The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.

Imputati (proċeduri kriminali)

Germany

Din l-iskeda informattiva tittratta l-proċeduri tal-investigazzjoni, li jibdew bl-investigazzjoni preliminari mill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni u jintemmu permezz ta' preżentata tal-att tal-akkuża jew sospensjoni tal-proċeduri mill-prosekutur pubbliku.

Content provided by:
Germany
There is no official translation of the language version you are viewing.
You can access a machine translated version of this content here. Please note that it is only provided for contextual purposes. The owner of this page accepts no responsibility or liability whatsoever with regard to the quality of this machine translated text.

X’inhuma l-fażijiet fl-investigazzjonijiet kriminali?

L-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni (li jistgħu jkunu jew il-prosekutur pubbliku jew il-pulizija) se jibdew investigazzjoni kontra tiegħek jekk jissuspettaw li inti wettaqt reat. L-għan tal-investigazzjoni huwa li jiġi stabbilit jekk hemmx raġunijiet biex jissuspettaw fik jew le. Huma jridu jinvestigaw ukoll kwalunkwe ċirkustanza attenwanti. Jekk il-prosekutur pubbliku jemmen li hemm raġunijiet sabiex inti tiġi ssuspettat, huwa se jippreżenta l-kapi tal-akkuża kontrik (jew jagħmel talba għal sentenza sommarja (Strafbefehl)).

Hemm tipi differenti ta' miżuri li jistgħu jwettqu l-pulizija u l-prosekutur pubbliku matul l-investigazzjoni tagħhom . X’inhuma l-miżuri u meta jittieħdu jvarjaw minn każ għall-ieħor. Pereżempju, inti tista’ tiġi arrestat immedjatament wara li wettaqt reat. L-arrest jista’ jkun segwit minn arrest preventiv.

Inti tista’ tikkontesta quddiem il-qorti kwalunkwe miżura tal-investigazzjoni li tħoss li tista’ tkun ta’ preġudizzju għalik, kemm dak il-ħin stess kif ukoll retrospettivament.

Il-pulizija u l-prosekutur pubbliku jistgħu anki jfittxu informazzjoni dwar investigazzjonijiet u kundanni preċedenti. Id-dettalji huma spjegati hawnhekk.

Id-drittijiet tiegħi waqt l-investigazzjoni

Inti għandek id-dritt għal avukat matul il-proċeduri tal-investigazzjoni kollha. Għal informazzjoni dwar kif issib avukat u l-ispejjeż relatati, ara hawnhekk. Jekk inti ma titkellimx bil-Ġermaniż, tista’ titlob li jkun hemm interpretu waqt il-laqgħat li jkollok mal-avukat difensur tiegħek.

Inti ma għandekx id-dritt li tara l-fajl tiegħek. Madankollu, tista’ tiġi żvelata xi informazzjoni mid-dokumenti jekk dan ma jpoġġix l-investigazzjonijiet fil-periklu jew jekk ma jiksirx id-drittijiet ta’ partijiet terzi. Meta l-investigazzjoni tkun lesta, l-avukat difensur tiegħek jingħata aċċess għad-dokumenti. Qabel dan, l-aċċess jingħata biss jekk dan ma jipperikolax l-iskop tal-investigazzjoni.

Għal informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek, jekk tittieħed kontra tiegħek kwalunkwe waħda mill-miżuri tal-investigazzjoni li ġejjin, ara l-iskedi informattivi elenkati hawn taħt:

Jekk jiena ċittadin barrani, dan kif se jaffettwa l-proċeduri tal-investigazzjoni?

B’mod ġenerali, inti għandek id-dritt li titlaq mill-Ġermanja waqt proċedura ta’ investigazzjoni kriminali. L-uniċi ċirkustanzi fejn ma tistax tħalli l-pajjiż huma jekk tkun ġejt arrestat, jew jekk il-mandat ta' arrest ikun ġie sospiż bil-kundizzjoni li ma tħallix il-post tar-residenza tiegħek mingħajr il-permess tal-qorti.

Jekk inti taf li qed tiġi investigat, inti għandek tiżgura ruħek li l-prosekutur pubbliku u l-qorti jistgħu jikkuntattjawk bil-posta.

Matul investigazzjoni, inti dejjem tista’ tikkuntattja lill-konsulat nazzjonali tiegħek.

L-interrogazzjoni (1)

Jekk qed jiġi ssuspettat li inti wettaqt reat, il-pulizija jew il-prosekutur pubbliku se jinterrogawk dwar il-kap tal-akkuża sabiex jiżguraw li int tingħata smigħ xieraq. F’ċerti każijiet, jekk il-prosekutur pubbliku jkun jixtieq dan, inti tista’ tiġi interrogat ukoll minn imħallef.

X’għandi nagħmel jekk nissejjaħ biex niġi interrogat?

Jekk il-prosekutur pubbliku jew il-qorti sejħulek biex tiġi interrogat (Vernehmung), inti trid tattendi. Jekk tonqos milli twieġeb għal ċitazzjoni, inti tista’ titressaq bil-forza quddiem il-prosekutur jew quddiem il-qorti. Jekk tissejjaħ għall-interrogazzjoni mill-pulizija inti m'intix marbut li tattendi.

Xi spjegazzjonijiet ningħata qabel l-interrogazzjoni?

Qabel l-interrogazzjoni, għandek tkun taf b’liema reat qed tiġi akkużat u x’inhuma l-liġijiet li huwa maħsub li ksirt. Għandek tkun avżat li għandek id-dritt li tibqa’ sieket, li tista’ tikkonsulta avukat qabel ma tiġi interrogat u li tista’ tagħmel talba biex tinġabar kwalunkwe prova li teżonerak.

Niġi pprovdut b’interpretu jekk ma nitkellimx il-lingwa tal-pajjiż?

Jekk il-Ġermaniż tiegħek mhuwiex tajjeb biżżejjed, jiġi pprovdut interpretu, mingħajr ħlas. L-interpretu jattendi l-interrogazzjoni kollha u jittraduċi l-mistoqsijiet, it-tweġibiet tiegħek u r-rekord bil-miktub tal-interrogazzjoni.

Nista’ nitkellem ma’ avukat?

Bħala persuna suspettata inti tista’ titkellem ma’ avukat difensur waħdek jew fil-preżenza ta’ interpretu. Meta l-prosekutur pubbliku jew l-imħallef jinterrogak, inti jista’ jkollok avukat difensur preżenti, imma mhux meta tiġi interrogat mill-pulizija.

Se niġi interrogat? Għandi nagħti xi informazzjoni?

Qabel tintemm l-investigazzjoni, il-pulizija jew il-prosekutur pubbliku jridu jinterrogawk sakemm il-proċeduri ma jiġux sospiżi. Jekk il-każ ikun wieħed sempliċi, inti tista’ tiġi interrogat bil-miktub.

Iżda anki f’interrogazzjoni bil-miktub, inti mitlub tagħti d-dettalji personali tiegħek. Dawn jinkludu l-ismijiet, il-kunjom, l-isem ta' meta twelidt, il-post u d-data tat-twelid, l-istat ċivili, l-impjieg, l-indirizz u n-nazzjonalità tiegħek.

Madankollu, inti ma inti obbligat tgħid xejn dwar il-kapi tal-akkuża u lanqas ma inti obbligat tagħti informazzjoni relatata mal-każ. Dak li tgħid u kemm tgħid hija deċiżjoni tiegħek – wara li tkun ikkonsultajt mal-avukat tiegħek.

X’jiġri jekk ngħid xi ħaġa li se tiżvantaġġja l-każ tiegħi?

Dak kollu li tgħid waqt interrogazzjoni se jiġi rreġistrati fil-minuti. Jekk inti tgħid xi ħaġa li tiżvantaġġjak, il-qorti li tikkunsidra l-każ tiegħek wara li jiġu ppreżentati l-kapi tal-akkuża kontra tiegħek, tkun taf b’dan ukoll. Anki jekk tibqa’ sieket jew tkun trid tirtira d-dikjarazzjoni tiegħek iktar tard, il-qorti tista’ tinkorpora dak kollu li tkun għidt qabel fis-sentenza tagħha.

Matul l-interrogazzjoni, se ningħata informazzjoni dwar fiex tkun waslet l-investigazzjoni?

Huwa l-prosekutur pubbliku li jiddeċiedi jekk jinformakx jew le dwar fiex tkun waslet l-investigazzjoni. Madankollu, il-prosekutur pubbliku ma jistax jagħtik informazzjoni qarrieqa.

Liema metodi ma jistgħux jintużaw?

Inti ma tistax tiġi ttrattat ħażin jew tkun soġġett għal trattament fiżiku ħażin ieħor matul l-interrogazzjoni. Ħadd ma jista’ jheddek jew iwegħdek xi ħaġa li mhijiex permessa bil-liġi. Kwalunkwe dikjarazzjoni li tagħmel f’dawk il-kundizzjonijiet ma tistax tiġi kkunsidrata, anki jekk inti taqbel dwar dan.

Iktar informazzjoni

Ir-regoli dwar l-interrogazzjoni tal-persuni ssuspettati huma stabbiliti fis-Sezzjonijiet 136, 136 a u 163 a tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

Il-proċedura ta’ identifikazzjoni/perkwiżizzjoni fuq il-persuna/kampjuni tad-demm, eċċ. (2)

Għandek issib id-dettalji dwar kif tista' tikkontesta dawn il-miżuri hawnhekk.

X’tinvolvi l-proċedura ta’ identifikazzjoni? Meta ssir?

L-għan tal-proċedura ta’ identifikazzjoni (Erkennungsdienstliche Behandlung, ED-Behandlung) huwa li jiġi stabbilit jekk intix ħati jew innoċenti fi kwalunkwe proċeduri kriminali pendenti. Għaldaqstant,, l-awtoritajiet jistgħu jieħdulek ritratti, marki tas-swaba’ jew marki tal-pali tal-id, u jistgħu jieħdu nota ta' karatteristiċi partikolari, bħal tpinġijiet fuq il-ġilda.

Il-qrati, il-prosekutur pubbliku jew il-pulizija jistgħu jagħtu bidu għal proċedura ta’ identifikazzjoni. Il-proċedura ġeneralment titwettaq mill-pulizija.

Il-proċedura ta’ identifikazzjoni tista’ titwettaq bil-forza, li jfisser li l-pulizija jistgħu jżommuk u jiddrittawlek idejk jew is-swaba’ sabiex jieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħek, pereżempju.

Tista’ ssir proċedura ta’ identifikazzjoni jekk dan ma jkunx meħtieġ attwalment (eż. jekk ikun ovvju li jiena l-awtur tar-reat)?

Il-proċeduri ta’ identifikazzjoni jistgħu jitwettqu wkoll għal finijiet ta’ proċeduri kriminali futuri; fi kliem ieħor, il-proċedura ta’ identifikazzjoni tista’ ma tkunx mitluba għall-każ preżenti, imma sabiex jinżammu d-dettalji tiegħek għal każijiet li jistgħu jinqalgħu fil-futur. Dan ifisser li jrid ikun hemm raġuni sabiex l-awtoritajiet jemmnu li inti tista’ tkun soġġett għal proċeduri kriminali futuri.

Huma permessi l-perkwiżizzjonijiet fuq il-persuna?

Perkwiżizzjoni fuq il-persuna tista’ tiġi ordnata sabiex ikunu stabbiliti fatti li huma materjali għall-proċeduri kriminali.

B’perkwiżizzjoni sempliċi fuq il-persuna mill-pulizija, tiġi investigata l-persuna tiegħek sabiex ikun stabbilit jekk ikunx hemm xi ħaġa moħbija f'xi waħda mit-toqbiet ta' ġismek. Jekk perkwiżizzjoni bħal din tkun imbarazzanti għalik, din tista’ titwettaq minn persuna tal-istess sess tiegħek jew minn tabib. Qabel il-perkwiżizzjoni, inti għandek tiġi informat li tista' tirrikjedi li jkun hemm preżenti persuna li tafda u li inti għandek id-dritt li tagħżel is-sess tal-persuna li se twettaq il-perkwiżizzjoni, f'każ li jkollok raġuni leġittima biex tagħmel dan. Inti obbligat li tittollera l-perkwiżizzjoni, imma ħadd ma jista’ jġiegħlek tieħu sehem b'mod attiv fiha.

Jistgħu jittieħduli kampjuni tad-demm, ta’ fluwidi oħrajn tal-ġisem jew tad-DNA tiegħi (pereżempju xagħar jew bżieq)?

Jistgħu jittieħdu kampjuni tad-demm u ta' sustanzi oħrajn tal-ġisem, pereżempju, sabiex ikun ivverifikat jekk hemmx alkoħol fid-demm tiegħek jew sabiex id-DNA tiegħek jiġi pparagunat ma’ traċċi ta’ DNA li jkunu nstabu fil-post tad-delitt. Dawn il-kampjuni għandhom dejjem jittieħdu minn tabib; u qatt mill-pulizija. Meta l-kampjuni ma jkunux iktar meħtieġa għall-proċeduri kriminali, dawn għandhom jinqerdu. Madankollu, l-impronta tad-DNA tiegħek tista’ tinżamm f’fajl jekk l-awtoritajiet ikollhom raġuni biex jemmnu li fil-ġejjieni jistgħu jinbdew proċeduri kontra tiegħek għal xi delitt serju.

Jekk inti ma taqbilx li jsirulek perkwiżizzjoni fuq il-persuna jew test tad-DNA, ikollha tinħareġ ordni mill-qorti. F’każ li kwalunkwe dewmien jista' jimplika riskju, jiġifieri jekk il-kwistjoni tkun waħda urġenti, il-prosekutur pubbliku jew il-pulizija huma awtorizzati joħorġu l-ordni huma. Dan jista' jitwettaq ukoll bil-forza.

Iktar informazzjoni

Il-proċeduri ta’ identifikazzjoni huma rregolati mis-Sezzjoni 81b tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-perkwiżizzjonijiet fuq il-persuna u l-kampjuni tad-demm huma rregolati mis-Sezzjonijiet 81a u 81d u t-testijiet tad-DNA huma rregolati mis-Sezzjonijiet 81e, 81f u 81g.

Il-perkwiżizzjoni/is-sekwestru/l-interċettazzjonijiet telefoniċi (3)

Tista’ ssib dettalji dwar kif tista' tikkontesta dawn il-miżuri hawnhekk.

Jistgħu jsiru perkwiżizzjonijiet f'dari, fl-uffiċċju jew fil-karozza tiegħi, eċċ.?

Jekk inti qed tiġi ssuspettat li wettaqt delitt, il-prosekutur pubbliku u l-pulizija jistgħu jagħmlu perkwiżizzjonijiet f’darek u f’imkejjen oħrajn tiegħek, inkluża l-karozza tiegħek, jekk qed jistennew li jsibu provi hemmhekk jew jekk ikun hemm bżonn li jarrestawk.

Il-perkwiżizzjoni trid tiġi ordnata mill-qorti. F’każ li kwalunkwe dewmien jista' jimplika riskju, jiġifieri jekk il-kwistjoni tkun waħda urġenti, il-prosekutur pubbliku jew il-pulizija jitħallew joħorġu mandat.

Inti tista’ tkun preżenti waqt il-perkwiżizzjoni. Jista’ wkoll ikollok l-avukat difensur tiegħek preżenti. Jekk ma jkunx hemm imħallef jew prosekutur disponibbli sabiex jattendi għall-perkwiżizzjoni, jekk ikun possibbli għandhom jinġiebu żewġ uffiċjali tal-gvern lokali (Gemeindebeamte). Iżda inti ma għandekx għalfejn titlob li jkunu preżenti. Meta l-perkwiżizzjoni tkun lesta, inti trid tingħata dokument li jiddikjara r-raġunijiet għall-perkwiżizzjoni u r-reat li qed tiġi akkużat li wettaqt, jekk tistaqsi għalih.

Il-proprjetà tiegħi tista’ tiġi ssekwestrata?

L-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni jistgħu jieħdu l-oġġetti li jappartejnu lilek jekk ikunu importanti bħala provi. Jekk inti ma tgħaddihomlhomx bir-rieda t-tajba, huma jistgħu jiġu ssekwestrati. Irid jinħareġ mandat tal-qorti sabiex tiġi ssekwestrata proprjetà. F’każ li kwalunkwe dewmien jista' jimplika riskju, jiġifieri jekk il-kwistjoni tkun waħda urġenti, il-prosekutur pubbliku jew il-pulizija jistgħu joħorġu l-mandat huma. Inti tista’ tikkontesta mandat maħruġ mill-qorti fi kwalunkwe ħin, anki wara li l-perkwiżizzjoni tkun lesta.

Jekk waqt il-perkwiżizzjoni jittieħed jew jiġi ssekwestrat xi oġġett, inti għandek id-dritt għal inventarju ta’ dawn l-oġġetti jekk titlob wieħed.

Il-liċenzja tas-sewqan tiegħi tista’ tiġi kkonfiskata?

Il-qorti biss tista' tissospendilek temporanjament il-liċenzja tiegħek jekk ikun hemm raġunijiet konvinċenti sabiex wieħed jassumi li l-qorti se tirtira l-liċenzja tiegħek f’sentenza sussegwenti li tikkonċerna reat tat-traffiku. Dan ġeneralment japplika jekk inti tkun wettaqt reat tat-traffiku li wera li inti m'intix tajjeb biex issuq vettura. L-irtirar provviżorju mill-qorti tal-liċenzja tiegħek jikkostitwixxi konferma ta' konfiska tal-liċenzja tas-sewqan li tkun saret preċedentement. F’każ li kwalunkwe dewmien jista' jimplika riskju, u jekk hemm raġunijiet urġenti għall-irtirar tad-dritt tiegħek li ssuq vettura, il-pulizija jew il-prosekutur pubbliku jistgħu jikkonfiskaw il-liċenzja tiegħek.

L-interċettazzjonijiet telefoniċi huma permessi?

Kwalunkwe komunikazzjoni (eż. bit-telefon) jew taħdita li jkollok f’darek tista’ tiġi mmonitorjata u rreġistrata soġġetta għal kundizzjonijiet legali stretti; madankollu, irid ikun hemm suspett ta’ delitt serju jew serju ħafna. Iż-żewġ miżuri jirrikjedu mandat tal-qorti. F’każ li kwalunkwe dewmien jista' jimplika riskju, jiġifieri jekk il-kwistjoni tkun waħda urġenti, dawn il-miżuri jistgħu jiġu ordnati wkoll mill-prosekutur pubbliku. Inti trid tiġi informat bil-miżuri retrospettivament.

Iktar informazzjoni

Il-perkwiżizzjonijiet u s-sekwestru huma rregolati mis-Sezzjoni 102 u s-sezzjonijiet segwenti u mis-Sezzjoni 94 u s-sezzjonijiet segwenti tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, is-sospensjoni provviżorja ta’ liċenzja tas-sewqan (il-konfiska ta’ liċenzja tas-sewqan) hija rregolata mis-Sezzjoni 111a u l-interċettazzjonijiet telefoniċi huma rregolati mis-Sezzjoni100a u s-sezzjonijiet segwenti. .

L-arrest (4)

Il-prosekutur pubbliku u l-pulizija jistgħu jżommuk taħt arrest preventiv jekk tinqabad fuq il-post tad-delitt jew jekk inti ġejt segwit mill-post tad-delitt u qed tiġi suspettat li qed tipprova taħrab. Il-prosekutur pubbliku jew il-pulizija jistgħu anki jżommuk taħt arrest preventiv jekk ikun hemm dewmien li jista' jimplika riskju u l-kwistjoni tkun waħda urġenti, sakemm il-kunduzzjonijiet sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest ikunu sodisfatti. Dan ikun il-każ jekk ikun hemm raġunijiet konvinċenti sabiex jiġi ssuspettat li inti wettaqt delitt u jkun hemm raġunijiet speċifiċi għall-arrest. Meta inti tiġi arrestat, jista’ jkun li diġà jkun inħareġ mandat jew li tkun diġà saret talba mill-prosekutur pubbliku biex jinħareġ il-mandat.

Tiġi kkunsidrata wkoll iż-żamma taħt arrest jekk jeħtieġ li jitwettqu miżuri partikolari tal-investigazzjoni, pereżempju l-interrogazzjoni jew il-perkwiżizzjoni fuq il-persuna bil-forza.

Niġi informat għaliex inkun qed ninżamm taħt arrest?

Inti dejjem tiġi informat bir-raġuni għaliex tkun qed tinżamm taħt arrest. Jekk ikun inħareġ mandat, trid tingħata kopja ta' dan lilek meta inti tiġi arrestat.

Għal kemm żmien nista’ ninżamm taħt arrest?

Jekk inti tinżamm taħt arrest fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest li nħareġ diġà jew li se ssir talba għalih, iż-żamma taħt arrest tiegħek hija soġġetta għal dawn il-limiti ta’ żmien.

Jekk inti ġejt miżmum taħt arrest sabiex ikunu jistgħu jitwettqu bil-forza l-miżuri investigattivi, dawn għandhom isiru immedjatament u inti trid tiġi lliberat hekk kif dawn jitlestew. Iż-żmien neċessarju għal dan jiddependi miċ-ċirkostanzi. F'każijiet ta' dan it-tip, inti ma tistax tinżamm taħt arrest għal iktar minn tmiem l-għada tal-jum taż-żamma taħt arrest tiegħek, għall-ebda raġuni.

Jekk inti tinżamm taħt arrest u jirriżulta li preċedentement kellek piena ta’ kustodja li tkun għadek ma skontajtx, inti tista’ tinżamm f'kustodja fi tmiem l-arrest preventiv tiegħek.

Nista’ nikkuntattja lil xi ħadd?

Meta inti tinżamm taħt arrest inti għandek id-dritt li fi kwalunkwe ħin titlob għal avukat difensur tal-għażla tiegħek. Inti tista’ tinforma lil membru tal-familja jew lil xi ħadd li tafda jekk dan ma jippreġudikax l-iskop tal-investigazzjoni. Inti tista’ titlob ukoll biex jiġi informat il-konsulat tal-pajjiż tiegħek.

Nista’ nara tabib jekk neħtieġ wieħed?

Inti tista’ titlob li tiġi eżaminat minn tabib tal-għażla tiegħek.

X’inhu mandat ta’ arrest Ewropew, u x’nista’ nagħmel biex nikkontestah?

L-iskop ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew huwa li jordna l-arrest u li jikkonsenja lill-persuna mfittxija fl-UE għal prosekuzzjoni jew biex tiskonta terminu ta' priġunerija jew piena ta’ kustodja oħra. Jekk inti soġġett għal Mandat ta’ Arrest Ewropew, inti tista’ tinżamm taħt arrest fi kwalunkwe Stat Membru u tista’ tiġi estradit lejn l-Istat Membru li jkun ħareġ il-mandat.

Jekk inti qed tinżamm fil-Ġermanja taħt mandat ta’ arrest Ewropew, l-ewwel tiġi interrogat fil-qorti lokali l-aktar viċin tiegħek (Amtsgericht) sabiex tistabbilixxi d-dettalji tiegħek u biex tinstema' dwar jekk toġġezzjonax għall-estradizzjoni eventwali tiegħek. Id-deċiżjoni dwar kwalunkwe oġġezzjoni għandha tittieħed mill-qorti reġjonali superjuri (Oberlandsgericht).

Inti jkollok id-dritt għal rappreżentanza legali f’kull fażi tal-proċedura.

Jekk inti taqbel mal-estradizzjoni, inti tiġi estradit immedjatament (il-“proċedura ta’ estradizzjoni ssimplifikata”). Tiġi wkoll informat dwar li tista' tiġi eżentat mir-“regola ta' speċjalità”. Jekk tagħmel dan, inti tista’ titressaq quddiem qorti fil-pajjiż li jkun ħareġ il-mandat fuq il-bażi ta’ proċeduri oħrajn li mhumiex koperti mill-mandat. Ladarba inti tkun qbilt ma’ estradizzjoni simplifikata jew mal-eżenzjoni tar-regola ta' speċjalità, inti ma tistax tirtira mill-ftehim.

Jekk inti ma taqbilx, il-qorti reġjonali superjuri se tieħu deċiżjoni dwar il-validità tal-estradizzjoni fi żmien 60 jum. Ma hemm l-ebda dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti.

Għal iktar informazzjoni, ara hawnhekk u hawnhekk.

L-arrest preventiv (5)

Meta rrid niġi informat bil-mandat ta’ arrest?

Jekk inti ġejt miżmum taħt arrest fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest, dan irid jingħata lilek mal-arrest tiegħek. Jekk inti ġejt arrestat b’mod provviżorju, ikollok tidher quddiem il-qorti mhux iktar tard mill-għada tal-jum li fih ġejt arrestat. Għaldaqstant, jekk il-qorti mbagħad toħroġ mandat ta’ arrest, hija se tinfurmak dwar dan. Jekk il-qorti ma toħroġx mandat ta’ arrest, inti tiġi lliberat.

Meta ninżamm taħt arrest preventiv?

Inti tista’ tinżamm taħt arrest preventiv jekk ikun hemm raġunijiet konvinċenti sabiex inti tiġi ssuspettat u jkun hemm raġunijiet sabiex inti tinżamm taħt arrest. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jinkludu delitt serju ħafna, tentattivi biex taħrab, il-periklu li inti taħrab, il-periklu li tirrepeti r-reat, jew il-periklu li inti tista’ timpedixxi l-investigazzjoni tar-reat, pereżempju billi teqred il-provi jew tinfluwenza lix-xhieda. Jekk ma jkollok l-ebda residenza fissa, l-ebda impjieg permanenti u l-ebda relazzjoni soċjali qrib tiegħek, ikun maħsub li tista' tipprova taħrab.

X’nista’ nagħmel dwar mandat ta’ arrest preventiv?

Inti tista’ tikkontesta mandat ta’ arrest preventiv quddiem il-qorti superjuri li jmiss. Inti tista’ tagħmel ukoll talba għal reviżjoni tal-mandat (Haftprüfung) quddiem il-qorti li tkun ħarġitu. Madankollu, jekk tapplika għal reviżjoni mill-istess qorti li tkun ħarġet il-mandat, ma tkunx tista’ tikkontestah quddiem qorti aktar superjuri.

Għal kemm żmien nista’ ninżamm taħt arrest preventiv?

Inti tista’ tinżamm taħt arrest preventiv sakemm tintemm il-proċedura kriminali. Din tista’ tintemm qabel jekk il-mandat ta' arrest jiġi rtirat, jew jekk il-mandat jiġi sospiż. L-arrest tiegħek jiġi sospiż b'kundizzjoni: pereżempju, inti tista’ tintalab tħalli somma flus bħala garanzija jew tintalab tirrapporta regolarment għand il-pulizija.

Inti tista’ tinżamm taħt arrest preventiv għal iktar minn sitt xhur f’ċirkustanzi partikolari biss li jeħtieġ li jiġu analizzati mill-prosekutur pubbliku jew mill-qorti ex officio (eż. jekk ikun hemm diffikultajiet partikolari matul l-investigazzjoni jew jekk din ikollha ambitu wiesa’ mhux tas-soltu jew jekk ikun hemm raġunijiet importanti oħrajn).

X'informazzjoni se ningħata meta niġi arrestat?

Meta tiġi arrestat int għandek tingħata l-informazzjoni segwenti, b’lingwa li tifhem:

  • li int se tidher immedjatament quddiem qorti, jew mhux iktar tard mill-għada tal-jum li fih ġejt arrestat;
  • li għandek id-dritt tesprimi l-opinjoni tiegħek dwar il-kap tal-akkuża u li tibqa' sieket;
  • li għandek id-dritt li tagħmel talba li jiġu kkunsidrati l-provi li jeżonerawk u li inkella tibqa' sieket;
  • li tista’ tikkonsulta ma' avukat tal-għażla tiegħek fi kwalunkwe ħin, anki qabel ma tiġi interrogat formalment;
  • li għandek id-dritt li titlob li tiġi eżaminat minn tabib li tagħżel inti, u
  • li tista’ tinforma lil xi qarib jew lil xi persuna oħra li tista' tafda bil-kwistjoni, sakemm dan ma jipperikolax l-iskop tal-investigazzjoni.

Għandek tiġi informat li inti tista’ titlob is-servizzi ta’ interpretu mingħajr ħlas u li tista’ tinforma lill-konsulat tal-pajjiż tiegħek, li huwa intitolat li jikkorrespondi miegħek. Barra minn hekk, waqt l-interrogazzjoni formali trid tiġi informat bi kwalunkwe ċirkustanza inkriminanti. Inti trid titħalla tikkontesta r-raġunijiet għas-suspett u għall-arrest tiegħek u trid titħalla tinvoka kwalunkwe fatt favur tiegħek. Fl-aħħar nett, inti trid tiġi informat bid-dritt tiegħek li tikkontesta l-arrest tiegħek fl-istess qorti jew f'qorti superjuri.

Nista’ nirċievi żjarat jew ittri, nilbes ħwejġi, eċċ. meta nkun miżmum taħt arrest?

Ġeneralment, inti titħalla tirċievi ittri meta tinżamm taħt arrest preventiv. Madankollu, inti tista’ tkun soġġett għal ċerti restrizzjonijiet. Pereżempju, jista’ jkun meħtieġ li inti titlob permess sabiex tirċievi żjarat u sabiex tuża l-mezzi ta’ telekomunikazzjoni. Jista’ jkun hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu mmonitorjati t-telekomunikazzjonijiet tiegħek u kwalunkwe ittra jew pakkett li tirċievi, jew li jingħata permess sabiex tirċievi oġġetti waqt iż-żjarat. Inti tista’ toġġezzjona għal kwalunkwe waħda minn dawn ir-restrizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, ġeneralment ma jkun hemm l-ebda restrizzjoni fuq komunikazzjoni bil-fomm jew bil-miktub mal-avukat difensur tiegħek. Ir-regoli dwar l-arrest preventiv jistgħu jvarjaw minn Stat federali (Land) għall-ieħor.

L-att ta’ akkuża kontra tiegħek (6)

Jekk l-investigazzjonijiet jiżvelaw raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġu ppreżentati l-kapi tal-akkuża kontra tiegħek, il-prosekutur pubbliku jissottometti att ta’ akkuża (Anklage) jew jagħmel talba għal ordni ta’ piena permezz ta’ sentenza sommarja (Strafbefehl) quddiem il-qorti rilevanti. Jekk dan ma jsirx, il-prosekutur jissospendixxi l-proċedura. Fl-att ta’ akkuża, il-prosekutur pubbliku jiġbor fil-qosor il-kapi tal-akkuża fil-konfront tiegħek, il-liġijiet li tkun ksirt u x’inhuma l-provi.

Xi jfisser jekk il-qorti tibgħatli att ta’ akkuża?

Dan ifisser li l-qorti se tiddeċiedi fi proċeduri interlokutorji dwar jekk għandhiex tipproċedi għall-proċedura ewlenija, jiġifieri l-proċess quddiem il-qorti kriminali. Inti tiġi informat b’dan fl-att ta’ akkuża. Il-qorti titolbok ukoll tiddikjara sa ċertu żmien jekk għandhomx jiġu kkunsidrati provi oħrajn li jeżonerawk, jew jekk inti tixtieqx tagħmel xi oġġezzjoni għall-fatt li se jinbdew il-proċeduri.

L-att ta’ akkuża jiġi ttrattat b’mod differenti fi proċeduri aċċellerati: ara hawnhekk.

X’nista’ nagħmel jekk ma nifhimx l-att ta’ akkuża għaliex ma nitkellimx bil-Ġermaniż?

Jekk il-kapi tal-akkuża jiġu ppreżentati b’lingwa li ma tifhimx, inti tista’ titlob li dawn jiġu tradotti mingħajr ħlas, u jiġu nnotifikati mill-ġdid.

X’nista’ nagħmel jekk nemmen li l-kapi tal-akkuża huma żbaljati?

Il-qorti tagħtik ċertu ammont ta’ żmien sabiex tiddikjara r-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom temmen li l-kap tal-akkuża mhuwiex veru. Inti tista’ tagħmel ukoll talba sabiex jiġu kkunsidrati provi li taħseb li se jeżonerawk.

Il-qorti tista’ tiċħad l-att ta’ akkuża?

Jekk il-qorti temmen li probabbilment inti ma tiġix ikkundannat fuq il-bażi tal-att ta’ akkuża, pereżempju, jekk temmen li ma hemmx provi suffiċjenti, hija ma tippermettix li jinbeda l-proċess quddiem il-qorti kriminali. Il-prosekutur pubbliku jista’ jappella immedjatament kontra din id-deċiżjoni.

L-att ta’ akkuża jista’ jinbidel qabel il-fażi tal-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-prosekutur pubbliku jista’ jirtira u jemenda l-att ta’ akkuża fi kwalunkwe ħin qabel ma l-qorti tibda l-proċess quddiem il-qorti kriminali. Huwa jista’ wkoll jipproduċi provi ġodda fi kwalunkwe ħin waqt il-proċeduri kriminali kollha.

Nista’ niġi akkużat għal delitt li diġà ġejt akkużat għalih fi Stat Membru ieħor?

Il-fatt li kont akkużat fi Stat Membru ieħor ma jipprevjenix li inti tiġi akkużat fil-Ġermanja. Iżda inti ma terġax titressaq quddiem il-qorti jekk diġà tkun ġejt ikkundannat għall-istess reat.

Niġi informat bix-xhieda u bil-provi li jkun hemm kontrija?

Fl-att ta’ akkuża, il-prosekutur pubbliku jelenka l-provi li jappoġġjaw il-kap tal-akkuża. L-avukat difensur tiegħek ikun jista’ jara l-fajls mhux iktar tard minn meta tintemm l-investigazzjoni u qabel ma l-kap tal-akkuża jitressaq kontra tiegħek. Inti stess għandek id-dritt għal aċċess għall-informazzjoni mill-fajl u għal kopji individwali tad-dokumenti.

L-aħħar aġġornament: 30/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.