali/tnaqqas il-ħtija u tirribatti l-provi tal-prosekuzzjoni.

Għandek id-dritt li tistaqsi xi mistoqsijiet lix-xhieda u lill-vittma, għandek id-dritt li ssejjaħ xhieda inklużi dawk li ma jkunux ġew eżaminati qabel; li tippreżenta dokument, provi fiżiċi/ elettroniċi; li titlob lill-qorti biex titlob il-preżentata ta' oġġetti/dokumenti.

Għandek id-dritt li tippreżenta provi tul il-proċess kollu tal-proċeduri fil-qorti - sal-mument meta l-qorti tiddikjara li ntemmet l-investigazzjoni tal-qorti.

Għandek id-drtt li tuża s-servizzi ta' investigatur privat. Il-qorti tevalwa l-provi kollha komplessivament meta tiddeċiedi dwar il-każ.

Il-qorti tiddeċiedi dwar jekk issejjaħx lix-xhieda tiegħek wara li tikseb l-opinjoni tal-partijiet l-oħra fil-proċeduri. Jekk it-talba tiegħek tinċaħad, tista' tibqa' terġa' tressaqha ripetutament.

Inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt li tistaqsu mistoqsijiet lix-xhieda kollha fil-każ. Il-provi tagħhom jiġu analizzati fid-difiża li tippreżentaw inti/l-avukat tiegħek.

Titqies l-informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

L-informazzjoni dwar il-kundanni mhux skontati titqies. Il-kundanni li jkunu tneħħew mill-kondotta minħabba l-preskrizzjoni jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni tal-personalità tiegħek. Dawn il-kundanni jitqiesu meta tkun qed tittieħed id-deċiżjoni dwar il-piena, inkluż il-ħabs.

L-informazzoni dwar il-kondotta tiegħek tintalab waqt l-istadji tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni; din l-informazzjoni tista' tiġi ppreżentata waqt il-proċeduri fil-qorti. Il-qorti tqis il-kondotta tiegħek meta tagħti s-sentenza.

Il-liġi tippermetti li jkun hemm kuntatt bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru ieħor u li tintalab informazzjoni dwar il-kundanni preċedenti tiegħek f'dak l-Istat.

X'jiġri fl-aħħar tal-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-qorti tiddeċiedi jekk issibekx ħati jew jekk tilliberakx, jew tagħti deċiżjoni li permezz tagħha jintemmu l-proċeduri kriminali jekk iċ-ċirkostanzi jkunu jissuġġerixxu li l-proċess m'għandux ikompli. Dan jiġri jekk ma jkunx hemm biżżejjed provi li jiġġustifikaw il-kapi ta' akkuża, jew jekk il-prosekutur pubbliku jwaqqa' l-akkużi.

Is-sentenzi possibbli:

  • sentenza ta' ħabs (minn 3 xhur sa 15-il sena, u għal reati serji, sa massimu ta' 20 sena/għomor il-ħabs);
  • servizz lill-komunità (minn 40 sa 280 siegħa);
  • multa (minn 3 sa 200 darba l-paga minima ta' kull xahar);
  • qbid ta' proprjetà (il-proprjetà tinqabad mingħajr kumpens u tinżamm mill-Istat);
  • estradizzjoni mil-Latvja (piena supplimentari: projbizzjoni mid-dħul mill-ġdid għal bejn 3 snin u 10 snin);
  • limitazzjoni tad-drittijiet (piena supplimentari; projbizzjoni milli tipprattika xi tipi ta' attività kummerċjali jew kwalunkwe attività kummerċjali; ċerti attivitajiet professjonali/tipi oħrajn ta' attivitajiet; milli taċċetta ċerti karigi; milli tikseb xi permessi/liċenzji bil-liġi; minn sena sa 5 snin);
  • probation (minn sena sa 3 snin).

X'inhu r-rwol tal-vittma waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jiġi rikonoxxut li persuna hija vittma permezz ta' deċiżjoni tal-investigatur/prosekutur fuq talba tal-persuna stess bil-miktub. Il-qorti tista' tirrikonoxxi li persuna hija vittma sa meta jibda l-proċess tal-investigazzjoni tal-qorti.

Il-vittma tista' tippreżenta rikors għad- danni; tista' tippreżenta provi; tinfluwenza l-iżvilupp tal-każ (konċiljazzjoni mal-imputat, tagħti l-kunsens għal ftehim tal-prosekutur fir-rigward tas-sentenza, etc.).

Il-vittma tippreżenta l-opinjoni tagħha dwar is-sentenza u d-danni mitluba waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Il-vittma tista' tappella kontra sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza u sentenza tal-Qorti tal-Appell.

Links relatati

Lil-liġi dwar il-proċeduri kriminali

Il-liġi Kriminali

Il-liġi dwar ir-reġistru tal-pieni

Il-liġi dwar il-proċeduri ta' żamma taħt arrest

Il-liġi dwar l-attivitajiet tal-investigaturi

Il-qrati Latvjani

L-aħħar aġġornament: 11/08/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.