Please note that the original language version of this page French has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Luxembourg

Content provided by:
Luxembourg
There is no official translation of the language version you are viewing.
You can access a machine translated version of this content here. Please note that it is only provided for contextual purposes. The owner of this page accepts no responsibility or liability whatsoever with regard to the quality of this machine translated text.

Liema kompetenza għal liema tribunal?

Jeżistu tliet tipi ta’ reati, fejn kull wieħed huwa ġġudikat minn tribunal/qorti differenti:

  • Kontravenzjoni = quddiem it-tribunal tal-pulizija (tribunal de police) (imħallef wieħed)
  • Delitt = quddiem l-Awla Korrettiva tal-Qorti Distrettwali (tribunal d’arrondissement) (tliet imħallfin ħlief f’każijiet tat-traffiku : imħallef wieħed)
  • Reat = quddiem l-Awla Kriminali tal-Qorti Distrettwali (tribunal d’arrondissement) (tliet imħallfin)

It-tribunal jista’ jordna li dan isir in camera, pereżempju jekk il-vittma tkun tifel jew tifla.

Sa liema punt il-kapi tal-akkuża/tal-ħtija jistgħu jiġu emendati waqt il-proċess?

Il-prinċipju huwa li l-kwalifikazzjoni ġuridika mogħtija hija proviżorja u tista’ tiġi mibdula mit-tribunal li quddiemu tkun tinsab il-kawża.

Sabiex issir emenda fil-kapi tal-akkuża, jeħtieġ li l-fatt fil-qofol tal-proċedura jkun l-istess.

X’jiġri jekk niddikjara li jiena ħati tal-kapi tal-akkuża/tal-ħtija kollha jew xi wħud minnhom matul il-proċess?

Wieħed ma jistax jiddikjara ruħu ħati imma jista’ jammetti reat. L-imħallef jista’ xorta waħda ma jagħtix kas ammissjoni li jkun iqisha suspettuża. L-ammissjoni, għaldaqstant, tista’ tintuża bħala ċirkostanza mitiganti.

X’inhuma d-drittijiet tiegħek waqt il-proċess?

Irrid inkun preżenti waqt il-proċess? Jista’ jsir mingħajri?

Inti trid tidher quddiem il-qorti, sakemm ma tressaqx raġuni, bħal pereżempju ċertifikat mediku. Il-proċess b’hekk ikun jista’ jiġi differit. Tista’ tinkariga lill-avukat tiegħek sabiex jirrappreżentak, ħlief jekk il-qorti titlob li tkun preżenti. Għar-reati, inti trid tidher personalment.

Jekk ngħix fi Stat Membru ieħor, nista’ nieħu sehem permezz tal-vidjo? Jiena obbligat naċċetta?

Il-possibilità ta’ parteċipazzjonji permezz tal-vidjo minn persuna residenti fi Stat ieħor mhijiex prevista mil-liġi.

Irrid bilfors inkun preżenti matul il-proċess kollu?

Iva, għax l-imħallef jista’ jkun irid jisimgħek fi kwalunkwe ħin.

Niġi pprovdut b’interpretu jekk ma nifhimx il-lingwa tat-tribunal/tal-qorti?

Id-dritt li tiġi assisstit b’xejn minn interpretu jekk ma tifhimx jew ma titkellimx il-lingwa użata fis-seduta huwa dritt fundamentali ggarantit mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Madanakollu, l-atti tal-proċess ma jiġux tradotti.

Bilfors għandi bżonn avukat? Ningħata avukat? Nista’ nbiddel l-avukat?

Għandek id-dritt illi tiddefendi lilek innifsek jew li jkollok l-assistenza ta’ avukat tal-għażla tiegħek, u jekk inti m’għandekx il-mezzi sabiex tħallas avukat, tiġi assistit minn avukat (tal-għajnuna legali). Dejjem tista’ tbiddel l-avukat.

Nista’ nitkellem waqt il-proċess? Hemm bżonn nitkellem fil-proċess? Pereżempju, għandi d-dritt li ma nitkellimx, li ma ninkriminax ruħi?

Inti għandek id-dritt illi tesprimi ruħek dwar il-punti kollha tal-akkuża. Inti għandek ukoll id-dritt li ma tweġibx għall-akkużi miġjuba kontrik.

X’inhuma l-konsegwenzi jekk jiena ma ngħidx il-verità waqt il-proċess?

Jekk inti ma tgħidx il-verità matul il-proċess tkun qed tirriskja li teħel piena aktar ħarxa.

Nista’ nikkontesta l-provi mressqa kontrija? Kif? Għaliex?

Il-kontestazzjoni tal-provi mressqa kontrik hija possibbli u dan b’kull mezz, bħal pereżempju permezz ta’ xhieda, ta' xi dokumenti, ta' argumenti u ta' esperti.

X’tip ta’ provi nista’ nressaq favurija?

Il-qorti trid jieħu f’konsiderazzjoni kull tip ta’ prova.

F’liema ċirkostanzi nista’ nressaq tali provi?

Dawn il-provi jistgħu jiġu mressqa taħt żewġ kundizzjonijiet, l-ewwelnett li jkunu ġew regolarment inklużi fil-proċess u t-tieni nett li jkunu ġew diskussi liberament mill-partijiet matul il-proċeduri fil-miftuħ.

Nista’ nuża investigatur privat sabiex inġib provi favur tiegħi? Provi bħal dawn huma ammissibbli?

L-użu ta’ investigatur sabiex iġġib provi huwa permess, imma dan l-investigatur irid ikun għamel dan għal kollox skont il-liġi.

Jien jew l-avukat tiegħi, nistgħu nsaqsu mistoqsijiet waqt il-kawża lix-xhieda l-oħra? Jien jew l-avukat tiegħi, nistgħu nikkontestaw dak li jgħidu?

Id-dritt għas-smigħ ta’ xhud joħroġ mid-dritt tad-difiża stipulat fil-punt 3 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Id-difiża tista’ tressaq u tinterroga xhieda biex tiskolpa lilha nnifisha bħalma jistgħu jagħmlu x-xhieda kontrik.

Informazzjoni dwar il-fedina penali tiegħek tittieħed f’konsiderazzjoni?

Kull kundanna li tkun imniżżla fil-fedina penali tiegħek tiġi trażmessa lill-qorti, matul il-proċess.

Jittieħdu f’konsiderazzjoni kundanni preċedenti fil-konfront tiegħek li jkunu ngħataw fi Stat Membru ieħor?

Le, għal dak li għandu x’jaqsam mar-reċidiva. Iva, għall-kundizzjonijiet tas-sentenza sospiża.

X’inhuma t-tipi ta' eżitu possibbli tal-proċess?

Inti tista’ tiġi lliberat totalment jew parzjalment. Inti tista’ wkoll tinstab ħati. Il-piena tiddependi mir-reat li tiegħu tiġi misjub ħati.

Il-pieni kriminali huma:

  • Għomrok il-ħabs jew għal żmien minn 5 sa 30 sena
  • Multa ta’ mill-inqas EUR 251
  • Konfiska speċjali
  • It-tneħħijja ta’ titli, gradi, funzjonijiet, impiegi u karigi pubbliċi
  • L-interdizzjoni ta’ xi drittijiet ċivili u politiċi
  • L-għeluq ta’ intrapriżi u stabbilimenti
  • Il-pubblikazzjoni jew it-tpoġġija fil-pubbliku, bl-ispejjeż kontra l-ħati, tas-sentenza jew ta' estratt tas-sentenza li tkun ikkundannatek
  • Interdizzjoni milli tipprattika ċerti attivitajiet professjonali

Il-pieni korrettivi huma:

  • Priġunerija (8 ijiem sa 5 snin)
  • Multa ta’ mill-inqas EUR 251
  • Konfiska speċjali
  • L-interdizzjoni ta’ xi drittijiet ċivili u politiċi
  • L-għeluq ta’ intrapriżi u stabbilimenti
  • Il-pubblikazzjoni jew it-tpoġġija fil-pubbliku tal-kundanna
  • Interdizzjoni milli tipprattika ċerti attivitajiet professjonali
  • Interdizzjoni milli ssuq ċerti vetturi
  • Jekk il-kundanna ta’ priġunerija tkun ta' inqas minn sitt xhur, l-imħallef għandu l-fakultà li jbiddel il-piena għal servizz komunitarju ġenerali ta’ bejn 40 u 240 siegħa.

Il-pieni tal-pulizija huma:

  • Multa ta’ bejn EUR 25 u EUR 250 ħlief jekk il-liġi tiddisponi mod ieħor
  • Konfiska speċjali
  • Interdizzjoni milli ssuq ċerti vetturi

Jekk tiġi kkundannat għal piena ta’ priġunerija, x’inhuma l-modi differenti ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena?

Fil-Lussemburgu, huwa il-Prosekutur Pubbliku tal-Istat li jiddeċiedi l-metodi tal-eżekuzzjoni tal-pieni tat-tneħħija tal-libertà, mingħajr l-intervent ta’ imħallef.

Hemm numru ta’ possibbiltajiet li jistgħu jseħħu:

L-eżekuzzjoni maqsuma

Il-qsim jippermetti lid-detenut li mhuwiex ta’ periklu, li jiskonta żmienu f’perjodi li jixtieq.

Is-semilibertà

Dan ir-reġim jagħti l-possibbiltà lid-detenut li jeżerċita attività professjonali jew li jsegwi tagħlim jew taħriġ minn barra.

Il-libertà kondizzjonata

Tippermetti tnaqqis ta’ nofs il-piena.

Lif mill-ħabs

Tali piena sseħħ meta tingħata permess li tħalli l-bini tal-ħabs, matul parti tal-ġurnata jew matul perjodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, u dan il-perjodu jitqies meta jiġi kkalkulat iż-żmien tal-piena.

Is-sospensjoni tal-piena

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-libertà kkundizzjonata jew il-ħelsien effettiv, tista’ tingħata sospensjoni tal-piena lill-persuni kkundannati jekk waqt il-lif li jkunu ħadu jkunu ġiebu ruħhom tajjeb.

Il-brazzuletta elettronika

L-ebda liġi għadha ma ppreċiżat l-użu tagħha.

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess?

Il-vittma tista’ tinstema' bħala xhud. Hi tkun tista’ wkoll tikkostitwixxi ruħha bħala parte civile, jiġifieri tkun tista’ titlob danni u interessi. Tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-reat inkwistjoni u l-konsegwenzi tiegħu. Hija tista’ tappella kontra s-sentenza, imma biss għal dak li għandu x’jaqsam mal-interessi ċivili tagħha.

Links relatati

Organizzazzjoni tal-qrati

Kodiċi kriminali

Kodiċi ta’ proċedura kriminali

L-aħħar aġġornament: 05/04/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.