Imputati (proċeduri kriminali)

Czechia

Content provided by:
Czechia

A. Fejn isiru l-proċedimenti ġudizzjarji?

Skont is-serjetà tad-delitt, il-proċedimenti ġudizzjarji jsiru jew f’qorti distrettwali jew f’qorti reġjonali li fiċ-ċirkwit tagħha jkun twettaq id-delitt. Jekk il-post tad-delitt ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat jew jekk id-delitt ikun twettaq barra mill-pajjiż, il-proċedimenti jsiru fil-qorti li fiċ-ċirkwit tagħha inti tgħix, taħdem jew toqgħod; jekk dawn il-postijiet ma jkunux jistgħu jiġu ddeterminati jew ikunu barra mit-territorju tar-Repubblika Ċeka, il-proċedimenti jitmexxew mill-qorti li fiċ-ċirkwit tagħha l-att ġie żvelat (ġie aċċertat).

B. L-akkuża tista’ tinbidel? Jekk iva, għandi dritt għal informazzjoni f’dan ir-rigward?

L-uniku għan tal-proċess huwa li jiddeċiedi liema att jew għemil jifforma s-suġġett tal-akkuża. Ladarba l-akkuża tkun ġiet ippreżentata, il-prosekutur pubbliku ma jistax jibdilha; tista’ biss tiġi rtirata.

Jekk ir-riżultati tal-proċess jindikaw bidla sostanzjali fiċ-ċirkostanzi tal-każ jew jekk tkun meħtieġa investigazzjoni ulterjuri sabiex jiġi ċċarat il-każ, jew jekk jirriżulta li inti wettaqt att jew għemil ieħor li jikkostitwixxi delitt u l-prosekutur pubbliku jitlob li l-każ jiġi rrinvjat lura minħabba l-ħtieġa għal seduta konġunta, il-qorti tirrinvija l-każ lura għall-proċess preparatorju. Il-prosekutur pubbliku mbagħad jippreżenta akkuża ġdida, li tirrifletti l-bidliet li seħħew. Kopja ġdida tal-akkuża dejjem tiġi nnotifikata lilek u lill-avukat tad-difiża tiegħek, mhux aktar tard mit-taħrika jew min-notifika tagħha. Int tiġi nnotifikat b’kopja tal-akkuża flimkien ma’ parir tal-president tal-kamra dwar id-dritt tiegħek li tikkummenta dwar il-fatti stabbiliti fl-akkuża fit-terminu stabbilit mill-president, b’mod partikolari dwar:

  • jekk inti tħossokx innoċenti jew ħati li wettaqt l-att jew kwalunkwe wieħed mill-atti msemmija fl-akkuża u għal liema raġunijiet;
  • jekk tixtieqx tidħol fi ftehim dwar il-ħtija u l-piena mal-prosekutur pubbliku jew jekk tixtieqx tammetti l-ħtija fil-proċess;
  • jekk taqbilx mad-deskrizzjoni tal-att u l-klassifikazzjoni legali tiegħu, u mas-sentenza proposta jew mal-miżura preventiva; u
  • liema fatti tqis li ma humiex ikkontestati.

Il-president tal-kamra jinfurmak ukoll dwar il-konsegwenzi ta’ tali dikjarazzjonijiet kif ukoll dwar il-fatt li l-avukat tad-difiża tiegħek jista’ jipprovdi wkoll dikjarazzjonijiet dwar l-akkuża f’ismek, ħlief għal konfessjoni jew ammissjoni ta’ ħtija.

Il-president jistiednek ukoll tinforma lill-qorti fi żmien xieraq bit-talbiet għal ġbir ta’ provi ulterjuri fil-proċess, u tindika ċ-ċirkostanzi li għandhom jiġu ċċarati permezz ta’ dawk il-provi.

Madankollu, il-qorti ma hijiex marbuta bil-klassifikazzjoni legali tal-att jew għemil kif indikati fl-akkuża u tista’ tikklassifika l-att bħala xi delitt ieħor (inqas jew aktar serju), jew tista’ tikkonkludi li l-att ma jikkostitwix delitt, iżda reat minuri. Jekk il-qorti tqis li l-att huwa reat punibbli b’mod aktar sever minn dak li għalih ġiet ippreżentata l-akkuża, hija trid tinformak bil-bidla u tiżgura li jkollok l-opportunità li twieġeb għall-bidla biex tiddefendi ruħek u li jkollok biżżejjed żmien sabiex tibdel id-difiża tiegħek.

C. Liema drittijiet għandi matul seduta tal-qorti?

Għandek id-dritt li:

  • tingħata parir mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi dwar id-drittijiet tiegħek u tkun tista’ teżerċita bis-sħiħ dawk id-drittijiet;
  • tammetti il-ħtija, tiddikjara li inti ħati jew tippreżenta proposta għal ftehim dwar il-ħtija u l-piena qabel ma tibda l-kumpilazzjoni tal-provi;
  • tikkummenta dwar l-akkużi miġjuba kontrik;
  • tirrifjuta li tixhed;
  • tispezzjona l-fajls, tieħu estratti u noti mill-fajls, u tagħmel kopji tal-fajls jew ta’ partijiet minnhom bi spejjeż tiegħek stess;
  • tipparteċipa fis-smigħ tal-kawża matul il-proċess innifsu u matul is-seduti pubbliċi;
  • tagħmel dikjarazzjoni tal-għeluq matul il-proċess u waqt seduta pubblika tal-appell;
  • tgħid l-aħħar kelma fil-proċess;
  • tippreżenta fatti u tressaq provi biex tiddefendi ruħek;
  • tikkummenta dwar kull prova mressqa u toġġezzjona għall-mod kif tkun tressqet;
  • tistaqsi mistoqsijiet lill-persuni li jkunu qegħdin jiġu eżaminati;
  • tagħmel talbiet u proposti (fir-rigward tal-kumpilazzjoni tal-provi u l-mod kif se tittieħed id-deċiżjoni);
  • tfittex rimedju ġudizzjarju kemm ordinarju (jiġifieri lmenti, appelli, dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni) kif ukoll straordinarju (jiġifieri rikorsi għal reviżjoni, rikorsi għal appell fuq punt ta’ liġi) jew tissuġġerixxi li għandu jiġi ppreżentat ilment dwar ksur tal-liġi;
  • tagħżel avukat tad-difiża (jekk ma tagħżilx avukat inti stess, jista’ jintgħażel avukat tad-difiża għalik, eż. minn membru tal-familja) u titlob lill-avukat għal parir ukoll matul l-atti mwettqa mill-awtorità tal-infurzar tal-liġi nnifisha;
  • titkellem mal-avukat tad-difiża tiegħek mingħajr il-preżenza ta’ terzi;
  • titlob li tiġi interrogat fil-preżenza tal-avukat tad-difiża tiegħek u titlob lill-avukat tiegħek jipparteċipa f’kull att tal-proċedimenti kriminali;
  • tuża lsien twelidek jew lingwa oħra li taf sew quddiem l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jekk tiddikjara li ma tafx sew il-lingwa Ċeka.

i. Jeħtieġli nidher quddiem il-qorti? Taħt liema kundizzjonijiet nista’ nkun assenti mill-qorti?

Il-proċess innifsu jista’ jseħħ biss fl-assenza tiegħek jekk il-qorti tqis li l-kawża tista’ tiġi deċiża b’mod affidabbli u li l-iskop tal-proċedimenti kriminali jista’ jinkiseb anke fl-assenza tiegħek, u

  • int tkun ġejt debitament innotifikat bl-akkuża u tkun ġejt imħarrek għall-proċess kif suppost u fi żmien xieraq; u
  • inti diġà tkun ġejt interrogat mill-awtorità tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tal-att jew l-għemil li huwa s-suġġett tal-akkuża, id-dispożizzjoni legali dwar il-bidu tal-prosekuzzjoni kriminali tkun ġiet osservata, u inti tkun ġejt avżat bil-possibbiltà li tispezzjona l-fajl u tipproponi proposti sabiex tissupplimenta l-investigazzjoni.

It-taħrika jrid ikun fiha avviż dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ attendenza għall-proċess.

Għalhekk, il-proċess jista’ jsir fl-assenza tiegħek, iżda mhux jekk

  • tkun miżmum taħt arrest preventiv;
  • tkun qiegħed tiskonta sentenza ta’ priġunerija;
  • il-każ ikun jikkonċerna delitt punibbli bi priġunerija ta’ aktar minn 5 snin.

Madankollu, anke f’każijiet bħal dawn ma għandekx għalfejn tkun preżenti fil-proċess jekk inti titlob b’mod espliċitu lill-qorti sabiex twettaq il-proċess fl-assenza tiegħek, sakemm il-preżenza personali tiegħek ma titqiesx neċessarja mill-qorti.

F’każijiet ta’ difiża obbligatorja, il-proċess ma jistax isir mingħajr il-preżenza tal-avukat tad-difiża tiegħek.

ii. Għandi d-dritt għal interpretu u għal traduzzjonijiet tad-dokumenti? Sa liema punt?

Jekk tiddikjara li ma tafx il-lingwa Ċeka, inti intitolat tuża fil-komunikazzjoni tiegħek mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi lsien twelidek jew il-lingwa li qed tiddikjara li taf sew.

Jekk imbagħad ikun hemm il-ħtieġa li jiġi interpretat il-kontenut ta’ dokument, ta’ xhieda jew ta’ kwalunkwe att proċedurali ieħor, jew jekk tiddikjara li ma tafx sew il-lingwa Ċeka, jinħatar interpretu sabiex jinterpreta l-atti tal-proċedimenti kriminali. Fuq talba tiegħek, l-interpretu maħtur jista’ jinterpreta wkoll il-konsultazzjoni tiegħek ma’ avukat tad-difiża jekk il-konsultazzjoni tkun direttament relatata ma’ atti proċedurali; l-interpretu jista’ wkoll jinterpreta kwalunkwe konsultazzjoni matul l-atti proċedurali.

F’każ bħal dan, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jipprovdu traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti definiti fil-liġi (eż. digriet għaż-żamma taħt arrest preventiv, sentenza, digriet penali, deċiżjoni dwar appell, eċċ.); tista’ tirrinunzja dan id-dritt għat-traduzzjoni.

Int għandek id-dritt li titlob lill-qorti tittraduċi jew tinterpreta barra minn hekk kwalunkwe dokument ieħor li huwa rilevanti f’termini tal-eżerċizzju tad-dritt tiegħek ta’ difiża.

iii. Għandi d-dritt għal avukat tad-difiża?

  • Jekk int tkun akkużat li wettaq delitt, int għandek id-dritt għal avukat tad-difiża. Jekk ma tagħżilx avukat tad-difiża inti stess, membru tal-familja jista’ jagħżel avukat għalik jew tista’ tiddefendi ruħek waħdek. F’ċerti każijiet, madankollu, jeħtieġlek ikollok avukat tad-difiża (din hija magħrufa bħala “difiża obbligatorja”); f’każ bħal dan l-imħallef jassenjalek avukat tad-difiża sakemm ma tagħżilx wieħed tiegħek f’limitu ta’ żmien speċifikat. Irid ikollok avukat tad-difiża fi proċedimenti ġudizzjarji sakemm id-deċiżjoni li biha jintemmu l-proċedimenti ssir finali:
    • jekk int tinżamm taħt arrest preventiv, tkun qiegħed tiskonta sentenza ta’ priġunerija jew tkun soġġett għal miżura preventiva assoċjata maċ-ċaħda tal-libertà, jew tkun taħt osservazzjoni f’istitut mediku;
    • jekk il-kapaċità legali tiegħek kienet ristretta (eż. minħabba disturb mentali);
    • fi proċedimenti kontra persuna li ħarbet (jekk tkun ħrabt u l-proċedimenti jkunu qegħdin isiru fl-assenza tiegħek);
    • jekk il-proċedimenti jikkonċernaw delitt punibbli bi priġunerija fil-medda superjuri ta’ aktar minn 5 snin;
    • jekk il-qorti tqis li dan huwa meħtieġ minħabba li, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tiegħek, il-qorti għandha dubji dwar il-kapaċità tiegħek li tiddefendi lilek innifsek kif suppost;
    • jekk inti delinkwent minorenni (bejn l-età ta’ 15 u 18-il sena);
    • waqt il-proċess jekk tinżamm f’detenzjoni;
    • fi proċedimenti li jikkonċernaw l-impożizzjoni jew it-tibdil tat-termini ta’ detenzjoni preventiva sigura, jew l-impożizzjoni jew it-tibdil tat-termini tat-trattament forensika, bl-eċċezzjoni tat-trattament forensiku istituzzjonali tal-alkoħoliżmu;
  • Irid ikollok avukat tad-difiża fil-proċedura ta’ infurzar fejn il-qorti tiddeċiedi f’seduta pubblika jekk:
    • il-kapaċità legali tiegħek tkun ġiet ristretta;
    • tkun miżmum taħt arrest preventiv;
    • ikun hemm dubji dwar il-kapaċità tiegħek li tiddefendi ruħek kif suppost.
  • Fi proċedimenti dwar rimedji straordinarji (ilmenti dwar ksur tal-liġi, rikorsi għal appell fuq punt ta’ liġi, rikorsi għal reviżjoni), irid ikollok avukat tad-difiża:
    • jekk int tinżamm taħt arrest preventiv, tkun qiegħed tiskonta sentenza ta’ priġunerija jew tkun soġġett għal miżura preventiva assoċjata maċ-ċaħda tal-libertà, jew tkun taħt osservazzjoni f’istitut mediku;
    • jekk il-kapaċità legali tiegħek tkun ġiet ristretta;
    • jekk dan ikun delitt punibbli bi priġunerija fil-medda superjuri ta’ aktar minn 5 snin;
    • jekk ikun hemm dubji dwar il-kapaċità tiegħek li tiddefendi ruħek kif suppost.
  • Fi proċedimenti li jikkonċernaw delitt punibbli bi priġunerija fil-medda superjuri ta’ aktar minn 5 snin, tista’ tirrinunzja d-dritt għal avukat tad-difiża sakemm ir-reat ma jkunx punibbli b’sentenza eċċezzjonali (sentenza ta’ għomor priġunerija jew priġunerija ta’ aktar minn 20 sena sa 30 sena). Tista’ wkoll tirrinunzja d-dritt tiegħek għal avukat tad-difiża jekk tinżamm detenut u l-proċess ikun mistenni li jseħħ.

iv. X’drittijiet proċedurali oħra għandi nkun naf dwarhom (eż. preżentazzjoni ta’ persuni suspettati quddiem il-qorti)?

Kulħadd ipoġġi f’postu matul il-proċess. Il-mistoqsijiet u d-dikjarazzjonijiet jistgħu jsiru biss bil-kunsens tal-president tal-kamra (l-imħallef uniku); trid tqum bilwieqfa meta tindirizza lill-imħallef, anke fl-iqsar diskors (madankollu, il-president jista’ jippermetti lil ċerti persuni biex jibqgħu bilqiegħda minħabba l-età jew is-saħħa tagħhom kemm meta jitkellmu kif ukoll meta jixhdu). Il-president tal-kamra (l-imħallef uniku) jistieden lil kulħadd preżenti sabiex jisma’ d-dispożittiv tas-sentenza waqt li kulħadd ikun bilwieqfa. Biċ-Ċek, kemm il-persuni ġudizzjarji kif ukoll persuni oħra preżenti għandhom jindirizzaw lil xulxin billi jżidu pane/paní/slečno (“Sinjur/Sinjura/Sinjorina”) qabel il-funzjoni jew il-pożizzjoni tal-persuna indirizzata fil-proċess (eż. pane předsedo, pane přísedící, pane doktore, paní státní zástupkyně, pane znalče, pane svědku, eċċ. meta jindirizzaw lill-president tal-kamra, lill-imħallef onorarju, lill-avukat tad-difiża, lil avukat/tabib, lill-prosekutur pubbliku, lill-espert, lix-xhud, rispettivament). Ma huwiex permess li wieħed jitkellem fl-awla mingħajr il-kunsens tal-president tal-kamra (l-imħallef uniku) jew li wieħed jiekol, jixrob jew ipejjep, inkluż matul waqfa. Il-persuni preżenti fl-awla tal-qorti jridu joqogħdu lura minn kwalunkwe ħaġa li tista’ tfixkel l-andament jew id-dinjità tas-seduta tal-qorti, inklużi espressjonijiet ta’ kuntentizza jew skuntentizza dwar l-andament tas-seduta, l-istqarrijiet tax-xhieda, id-deċiżjonijiet mogħtija, eċċ. Kull apparat (speċjalment il-mowbajls) għandhom jintfew ukoll jekk ikunu jistgħu jfixklu l-andament u d-dinjità tas-seduta.

Jistgħu jsiru trażmissjonijiet bl-immaġni jew bil-ħoss u jistgħu jsiru reġistrazzjonijiet viżwali matul seduta tal-qorti biss bil-kunsens minn qabel tal-president tal-kamra (l-imħallef uniku). Ir-reġistrazzjonijiet tal-awdjo jistgħu jsiru bl-għarfien tal-president tal-kamra jew tal-imħallef uniku; meta l-mod kif isiru jista’ jfixkel l-andament jew id-dinjità tas-seduta, il-president tal-kamra jew l-imħallef uniku jistgħu jipprojbixxu r-reġistrazzjoni.

L-armi ma humiex permessi fil-kamra tal-qorti.

D. Penali possibbli

  • detenzjoni domiċiljari;
  • servizz komunitarju;
  • konfiska tal-assi;
  • multa;
  • konfiska ta’ oġġett;
  • projbizzjoni tal-attivitajiet;
  • projbizzjoni fuq iż-żamma u t-trobbija tal-annimali;
  • digriet ta’ esklużjoni;
  • il-projbizzjoni tal-attendenza ta’ avvenimenti sportivi, kulturali u avvenimenti soċjali oħra;
  • telf ta’ titoli ta’ unuri jew għotjiet;
  • telf ta’ grad militari;
  • tneħħija.

Il-miżuri preventivi huma miżuri ta’ natura preventiva u, għall-kuntrarju tal-pieni, jistgħu jiġu imposti wkoll eż. għal atti li kieku jkunu punibbli fil-każ ta’ persuni li ma jkunux kriminalment responsabbli minħabba ġenn jew età żgħira. Il-miżuri preventivi jistgħu jiġu imposti jew separatament jew flimkien ma’ piena, soġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mil-liġi. Il-miżuri protettivi jinkludu:

  • it-trattament forensiku;
  • id-detenzjoni preventiva sigura;
  • il-konfiska tal-oġġetti;
  • il-konfiska ta’ parti mill-assi;
  • l-edukazzjoni protettiva.
L-aħħar aġġornament: 21/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.