The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.

Imputati (proċeduri kriminali)

Germany

Jista’ jkun ta’ vantaġġ għalik li tfittex parir legali indipendenti jekk inti involut fi kwalunkwe xorta ta’ proċeduri kriminali. Dawn l-iskedi informattivi jgħidulek meta u f’liema ċirkustanzi inti għandek id-dritt li tkun irrappreżentat minn avukat. Huma jindikawlek ukoll x’jagħmel għalik tali avukat. Din l-iskeda informattiva ġenerali tispjegalek kif issib avukat, u kif jitħallsu d-drittijiet tal-avukat jekk inti ma tkunx tiflaħ tħallas għal parir legali.

Content provided by:
Germany

Kif issib avukat?

Meta ssir taf li inti soġġett għal investigazzjoni kriminali, inti tista’ tfittex avukati kriminali speċjalisti fuq l-Internet pereżempju. Kull avukat (Anwalt) irreġistrat fil-Ġermanja huwa awtorizzat li jagħmilha ta’ avukat difensur. Jekk il-każ ikun urġenti minħabba li dalwaqt tkun se tiġi arrestat jew dalwaqt tkun se ssir perkwiżizzjoni fil-binjiet tiegħek, inti tista’ ssib avukat difensur 24 siegħa kuljum permezz ta’ hotline għal avukati kriminali. Jekk inti teħtieġ lil xi ħadd b’ħiliet lingwistiċi speċifiċi jew f’post partikolari, tista’ tikkonsulta l-opzjoni ta' tfittxija għal avukati kriminali pprovduta mid-Dipartiment Kriminali tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Ġermaniża (Deutsches Anwaltverein). Tista’ anki tfittex l-assoċjazzjoni tal-avukati reġjonali (Rechtsanwaltskammer). Mill-1 ta’ Jannar 2010, ġew ikkompilati listi reġjonali ta’ avukati li lesti jaħdmu bħala avukati difensuri maħtura mill-qorti. Tista’ ssir taf minn fejn iġġib dawn il-listi u kif tużahom permezz tal-assoċjazzjoni tal-avukati lokali tiegħek (inkluż minn hawnhekk).

Jekk inti qiegħed tinżamm taħt arrest jew taħt arrest preventiv mhux se tkun tista’ tikseb aċċess għal din l-informazzjoni. Il-pulizija huma obbligati li jipprovdulek lista ta’ avukati jew direttorju tat-telefon jekk inti titlob wieħed. Il-pulizija jafu wkoll bil-hotlines. Jekk il-pulizija ma jħallukx tikkuntattja avukat, inti għandek tgħarraf lill-qorti dwar dan malli tidher quddiemha. Il-qrati wkoll għandhom listi ta’ avukati li jkunu lesti li jagħmluha ta’ avukati difensuri maħtura mill-qorti.

Min iħallas għall-parir legali?

Jekk inti tiġi lliberat mill-akkużi, l-Istat irid iħallas id-drittijiet tal-avukat. Jekk il-proċeduri jiġu sospiżi fil-fażi tal-investigazzjoni jew jekk inti tiġi kkundannat, inti tkun responsabbli mill-ħlas tad-drittijiet.

Anki jekk inti għandek introjtu baxx jew ma għandek l-ebda introjtu, ma hemm l-ebda dritt bażiku għal appoġġ finanzjarju fi proċeduri kriminali min-naħa tal-Istat. Tista’ biss tagħmel talba biex tingħata għajnuna għal parir legali inizjali mingħand il-qorti lokali tiegħek (Amtsgericht) .

Hemm regoli partikolari li jikkonċernaw il-ħlas ta' avukati difensuri maħtura mill-qorti. Għall-ewwel l-Istat iħallas lill-avukat, imma l-ħlas statutorju għal avukat difensur maħtur mill-qorti huwa iktar baxx minn dak illi kieku jkun seta' jitlob l-avukat. Jekk inti tiġi kkundannat, jinħariġlek il-kont tad-drittijiet tal-avukat difensur maħtur mill-qorti fi tmiem il-proċeduri. Imbagħad int ikollok tħallas l-ispejjeż tal-għajnuna legali lura lill-Istat, u jkollok tħallas ukoll lill-avukat l-ammont tad-drittijiet li kien jitlob li kieku ma nħatarx bħala avukat difensur mill-qorti, dejjem jekk inti tkun tiflaħ tħallas.

L-aħħar aġġornament: 30/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.