Imputati (proċeduri kriminali)

Cyprus

Content provided by:
Cyprus

A. Jekk jien ċittadin barrani, dan jaffettwa l-investigazzjoni?

Le.

B. X’inhuma l-istadji ta’ investigazzjoni?

i. Fażi ta’ ġbir ta’ evidenza / Setgħat tal-investigaturi

Kull uffiċjal investigattiv jista’ jitlob lil kwalunkwe persuna, li għandu raġuni biex jissupponi li tkun midħla tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi tar-reati li jkun qed jinvestiga, biex tattendi f’dak il-ħin u post li l-uffiċjal jista’ raġonevolment jiddetermina għall-iskop li jeżaminaha u jieħu dikjarazzjoni mingħandha dwar dan ir-reat.

ii. Kustodja tal-pulizija

  • Persuna li tiġi arrestata u miżmuma għandu jkollha d-dritt li titlob li hi jew l-avukat tagħha jingħata aċċess fil-ħin dovut għad-dokumenti essenzjali li huma relevanti għall-każ speċifiku u li jkunu fil-pussess tal-prosekuzzjoni, u li jkunu meħtieġa biex tikkontesta b’mod effettiv il-legalità tal-arrest u d-detenzjoni.
  • Id-«dokumenti essenzjali» għandhom ifissru l-kopja tal-mandat ta’ arrest u detenzjoni u l-kopja tat-talba u l-affidavit li abbażi tagħhom inħareġ il-mandat.
  • Fejn jintwera lill-imħallef li l-investigazzjonijiet dwar it-twettiq ta’ reat kriminali li għalih persuna ġiet arrestata ma jkunux tlestew, u wara talba minn uffiċjal tal-pulizija fil-grad ta’ Kap Spettur jew grad ogħla, l-imħallef għandu jkun kapaċi skont il-liġi, kemm jekk ikollu l-awtorità jew le li jittratta r-reat kriminali li fir-rigward tiegħu ssir l-interrogazzjoni, li jordna, minn żmien għal żmien, li l-persuna arrestata tinżamm fil-kustodja tal-pulizija għal perjodu ta’ mhux aktar minn tmint ijiem, u fi kwalunkwe każ kif il-Qorti jidhrilha xieraq, u l-jum wara l-ordni għall-kustodja tal-pulizija jiġi kkunsidrat bħala l-ewwel jum fil-kustodja tal-pulizija.

iii. Interrogatorju

  • L-uffiċjal investigattiv jista’ jirreġistra kwalunkwe xhieda tal-persuna li tkun qed tiġi interrogata, li mbagħad tinqara lill-imsemmija persuna li mbagħad tiffirmaha jew, jekk il-persuna tkun illitterata, tpoġġi marka distinta fuqha. Meta l-persuna tirrifjuta li taġixxi b’dan il-mod, l-uffiċjal investigattiv għandu jirreġistra r-rifjut fi tmiem ix-xhieda, u jindika wkoll ir-raġuni għall-imsemmi rifjut, jekk dak ġie vverifikat, u sussegwentement ix-xhieda għandha tkun iffirmata mill-uffiċjal investigatur.
  • Kwalunkwe xhieda bħal din, sakemm ikun ippruvat li kienet volontarja, għandha tiġi aċċettata bħala evidenza fi kwalunkwe proċediment kriminali kontra l-persuna li tat ix-xhieda.
  • Kull min, mingħajr raġuni tajba, jirrifjuta li jidher f’dak il-post u ħin li l-uffiċjal investigattiv jista’ jiddetermina, għandu jkun ħati ta’ reat kriminali u jeħel priġunerija ta’ mhux aktar minn sena jew penali finanzjarja li ma taqbiżx l-elf lira jew iż-żewġ pieni msemmija hawn fuq.
  • Matul l-investigazzjoni ta’ reat kriminali, fejn l-uffiċjal investigattiv iqis li dokument huwa meħtieġ jew mixtieq għall-iskopijiet tal-investigazzjoni, l-uffiċjal jista’ joħroġ ordni bil-miktub indirizzata lill-persuna li għandha jew huwa maħsub li għandha dak id-dokument fil-pussess jew il-kontroll tagħha, u jitlob li dik il-persuna tipproduċi d-dokument f’post u ħin raġonevoli kif speċifikat fl-ordni. Kull persuna meħtieġa, b’ordni bil-miktub, biex tipproduċi dokument għandha titqies li kkonformat mal-ordni jekk tkun ikkawżat li d-dokument jiġi prodott minflok ma tidher personalment għal dak l-iskop.
  • Kull min, mingħajr raġuni xierqa, jirrifjuta li jippreżenta kwalunkwe dokument wara ordni rilevanti skont dan l-Artikolu, għandu jkun ħati ta’ reat kriminali u jeħel priġunerija ta’ mhux aktar minn tliet snin jew penali finanzjarja li ma taqbiżx l-elf u ħames mitt lira jew iż-żewġ pieni msemmija hawn fuq.

iv. Detenzjoni qabel il-proċess

Kwalunkwe qorti tista’, jekk tqis li huwa xieraq, tiddiferixxi kwalunkwe kawża mressqa quddiemha u abbażi ta’ dan tista’ jew teħles lill-akkużat b’dawk it-termini li tqis raġonevoli jew tordna li jinżamm taħt arrest preventiv.

C. X'inhuma d-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni?

i. Xi drittijiet għandi rigward l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni?

Is-suspettati li ma jifhmux il-lingwa tal-pulizija jew ta’ awtoritajiet kompetenti oħra

għandhom ikunu intitolati għal assistenza minn interpretu mingħajr ħlas. L-interpretu

jista’ jgħin lis-suspettati biex jitkellmu mal-avukat tagħhom u għandu jżomm il-kontenut ta’ dik il-komunikazzjoni kunfidenzjali. Barra minn hekk, għandu jkollhom id-drittijiet li ġejjin:

  • Fil-każ ta’ arrest barra minn għassa tal-pulizija, meta l-uffiċjal tal-pulizija li wettaq l-arrest ma jitkellimx il-lingwa li s-suspettati jifhmu sabiex jinfurmahom, jew m’għandux il-mezzi meħtieġa biex jagħmel dan meta jkun barra l-għassa, l-uffiċjal għandu jinforma lill-investigatur, li jirranġa biex is-suspettati jiġu infurmati immedjatament u, fi kwalunkwe każ, qabel ma tibda l-investigazzjoni.
  • Jekk is-suspettati ma jistgħux jikkomunikaw mal-avukat tal-għażla tagħhom b’lingwa li jifhmu, interpretu jew persuna oħra tista’ tkun preżenti fl-intervisti, fuq talba tal-avukat imsemmi, sabiex l-avukat tas-suspettati jkun jista' jikkomunika magħhom b’lingwa li jifhmu.
  • Barra minn hekk, jekk is-suspettati ma jistgħux jikkomunikaw mat-tabib b’lingwa li jifhmu, interpretu jew persuna oħra tista’ tkun preżenti għall-eżami mediku, trattament u segwitu sabiex it-tabib tas-suspettati jkun jista’ jikkomunika magħhom b’lingwa li jifhmu.
  • Barra minn hekk, huma għandu jkollhom id-dritt għal traduzzjoni bla ħlas tad-dokumenti essenzjali kollha (mandat ta’ arrest u/jew detenzjoni, l-att ta’ akkuża, kwalunkwe deċiżjoni u ordni ġudizzjarja fil-proċedimenti u kwalunkwe dokument ieħor meqjus essenzjali mill-awtorità kompetenti). Traduzzjoni orali u/jew sommarju orali ta’ dokumenti essenzjali jistgħu jiġu pprovduti f’ċerti każijiet.

ii. X’inhuma d-drittijiet tiegħi għall-informazzjoni u l-aċċess għall-atti tal-proċess?

Mal-arrest u d-detenzjoni, is-suspettati jew l-avukat tagħhom għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw id-dokumenti essenzjali (kopja tal-mandat ta’ arrest u detenzjoni, kopja tat-talba u tal-affidavit li abbażi tiegħu nħareġ il-mandat) li għandhom bżonn biex jikkontestaw il-legalità tal-arrest jew id-detenzjoni tas-suspettati. Jekk il-każ jitressaq quddiem qorti, is-suspettati jew l-avukat tagħhom għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw ix-xhieda u d-dokumenti miksuba matul l-investigazzjoni tal-każ relatati mar-reat kriminali li jkun għaddej minn proċess.

iii. X’inhu d-dritt tiegħi ta’ aċċess għal avukat u biex tiġi infurmata parti terza dwar is-sitwazzjoni tiegħi?

Dritt ta’ aċċess għal avukat

Is-suspettati għandu jkollhom id-dritt li jitkellmu ma’ avukat b’mod kunfidenzjali. L-avukat għandu jkun indipendenti mill-pulizija, li tista’ tgħin lis-suspettat jikkuntattja avukat.

Skont il-liġi, is-suspettati għandu jkollhom ukoll id-drittijiet li ġejjin:

  • Immedjatament wara l-arrest u mingħajr dewmien żejjed, huma għandhom ikunu intitolati li jikkuntattjaw lil avukat tal-għażla tagħhom bit-telefon huma stess, mingħajr ebda persuna oħra preżenti.
    Huma għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat fil-ħinijiet li ġejjin, liema minnhom jiġi l-ewwel:

(a) qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew investigati minn kwalunkwe awtorità kompetenti oħra;

(b) fil-ħin qabel ma jitressqu l-qorti;

(c) waqt investigazzjoni jew ġbir ta’ evidenza mill-pulizija jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra;

(d) wara ċ-ċaħda tal-libertà tagħhom, mingħajr dewmien żejjed.

  • Aċċess għal avukat għandu jinkludi d-dritt:

(a) għal laqgħa privata u kuntatt mal-avukat li jirrappreżentahom, fi kwalunkwe ħin;

(b) li jitolbu l-preżenza u l-parteċipazzjoni tal-avukat tagħhom waqt l-interrogazzjoni, sabiex jingħataw kjarifiki fir-rigward tal-proċedura segwita u jingħataw parir dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom rigward l-interrogazzjoni;

(c) li jitolbu l-preżenza tal-avukat tagħhom waqt investigazzjoni jew ġbir ta’ evidenza, jekk huma intitolati li jkollhom avukat preżenti waqt l-interrogazzjoni kkonċernata.

Il-pulizija għandha tikkonforma mal-kunfidenzjalità li tirregola l-komunikazzjoni bejn is-suspettat u l-avukat tiegħu waqt laqgħat, korrispondenza, konverżazzjonijiet telefoniċi u l-forom l-oħra kollha permessi ta’ komunikazzjoni bejn is-suspettati u l-avukati tagħhom.

  • Fi kwalunkwe każ, lista tal-ismijiet u n-numri tat-telefon tal-avukati kollha reġistrati fir-«reġistru tal-avukati li jipprattikaw il-professjoni »għandha tkun disponibbli għas-suspettati immedjatament wara l-arrest tagħhom jew, jekk jiġu arrestati barra minn għassa tal-pulizija, immedjatament wara li jidħlu fl-għassa tal-pulizija.
  • Meta jkunu fil-kustodja tal-pulizija, is-suspettati għandhom ikunu intitolati li jkollhom, għall-finijiet tad-difiża tagħhom, u f’kull ġurnata u f’kull ħin, laqgħat kunfidenzjali mal-avukat tagħhom fil-faċilità ta’ detenzjoni fejn ikunu miżmuma, f’post speċifikament magħżul fejn l-ebda uffiċjal tal-pulizija ma jista’ jarahom jew jismagħhom, u għandhom jingħataw, mill-avukat tagħhom, struzzjonijiet kunfidenzjali bil-miktub jew orali waqt l-intervista.
  • Jekk ma jixtiequx ikunu rappreżentati minn avukat, għandhom jinnotifikaw bil-miktub lill-persuna responsabbli mill-faċilità ta’ detenzjoni billi jimlew formola relevanti. Barra minn hekk, għandhom jiġu infurmati li kwalunkwe rinunzja għad-dritt tagħhom ta’ aċċess għal avukat tista' taffettwa l-effettività tad-difiża tagħhom.
  • F’każ li l-persuna tkun taħt it-18-il sena, l-interrogazzjoni għandha ssir fil-preżenza tal-avukat tagħha. Barra minn hekk, il-ġenituri jew it-tuturi tal-persuna għandu jkollhom id-dritt li jkunu preżenti waqt intervisti mal-avukat tal-persuna.
  • Jekk, minħabba xi insuffiċjenza mentali jew diżabilità fiżika, il-persuna ma tistax teżerċita d-dritt tagħha li tikkuntattja avukat mingħajr assistenza, is-suspettat għandu jkun intitolat li jeżerċita dak id-dritt bl-assistenza u/jew fil-preżenza ta’ uffiċjal tas-servizzi mediċi u/jew soċjali tal-Istat, li s-suspettat għandu jgawdi malli dan ikun possibbli wara l-arrest tiegħu. Barra minn hekk, jekk is-suspettat ma jifhimx id-drittijiet tiegħu minħabba insuffiċjenza mentali, hu għandu jiġi interrogat fil-preżenza tal-avukat tiegħu.

Deroga temporanja mid-dritt ta’ aċċess għal avukat

Deroga temporanja mid-dritt ta’ aċċess tas-suspettati għal avukat mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà tagħhom għandha tkun permessa f’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-proċess, meta, għal raġunijiet ta’ iżolament ġeografiku, huwa impossibbli li jiġi garantit id-dritt ta’ aċċess għal avukat.

  • Barra minn hekk, deroga temporanja mid-dritt tagħhom ta’ aċċess għal avukat tista’ tkun permessa, f’ċirkostanzi eċċezzjonali fl-istadju ta’ qabel il-proċess u fejn dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, għal waħda mir-raġunijiet imperattivi li ġejjin:

(i) Ikun hemm ħtieġa urġenti li jiġi evitat impatt negattiv serju fuq il-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna.

(ii) Ikun hemm ħtieġa urġenti għal azzjoni immedjata mill-pulizija biex jiġi evitat riskju serju għall-proċedimenti kriminali.

  • Madankollu, id-derogi temporanji ta’ hawn fuq għandhom:

(i) ikunu proporzjonati u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ;

(ii) ikunu strettament marbuta maż-żmien;

(iii) ma jkunux ibbażati esklużivament fuq it-tip jew is-serjetà tar-reat allegat; u

(iv) ma jiksrux in-natura globalment ġusta tal-proċedimenti.

  • Jekk is-suspettati ma jitħallewx jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom rigward:

(i) aċċess għal avukat wara ċ-ċaħda tal-libertà tagħhom, mingħajr dewmien żejjed;

(ii) laqgħat wiċċ imb’wiċċ u komunikazzjoni mal-avukat tagħhom; u

(iii) il-preżenza u l-parteċipazzjoni tal-avukat tagħhom waqt l-interrogazzjoni u waqt investigazzjoni jew ġbir ta’ evidenza; huma jistgħu, meta jidhru għall-ewwel darba quddiem qorti jew fid-data tal-ewwel smigħ tal-kawża tagħhom, jitolbu lill-qorti teżamina r-raġunijiet għaliex ma tħallewx jeżerċitaw dawn id-drittijiet.

Informazzjoni lil terzi dwar l-arrest jew id-detenzjoni tiegħek / Informazzjoni lill-konsulat jew l-ambaxxata tiegħek

Mal-arrest jew mad-detenzjoni, is-suspettati għandhom jinfurmaw lill-pulizija jekk jixtiequ jikkuntattjaw lil xi ħadd, jiġifieri membru tal-familja jew l-impjegatur tagħhom, huma stess, bit-telefon biex jinfurmawhom bid-detenzjoni tagħhom. F’ċerti każijiet id-dritt li jinfurmaw persuna oħra bid-detenzjoni tagħhom jista’ jkun temporanjament ristrett. F’tali każijiet il-pulizija għandhom jinfurmawhom b’dan.

Fil-każ ta’ ċittadini barranin, għandhom jinfurmaw lill-pulizija jekk jixtiequ jikkuntattjaw lill-uffiċċju konsolari jew l-ambaxxata ta’ pajjiżhom, huma stess, bit-telefon. Barra minn hekk, għandhom jinfurmaw lill-pulizija jekk jixtiequ jikkuntattjaw uffiċjal tal-uffiċċju konsolari jew tal-ambaxxata ta’ pajjiżhom. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu infurmati li rinunzja għad-dritt li jinfurmaw u jikkuntattjaw lill-uffiċċju konsolari jew lill-ambaxxata tagħhom tista’ taffettwathom personalment.

Skont il-liġi, għandu jkollhom ukoll id-drittijiet li ġejjin:

  • Għandu jkollhom id-dritt li jikkuntattjaw huma stess u bit-telefon, immedjatament wara l-arrest tagħhom u mingħajr dewmien żejjed, u fil-preżenza ta’ uffiċjal tal-pulizija, qarib jew l-impjegatur tagħhom jew persuna oħra tal-għażla tagħhom, u jekk huma jkunu taħt it-18-il sena, lil ġenitur jew tutur, biex jinfurmawhom bl-arrest tagħhom u jgħarrfuhom f’liema għassa tal-pulizija jew faċilità ta’ detenzjoni qed jinżammu taħt arrest jew se jinżammu taħt arrest.
  • Jekk, minħabba xi insuffiċjenza mentali jew diżabilità fiżika, il-persuna ma tistax teżerċita d-dritt tagħha li tikkuntattja lill-persuni msemmija hawn fuq, is-suspettat għandu jkun intitolat li jeżerċita dak id-dritt bl-assistenza u/jew fil-preżenza ta’ uffiċjal tas-servizzi mediċi u/jew soċjali tal-Istat, li s-suspettat għandu jgawdi malli dan ikun possibbli wara l-arrest tiegħu.
  • Fil-każ ta’ ċittadini barranin, għandu jkollhom ukoll id-dritt li jikkuntattjaw huma stess, bit-telefon, mingħajr dewmien żejjed u kemm jista’ jkun malajr wara l-arrest tagħhom, fil-preżenza ta’ uffiċjal tal-pulizija, lill-uffiċċju konsolari jew lill-missjoni diplomatika fir-Repubblika ta’ Ċipru tal-istat li tiegħu huma ċittadini, biex jinfurmawhom bl-arrest jew id-detenzjoni tagħhom u jgħarrfuhom f’liema għassa tal-pulizija jew faċilità ta’ detenzjoni qed jinżammu taħt arrest jew se jinżammu taħt arrest. Jekk m’hemm l-ebda uffiċċju konsolari jew missjoni diplomatika relevanti fir-Repubblika ta’ Ċipru, huma jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissarju għall-Amministrazzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (Ombudsman) tar-Repubblika ta’ Ċipru. Jekk huma ċittadini ta’ żewġ (2) stati jew aktar, jistgħu jagħżlu l-uffiċċju konsolari jew il-missjonijiet diplomatiċi li jixtiequ jinfurmaw dwar iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom u li jixtiequ jikkuntattjaw. Barra minn hekk, huma għandu jkollhom id-dritt, jekk jixtiequ hekk, li jikkuntattjaw, jirċievu żjarat, jitkellmu u jikkorrispondu ma’ awtoritajiet bħal dawn, kif ukoll li jirranġaw biex ikunu rappreżentati minnhom, jekk ma hemm l-ebda oġġezzjoni minn dawn l-awtoritajiet f’dak ir-rispett.
  • Jekk, minħabba insuffiċjenza mentali tal-persuna, jidher ċar li huwa impossibbli li din tifhem jew tkun infurmata li għandha d-drittijiet ta’ hawn fuq fir-rigward ta’ kuntatt jew li tifhem bis-sħiħ id-dritt tagħha li teżerċita dawk id-drittijiet, l-uffiċċju konsolari jew il-missjoni diplomatika jew il-Kummissarju għall-Amministrazzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (Ombudsman) tar-Repubblika ta’ Ċipru, skont il-każ, għandhom ikunu infurmati minn uffiċjal tal-pulizija.
  • Għandhom ikunu infurmati wkoll li rinunzja għad-dritt li jinformaw u jikkuntattjaw lil terzi, lill-qraba, lill-impjegatur tagħhom jew lill-awtoritajiet konsolari rilevanti tista’ taffettwahom personalment.
  • Jekk, minħabba insuffiċjenza mentali tal-individwu, jidher ċar li huwa impossibbli li dan jifhem jew ikun infurmat li għandu drittijiet fir-rigward ta’ kuntatt jew li jifhem bis-sħiħ id-dritt li jeżerċita dawk id-drittijiet, il-pulizija għandha ċċempel, immedjatament wara l-arrest, lil qarib tal-persuna arrestata biex tinformah bl-arrest u tgħarrfu f’liema għassa tal-pulizija jew faċilità ta’ detenzjoni qed tinżamm jew se tinżamm arrestata l-persuna.

Deroga temporanja mid-dritt li tikkuntattja qraba / persuna tal-għażla tiegħek / l-impjegatur tiegħek

  • Id-dritt li jikkuntattjaw lill-qraba jew persuna tal-għażla tagħhom jew lill-impjegatur tagħhom u d-dritt li jinfurmaw lill-persuni li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri (fejn tkun involuta persuna taħt it-18-il sena) m’għandhomx jingħataw immedjatament wara l-arrest, fejn iġġustifikat miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, għal waħda mir-raġunijiet imperattivi li ġejjin:

(a) Ikun hemm bżonn urġenti li jiġi evitat impatt negattiv serju fuq il-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna, jew

(b) Ikun hemm bżonn urġenti li tiġi evitata sitwazzjoni li fiha jista’ jinħoloq riskju sinifikanti għall-proċedimenti kriminali, u sakemm id-deroga:
(i) tkun proporzjonata u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ;
(ii) tkun strettament marbuta biż-żmien;
(iii) ma tkunx ibbażata esklużivament fuq it-tip jew is-serjetà tar-reat allegat; u
(iv) ma tiksirx in-natura globalment ġusta tal-proċedimenti.

  • Fejn ikun iġġustifikat minn ħtieġa urġenti jew ħtiġijiet operattivi ekwivalenti, dawn ma għandhomx jingħataw id-dritt li jikkuntattjaw lil terzi (qraba jew impjegatur jew persuna oħra tal-għażla tagħhom) immedjatament wara li jiġu arrestati.
  • Jekk ma jitħallewx jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li:
    (i) jinfurmaw u jikkuntattjaw lill-qraba jew persuna tal-għażla tagħhom jew lill-impjegatur tagħhom,
    (ii) jinfurmaw lill-persuni li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, bl-arrest ta' persuna taħt it-18-il sena, dawn jistgħu, meta jidhru għall-ewwel darba quddiem qorti jew fid-data tal-ewwel smigħ tal-kawża tagħhom, jitolbu lill-qorti teżamina r-raġunijiet għaliex ma tħallewx jeżerċitaw dawn id-drittijiet.
  • Fil-każ ta’ persuna taħt it-18-il sena fejn japplikaw id-derogi temporanji ta’ hawn fuq, il-pulizija għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lis-Servizzi ta’ Protezzjoni Soċjali, lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u lil kwalunkwe awtorità oħra kompetenti għall-protezzjoni u l-benesseri tat-tfal, dwar iċ-ċaħda tal-libertà ta’ dik il-persuna.

X'inhu d-dritt tiegħi għal għajnuna legali?

Jekk m’għandhomx riżorsi biżżejjed biex jeżerċitaw

id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal avukat fl-istadju ta’ qabel il-proċess, huma jistgħu jirrappurtaw dan lill-uffiċjal tal-pulizija responsabbli għall-interrogazzjonijiet, wara li jiffirmaw il-formola rilevanti. Imbagħad għandhom jingħataw lista bl-ismijiet u n-numri tat-telefon ta’ avukati interessati li jipprovdu s-servizzi tagħhom. Is-suspettati għandhom jivverifikaw li ngħataw il-lista. L-avukat tal-għażla tagħhom jiġi infurmat kif xieraq mill-uffiċjal tal-pulizija.

Jekk jixtiequ li jiġu pprovduti bis-servizzi ta’ avukat mingħajr ħlas, jistgħu jippreżentaw talba rilevanti lill-qorti ladarba jitressqu quddiemha, u l-qorti teżamina t-talba tagħhom.

v. X’inhu importanti li wieħed ikun jaf dwar:

  1. Preżunzjoni tal-innoċenza

Kull persuna li hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali għandha tkun preżunta innoċenti sakemm tinstab ħatja skont il-liġi.

Il-prinċipju tal-liġi li jirreferi għall-preżunzjoni tal-innoċenza għandu japplika għal persuna fiżika fi proċedimenti kriminali, mill-mument meta dik il-persuna tkun suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, sal-konklużjoni tal-proċedimenti li jikkonsistu f’deċiżjoni finali tal-qorti.

  1. Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket u li wieħed ma jinkriminax ruħu

Waqt li jkunu interrogati mill-pulizija jew minn awtoritajiet kompetenti oħra, m’għandhomx għalfejn iwieġbu mistoqsijiet dwar ir-reat allegat. Barra minn hekk, meta jintalbu jagħmlu dikjarazzjoni jew iwieġbu mistoqsijiet, m’għandux ikollhom

obbligu li jipproduċu evidenza jew dokumenti jew li jipprovdu informazzjoni li tista’ twassal biex wieħed jinkrimina ruħu.

  1. Piż tal-provi

Il-pulizija għandha tkun responsabbli għall-ġbir ta’ evidenza li abbażi tagħha r-reati taħt investigazzjoni jiġu stabbiliti lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Il-persuni akkużati għandu jkollhom id-dritt li jagħtu l-verżjoni tagħhom tal-fatti u li jagħmlu xhieda jew risposta disponibbli għall-awtoritajiet investigattivi biex jappoġġaw il-verżjoni jew l-innoċenza tagħhom stess.

vi. X’inhuma s-salvagwardji speċifiċi għat-tfal?

  1. Responsabbiltà kriminali

Persuna taħt l-età ta’ 14-il sena mhijiex kriminalment responsabbli għal kwalunkwe att jew ommissjoni (Kap. 154, l-Artikolu 14) u għalhekk m’għandhiex tiġi arrestata. Dik il-persuna tkun mitluba tidher fl-għassa tal-pulizija akkumpanjata mill-ġenituri/mit-tuturi tagħha jekk il-preżenza tagħha titqies li tkun meħtieġa.

2. Arrest

  • Fejn possibbli, l-arrest ta’ minorenni għandu jiġi evitat. L-arrest ta’ minorenni għandu jsir skont il-liġi, jintuża biss bħala miżura tal-aħħar għażla u jdum l-iqsar żmien possibbli.
  • Meta minorenni jiġi arrestat, għandha tiġi segwita l-proċedura ta’ arrest (għoti ta’ informazzjoni, regoli tal-ġudikatura, ittra tad-drittijiet, eċċ.). Innota li waqt l-arrest
  • l-età, il-maturità u l-vulnerabbiltà tat-tfal għandhom jiġu kkunsidrati.
  • Barra minn hekk, kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċerna l-arrest ta’ tfal għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar interessi tagħhom.
  • It-tfal taħt arrest għandhom jiġu infurmati bil-proċeduri li se jsegwu b’mod li jinftiehem, filwaqt li jitqiesu l-età u l-maturità tagħhom.
  • M’għandhomx jintużaw manetti, sakemm dan ma jkunx assolutament meħtieġ u għandu jittieħed kont tal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament tal-pulizija 5/39.
  • L-użu ta’ lembuba tal-pulizija għandu jkun permess bħala l-aħħar għażla u biss taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament tal-pulizija 5/38.
  • It-tiftix fuq il-persuna għandu jsir minn uffiċjal tal-pulizija tal-istess sess.
  1. Rappreżentanza legali u drittijiet oħra
  • Il-minorenni għandu jiġi informat bid-dritt li jikkuntattja lil avukat tal-għażla tiegħu hu stess bit-telefon, mingħajr ebda persuna oħra preżenti
  • Il-minorenni għandu jiġi informat bid-dritt tiegħu għall-għajnuna legali f’każ li ma jkollux biżżejjed riżorsi
  • Il-minorenni għandu jiġi informat bid-dritt li jikkuntattja hu stess, bit-telefon u fil-preżenza ta’ uffiċjal tal-pulizija, lill-ġenituri/lit-tuturi tiegħu u li jinfurmahom dwar l-arrest u jgħarrafhom f’liema għassa tal-pulizija jew faċilità ta’ detenzjoni qed jinżamm taħt arrest jew se jkun qed jinżamm taħt arrest.
  • Il-ġenituri/it-tuturi għandhom jiġu infurmati minnufih. Il-kuntatt mal-ġenituri/it-tuturi għall-iskop li jiġu infurmati jista’ jiġi ttardjat u jsir fi żmien 12-il siegħa wara l-arrest jekk ikun hemm suspett raġonevoli li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess immedjatament wara l-arrest jista’:
    (a) iwassal għall-qerda jew il-ħabi ta’ evidenza relatata mal-kjarifika tar-reat; jew
    (b) jipprevjeni l-arrest jew l-interrogazzjoni ta’ persuna oħra b’rabta mar-reat jew iwassal għall-ħarba tagħha; jew
    (ċ) iwassal għat-twettiq ta’ reat ieħor jew għall-mewt jew il-korriment fiżiku ta’ xi persuna; jew
    (d) iwassal għal ħsara lill-interessi li jappartjenu għas-sikurezza tar-Repubblika ta’ Ċipru jew tal-ordni kostituzzjonali jew pubblika jew għal intervent lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
  • Il-ġenituri/it-tuturi tal-minorenni għandhom jiġu infurmati mill-pulizija wkoll (b’mod supplimentari) dwar l-arrest u l-faċilità ta’ detenzjoni (maħsuba). Rekord korrispondenti fil-fajl tal-investigazzjoni.
  • Jekk ikun meqjus neċessarju u fl-interess tal-minorenni, is-servizzi soċjali tal-Istat jistgħu jiġu infurmati wkoll dwar l-arrest.
  1. Interrogazzjoni
  • L-uffiċjal investigattiv ma jistax jibda l-interrogazzjoni qabel ma tingħata din l-informazzjoni u/jew issir notifika u qabel ma l-minorenni jkun eżerċita kwalunkwe dritt ta’ aċċess kif mitlub.
  • Persuni taħt it-18-il sena għandhom jiġu interrogati fil-preżenza tal-avukat tagħhom.
  • Jekk il-persuna li tkun qed tiġi interrogata ma tifhimx jew ma titkellimx il-lingwa, għandha tkun intitolata għall-assistenza ta’ interpretu.
  • L-interrogazzjoni għandha dejjem issir skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi, tar-regoli ġudizzjarji u tar-regolamenti rilevanti tal-pulizija (PR 3/3, PR 3/4, PR 5/18).
  • Minorenni li ma jkunux f’detenzjoni għandhom jiġu interrogati u għandhom jittieħdu dikjarazzjonijiet mingħandhom fil-preżenza tal-ġenituri jew it-tuturi tagħhom.
  • Il-pulizija għandha tiżgura li l-interrogazzjoni ssir kemm jista’ jkun malajr, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa, sabiex fil-prinċipju ma jkunx hemm bżonn li l-qorti tintalab tordna priġunerija (ittra mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal datata 11/06/2014).
  1. Arrest / Interrogazzjoni / Prosekuzzjoni kriminali ta’ studenti taħt l-età
  • L-arrest u l-interrogazzjoni ta’ studenti taħt l-età fil-bini tal-iskola għandhom jiġu evitati. Madankollu, jekk ikun meħtieġ, l-uffiċjali tal-pulizija għandhom imorru l-iskola b’ilbies pajżan u f’vettura tal-pulizija mhux immarkata.
    • L-arrest u l-interrogazzjoni għandhom isiru fil-preżenza tal-kap tal-iskola, li għandu jkun infurmat kif xieraq minn qabel (PR 5/18, paragrafu 6(3)).
  • Meta jittieħdu passi kriminali kontra student taħt l-età, id-Deputat Assistent Kummissarju (Astinomikos Diefthintis) għandu jinforma lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Kultura biss fejn dan ikun assolutament meħtieġ u fejn iqis li tali notifika taqdi l-ħtiġijiet tal-politika kriminali jew korrettiva tar-Repubblika ta’ Ċipru u, naturalment, għandu jittieħed kont:
    - tan-natura tar-reat u sakemm dik l-azzjoni sservi l-iskop li tipproteġi studenti oħrajn/gwardji nazzjonali (ethnofrouri),
    - tal-problemi li qed tiffaċċja bħalissa s-soċjetà Ċiprijotta, u
    - taċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull każ.
  • Għandu jkun ipprojbit li jiġi żvelat l-isem u/jew l-indirizz tal-iskola, u/jew ritratt jew kwalunkwe informazzjoni li tista’ twassal għall-identifikazzjoni ta’ persuna żagħżugħa li tidher quddiem il-Qorti tal-Minorenni (Dikastirio Anilikon), ħlief bil-permess tal-Qorti.
  1. Kundizzjonijiet tad-detenzjoni

Minbarra d-drittijiet mogħtija lill-priġunieri kollha (l-Att 163(Ι)/2005), id-detenuti taħt it-18-il sena għandu jkollhom id-drittijiet addizzjonali li ġejjin fir-rigward tad-detenzjoni tagħhom:

  • Il-minorenni għandhom jibqgħu f’ċelloli separati minn dawk tad-detenuti l-oħra. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-minorenni ma jiltaqgħux f’żoni komuni ma’ priġunieri adulti.
  • Minorenni mċaħħda mil-libertà tagħhom għandhom jinżammu f’faċilitajiet ta’ detenzjoni maħsuba speċifikament għal persuni ta’ dik l-età, fejn għandhom ikunu disponibbli attivitajiet speċifiċi għall-bżonnijiet tagħhom u li jkollhom persunal b’taħriġ speċifiku. Dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu ta’ daqs suffiċjenti, imdawla u b’ventilazzjoni suffiċjenti, mgħammra b’mod xieraq u mżejna sew u għandhom jipprovdu stimoli viżwali xierqa. Fl-aħħar nett, il-minorenni jistgħu jżommu għadd raġonevoli ta’ affarijiet personali fiċ-ċella tagħhom (Standards CPT), sakemm ma jinqalgħux kwistjonijiet ta’ sikurezza minħabba fihom. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat, permezz ta’ kooperazzjoni ma’ servizzi oħra, li t-tfal jokkupaw il-ħin tagħhom b’mod tajjeb għas-saħħa (ittra mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal datata 07/11/2014).
  • Il-ġenituri jew it-tuturi tal-minorenni għandu jkollhom id-dritt li jkunu preżenti waqt intervisti mal-avukat tal-minorenni.
  • Il-ġenituri jew it-tuturi tal-minorenni għandhom ikunu preżenti f’kull eżami mediku, trattament u segwitu tal-minorenni.
  • Id-detenuti kollha u kwalunkwe qarib tagħhom jew persuna oħra tal-għażla tagħhom u, fil-każ ta’ detenuti taħt it-18-il sena, il-ġenituri jew it-tuturi tagħhom, għandhom ikunu infurmati b’lingwa li jifhmu, mill-persuna responsabbli mill-faċilità ta’ detenzjoni, li għandhom id-dritt li jiltaqgħu kuljum sa siegħa b’kollox f’żona separata tal-faċilità ta’ detenzjoni, fil-preżenza ta’ uffiċjal tal-pulizija.

vii. X’inhuma s-salvagwardji speċifiċi għal suspettati vulnerabbli?

It-tfal għandhom jitqiesu bħala persuni vulnerabbli u għalhekk is-salvagwardji speċjali msemmija fil-paragrafu preċedenti (vi) għandhom japplikaw hawnhekk ukoll.

Għall-finijiet tal-Att dwar id-Drittijiet tal-Persuni Arrestati u Detenuti (l-Att 163(I)/2005), «persuna vulnerabbli» għandha tfisser persuna suspettata jew akkużata li ma tistax tifhem jew tipparteċipa b’mod effettiv fil-proċedimenti kriminali minħabba l-età, il-kundizzjoni jew id-diżabilità fiżika jew mentali.

Fil-każ li persuna b’insuffiċjenza mentali jew b’diżabilità fiżika tiġi arrestata, l-informazzjoni lill-imsemmija persuna fir-rigward tad-drittijiet tagħha kif jirriżulta mill-Att 163(I)/2005 għandha tingħata b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem, filwaqt li jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali ta’ dawn il-persuni.

F’tali każ, minħabba l-insuffiċjenza jew id-diżabilità tagħhom, għandhom jiġu żgurati s-servizzi ta’ persuna li tista’ tikkomunika l-informazzjoni rilevanti lill-persuna arrestata jew lill-persuni l-oħra involuti, sabiex dik l-informazzjoni tinftiehem minnhom.

Barra minn hekk, fil-każ ta’ arrest ta’ persuna li, minħabba xi diżabilità mentali jew fiżika, skont il-każ, b’mod ċar ma tistax teżerċita d-drittijiet ta’ aċċess previsti fil-liġi (Att 163(I)/2005), dik il-persuna għandha tkun intitolata li teżerċita dawn id-drittijiet bl-assistenza u/jew fil-preżenza ta’ uffiċjal tas-servizzi mediċi u/jew soċjali tal-Istat, u din l-assistenza għandha tkun disponibbli għall-persuna immedjatament wara l-arrest tagħha u fi kwalunkwe każ hekk kif dan isir possibbli.

D. X'inhuma l-limiti ta’ żmien legali matul l-investigazzjoni?

Il-persuna arrestata bħala suspettata li wettqet reat għandha titressaq fi żmien 24 siegħa mill-arrest tagħha quddiem imħallef, jekk l-interrogazzjoni fir-rigward tar-reat li għalih ġiet arrestata ma tkunx tlestiet. L-iskop ta’ din id-dehra quddiem imħallef huwa li l-pulizija titlob id-detenzjoni tagħha għal perjodu ta’ żmien speċifiku, li ma jistax jaqbeż tmint ijiem kull darba u tliet xhur b’kollox.

Wara l-iskadenza ta’ ordni ta’ detenzjoni, u jekk l-interrogazzjoni u l-investigazzjonijiet ma jkunux ġew konklużi, huwa possibbli għall-pulizija li tippreżenta talba lill-qorti għat-tiġdid tal-ordni għal tmint ijiem oħra, u dan jista’ jiġi ripetut mat-tiġdid tad-detenzjoni kull tmint ijiem, għal perjodu massimu ta’ priġunerija ta’ tliet xhur b’kollox.

Normalment jitqies neċessarju li suspettat jinżamm arrestat meta jkun hemm ir-riskju li s-suspettat jista’’ jinfluwenza x-xhieda jew jeqred l-evidenza jekk jinħeles. Il-pulizija għandha l-piż li tipprova lill-qorti b’mod suffiċjenti li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ordni ta’ detenzjoni huma sodisfatti.

E. X’inhuma l-preparazzjonijiet ta’ qabel il-proċess, inklużi alternattivi għad-detenzjoni ta’ qabel il-proċess u l-possibbiltajiet għat-trasferiment lejn l-Istat ta’ oriġini (Ordni Ewropew ta’ Superviżjoni)?

Qorti li teżerċita ġuriżdizzjoni kriminali tista’ fid-diskrezzjoni tagħha tordna d-detenzjoni ta’ persuna akkużata matul il-proċess tal-kawża tagħha. Skont l-Artikolu 48 tal-Proċedura Kriminali (Kapitolu 155), is-setgħa tal-Qorti Distrettwali li timplimenta proċeduri sommarji għandha tkun limitata għal perjodu massimu ta’ tmint ijiem kull darba li l-kawża tiġi differita. Bil-kontra, ma hemm l-ebda limitazzjoni bħal din fuq il-poter tal-Qorti Suprema jew tal-Qorti tal-Assize li tordna d-detenzjoni tal-akkużat matul il-proċess tal-kawża kriminali tiegħu.

L-Artikolu 157(1) tal-Att (Kapitolu 155) jistipula li qorti li teżerċita ġuriżdizzjoni kriminali tista’ tawtorizza l-ħelsien mill-arrest bil-garanzija. Jekk il-qorti tiddeċiedi li teħles lill-akkużat, hija għandha s-setgħa li tagħmel dan billi tistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi u tordnalu jiffirma dokument dwar il-ħelsien mill-arrest bil-garanzija. Din is-setgħa tal-qorti hija r-riżultat ikkombinat tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 48 u 157(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

Kundizzjonijiet biex tintbagħat deċiżjoni tal-qorti dwar miżuri ta’ superviżjoni

L-awtorità kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru tista’ tibgħat id-deċiżjoni li ħarġet dwar miżuri ta’ superviżjoni lill-awtorità ta’ identifikazzjoni kompetenti tal-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata għandha r-residenza legali u abitwali tagħha meta dik il-persuna, wara li tkun ġiet infurmata bil-miżuri rilevanti, tagħti l-kunsens li tirritorna f'dak l-Istat Membru.

L-awtorità tal-ħruġ kompetenti tar-Repubblika ta’ Ċipru tista’, fuq it-talba ta’ dik il-persuna, tibgħat id-deċiżjoni dwar miżuri ta’ superviżjoni lill-

awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru fejn il-persuna jkollha

r-residenza legali u abitwali tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-persuna ma jkollhiex ir-residenza legali u abitwali tagħha

tagħti l-kunsens għal trażmissjoni bħal din.

L-awtorità ta’ identifikazzjoni kompetenti tar-Repubblika ta' Ċipru għandha taqbel li tibgħat id-deċiżjoni dwar miżuri ta’ superviżjoni rigward persuna li ma għandhiex ir-residenza legali u abitwali tagħha fir-Repubblika ta' Ċipru biss jekk

dik il-persuna jkun ilha fit-territorju tagħha għal perjodu ta’ mill-inqas tliet (3) xhur.

L-awtorità tal-ħruġ kompetenti fir-Repubblika ta’ Ċipru għandha tkun il-Qorti tal-Assize jew il-Qorti Distrettwali li teżerċita ġuriżdizzjoni kriminali u li għandha ġuriżdizzjoni fuq ir-reat jew li ħarġet deċiżjoni dwar miżuri ta' superviżjoni.

L-awtorità ta’ identifikazzjoni kompetenti fir-Repubblika ta' Ċipru fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru ieħor għandha tkun:

(a) il-Qorti Distrettwali (Eparchiako Dikastirio) b’ġuriżdizzjoni territorjali fiż-żona fejn tirrisjedi l-persuna li dwarha tkun inħarġet deċiżjoni dwar miżuri ta’ superviżjoni minn Stat Membru ieħor;

(b) il-Qorti Distrettwali ta’ Nikosija (Eparchiako Dikastirio Lefkosias), jekk ir-residenza tal-persuna kkonċernata ma tkunx magħrufa jew jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx tgħix fir-Repubblika ta’ Ċipru.

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.