Imputati (proċeduri kriminali)

Estonia

L-iskop tal-interrogazzjoni u l-ġbir tal-provi huwa biex li jiġu vverifikati u rreġistrati bil-miktub iċ-ċirkostanzi tar-reat allegat sabiex ikunu jistgħu jiġu kkontrollati fil-qorti. Il-korp investigattiv u l-Uffiċċju tal-Prosekutur huma obbligati jiġbru kemm l-informazzjoni li tissuġġerixxi li inti kont involut f'reat kif ukoll l-informazzjoni li tkun favur tiegħek. Inti ma tridx tipprova l-innoċenza tiegħek. Il-proċedura kriminali għandha żewġ fażijiet: il-proċedura jew l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali u l-proċess innifsu. Il-proċedura kriminali tista’ tiġi fi tmiemha mingħajr ma titressaq quddiem qorti (pereżempju, meta waqt l-investigazzjoni jkun stabbilit li d-delitt ma twettaqx). Inti tista’ tinstab ħati li wettaqt delitt biss f’qorti.

Content provided by:
Estonia

X’inhu l-għan tal-investigazzjoni kriminali?

L-għan tal-investigazzjoni kriminali huwa li jiġi stabbilit jekk id-delitt twettaqx u x’kienu ċ-ċirkustanzi tad-delitt. Waqt l-investigazzjoni, jinġabru l-provi tal-allegat delitt, jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi, u tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-provi humiex biżżejjed biex inti tiġi akkużat bid-delitt.

X’inhuma l-fażijiet tal-investigazzjoni kriminali?

Il-bidu tal-proċedura kriminali

Il-proċedimenti kriminali jinbdew minn korp investigattiv (il-pulizija jew xi korp ieħor tal-Istat bis-setgħa li jagħmel dan) jew mill-Uffiċċju tal-Prosekutur. Il-proċedimenti kriminali jinbdew meta l-pulizija jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur jirċievu informazzjoni dwar ir-reat allegat.

Id-detenzjoni u l-arrest

Jekk il-korp investigattiv ikollu raġuni valida biex jissuspetta li wettaqt xi reat, tista’ tinżamm detenut bħala suspettat għal mhux aktar minn 48 siegħa. Jekk tkun detenut, il-korp investigattiv irid jinterrogak mingħajr dewmien.

Jekk waqt l-investigazzjoni jsir evidenti illi ma hemmx raġunijiet għad-detenzjoni tiegħek, inti trid tiġi rilaxxat minnufih. Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun konvint li huwa meħtieġ li tinżamm detenut għal aktar żmien sabiex ma taħrabx mill-investigazzjoni jew tikkommetti reati ġodda, irid jitlob mandat għall-arrest tiegħek minn qorti.

Jekk jiġri dan, tinġieb quddiem imħallef fi żmien 48 siegћa mid-detenzjoni tiegħek. L-imħallef jiddeċiedi jekk l-arrest huwiex xieraq jew le. Jekk l-imħallef isib li m’hemmx raġunijiet għall-arrest tiegħek, inti tiġi rilaxxat minnufih.

L-interrogazzjoni u l-ġbir tal-evidenza

L-għan tal-investigazzjoni huwa li tinġabar l-evidenza li tikkonferma ċ-ċirkostanzi ta’ reat. Għal dan l-għan jiġu interrogati s-suspettat, il-vittmi u x-xhieda, tinġabar l-evidenza, issir l-analiżi forensika u jitwettqu attivitajiet ta’ sorveljanza. L-azzjonijiet kollha li jitwettqu biex tinġabar l-evidenza jridu jiġu ddokumentati skont il-liġi. Biex tiġi akkużat tista' tintuża biss evidenza li tkun inġabret legalment

L-aċċess għall-proċess kriminali, is-smigħ tat-talbiet u l-preżentata tal-att ta’ akkuża

Jinfetaħ fajl kriminali li jkun fih id-dettalji tal-investigazzjoni kriminali u l-evidenza. Meta titlesta l-investigazzjoni kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jagħti kopja tal-fajl kriminali lill-avukat tad-difiża. L-avukat tiegħek jgħidlek dwar il-provi li jkunu nġabru u dwar il-bażi tal-akkużi fil-konfront tiegħek.

Inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt tibagħtu applikazzjonijiet lill-Uffiċju tal-Prosekutur (pereżempju biex jinkludu evidenza addizjonali fil-fajl, biex jintemmu l-proċedimenti kriminali, eċċ.). L-Uffiċċju tal-Prosekutur irid jiddeċiedi dwar dawn l-applikazzjonijiet. Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma jissodisfax applikazzjoni, inti tista’ tissottometti l-istess applikazzjoni mill-ġdid fil-qorti waqt il-proċess.

Jekk, wara li l-fajl ikun ġie ppreżentat lilek u jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet fuq kwalunkwe applikazzjoni, il-prosekutur isib li hemm biżżejjed evidenza biex jakkużak, jinħareġ att ta’ akkuża.

Dan huwa dokument li jkun fih il-fatti u jistabbilixxi l-evidenza li fuqha hija bbażata l-akkuża. Il-prosekutur jippreżenta l-att ta’ akkuża lill-avukat tad-difiża u jibgħatu lill-qorti. L-imħallef jibda l-proċess abbażi tal-att ta' akkuża.

Id-Drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni

Il-bidu tal-proċedura kriminali (1)

Għaliex tinbeda l-proċedura kriminali?

Proċedimenti kriminali jinbdew għax il-korp investigattiv ikun irċieva informazzjoni li tissuġġerixxi li twettaq reat. Din l-informazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq ilment imressaq minn persuna jew minn skoperta ta’ fatt li jissuġġerixxi li twettaq reat.

L-għan tal-proċedimenti kriminali huwa li jiġi stabbilit jekk twettaqx reat u jekk iva jekk hemmx biżżejjed evidenza biex xi suspettat jiġi akkużat b’reat.

Min iwettaq l-investigazzjoni kriminali?

Il-proċedimenti kriminali jitmexxew mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, u l-investigazzjoni kriminali titwettaq mill-korp tal-investigazzjonijiet skont l-istruzzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. Ġeneralment, l-investigazzjoni titwettaq mill-pulizija. L-investigazzjoni tista' ssir ukoll mis-Servizz tas-Sigurtà interna, il-Bord tat-Taxxa u d-Dwana, l-Ispettorat Ambjentali, id-Dipartiment tal-Ħabsijiet u s-Servizzi tal-Ħabsijiet tal-Ministeru tal-Ġustizzja, il-pulizija militari u l-Awtorità tal-Kompetizzjoni.

Hemm ċerti atti proċedurali li l-korpi tal-investigazzjoni jistgħu jwettqu biss bil-permess tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jew tal-qorti.

Kif insir naf li l-proċedura kriminali bdiet?

Il-proċedimenti kriminali jinbdew bl-ewwel att proċedurali. Jekk tiġi ssuspettat li wettaqt reat, int issir taf li nbdew proċedimenti kriminali meta tinżamm f’detenzjoni bħala suspettat jew tissejjaħ minn investigatur u tiġi interrogat

Għaliex nista’ niġi ssuspettat li wettaqt delitt?

Tista’ tiġi ttrattat bħala suspettat jekk il-korp investigattiv ikollu bażi biżżejjed biex jaħseb li wettaqt reat. Jista’ jkun hemm raġunijiet differenti għal din il-bażi, pereżempju:

  • inqbadt twettaq ir-reat jew immedjatament wara;
  • xhud ta’ reat jew il-vittma identifikak bħala persuna li tkun wettqet dan ir-reat;
  • evidenza tar-reat jew informazzjoni oħra tissuġġerixxi li int il-persuna li wettqet ir-reat.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi bħala suspettat?

Id-drittijiet ewlenin tiegħek bħala suspettat huma:

  • id-dritt li tkun infurmat dwar dak li int suspettat dwaru, li tagħmel dikjarazzjonijiet fir-rigward tas-suspett, jew li tirrifjuta li tagħmel hekk;
  • id-dritt li tkun taf li d-dikjarazzjonijiet tiegħek jistgħu jintużaw kontrik;
  • id-dritt għall-assistenza ta’ interpretu;
  • id-dritt għall-assistenza ta’ akuvat difensur;
  • id-dritt li tiltaqa’ mal-avukat difensur fil-privat;
  • id-dritt li tiġi interrogat fil-preżenza tal-avukat difensur tiegħek;
  • id-dritt li tipparteċipa f’seduta ta' smigħ tal-qorti dwar it-talba għall-arrest tiegħek;
  • id-dritt li tissottometti provi;
  • id-dritt li tissottometti applikazzjonijiet u lmenti;
  • id-dritt li tispezzjona r-rekords li jikkonċernaw att proċedurali u li tagħmel dikjarazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet, l-iżvolġiment u r-riżultati tal-att proċedurali u dwar ir-rekords, b'dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu rreġistrati wkoll; li taqbel li tiġi applikata l-proċedura ta’ ftehim, li tieħu sehem fin-negozjati bħala parti mill-proċedura ta’ ftehim , li tagħmel proposti li jikkonċernaw it-tip u d-daqs tal-piena li għandha tiġi applikata, u li tidħol jew li tirrifjuta li tidħol fi ftehim ta’ ftehim.

X’inhuma l-obbligi tiegħi?

Inti obbligat li:

  • tidher meta tiġi msejjaħ mill-korp investigattiv, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jew il-qorti;
  • li tipparteċipa fl-atti proċedurali u tobdi l-ordnijiet tal-korp investigattiv, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jew il-qorti

X’se jingħad lili dwar il-proċeduri li jkunu għaddejjin?

Jekk inti suspettat, il-korp investigattiv irid jispjegalek id-drittijiet u l-obbligi tiegħek. Int tintalab tiffirma rekord bil-miktub u, b’hekk tkun qed tikkonferma li spjegawlek id-drittijiet u l-obbligi tiegħek.

Wara dan jgħidulek ta’ xiex inti ssuspettat. Dan ifisser li tingħata deskrizzjoni qasira tar-reat li jkun issuspettat li wettaqt. Tingħata wkoll dettalji tad-dispożizzjonijiet legali li jiddefinixxu l-att bħala reat. La l-korp investigattiv u lanqas l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma huma obbligati jagħtuk iktar tagħrif qabel jitlestew il-proċedimenti ta’ qabel il-proċess

Meta nista’ nitkellem mal-avukat tiegħi?

Mill-mument li tiġi kkonfermat bħala suspettat fi proċedimenti kriminali għandek id-dritt tiltaqa’ u titkellem mal-avukat tiegħek. Għandek id-dritt titkellem mal-avukat tiegħek qabel il-korp investigattiv jibda jinterrogak

Id-detenzjoni u l-arrest (2)

F’liema ċirkustanzi nista’ ninżamm arrestat?

Tista’ tinżamm arrestat bħala suspettat jekk:

  • tinqabad twettaq ir-reat jew immedjatament wara;
  • xhud ta’ reat jew il-vittma identifikak bħala persuna li tkun wettqet dan ir-reat;
  • l-evidenza marbuta mar-reat tissuġġerixxi li stajt kont inti li wettaqtu.

Tista’ wkoll tinżamm detenut jekk il-korp investigattiv ikollu informazzjoni oħra li tissuġġerixxi li int suspettat u:

  • li se tipprova taħrab;
  • l-identità tiegħek ma tkunx ġiet aċċertata;
  • il-korp investigattiv ikun tal-opinjoni li tista’ tissokta twettaq reati, taħrab il-proċedimenti kriminali jew timpedihom b’xi mod ieħor.
Tista’ tinżamm detenut u arrestat għall-finijiet ta’ konsenja jew estradizzjoni lejn pajjiż ieħor (ara L-interrogazzjoni u l-ġbir tal-provi (3)).

Min jista’ jżommni taħt arrest?

Il-korp investigattiv għandu d-dritt li jżomm detenut. Jekk tinqabad waqt li tkun qed tikkommetti reat jew immedjatament wara, jew jekk tagħmel tentattiv biex taħrab, kulħadd jista’ jieħdok għand il-pulizija għad-detenzjoni

Kif insir naf għaliex inżammejt taħt arrest u x’jiġri wara?

Meta tkun qed tinżamm taħt arrest, uffiċjal mill-korp investigattiv irid jinfurmak dwar ir-raġuni għad-detenzjoni tiegħek u jispjegalek id-drittijiet u l-obbligi tiegħek. L-uffiċjal iħejji dokument dwar id-detenzjoni tiegħek li jistabbilixxi l-bażi ġuridika għad-detenzjoni tiegħek u ċ-ċirkostanzi tar-reat li jkun issuspettat li wettaqt. Għandek id-dritt tagħmel applikazzjonijiet u titlob li dawn jiġu inklużi fid-dokument tad-detenzjoni

Jiena ma nafx il-lingwa tal-post, kif se nifhem x’inhu jiġri?

Il-korp investigattiv irid jinfurmak bla dewmien b’lingwa u b’mod li tista' tifhem dwar ir-raġunijiet tad-detenzjoni tiegħek u d-drittijiet tiegħek. Il-korp investigattiv irid jipprovdilek interpretu f’każ li jkollok bżonnu. Tiġi pprovduta biss interpretazzjoni u mhux traduzzjoni bil-miktub

Nista’ ninforma lill-persuni qrib tiegħi bid-detenzjoni tiegħi?

Għandek id-dritt li tinforma mill-inqas persuna waħda tal-għażla tiegħek li huwa qrib tiegħek. Dan iseħħ permezz tal-korp investigattiv. Dan ifisser li għandek id-dritt titlob li tiġi avżata persuna tal-għażla tiegħek, u dan isir mill-korp investigattiv.

Fil-każ li l-korp investigattiv ikun tal-opinjoni li jekk il-persuna tal-għażla tiegħek tiġi infurmata jista’ jkun ta' dannu għall-proċedimenti kriminali, jista’ jirrifjuta. Dan ir-rifjut irid jiġi awtorizzat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur

Għal kemm nista’ ninżamm f'detenzjoni?

Tista’ tinżamm detenut għal mhux aktar minn 48 siegħa. Jekk il-qorti ma tkunx ħarġet mandat tal-arrest tiegħek fi żmien 48 siegħa mid-detenzjoni tiegħek, il-korp investigattiv irid jilliberak mingħajr dewmien

F’liema ċirkustanzi nista’ niġi arrestat?

Tista’ tiġi arrestat fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jekk ikun hemm raġuni li wieħed jaħseb li tista’ taħrab il-proċedimenti kriminali jew li tikkommetti reati ġodda. Imħallef biss jista' jawtorizza arrest

Kif tittieħed id-deċiżjoni għall-arrest tiegħi?

Il-korp investigattiv jieħdok quddiem imħallef, li jrid joħroġ mandat għall-arrest tiegħek. Il-prosekutur u, jekk int tixtieq, l-avukat tiegħek jintalbu jidhru quddiem l-imħallef ukoll. L-imħallef jeżamina l-fajl tal-każ kriminali tiegħek u jinterrogak biex jiċċekkja jekk hemmx raġunijiet għall-arrest tiegħek. Wara li tisma' l-partijiet, il-qorti tapprova jew tirrifjuta t-talba għall-arrest. Jekk it-talba għall-arrest tiġi rifjutata, trid tiġi rilaxxat minnufih

Għal kemm nista’ nibqa’ arrestat?

Fl-istadju ta’ qabel il-proċess ma tistax tinżamm għal aktar minn sitt xhur. F’każijiet straordinarji dan jista’ jiġi estiż. Wara kull perjodu ta’ xahrejn għandek id-dritt titlob lill-qorti teżamina mill-ġdid ir-raġunijiet għall-arrest tiegħek, u l-qorti trid tiddeċiedi fi żmien ħamest ijiem jekk huwiex ġustifikat li tibqa' tinżamm taħt arrest. Jekk il-qorti ssib li ma għadux iġġustifikat li tibqa' tinżamm taħt arrest, trid tiġi rilaxxat minnufih

Nista’ niġi meħlus wara li nħallas pleġġ?

Inti għandek id-dritt titlob li tkun fuq pleġġ minflok arrest. Biex tagħmel dan trid tippreżenta applikazzjoni fil-qorti. Tittieħed quddiem imħallef li jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għall-pleġġ. L-imħallef irid jisma’ l-opinjoni tiegħek u dik tal-avukat tiegħek.

Jekk l-imħallef jissodisfa l-applikazzjoni, tiġi lliberat mill-kustodja wara li l-ammont tal-garanzija jkun ġie ttrasferit fil-kont tal-qorti

Għandi d-dritt li nappella mill-mandat ta’ arrest tiegħi?

Għandek id-dritt tappella kontra l-mandat tal-arrest tiegħek. Biex tagħmel dan, int jew l-avukat tiegħek irid jippreżenta appell bil-miktub fil-qorti distrettwali permezz tal-qorti li tkun ħarġet il-mandat ta’ arrest oriġinali. L-appell irid jiġi ppreżentat fi żmien 10 ijiem minn meta ssir taf bil-mandat tal-arrest.

L-interrogazzjoni u l-ġbir tal-provi (3)

X’inhu l-iskop tal-interrogazzjoni u tal-ġbir tal-provi?

L-iskop tal-interrogazzjoni u tal-ġbir tal-provi huwa li jiġu aċċertati ċ-ċirkustanzi tal-allegat delitt u li jkun hemm rekord bil-miktub ta’ dawn iċ-ċirkustanzi sabiex ikunu jistgħu jiġu vverifikati fil-qorti. L-aġenzija investigattiva u l-prosekuzzjoni huma obbligati jiġbru kemm l-informazzjoni li tissuġġerixxi li inti kont involvut fid-delitt kif ukoll l-informazzjoni li tkun favur tiegħek. Inti ma għandekx għalfejn tipprova l-innoċenza tiegħek.

Se nintalab nagħti xi informazzjoni?

Jekk tkun suspettat, il-korp investigattiv irid jinterrogak mingħajr dewmien.

Bilfors irrid nagħti informazzjoni lill-aġenzija investigattiva?

M’intix obbligat tagħti informazzjoni lill-korp investigattiv jew twieġeb il-mistoqsijiet li jsirulek. Għandek id-dritt li tibqa’ sieket. Is-silenzju fl-ebda każ ma jista’ jiġi interpretat bħala ammissjoni ta’ ħtija. Ma tistax tkun sfurzat tinkrimina lilek innifsek jew nies qrib tiegħek.

Kif issir l-interrogazzjoni?

Fil-bidu tal-interrogazzjoni trid tiġi infurmat li għandek id-dritt tirrifjuta titkellem u li kwalunkwe ħaġa li tgħid tista’ tintuża kontra tiegħek. L-ewwel nett jistaqsuk jekk wettaqx ir-reat li int issuspettat li wettaqt.

Tingħata l-opportunità tiddikjara x’taf dwar ir-reat li qed jiġi investigat. Isirulek ukoll mistoqsijiet. Jitħejja rekord bil-miktub tal-interrogazzjoni. Qabel ma tiffirma dan ir-rekord, għandek id-dritt taqrah mill-bidu sal-aħħar. Għandek id-dritt li l-kummenti tiegħek jiġu inklużi fir-rekord.

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa li jista’ jkollha riperkussjonijiet ħżiena fuq il-kawża tiegħi fil-qorti?

Kull ħaġa li tgħid jista’ tintuża bħala evidenza kontra tiegħek.

Nista’ niddikjara li jiena ħati tal-akkużi kollha jew ta’ wħud minnhom qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Matul l-interrogazzjoni tista’ tiddikjara ruħek ħati għall-akkużi kollha jew uħud minnhom. Għandek ukoll id-dritt tagħmel dan f'kull ħin wara l-interrogazzjoni, anke jekk waqt l-interrogazzjoni kont għidt li m'intix ħati.

Il-proċedimenti kriminali ma jintemmux jekk tammetti l-ħtija tiegħek. Il-korp investigattiv xorta waħda jrid jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi tar-reat u jipprovahom. Ma tistax tinstab ħati ta' reat abbażi tal-konfessjoni tiegħek biss.

Għandi d-dritt li wara nirtira l-istqarrija ta’ ħtija li nkun għamilt?

Jekk tkun stqarrejt il-ħtija tiegħek, għandek id-dritt jerġa' jibdilek dwar ix-xhieda li tkun tajt qabel u tiċħad il-ħtija tiegħek aktar tard matul il-proċedimenti kriminali jew waqt il-proċess. Madankollu, f’dak il-każ, ammissjoni preċedenti tista' tiġi ppreżentata fil-qorti u użata bħala evidenza kontrik. Jekk provi oħrajn jikkonfermaw il-ħtija tiegħek, il-fatt li tkun irtirajt l-istqarrija ta’ ħtija tiegħek jiġi injorat, għax ma tkunx affidabbli.

Nista’ nikseb informazzjoni dwar ix-xhieda li se jixhdu kontra tiegħi?

Waqt l-investigazzjoni kriminali l-korp investigattiv mhux obbligat jagħtik informazzjoni dwar ix-xhieda li jkunu xehdu kontrik u x’ikunu qalu dawn xhieda. Tiġi infurmat dwar ix-xhieda u l-istqarrijiet tagħhom biss meta tingħata aċċess għall-fajl kriminali fi tmiem l-investigazzjoni (ara l-Għoti tal-aċċess għall-fajl kriminali, l-applikazzjonijiet għas-smigħ u s-sottomissjoni tal-akkużi (4)).

Isiruli mistoqsijiet dwar reati preċedenti li nkun wettaqt?

Jistgħu jsirulek mistoqsijiet dwar ir-reati preċedenti tiegħek, imma inti tista’ tirrifjuta li tagħti din l-informazzjoni. Il-korp investigattiv għandu d-dritt jistabbilixxi jekk għandekx reati preċedenti billi jirreferi għal diversi reġistri. Kull reat preċedenti jissemma fl-att ta' akkuża.

Jista’ jsir tfittix fuq il-persuna tiegħi (body search)?

Il-korp investigattiv għandu d-dritt iwettaq tfittxija fuq il-persuna biex ifittex traċċi tar-reat, biex jidentifika l-karatteristiċi partikolari ta’ ġismek u li jikseb informazzjoni oħra li tkun importanti għall-investigazzjoni kriminali.

Nista’ nintalab nagħti l-marki tas-swaba’, u jittieħduli kampjuni tad-DNA (pereżempju, xagħar u bżieq) jew fluwidi oħrajn tal-ġisem?

Il-korp investigattiv għandu d-dritt jieħu evidenza u kampjuni forensiċi mingħandek, inklużi l-marki tas-swaba’ u materjal bijoloġiku għall-analiżi tad-DNA.

Jekk tirrifjuta li tipprovdi l-kampjuni, il-korp investigattiv għandu d-dritt jisfurzak tipprovdihom. Madankollu, jekk xorta waħda tibqa' tirrifjuta li tipprovdi kampjuni jew jekk biex jittiħdulek ikun ta’ ħsara għall-integrità fiżika tiegħek, dan jista’ jsir biss fuq il-bażi ta’ deċiżjoni mill-korp investigattiv. Għandek id-dritt tara d-deċiżjoni.

Jistgħu jsir tfittix f’dari, fil-bini fejn huwa stabbilit in-negozju tiegħi, eċċ.?

Darek, il-bini tan-negozju, il-karozza, eċċ. jistgħu jiġu mfittxija għall-finijiet li tinstab evidenza tar-reat jew oġġetti oħra neċessarji biex jissolva l-każ. Irid jinħareġ mandat ta’ tfittxija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur jew mill-qorti. Jekk tkun meħtieġa tfittxija b’mod urġenti, din tkunukoll permessa fuq il-bażi ta’ mandat mill-korp investigattiv.

Il-persuna, li jkun se jsir tfittix fuq il-proprjetà tagħha, trid tintwera l-mandat ta’ tfittix u tintalab iċċedi l-oġġett imsemmi fil-mandat. Jekk l-oġġett ma jiġix ċedut, l-uffiċjali tal-korp investigattiv iwettqu t-tfittxija.

Nista’ nressaq ilment jekk id-drittijiet tiegħi ma jiġux rispettati?

Jekk jinkisru d-drittijiet tiegħek, għandek id-dritt tilmenta dwar l-attivitajiet tal-korp investigattiv u tressaq ilment għal dan l-għan lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Jekk ilment jikkonċerna l-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, jista’ jitressaq lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali. L-ilment jiġi eżaminat fi żmien 30 jum. Tintbagħatlek kopja tad-deċiżjoni. Jekk ma taqbilx mad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, għandek id-dritt tressaq ilment quddiem qorti fi żmien 10 ijiem.

L-aċċess għall-proċess kriminali, is-smigħ tat-talbiet u l-preżentata tal-akkuża (4)

X’inhu l-iskop li jinkiseb aċċess għall-proċess kriminali?

L-evidenza kollha miġbura matul l-investigazzjoni kriminali u s-sommarju tal-proċedimenti ta’ qabel il-proċess li jiddeskrivu ċ-ċirkustanzi tar-reat jiġu miżjuda fil-fajl kriminali. Huwa meħtieġ li bħala suspettat jingħatalek aċċess għall-fajl kriminali sabiex tkun taf x'inhuma l-akkużi kontrik u r-raġunijiet li saru fuqhom.

Meta nkun nista’ nara l-proċess kriminali?

Jekk tkun ġejt iddikjarat suspettat, il-fajl kriminali jkun disponibbli għalik wara li titlesta l-investigazzjoni kriminali.

Kif jingħata aċċess għall-proċess kriminali?

Hekk kif l-fajl kriminali jitqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħek, irid ikollok avukat (ara l-Iskeda Informattiva 1). L-Uffiċċju tal-Prosekutur jagħti kopja tal-fajl kriminali lill-avukat tiegħek. L-avukat tiegħek jinfurmak bil-kontenut tal-fajl kriminali.

Kemm għandi żmien biex neżamina l-proċess kriminali?

Ma huwa ffissat l-ebda limitu ta’ żmien speċifiku biex teżamina l-fajl kriminali. Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur isib li l-proċess tal-eżaminazzjoni tal-fajl kriminali qed jiġi mtawwal, jista’ jiġi stabbilit limitu ta’ żmien. L-Uffiċċju tal-Prosekutur irid jagħti biżżejjed żmien biex jiżgura li int tista’ effettivament teżerċita d-dritt tiegħek li tiddefendi ruħek.

Għaliex jitressqu t-talbiet?

Wara li tkun eżaminajt il-fajl kriminali, inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt tressqu l-applikazzjonijiet lill-Uffiċċju tal-Prosekutur. L-iskop għal dan huwa li jkun iggarantit li l-investigazzjoni kriminali titwettaq bir-reqqa u b’mod ġust.

Għandek id-dritt titlob li:

  • isiru investigazzjonijiet addizzjonali;
  • tiddaħħal fil-fajl evidenza ġdida ppreżentata minnek;
  • materjal irrelevanti għal dan il-każ jitneħħa mill-fajl, eċċ.

Għandek ukoll id-dritt titlob li l-Uffiċċju tal-Prosekutur itemm il-proċedimenti kriminali jekk, fl-opinjoni tiegħek, m’hemmx raġunijiet fuq x'hiex jitkomplew. Barra minn hekk, għandek id-dritt titlob li l-każ jiġi ttrattat permezz ta’ proċedura simplifikata li hija preskritta mil-liġi (eż. il-proċedura tal-ftehim) mingħajr proċess sħiħ normali.

Kif għandhom jitressqu t-talbiet?

L-applikazzjonijiet jiġu sottomessi lill-Uffiċju tal-Prosekutur bil-miktub. Iridu jiġu sottomessi fi żmien 10 ijiem mill-eżami tal-fajl kriminali. Jekk il-kawża kriminali tkun kbira u kumplessa, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jestendi dan il-perjodu għal 15-il jum (it-Taqsima 225 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2011).

Kif jiġu trattati t-talbiet?

L-Uffiċċju tal-Prosekutur jeżamina l-applikazzjonijiet fi żmien 10 ijiem. Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma jissodisfax applikazzjoni, tittieħed deċiżjoni u tingħatalek kopja. Jekk l-applikazzjon tiegħek tiġi miċħuda f’din il-fażi, inti xorta tista’ tressaqha mill-ġdid matul il-proċess.

Meta tiġi ppreżenta l-akkuża?

Wara li tkun eżaminajt mill-ġdid il-fajl kriminali u l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun ħa deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet tiegħek, int tiġi akkużat jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun konvint li hemm biżżejjed evidenza biex titressaq quddiem il-qorti.

Kif tiġi ppreżentata l-akkuża?

L-Uffiċċju tal-Prosekutur ifassal att ta’ akkuża. Dan huwa dokument li jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fuqhom huma bbażati l-akkużi u l-evidenza li tikkonfermhom. L-Uffiċċju tal-Prosekutur jagħti l-att tal-akkuża lilek u lill-avukat tiegħek u jibgħatha lill-qorti.

L-akkużi jistgħu jinbidlu qabel is-smigħ fil-qorti?

Il-qorti tista’ biss tisma' każ fuq il-bażi ta’ att ta’ akkuża. L-Uffiċċju tal-Prosekutur jista' jibdel jew jissupplimenta l-akkużi, iżda f’dan il-każ irid jiġi ppreżentat att ta’ akkuża ġdid.

Diġà ttellajt il-qorti fuq l-istess akkużi f’pajjiż ieħor. X’jiġri?

Jekk inti tkun ġejt misjub ħati fuq l-istess akkuża f’pajjiż ieħor jew jekk il-proċedimenti kriminali fir-rigward tal-akkużi ntemmu, ma tistax terġa' tiġi akkużat bl-istess reat. F’sitwazzjoni bħal din, jekk ikunu nbdew proċedimenti kriminali kontra tiegħek fl-Estonja, iridu jintemmu mingħajr ma tiġi akkużat bir-reat.

Il-każ tiegħi jista’ jiġi solvut bi ftehim?

Wara li tkun eżaminajt il-fajl kriminali, għandek id-dritt tapplika għand l-Uffiċċju tal-Prosekutur biex jinbdew negozjati fil-proċedura tas-soluzzjoni. Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur jaqbel, jinbdew negozjati miegħek u mal-avukat tiegħek biex tiftiehmu dwar id-definizzjoni legali tal-att li tkun akkużat bih u piena għalih.

Jekk tilħaq ftehim b'riżultat tan-negozjati, dan jiġi miktub u ppreżentat lill-qorti għall-approvazzjoni. Jekk il-qorti tapprova l-ftehim, int teħel tar-reat bil-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim li tkun għamilt.

Informazzjoni addizzjonali għal dawk li mhumiex residenti (5)

X’inhu l-Mandat ta’ Arrest Ewropew?

Il-Mandat ta’ Arrest Ewropewhuwa talba minn korp ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lil Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' detenzjoni u arrest ta’ persuna partikolari u l-konsenja ta’ dik il-persuna lill-pajjiż rikjedenti sabiex dak il-pajjiż ikun jista' jkompli l-proċedimenti kriminali jew iżomm fil-ħabs lill-persuna konċernata.

X’inhuma drittijieti jekk ninżamm arrestat fuq il-bażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew?

Meta inti tinżamm detenut, il-bażi għad-detenzjoni tiegħek trid tiġi spjegata lilek u trid tiġi infurmat li inti tista’ taqbel li tiġi kkonsenjat lil Stat Membru ieħor. Jekk inti taqbel li tiġi kkonsenjat, ma tkunx tista' tibdel id-deċiżjoni tiegħek aktar tard. Mad-detenzjoni tiegħek għandek id-dritt għall-għajnuna legali b’xejn u li jkollok l-assistenza ta’ interpretu.

Kif jiġi deċiż iċ-ċediment tiegħi lil Stat Membru ieħor?

Id-deċiżjoni tal-konsenja jew iċ-ċaħda tal-konsenja tiegħek tittieħed minn qorti. Inti, l-avukat tiegħek u l-prosekutur tattendu s-smigħ fil-qorti. Il-qorti trid tisma’ l-opinjoni tiegħek dwar il-konsenja tiegħek. Il-qorti tieħu deċiżjoni li permezz tagħha tiġi aċċettata jew miċħuda l-konsenja tiegħek. Għandek id-dritt li tressaq appell kontra s-sentenza ma’ qorti distrettwali fi żmien tlett ijiem minn meta tirċievi d-deċiżjoni. Il-qorti distrettwali teżamina mill-ġdid l-appell fi żmien 10 ijiem u d-deċiżjoni tagħha tkun finali.

F’kemm żmien tintlaħaq deċiżjoni dwar iċ-ċediment tiegħi lil Stat Membr ieħor?

Jekk taqbel li tiġi konsenjat, trid tittieħed deċiżjoni fi żmien 10 ijiem. Jekk ma taqbilx li tiġi konsenjat, id-deċiżjoni finali dwar il-konsenja jew iċ-ċaħda tal-konsenja tiegħek trid issir fi żmien 60 jum mill-arrest tiegħek. F’każijiet straordinarji dan il-perjodu jista’ jiġi estiż bi 30 jum. Jekk deċiżjoni tal-qorti dwar il-konsenja tiegħek tkun daħlet fis-seħħ, trid tiġi estradit lejn il-pajjiż li jkun għamel it-talba fi żmien 10 ijiem. Jekk ma tiġix estradit f’dan il-perjodu, trid tiġi rilaxxat.

F’liema ċirkustanzi nista’ niġi estradit lejn pajjiż ieħor?

Jekk pajjiż ieħor ikun beda proċedimenti kriminali kontra tiegħek u ħejja mandat ta’ arrest tiegħek jew jekk qorti f’dak il-pajjiż tkun imponiet sentenza ta’ kustodja fuqek, dak il-pajjiż jista’ japplika għall-estradizzjoni tiegħek. Jekk l-Estonja tirċievi talba minn pajjiż ieħor għall-estradizzjoni tiegħek jew talba permezz tal-Interpol għall-arrest tiegħek, tista’ tinżamm detenut u arrestat għat-tul taż-żmien tal-proċedura tal-estradizzjoni. Matul il-proċedura tal-estradizzjoni tista’ tinżamm taħt arrest sa sena. Qorti tiddeċiedi jekk l-estradizzjoni tiegħek għandhiex tiġi permessa.

Nista’ nikkuntattja lill-Ambaxxata ta’ pajjjiżi meta niġi arrestat?

Jekk inti ċittadin barrani, tintbagħat kopja tal-mandat tal-arrest tiegħek lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, li jinforma lill-ambaxxata jew il-konsulat ta’ pajjiżek. Għandek dritt titlob li ssir laqgħa ma’ uffiċjal konsulari minn pajjiżek.

Ningħata intepretu jekk ma nkunx naf il-lingwa tal-post?

Il-korp investigattiv u l-Uffiċċju tal-Prosekutur iridu jiżguraw li inti tkun tista’ tuża l-assistenza ta’ interpretu. L-interpretu jrid ikun preżenti għal kull att proċedurali li fihom tipparteċipa int. L-interpretu huwa obbligat jittraduċi l-informazzjoni kollha relatata mal-att proċedurali b’mod preċiż u sħiħ. Tiġi pprovduta biss interpretazzjoni u mhux traduzzjoni bil-miktub.

Tista’ titlob li l-att tal-akkuża jiġi tradott bil-miktub fil-lingwa materna tiegħek jew lingwa oħra li tifhem. Dokumenti oħra li huma parti mill-proċedimenti kriminali ma jiġux tradotti bil-miktub.

Irrid inkun fil-pajjiż waqt il-proċedura kriminali? Nista’ nitlaq mill-pajjiż?

M’hemmx bżonn tkun fil-pajjiż matul il-proċedimenti kriminali u tista’ tħalli l-pajjiż, iżda tkun obbligata tippreżenta ruħek għand il-korp investigattiv meta meħtieġ sabiex ikun jista’ jwettaq att proċedurali. Il-korp investigattiv jista’ jipprojbixxilek milli tħalli l-post tar-residenza tiegħek mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu.

Jekk tkun tixtieq tħalli l-post tar-residenza tiegħek għal iktar minn 24 siegħa, ikollok bżonn awtorizzazzjoni minn qabel mingħand il-korp investigattiv. Jekk ma tippreżentax ruħek għand il-korp investigattiv meta jkun meħtieġ jew tikser il-projbizzjoni billi toħroġ mill-post tar-residenza tiegħek, tista’ tiġi arrestat.

Nista’ niġi interrogat minn pajjiż barrani permezz ta’ mezz ta’ telekomunikazzjoni, eż. konnessjoni bil-vidjo?

Il-korp investigattiv jista’ jinterrogak f’pajjiż barrani permezz ta’ vidjo link dirett. Interrogazzjoni ta’ dan it-tip hija possibbli biss bil-kunsens tiegħek.

Links relatati

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali bl-Ingliż (ma jinkludix l-emendi kollha)

L-aħħar aġġornament: 01/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.