Imputati (proċeduri kriminali)

Denmark

Content provided by:
Denmark

X’inhuma l-istadji ta’ investigazzjoni kriminali?

Il-kwistjonijiet kriminali jiġu investigati mill-pulizija. Il-pulizija normalment jinvestigaw każ minħabba li jkunu ġew innotifikati li persuna kienet vittma ta’ vjolenza jew serq, jew minħabba li l-pulizija, jew possibbilment ċittadin, ikunu qabdu persuna waqt li kienet qiegħda twettaq xi delitt.

L-akkuża preliminari

Għall-ewwel, il-pulizija tipprova tistabbilixxi jekk sarx reat jew le, u jekk hemmx persuna waħda ssuspettata jew aktar identifikabbli li jistgħu jiġu akkużati bid-delitt. F’dak il-każ, il-pulizija tkun trid tinterroga lis-suspettat.

L-arrest

Il-pulizija jistgħu jarrestaw persuna ssuspettata.

Is-smigħ statutorju preliminari u ż-żamma taħt arrest preventiv (inkluż il-mandat ta’ arrest Ewropew)

Jekk il-pulizija tkun tixtieq iżżomm persuna ssuspettata sabiex ma jiġux ippreġudikati l-investigazzjonijiet tal-pulizija jew kwalunkwe raġuni oħra, il-persuna ssuspettata għandha titressaq quddiem il-qorti fi żmien 24 siegħa mill-arrest tiegħu jew tagħha sabiex il-każ ikun jista’ jiġi ppreżentat quddiem l-imħallef.

Miżuri invażivi

Minbarra l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata u tax-xhieda potenzjali, il-pulizija tista’ tikseb tagħrif matul l-investigazzjoni permezz ta’ miżuri invażivi bħal tiftix, sorveljanza tat-telekomunikazzjonijiet, interċettar tat-telefonati, eċċ. Il-parti l-kbira tal-miżuri invażivi għandhom ikunu approvati mill-qorti qabel ma jintużaw.

Id-deċiżjoni dwar jekk jinġibux akkużi kontra persuna ssuspettata jew le

L-iskop tal-investigazzjoni tal-pulizija huwa li tipprovdi tagħrif li jgħin lill-prosekutur jiddeċiedi jekk iressaqx akkużi kontra persuna ssuspettata jew le. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed provi li juru li persuna ssuspettata tkun wettqet reat, il-prosekuzzjoni twaqqa’ l-każ.

Fil-livell lokali, il-pulizija u l-uffiċċju tal-prosekutur jaqgħu taħt l-istess ġestjoni, u għalhekk l-uffiċċju tal-prosekutur spiss ikun involut fi stadju bikri tal-każ, inkluż fl-ippjanar tal-investigazzjoni.

It-tħejjija għall-proċess mid-difiża

Għal aktar tagħrif dwar id-dritt li tkun informat dwar l-investigazzjoni u kif tinfluwenzaha, ara hawnhekk.

Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni

Ikklikkja fuq il-links li ġejjin għal aktar tagħrif dwar id-drittijiet tiegħek f’kull stadju tal-każ.

L-akkuża preliminari, inkluża l-interrogazzjoni (1)

Għalfejn qed inkun akkużat?

Inti akkużat għaliex il-pulizija għandhom suspetti kbar li inti wettaqt xi delitt u għalhekk, minn issa ’l quddiem l-investigazzjoni tal-pulizija sejra tiffoka fuqek u mhux fuq xi persuna oħra.

Xi jfisser li nkun akkużat?

Dan ifisser li sejrin jgħidulek x’tip ta’ delitt inti maħsub li wettaqt. Il-pulizija għandhom jgħidulek liema dispożizzjoni tal-liġi jaħsbu li inti ksirt. Għandek id-dritt li ssegwi l-investigazzjoni tal-każ tiegħek permezz ta’ avukat, u f’każ ta’ reati serji għandek id-dritt għal avukat li jkun imqabbad mill-qorti.

Għalfejn il-pulizija jridu jinterrogawni?

Il-pulizija jridu jinterrogawk sabiex jiskopru jekk is-suspett tagħhom li inti wettaqt xi reat huwiex fondat jew le. Il-pulizija jużaw l-istqarrija tiegħek fl-investigazzjonijiet ulterjuri tagħhom. Aktar tard, il-prosekutur juża l-istqarrija tiegħek sabiex jiddeċiedi jekk il-każ għandux jiġi pproċessat bħala każ ta’ ammissjoni ta’ ħtija.

Fejn u meta jistgħu jinterrogawni l-pulizija?

M’hemmx regoli speċjali dwar fejn u meta tiġi interrogat mill-pulizija. L-interrogazzjoni għandha ssir b’mod li d-drittijiet tiegħek ma jinkisrux bla bżonn. Il-pulizija ġeneralment ma jitħallewx jikkuntattjawk fuq il-post tax-xogħol. Il-pulizija normalment jistaqsuk mistoqsijiet dwar il-post tad-delitt. F’bosta każijiet, il-pulizija jitolbuk tmur l-għassa tal-pulizija għal intervista f’aktar dettall.

U jekk ma nafx nitkellem bil-lingwa tal-pajjiż?

Jekk ma tafx titkellem bil-lingwa lokali, għandek id-dritt għal interpretu li jista’ jinterpreta minn u fil-lingwa tiegħek. Il-pulizija għandhom jipprovdu l-interpretu, u m’għandek għalfejn tgħid xejn sakemm jasal l-interpretu.

Għandi nagħmel stqarrija lill-pulizija?

Għandek tagħti ismek, l-indirizz u d-data tat-twelid lill-pulizija. M’għandekx għalfejn tgħid affarijiet oħra. M’intix obbligat tgħid il-verità. Il-pulizija għandhom jinfurmawk dwar dawn id-drittijiet qabel jibdew l-intervista. Skont x’ikun il-każ tiegħek u s-serjetà tal-akkużi għandek tiddeċiedi jekk ikunx aħjar għall-każ tiegħek li tagħmel stqarrija lill-pulizija. Jekk ma tafx għandekx twieġeb il-mistoqsijiet, staqsi lill-avukat tiegħek.

Inkun nista’ nkellem avukat?

Għandek id-dritt li tkellem avukat tal-għażla tiegħek qabel ma tiddeċiedi jekk taċċettax li tiġi interrogat mill-pulizija. Jekk m’għandekx avukat, il-pulizija jsibulek wieħed huma.

L-avukat tiegħek għandu dritt ikun preżenti waqt l-intervista iżda ma jistax jagħtik parir dwar kif twieġeb mistoqsijiet speċifiċi.

Nista’ nivverifika jekk il-pulizija jkunux fehmu l-istqarrija tiegħi tajjeb?

Il-pulizija għandhom jiktbu l-istqarrija tiegħek. Tista’ taqra r-rapport jew titlob li jaqrawulek u mbagħad tikkumenta dwaru. Inti tiddeċiedi jekk tiffirmax ir-rapport jew le. Bosta avukati jtuk il-parir li ma tiffirmahx jekk ma tkunx tifhem il-lingwa.

 

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa li tagħmel ħsara lill-każ tiegħi?

Jekk tkun għidt xi ħaġa li tista’ tagħmel ħsara lill-każ tiegħek, il-pulizija jistgħu jużaw dik l-informazzjoni fl-investigazzjonijiet tagħhom. Bħala regola ġenerali, ir-rapport tal-pulizija mhuwiex prova u ma jistax jintuża waħdu kontrik fil-proċess quddiem qorti kriminali. Il-prosekutur jista’ jistaqsi mistoqsijiet dwar xi dettalji li jkun hemm fir-rapport. Jekk tibdel l-istqarrija tiegħek tista’ tnaqqas il-kredibbiltà tiegħek.

L-arrest (2)

Għalfejn qed niġi arrestat?

Tista’ tiġi arrestat meta l-pulizija jkollhom raġunijiet sabiex jissuspettaw li inti wettaqt xi reat kriminali, jekk l-arrest ikun meħtieġ sabiex ma jħallikx twettaq reati oħrajn, biex il-preżenza tiegħek tkun assigurata jew biex ikunu ċerti li ma titkellem ma’ ħadd iktar. Tista’ tkun arrestat ukoll fuq il-bażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ minn Stat Membru ieħor tal-UE.

Il-pulizija jistgħu jarrestawni f’kull tip ta’ każ?

Inti ma tiġix arrestat jekk l-arrest ikun sproporzjonat mal-gravità tar-reat li inti akkużat bih. Pereżempju, huwa improbabbli ħafna li tiġi arrestat jekk inti ssuspettat li wettaqt reat li l-penali massima għalih hija multa żgħira.

Fejn isir l-arrest?

L-arrest normalment isir fl-għassa tal-pulizija lokali. Normalment tinżamm ġo ċella sakemm il-pulizija jkunu jistgħu jinterrogawk (ara L-akkuża preliminari, inkluża l-interrogazzjoni (1)).

Nista’ nara tabib jekk ikolli bżonn?

Jekk tkun ma tiflaħx, midrub jew taħt l-effett qawwi ta’ alkoħol jew drogi, għandek id-dritt li tara tabib. Għandek tgħid lill-pulizija li għandek bżonn tabib, kif ukoll jekk għandek bżonn xi mediċina speċjali.

Nista’ nikkuntattja avukat?

Jekk ġejt arrestat, għandek id-dritt li tikkuntattja avukat tal-għażla tiegħek qabel ma tiddeċiedi li toqgħod għal intervista mal-pulizija. F’ċerti każijiet, il-pulizija jistgħu jirrifjutaw li jkollok avukat speċifiku. Tista’ tilmenta dwar dan quddiem il-qorti.

Kemm il-pulizija kif ukoll l-avukat tiegħek għandhom jispjegawlek li jista’ jkollok avukat imqabbad mill-qorti u min ser ikollu jħallas għalih jew għaliha.

Nista’ nikkuntattja lill-ambaxxata tiegħi jekk jiena ġej minn pajjiż ieħor?

Jekk inti ċittadin barrani, għandek id-dritt li tikkuntattja lill-ambaxxata tal-pajjiż tiegħek. Il-pulizija jistgħu jgħinuk tikkuntattja lill-ambaxxata.

Nista’ nikkuntattja lill-familja tiegħi?

Għandek id-dritt li tgħarraf lill-familja tiegħek jew lil min jimpjegak li ġejt arrestat. Il-pulizija jistgħu jirrifjutaw it-talba tiegħek li tikkuntattjahom jekk jemmnu li kuntatt bħal dan jista’ jkun ta’ tfixkil għall-każ. Il-pulizija jistgħu jiddeċiedu li jinfurmaw lill-familja tiegħek f’ismek.

 

Għal kemm żmien nista’ ninżamm taħt arrest?

Inti għandek tiġi lliberat hekk kif ir-raġunijiet għall-arrest tiegħek ma jibqgħux japplikaw. Jekk ma tkunx ġejt illiberat fi żmien 24 siegħa, inti għandek titressaq quddiem il-qorti (smigħ statutorju preliminari) sabiex l-imħallef ikun jista’ jiddeċiedi jekk għandekx tiġi rrilaxxat, jekk l-arrest tiegħek għandux jiġi estiż (li huwa possibbli sa 3 x 24 siegħa), jew jekk għandekx tinżamm taħt kustodja (Is-smigħ statutorju preliminari u l-kustodja (3)).

Arrest meta jista’ jiġi estiż għal aktar minn 24 siegħa?

Jekk l-imħallef li jisma’ l-każ fis-smigħ statutorju preliminari jsib li l-provi miġjuba mhumiex biżżejjed sabiex jiddeċiedi jekk għandekx tinżamm taħt kustodja, l-arrest tiegħek jista’ jiġi estiż għal 3 x 24 siegħa minn x’ħin jintemm l-ewwel smigħ.

Is-smigħ statutorju preliminari u l-kustodja (3)

Għalfejn qed ninżamm taħt kustodja?

Qed tinżamm taħt kustodja għaliex il-pulizija jaħsbu li jeħtieġ li jżommuk għal ftit żmien jew sakemm tkun għadha għaddejja l-investigazzjoni. Tista’ tinżamm taħt kustodja wkoll sabiex ikun żgurat li inti tkun disponibbli għall-estradizzjoni lejn Stat Membru ieħor skont Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Min jiddeċiedi jekk għandix ninżamm taħt arrest preventiv jew le?

L-imħallef jiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet biex inti tinżamm taħt kustodja humiex sodisfatti. Qabel l-imħallef jiddeċiedi jekk għandekx tinżamm taħt kustodja kif mitlub mill-pulizija, isir smigħ (smigħ statutorju preliminari). Waqt dak is-smigħ, il-prosekutur jippreżenta l-fehma tal-pulizija dwar il-każ, u inti jkollok ukoll il-possibbiltà li tippreżenta l-opinjoni tiegħek. L-imħallef jiddeċiedi jekk iżommokx taħt arrest preventiv, iżda mhux jekk intix ħati tal-akkuża.

Nista’ ninżamm taħt arrest preventiv f’kull tip ta’ każ?

Tista’ tinżamm taħt arrest preventiv fuq dawn il-kundizzjonijiet:

  • Il-pulizija għandhom ikunu jistgħu jispjegaw għalfejn jissusspettaw li inti wettaqt reat li għalih inti tista’ tkun ikkundannat għal 18-il xahar ħabs jew aktar.
  • Is-sentenza li tista’ tingħatalek għandha tkun ta’ aktar minn 30 jum ta’ priġunerija.
  • Il-pulizija għandhom ikunu kapaċi jikkonvinċu lill-imħallef li huwa importanti li inti ma tiġix illiberat sakemm l-investigazzjoni tal-pulizija tkun għadha għaddejja, għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet:
  • Il-pulizija jemmnu li inti ser tipprova taħrab mill-piena.
  • Jeżistu raġunijiet biex jemmnu li inti ser tkompli twettaq l-istess tip ta’ delitt.
  • Jeżistu raġunijiet biex jemmnu li inti ser tfixkel l-investigazzjonijiet jekk tiġi meħlus.
  • Id-delitt huwa tant serju li jkun ta’ offiża għal ħaddieħor jekk jiġi permess li tinħeles waqt li tkun qed tistenna l-proċess quddiem qorti kriminali.

F’każijiet rari inti tista’ tevita l-kustodja anki jekk il-kundizzjonijiet sabiex tinżamm taħt kustodja jiġu sodisfatti, jiġifieri jekk il-priġunerija tkun ta’ piż estrem għaċ-ċirkostanzi personali tiegħek. Huwa importanti li tinforma lill-avukat tiegħek dwar dawn iċ-ċirkostanzi.

Fejn isir is-smigħ statutorju preliminari?

Is-smigħ statutorju preliminari jsir fil-qorti lokali. Normalment tinżamm ġo ċella sakemm tidħol fl-awla tal-qorti.

Għandi nixhed waqt is-smigħ statutorju preliminari?

M’għandekx għalfejn tagħmel stqarrija jew tgħid il-verità. Jiddependi min-natura tal-każ tiegħek u l-gravità tal-akkużi jekk ikunx aħjar għalik li tagħmel stqarrija quddiem il-qorti. Għandek tikkonsulta mal-avukat tiegħek sabiex tiddetermina jekk ikunx aħjar għalik li tixhed jew le.

Inkun nista’ nkellem avukat?

Il-qorti taħtar avukat biex jirrappreżentak fil-qorti. Jekk ma tistaqsix għal xi avukat partikolari, il-qorti taħtar avukat li jkun xogħol f’dak il-jum partikolari. Għal aktar tagħrif, ara l-Iskeda informattiva 1.

Għandek id-dritt li tiddiskuti l-każ mal-avukat tiegħek qabel is-smigħ. Jekk inti u l-avukat tiegħek ma titkellmux bl-istess lingwa, inti intitolat għall-għajnuna ta’ interpretu. L-avukat tiegħek iħares l-interessi tiegħek waqt is-smigħ u jista’ wkoll jistaqsik xi mistoqsijiet.

Nista’ nivverifika jekk il-qorti fehmitx tajjeb ix-xhieda tiegħi?

L-imħallef idaħħal l-elementi essenzjali tax-xhieda tiegħek fir-reġistri tal-qorti. L-istqarrija tiegħek tinqara b’vuċi għolja sabiex ikun żgurat li tkun inftiehmet tajjeb.

 

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa li tagħmel ħsara lill-każ tiegħi?

Ix-xhieda tiegħek fil-qorti tista’ tintuża bħala prova fil-każ.

Għal kemm żmien nista’ ninżamm taħt arrest preventiv?

L-imħallef jiddeċiedi waqt is-smigħ jekk għandekx tiġi lliberat jew tinżamm taħt arrest preventiv. F’ċerti każijiet, l-imħallef jiddeċiedi li l-perjodu ta’ detenzjoni tiegħek għandu jkun estiż bi 3 x 24 siegħa oħra (ara L-arrest (2)).

 

Jekk tiġi arrestat, l-imħallef jiffissa limitu massimu ta’ żmien ta’ erba’ ġimgħat. Dan ifisser li jew għandek tiġi lliberat qabel id-data ta’ skadenza ta’ dak il-perjodu, jew il-każ tiegħek għandu jitressaq mill-ġdid quddiem imħallef sabiex ikun żgurat li l-kundizzjonijiet għall-priġunerija kontinwa ikunu sodisfatti. M’hemmx limitu massimu għaż-żmien li matulu tista’ tinżamm taħt kustodja. Dan jiddependi min-natura tal-każ.

Inti għandek tiġi lliberat hekk kif ir-raġuni għall-arrest tiegħek ma tibqax tapplika.

X’inhu l-iżolament?

Xi drabi l-pulizija jitolbu li tinżamm f’iżolament sabiex ma jkollokx kuntatt ma’ priġunieri oħrajn. Tista’ biss tikteb jew iċċempel lil xi ħadd ieħor li jkun taħt is-sorveljanza tal-pulizija. Huwa l-imħallef li jiddeċiedi jekk għandekx tinżamm f’iżolament.

Nista’ nappella kontra d-deċiżjoni dwar il-kustodja u l-iżolament?

Tista’ tappella kontra deċiżjoni dwar il-kustodja jew l-iżolament quddiem il-qorti suprema. Il-mod normali biex tagħmel dan huwa li tgħid li tixtieq tappella waqt is-smigħ fejn ser jinstema’ l-każ tiegħek.

Nista’ nevita l-kustodja jekk nikkonsenja l-passaport tiegħi jew inħallas il-garanzija personali?

Il-kodiċi kriminali jagħmilha possibbli għalik li tevita li tinżamm arrestat jekk tikkonsenja l-passaport tiegħek jew tħallas il-garanzija personali. Madankollu, dan rari jseħħ fil-prattika.

Miżuri invażivi (4)

Waqt l-investigazzjoni tagħhom, il-pulizija jistgħu jiksbu tagħrif billi jużaw diversi miżuri invażivi, li xi uħud minnhom huma deskritti hawn taħt.

Il-pulizija jistgħu jieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħi u ritratt tiegħi?

Il-pulizija jistgħu jieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħek u ritratt tiegħek taħt dawn il-kundizzjonijiet:

  • Inti tkun issuspettat li wettaqt reat u l-miżura tkun neċessarja għall-investigazzjoni tal-pulizija.
  • Il-pulizija għandhom raġunijiet tajba biex jissuspettaw li inti wettaqt reat li għalih tista’ tingħata sentenza ta’ ħabs għal 18-il xahar jew aktar.

il-pulizija jistgħu jieħdu kampjuni tad-DNA jew tad-demm tiegħi?

Il-pulizija jistgħu jieħdu kampjun tad-DNA jew kampjun tad-demm tiegħek taħt dawn il-kundizzjonijiet:

  • Hemm motivi raġonevoli biex jissuspettaw li wettaqt reat li għalih tista’ tingħata sentenza ta’ priġunerija għal 18-il xahar jew aktar, u l-miżura hija kkunsidrata importanti ħafna għall-investigazzjoni.
  • Jista’ jittieħed kampjun tad-demm jekk il-konsum tal-alkoħol jew tad-drogi jkun jikkostitwixxi element tad-delitt li inti tkun issuspettat dwaru.

Il-pulizija jistgħu jagħmlu tfittxija fuqi u fuq ħwejġi?

Il-pulizija jistgħu jfittxu fil-ħwejjeġ ta’ fuq tiegħek taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għat-teħid tar-ritratti.

Il-pulizija jistgħu jeżaminaw iċ-ċellulari tiegħi u jfittxuli fil-karozza?

Il-pulizija jistgħu jeżaminaw iċ-ċellulari tiegħek sabiex isibu n-numru tat-telefown tiegħek u n-numru tal-IMEI tat-telefon tiegħek u jistgħu wkoll jagħmlu tiftix fil-karozza tiegħek taħt dawn il-kundizzjonijiet:

  • Il-pulizija għandhom raġunijiet tajba biex jissuspettaw li inti wettaqt reat li inti tista’ tiġi akkużat bih.
  • It-tiftix huwa meqjus importanti ħafna għall-investigazzjoni.

 

Il-pulizija jistgħu jagħmlu tfittxija f’dari?

Il-pulizija jistgħu jagħmlu tfittxija f’darek taħt dawn il-kundizzjonijiet:

  • Il-pulizija għandhom raġunijiet tajba biex jissuspettaw li inti wettaqt reat li inti tista’ tiġi akkużat bih.
  • It-tfittxija titqies importanti ħafna għall-investigazzjoni.
  • Ir-reat jista’ jwassal għall-priġunerija.
  • Il-pulizija tista’ tiġġustifika li aktarx issib provi relatati mad-delitt jew oġġetti li l-pulizija għandhom jissekwestraw għal raġunijiet oħrajn.

Min jiddeċiedi li għandha tintuża miżura invażiva?

Il-qorti tiddeċiedi jekk tistax issir tfittxija fid-darek. Jekk hemm xi raġuni għal tħassib li xi evidenza tista’ tisparixxi jekk ma ssirx tfittxija minnufih, il-pulizija tista’ tagħmel it-tfittxija mingħajr ma tkun kisbet mandat ta’ tfittxija. It-tfittxija għandha titressaq quddiem il-qorti fi żmien 24 siegħa minn meta ssir. Jekk tagħti l-kunsens tiegħek bil-miktub għal tfittxija f’darek, il-pulizija jistgħu jieħdu d-deċiżjoni li jagħmlu t-tfittxija f’darek.

Il-pulizija jiddeċiedu jekk jieħdux il-marki tas-swaba’ tiegħek, il-kampjuni tad-DNA u tad-demm tiegħek u ritratt tiegħek. Il-pulizija għandhom ukoll id-dritt li jeżaminaw iċ-ċellulari tiegħek, ifittxulek fil-karozza, eċċ.

Nista’ nilmenta?

Jekk tixtieq tilmenta dwar l-investigazzjoni mwettqa mill-pulizija tista’ tippreżenta dan l-ilment quddiem il-qorti.

Id-deċiżjonijiet tal-qorti rigward it-tiftix u l-ippjanar tal-investigazzjoni jistgħu jiġu appellati fil-qorti suprema fi żmien ġimagħtejn mid-deċiżjoni tal-qorti.

Nista’ nitlob lill-pulizija jeqirdu l-marki tas-swaba’, ir-ritratti, it-traċċi ta’ DNA u r-riżultati tal-kampjuni tad-demm?

Jekk il-prosekuzzjoni twaqqa’ l-każ, jew jekk inti tiġi lliberat, il-pulizija għandhom jeqirdu r-ritratt li jkunu ħadulek. Il-pulizija jistgħu jżommu l-marki tas-swaba’ u l-kampjuni tad-DNA tiegħek iżda dawn ikollhom jeqirduhom wara ċertu perjodu ta’ żmien.

Nista’ nitlob kumpens?

Jekk inti ġejt miżmum, arrestat jew espost għal xi miżura invażiva, u sussegwentement jirriżulta li dik iż-żamma, dik il-priġunerija jew dik il-miżura invażiva ma kinitx iġġustifikata, ġeneralment inti tkun intitolat għal kumpens. Id-Direttur tal-Prosekuzzjoni Pubblika joħroġ avviż annwali dwar ir-rati li għandhom jintużaw meta jkun qed jiġi stabbilit l-ammont ta’ dan il-kumpens.

Id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jitressqu akkużi kontrik (5) jew le

Ladarba l-pulizija jkunu temmew l-investigazzjoni tagħhom, il-każ tiegħek jintbagħat lill-uffiċċju tal-prosekutur, li jiddeċiedi kif għandu jkompli l-każ.

Nista’ nwieġeb ħati għall-akkużi kollha jew għal xi uħud minnhom qabel il-proċess quddiem qorti kriminali?

Jekk inti ammettejt waqt l-investigazzjoni tal-pulizija li inti ħati tal-aktar akkużi serji li jkunu saru kontrik, il-prosekuzzjoni normalment tara li l-każ jiġi ttrattat bħala ammissjoni ta’ ħtija.

 

X’inhu l-att tal-akkuża?

L-att tal-akkuża jifforma l-bażi tas-smigħ tal-każ fil-qorti. L-att tal-akkuża għandu jispeċifika d-dispożizzjonijiet statutorji li inti akkużat li ksirt u għandu jinkludi deskrizzjoni ta’ kif inti wettaqt ir-reat(i). Id-deskrizzjoni għandha tkun eżatta b’mod li inti tista’ tħejji d-difiża tiegħek fuq il-bażi tagħha.

 

Nista’ nkun akkużat b’reati oħrajn minbarra dawk li bihom ikunu akkużawni l-pulizija?

L-uffiċċju tal-prosekutur iħejji l-att tal-akkuża. Jekk l-uffiċċju tal-prosekutur ikollu opinjoni dwar il-każ li tkun differenti minn dik tal-pulizija, l-att tal-akkuża jista’ jinkludi kapi ta’ akkuża ġodda jew differenti.

Il-kapi ta’ akkuża ġodda jistgħu jiżdiedu mal-att tal-akkuża?

Il-prosekuzzjoni għandha tipprova tiġbor l-akkużi pendenti kollha kontrik biex ikun jista’ jingħata verdett kollettiv. Għaldaqstant l-att tal-akkuża jista’ jinkludi kapi ġodda jekk inti tkun ġejt akkużat b’reat f’diversi okkażjonijiet.

Regoli speċjali japplikaw jekk inti tkun ġejt estradit lejn id-Danimarka taħt Mandat ta’ Arrest Ewropew jew taħt xi ftehim ta’ estradizzjoni. Jekk inti tiġi akkużat b’kapi ġodda, inti għandek tikkonsulta mal-avukat tiegħek dwarhom.

L-att tal-akkuża jista’ jinbidel?

L-att tal-akkuża jista’ jinbidel jew jiżdied jekk titħejja jew tiġi nnotifikata akkuża ġdida, li tista’ ssir sad-data li fiha jkunu se jibdew il-proċeduri fil-qorti.

Jekk il-prosekutur fil-każ jemmen li s-sentenza tal-qorti għandha tkun iktar ħarxa minn dik iddikjarata fl-att tal-akkuża, bidla bħal din hija possibbli biss jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jaqbel li jibdel l-att tal-akkuża. Jekk dan jinbidel, inti għandek tiġi mgħarraf fi żmien xahrejn.

Meta jibdew il-proċeduri fil-qorti, jistgħu jsiru bidliet limitati ħafna fl-att tal-akkuża. Il-qorti tiddeċiedi jekk għandhiex issir xi bidla jew le.

Nista’ nkun akkużat b’xi reat li diġà ġejt akkużat bih fi Stat Membru ieħor?

Mhuwiex eskluż li inti tista’ tiġi akkużat b’reat li inti diġà tkun ġejt akkużat bih f’pajjiż ieħor. Madankollu, ma tistax tinstab ħati ta’ akkuża jekk tkun diġà ngħatajt sentenza għaliha jew jekk tkun ġejt illiberat minnha f’pajjiż ieħor.

Nista’ nirċievi informazzjoni dwar ix-xhieda kontrija?

Il-prosekutur għandu jippreżenta l-att tal-akkuża quddiem il-qorti flimkien ma’ lista ta’ evidenza li telenka l-ismijiet tax-xhieda. L-avukat tiegħek jirċievi kopja ta’ din il-lista. Normalment inti jkollok id-dritt li tkun taf l-identità tax-xhieda.

It-tħejjija tad-difiża (6)

Fuq liema bażi l-avukat tiegħi u jiena nistgħu nħejju d-difiża tiegħi?

L-avukat tiegħek normalment jirċievi kopji tar-rapporti kollha mħejjija mill-pulizija waqt l-investigazzjoni. Inti għandek dritt ġenerali li tara l-materjal. L-avukat tiegħek jista’ jagħtik kopja tal-materjal biss jekk il-pulizija tagħtih permess li jagħmel dan.

 

Jiena intitolat nara l-materjal kollu ppreżentat mill-pulizija?

Il-pulizija jistgħu jordnaw lill-avukat tiegħek sabiex ma jagħtikx ċerta informazzjoni dwar il-materjal tal-każ jekk dan jitqies meħtieġ biex jitħarsu l-interessi ta’ qawwiet barranin jew biex tiġi pprovduta l-evidenza. Ordni bħal din tista’ tinħareġ biss f’każijiet serji, u tapplika biss sakemm inti tkun tajt ix-xhieda tiegħek fil-qorti.

Min jiddeċiedi jekk nistax nara l-materjal kollu?

Il-pulizija għandhom jissottomettu l-materjal u jiddeċiedu jekk għandhiex tinħareġ inġunzjoni għal każ kollu jew għal parti minnu. Id-deċiżjoni tal-pulizija tista’ tiġi appellata fil-qorti, li mbagħad tiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

Nista’ nkun preżenti waqt is-seduti kollha tal-każ?

Ġeneralment, inti għandek id-dritt li tkun preżenti f’dawk is-seduti kollha fil-qorti fejn il-qorti tiddeċiedi jekk għandekx tinżamm taħt arrest preventiv, jew fejn il-kompliċi jew ix-xhieda jiġu eżaminati qabel il-proċess quddiem qorti kriminali.

Jekk il-pulizija tagħmel talba, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tħallikx tattendi għas-seduti kollha. F’dak il-każ, inti għandek id-dritt tkun taf x’ġara waqt is-smigħ. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li inti ma tingħatax din l-informazzjoni. Għandek id-dritt li tkun taf x’ġara waqt seduta li inti ma stajtx tattendi għaliha. L-aktar tard li dan jista’ jsir huwa wara li inti tkun tajt ix-xhieda tiegħek quddiem il-qorti.

L-avukat tiegħi jista’ jipparteċipa fis-seduti kollha tal-każ?

L-avukat tiegħek huwa intitolat li jipparteċipa fis-seduti kollha tal-każ. Dan japplika wkoll għas-seduti fejn il-qorti tiddeċiedi jekk tippermettix l-interċettar tat-telefon, it-tiftix jew miżuri invażivi oħrajn li jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel tal-qorti.

L-avukat tiegħi jista’ jipparteċipa fl-investigazzjoni tal-pulizija?

L-avukat tiegħek għandu jkun informat dwar l-investigazzjoni u huwa intitolat li jipparteċipa f’dik il-parti tal-investigazzjoni li tista’ sservi bħala evidenza fil-każ kontrik. Tali eżempji huma l-iskjeramenti ta’ identifikazzjoni, ir-rikostruzzjonijiet, eċċ.

L-avukat tiegħi jista’ jwettaq investigazzjoni huwa stess?

L-avukat tiegħek normalment jistaqsi lill-pulizija jagħmlu investigazzjonijiet ulterjuri jekk temmen li naqsu li jiksbu informazzjoni li tista’ tkun ta’ għajnuna fil-każ tiegħek. Jekk il-pulizija jirrifjutaw li jagħmlu dawn l-investigazzjonijiet ulterjuri, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem il-qorti, li tista’ tordna lill-pulizija twettaq l-investigazzjonijiet rilevanti.

L-avukat tiegħek jista’ jagħżel ukoll li jwettaq investigazzjonijiet huwa stess. Madankollu, dan rari jseħħ fil-prattika. Jekk l-avukat tiegħek iwettaq investigazzjoni huwa stess tal-każ, huwa ma jistax ifixkel l-investigazzjoni tal-pulizija, u l-investigazzjoni personali tal-avukat tiegħek għandha tikkonforma mal-kodiċi ta’ kondotta etika li tapplika għall-avukati.

L-avukat tiegħi jista’ jsejjaħ xhieda biex jixhdu fil-qorti?

L-avukat tiegħek jista’ jistaqsi li jissejħu ċerti xhieda sabiex jixhdu fil-qorti. Jekk il-prosekuzzjoni toġġezzjona għas-smigħ ta’ dawk ix-xhieda, il-qorti għandha tiddeċiedi jekk is-smigħ tax-xhieda inkwistjoni hijiex rilevanti.

Links relatati

L-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja Daniża

L-Att Daniż dwar l-istabbiliment ta’ reġistru ċentrali tad-DNA

Id-Direttur tal-Prosekuzzjoni Pubblika

L-Att Daniż dwar l-Estradizzjoni

L-aħħar aġġornament: 13/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.