Imputati (proċeduri kriminali)

Italy

Content provided by:
Italy

A. Fejn se jsir il-proċess?

Bħala regola ġenerali, il-proċess iseħħ fil-post fejn il-qorti jkollha l-ġuriżdizzjoni - f’termini territorjali u relatati mas-suġġett - fir-rigward tar-reat ikkonċernat.

B. L-akkużi jistgħu jiġu modifikati? Jekk iva, għandi dritt li niġi infurmat?

B’mod ġenerali, jekk waqt il-proċess il-fatti jidhru li jkunu differenti minn dawk deskritti fid-digriet li jirreferi l-kwistjoni għal proċess u ma jkunux kompetenza ta’ qorti superjuri, il-prosekutur pubbliku jemenda l-akkuża u jipproċedi bin-notifika l-ġdida; l-istess japplika fir-rigward ta’ reat konkorrenti u kwalunkwe ċirkustanza aggravanti li tirriżulta mill-proċess. Bħala regola, il-prosekutur pubbliku jipproċedi bil-mod ordinarju jekk, matul il-proċess, jirriżulta fatt ġdid fir-rigward tal-imputat li ma jkunx stabbilit fid-digriet oriġinali u li jrid jiġi ttrattat ex officio. Madankollu, jekk il-prosekutur pubbliku jitlob hekk, l-imħallef jista’ jawtorizza n-notifika tal-akkuża emendata fl-istess seduta, jekk l-imputat jagħti l-kunsens tiegħu u jekk dan ma jippreġudikax it-termini tal-proċedimenti. Jekk il-prosekutur pubbliku jipproċedi direttament bl-akkuża l-ġdida, bħala regola l-imputat jista’ jitlob li l-proċess jiġi sospiż u li jiġu ammessi provi ġodda.

C. X’inhuma d-drittijiet tiegħi meta nidher quddiem il-qorti?

i. Irrid inkun preżenti fil-proċess? B’liema kundizzjonijiet nista’ nkun assenti matul il-proċess?

L-imputat għandu d-dritt - mhux l-obbligu - li jkun preżenti waqt il-proċess. Il-qorti tista’, madankollu, tordna li l-imputat assenti jkun imġiegħel jattendi, meta d-dehra tiegħu tkun meħtieġa għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda li ma jkunx l-eżami.

Għandi dritt għal interpretu u għal traduzzjoni tad-dokumenti?

Iva, skont l-Artikolu 143 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

iii. Għandi dritt għal avukat?

L-imputat għandu d-dritt li jaħtar mhux aktar minn żewġ avukati difensuri; persuna suspettata/imputata li ma tkunx ħatret jew li ma jkollha l-ebda avukat tad-difiża tkun assistita minn avukat maħtur ex officio.

iv. Xi drittijiet proċedurali oħra għandi nkun naf bihom? (eż. dehra ta’ persuni suspettati quddiem il-qorti)

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 523 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, l-imputat u l-avukat difensur tiegħu jridu, fi kwalunkwe każ, jitkellmu l-aħħar waqt is-seduta jekk jitolbu li jsir hekk, u fin-nuqqas ta’ hekk, il-proċedura tkun invalida. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li, fi kwalunkwe stadju u istanza tal-proċedimenti, il-partijiet u l-avukat tad-difiża tagħhom jistgħu jippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub jew talbiet lill-qorti.

D. Sentenzi possibbli

L-imħallef jagħti kundanna jekk l-imputat jinstab ħati tar-reat li jkun akkużat bih lil hinn minn kwalunkwe dubju raġonevoli, u permezz ta’ sentenza l-imħallef japplika piena u kwalunkwe miżura preventiva. Meta jagħti kundanna, l-imħallef jiddeċiedi wkoll dwar kwalunkwe talba għal restituzzjoni u kumpens għad-danni. Jekk l-imħallef jiddeċiedi li l-imputat irid iħallas kumpens għad-danni, huwa jistabbilixxi wkoll l-ammont tiegħu, sakemm din ma tkunx fil-kompetenza ta’ qorti oħra.

L-aħħar aġġornament: 22/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.