Liema qorti tal-pajjiż hi responsabbli (Konflitti ta’ ġurisdizzjoni)

Il-ġuriżdizzjoni tirreferi għad-dritt u s-setgħa ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja f’territorju definit. Dan jinkludi s-setgħat tal-qrati ġuridiċi li jisimgħu kawżi li jirrigwardaw persuni, proprjetà jew avvenimenti u l-awtorità li tintervjeni, bħall-arrest ta’ persuni jew is-sekwestru ta’ proprjetà.

B’konsegwenza tad-dritt għall-moviment liberu fl-Unjoni Ewropea (UE), tat-tendenza tal-Istati Membri li jestendu l-ġurisdizzjoni tagħhom u l-avvanzi fit-teknoloġija li saru fl-aħħar għexieren ta’ snin, qed ikun hemm dejjem iktar sitwazzjonijiet fejn diversi Stati Membri jkollhom ġurisdizzjoni li jinvestigaw u jmexxu proċedimenti kriminali għall-istess fatti.

Jekk l-Istati Membri ma jkunux obbligati jinfurmaw lil xulxin b'każijiet li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta' ġurisdizzjoni jew li jikkonsultaw lil xulxin sabiex isolvu kunflitt ta' ġurisdizzjoni, dan jista' jwassal biex il-proċedimenti jsiru fi Stat Membru li ma jkunx l-iktar wieħed adattat (e.ż. meta l-evidenza u x-xhieda rilevanti jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor) jew li jsiru proċedimenti paralleli fi Stati Membri differenti.

Biex jitnaqqsu dawn ir-riskji, ġiet adottata d-Deċiżjoni Qafas dwar il-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni lejn tmiem l-2009. L-objettiv ta’ dan l-istrument huwa li jippromwovi kooperazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri li jmexxu l-proċedimenti kriminali, sabiex:

  • jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-istess persuna tkun suġġetta għal proċedimenti kriminali paralleli fi Stati Membri differenti rigward l-istess fatti u
  • ikun hemm qbil rigward soluzzjoni sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn proċedimenti kriminali paralleli bħal dawn.

Id-Deċiżjoni Qafas tipprova tikseb dan l-objettiv billi tistabbilixxi proċedura ta’ konsultazzjoni mandatorja f’każijiet li fihom jitwettqu proċedimenti kriminali paralleli fi Stati Membri differenti. Jekk il-proċedura ta' konsultazzjoni ma twassalx għal kunsens, l-Istati Membri involuti għandhom jirreferu l-każ lil Eurojust.

Minbarra d-Deċiżjoni Qafas, li tapplika għall-proċedimenti kriminali inġenerali, hemm għadd ta’ strumenti tal-UE li fihom regoli speċjali dwar il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ kunflitti ta’ ġurisdizzjoni, bħal:

Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew (l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI)

Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI)

Id-Deċiżjoni Qafas dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni (l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/222/ĠAI)

Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI)

Ir-Regolament tal-Kunsill li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939)

L-aħħar aġġornament: 06/04/2020

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.