Please note that the original language version of this page Estonian has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Estonia

Content provided by:
Estonia
There is no official translation of the language version you are viewing.
You can access a machine translated version of this content here. Please note that it is only provided for contextual purposes. The owner of this page accepts no responsibility or liability whatsoever with regard to the quality of this machine translated text.

Nista’ nappella mis-sentenza?

Inti għandek id-dritt li tappella mis-sentenza. Inti tista’ tappella kemm mill-kundanna ta’ ħtija tiegħek u kemm mis-sentenza. Inti għandek id-dritt li tappella mis-sentenza kollha jew minn parti minnha.

Kif nappella?

Inti trid tinforma lill-qorti li sabitek ħati li tixtieq tippreżenta appell. Trid tagħmel dan bil-miktub fi żmien sebat (7) ijiem minn meta d-deċiżjoni tal-qorti ssir pubblika. Dan jista’ jsir ukoll bil-faks.

L-appell jiġi ppreżentat fil-qorti li tkun tat is-sentenza fi żmien 15-il jum mid-data ta’ meta tkun ingħatajt l-ewwel l-opportunità li teżamina s-sentenza. L-appell isir bil-miktub u jintbagħat lill-qorti bil-posta jew bil-faks. Appelli mħejjija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-avukat jinbagħtu wkoll lill-qorti elettronikament.

Il-qorti li tkun tat is-sentenza tibgħat l-appell u l-proċess kriminali lis-Circuit Court.

X’jiġri jekk nappella?

Jekk tappella, is-sentenza inizjali ma tiġix eżegwita sakemm is-Circuit Court tieħu d-deċiżjoni tagħha. Jekk inti ġejt arrestat qabel jew wara li tkun ingħatat is-sentenza, m’intix se tiġi rrilaxxat għaliex tkun appellajt. Inti tista’ tinżamm arrestat sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-appell. Ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien iffissat bil-liġi biex jiġi kkunsidrat l-appell, imma dan irid isir f’perjodu raġonevoli ta’ żmien.

Nista’ nippreżenta provi ġodda għall-appell tiegħi? X’kundizzjonijiet japplikaw?

Waqt l-appell, inti għandek id-dritt li tippreżenta provi ġodda jekk ikollok raġuni valida għaliex ma tkunx ippreżentajt dawn il-provi qabel.

X’jiġri waqt is-smigħ fil-qorti tal-appell?

Waqt is-smigħ fis-Circuit Court, jiġu kkunsidrati l-argumenti li tqajmu waqt l-appell. Jekk inti ma tidhirx fil-qorti, is-Circuit Court tista’ tikkunsidra l-appell mingħajr il-parteċipazzjoni tiegħek. Wara li tikkunsidra l-appell, is-Circuit Court tista’:

  • tiċħad l-appell;
  • temenda s-sentenza tal-qorti tal-prim’istanza jew tagħti sentenza ġdida;
  • tannulla s-sentenza tal-qorti tal-prim’istanza u ttemm il-proċedura kriminali;
  • tannulla s-sentenza tal-qorti tal-prim’istanza u tirrinvija l-kawża lura quddiem din il-qorti sabiex terġa’ tiġi kkunsidrata.

Nista’ nippreżenta appell ieħor jekk l-ewwel wieħed ma jirnexxiex?

Tista’ tippreżenta “appell fil-kassazzjoni” mid-deċiżjoni tas-Circuit Court lill-Qorti Suprema. L-“appell fil-kassazzjoni” jista’ jitressaq biss permezz ta’ avukat.

Jekk tixtieq tagħmel “appell fil-kassazzjoni”, inti trid tinforma lis-Circuit Court fi żmien sebat (7) ijiem minn meta d-deċiżjoni tal-appell issir pubblika.

L-“appell fil-kassazzjoni” nnifsu jrid jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum minn dakinhar meta inti tkun ingħatajt l-ewwel opportunità li teżamina d-deċiżjoni tas-Circuit Court. L-“appell fil-kassazzjoni” jiġi ppreżentat lill-Qorti Suprema permezz tas-Circuit Court li tkun ħadet id-deċiżjoni tal-appell.

Il-Qorti Suprema għandha d-dritt li tiddeċiedi jekk tismax l-“appell fil-kassazzjoni” jew le. Jekk il-qorti tirrifjuta l-“proċedura fil-kassazzjoni”, ma tingħata l-ebda raġuni.

Meta ssir finali l-kundanna ta’ ħtija?

Il-kundanna ta’ ħtija ssir finali meta s-sentenza tidħol fis-seħħ. Dan jiġri meta l-limitu ta’ żmien sabiex jiġi ppreżentat appell jew appell fil-kassazzjoni jkun skada. Fil-każ ta’ appell fil-kassazzjoni, is-sentenza tidħol fis-seħħ jekk il-Qorti Suprema tkun irrifjutat il-proċedura fil-kassazzjoni jew tkun ħadet deċiżjoni dwar il-każ.

Jekk l-appell tiegħi jirnexxi, il-kundanna ta’ ħtija tiegħi se tiġi rreġistrata?

Il-kundanna ta’ ħtija tiegħek tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-pieni biss jekk tiġi eżegwita. Jekk il-Qorti Suprema tannulla d-deċiżjoni tal-qorti li sabitek ħati, il-kundanna tal-ħtija ma tiġix irreġistrata fir-reġistru tal-pieni.

Jekk l-ewwel deċiżjoni kienet żbaljata, ningħata xi kumpens?

Inti għandek id-dritt għal kumpens għad-danni li tkun ġarrabt jekk tkun miċħud mil-libertà bla ebda raġuni. Tista’ tagħmel talba bil-miktub għal kumpens lill-Ministeru tal-Finanzi fi żmien sitt (6) xhur mid-dħul fis-seħħ tal-ħelsien mill-akkużi jew mid-deċiżjoni li tkun temmet il-proċedura kriminali.

L-ammont tal-kumpens huwa wieħed fiss u huwa ekwivalenti  għal seba’ (7) darbiet is-salarju minimu ta’ kuljum fis-seħħ fir-Repubblika tal-Estonja għal kull jum li tkun qattajt arrestat. Barra minn hekk, inti għandek id-dritt li titlob li l-Istat jirrimborża l-flus li tkun ħallast lill-avukat tiegħek.

Jiena minn pajjiż ieħor. Nista’ nintbagħat lura hemmhekk wara l-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jekk inti ċittadin barrani, li qed tgħix legalment fl-Estonja u ġejt misjub ħati ta’ delitt intenzjonali u ngħatajt sentenza ta’ ħabs, il-qorti tista’, bħala piena addizzjonali, tiddeċiedi li tkeċċik mill-Estonja u ma tħallikx tidħol fl-Estonja għal għaxar (10) snin. Peress li t-tkeċċija mill-Estonja hija piena wkoll, inti għandek id-dritt li tappella minnha.

Jekk inti ma għandekx id-dritt li tgħix fl-Estonja, it-tkeċċija tiegħek mill-Estonja sseħħ awtomatikament mingħajr deċiżjoni tal-qorti. Inti għandek id-dritt li timpunja t-tkeċċija tiegħek billi tressaq ilment quddiem il-Qorti Amministrattiva. Il-fatt li inti tkun impunjajt it-tkeċċija tiegħek mhuwiex se jipposponiha sakemm iddum għaddejja l-proċedura fil-qorti.

Jiena ġejt misjub ħati; tista’ ssir kawża oħra kontra tiegħi fuq il-bażi tal-istess akkużi?

Jekk inti ġejt misjub ħati, ma tistax issir kawża ġdida kontra tiegħek fuq il-bażi tal-istess akkużi.

L-informazzjoni dwar il-kundanna ta’ ħtija tiegħi tiġi rreġistrata? Kif se tinħażen din l-informazzjoni?

L-informazzjoni dwar il-kundanna ta’ ħtija tiegħek titniżżel fir-reġistru tal-pieni. Ir-reġistru jinżamm mill-Ministeru tal-Ġustizzja u jiġi amministrat miċ-Ċentru tar-Reġistri u s-Sistemi ta' Informazzjoni. L-informazzjoni li tiddaħħal fir-reġistru hija pubblika, ħlief f'każijiet speċifikati mil-liġi.

L-informazzjoni tista’ tingħadda lil korpi statali ta’ pajjiżi barranin jekk dan ikun permess minn ftehimiet internazzjonali. L-informazzjoni dwar il-piena tiegħek tinżamm mingħajr il-kunsens tiegħek. Id-dejta titħassar wara l-perjodu ta’ skadenza stipulat mill-liġi (minn sena sa 15-il sena minn meta tiskonta s-sentenza, skont kemm ikun serju r-reat).

Links relatati

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali bl-Ingliż (ma jinkludix l-emendi kollha)

L-Att dwar ir-Reġistru tal-Pieni

L-Att dwar ir-Reġistru tal-Pieni bl-Ingliż (ma jinkludix l-emendi kollha)

L-Att dwar il-kumpens għad-danni kkawżati mill-Istat lil persuna li ġiet miċħuda inġustament mil-libertà

L-Att dwar il-kumpens għad-danni kkawżati mill-Istat lil persuna li ġiet miċħuda inġustament mil-libertà bl-Ingliż (ma jinkludix l-emendi kollha)

L-Att dwar l-obbligu tat-tluq u l-projbizzjoni tad-dħul

L-Att dwar l-obbligu tat-tluq u l-projbizzjoni tad-dħul bl-Ingliż (ma jinkludix l-emendi kollha)

L-aħħar aġġornament: 01/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.