Jittieħed kont tal-kundanni preċedenti

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja – Id-Direttorat għas-Servizzi tal-Identifikazzjoni tal-Kriminali

Indirizz:

Av. D. João II, No 1.08.01 D/E, Floors 0, 9 to 14
1990-097 Lisbon

Telefon: (+351) 217 906 200/1
Faks: (+351) 211 545 100

Posta elettronika: correio.dsic@dgaj.mj.pt
Sit web: https://dgaj.justica.gov.pt/Registo-criminal/-Pedir-e-consultar-registo-criminal-de-pessoas

Skont il-Liġi 37/2015 tal-5 ta’ Mejju 2015, apparti s-suġġett tad-data u kwalunkwe persuna li turi li qed tippreżenta talba f’isem is-suġġett tad-data jew fl-interess tiegħu, l-entitajiet li ġejjin jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni li tinsab fil-fedini penali, iżda biss għall-finijiet mogħtija lil kull wieħed minnhom:

  1. Imħallfin u prosekuturi għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet kriminali, it-tħejjija ta’ proċedimenti kriminali u ta’ ħelsien, deċiżjonijiet dwar adozzjoni, tuteli, kustodji, kura temporanja f’familja jew kustodja ta’ tutela (apadrinhamento civil), ċedimenti, kustodja jew tqegħid tat-tfal jew responsabbiltà tal-ġenituri, u deċiżjonjiet dwar ħelsien mid-dejn fi proċedimenti ta' falliment li jinvolvu persuni fiżiċi;
  2. Entitajiet li jiġu delegati xogħol investigattiv skont il-leġiżlazzjoni proċedurali kriminali jew li jmisshom jipprovdu kooperazzjoni internazzjonali fil-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità, fl-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat;
  3. Entitajiet bis-setgħa li jeżaminaw il-fajls individwali tal-priġunieri, għal dik il-fini;
  4. Servizzi ta’ reintergrazzjoni fil-komunità, fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħhom;
  5. Entitajiet bis-setgħa li jiggarantixxu sigurtà domestika u li jipprevjenu sabotaġġ, terroriżmu, spjunaġġ jew kwalunkwe att li, min-natura tiegħu, jista’ jbiddel jew jeqred l-istat tad-dritt stabbilit kostituzzjonalment, biss fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħhom;
  6. Entitajiet uffiċjali mhux koperti mill-paragrafi preċedenti, fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħhom, meta ċ-ċertifikati ma jkunux jistgħu jinkisbu mis-suġġetti tad-data u soġġetti għal awtorizzazzjoni mill-Membru tal-Gvern responsabbli għall-ġustizzja, u għal każijiet fejn id-data tkun marbuta ma’ persuna ġuridika jew ekwivalenti, mal-entitajiet pubbliċi responsabbli biex jirregolaw l-attività ekonomika mill-persuna ġuridika jew ekwivalenti sa fejn ikun strettament meħtieġ biex jitwettaq dan l-obbligu regolatorju u soġġetti għal awtorizzazzjoni mill-Membru tal-Gvern responsabbli mill-ġustizzja;
  7. L-awtoritajiet ċentrali fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif imsemmi fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, u għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, meta jiġu eżerċitati s-setgħat mogħtija lilhom minn din id-Deċiżjoni Qafas;
  8. L-awtoritajiet jew l-entitajiet barranin, soġġetti għal awtorizzazzjoni mill-Membru tal-Gvern responsabbli mill-ġustizzja u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-awtoritajiet Portugiżi korrispondenti, bħala parti mill-investigazzjonijiet preparatorji fil-proċedimenti kriminali;
  9. L-entitajiet uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-awtoritajiet Portugiżi korrispondenti, għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(5) tal-Liġi 37/2006 tad-9 ta’ Awwissu 2006, kif ukoll l-entitajiet minn Stat ieħor, bl-istess termini stabbiliti fil-konvenzjonijiet jew fil-ftehimiet internazzjonali fis-seħħ, soġġetti għal arranġamenti reċiproċi għall-awtoritajiet Portugiżi;
  10. L-entitajiet awtorizzati mill-Membru tal-Gvern responsabbli mill-ġustizzja għall-fini tar-riċerka xjentifika jew statistika.

Is-suġġetti tad-data li jitolbu ċ-ċertifikati jridu jippruvaw li huma fil-fatt is-suġġett tad-data, jikkonfermaw l-identità tagħhom billi jippreżentaw karta taċ-ċittadinanza jew tal-identità jew kwalunkwe dokument ta’ identifikazzjoni xieraq għal dan il-għan, u jiddikjaraw l-għan li ċ-ċertifikat huwa intiż għalih. Meta t-talba ssir permezz tal-pjattaforma elettronika, is-suġġett tad-data jipprova l-identità tiegħu billi jawtentika ruħu permezz tal-karta taċ-ċittadinanza jew ċavetta mobbli diġitali (il-Liġi Nru 37/2015 tal-5 ta’ Mejju 2015).

It-talbiet għal ċertifikat tal-fedina penali jistgħu jsiru mingħand dawn li ġejjin f’isem is-suġġett tad-data:

  1. Il-qraba axxendenti tal-minorenni;
  2. Il-gwardjani tal-individwi li ma għandhomx kapaċità ġuridika;
  3. Kwalunkwe parti terza espressament awtorizzata biex tagħmel dan mis-suġġett tad-data f’dokument bil-miktub.

Il-qraba jew it-tuturi li jippreżentaw talba kif imsemmi fil-paragrafi (a) u (b) iridu juru f'liema kapaċità qed iressqu t-talba, jikkonfermaw l-identità tagħhom billi jippreżentaw il-karta taċ-ċittadinanza jew tal-identità tagħhom jew kwalunkwe dokument ta’ identifikazzjoni ieħor xieraq għal dak l-għan, u jiddikjaraw l-għan li ċ-ċertifikat huwa intiż għalih.

Parti terza awtorizzata li tippreżenta talba għal ċertifikat mis-suġġett tad-data trid tippreżenta dikjarazzjoni mingħand dan tal-aħħar, debitament iffirmata u ddikjarata:

  1. l-isem sħiħ tas-suġġett tad-data u n-numru tal-karta taċ-ċittadinanza jew tal-identità tiegħu, jew ta’ kwalunkwe dokument ta’ identifikazzjoni xieraq ieħor;
  2. l-isem sħiħ tal-parti awtorizzata u n-numru tal-karta taċ-ċittadinanza jew tal-identità tiegħu, jew ta’ kwalunkwe dokument ta’ identifikazzjoni xieraq ieħor;
  3. id-dikjarazzjoni li tawtorizza t-talba għal ċertifikat, li tiddikjara l-għan li ċ-ċertifikat huwa intiż għalih.

Apparti d-dikjarazzjoni msemmija hawn fuq, il-parti terza awtorizzata trid tippreżenta d-dokument ta’ identifikazzjoni tagħha kif imsemmi fid-dikjarazzjoni ta’ awtorizzazzjoni, u anke d-dokument ta’ identifikazzjoni tas-suġġett tad-data li jivvalida l-firma tad-data ta’ identifikazzjoni, jew kopja awtentikata tiegħu.

L-informazzjoni li tinsab fil-fedina penali jew in-nuqqas tagħha tiġi żvelata permezz tal-ħruġ ta’ ċertifikat (elettroniku) tal-fedina penali li jidentifika l-persuna li jirreferi għaliha u jikkonferma l-kontenut tal-fedina penali li tirrigwarda lil dik il-persuna, jew in-nuqqas tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-identifikazzjoni kriminali u fid-dawl tal-fini li huwa intiż għalih. Iċ-ċertifikati huma validi għal tliet xhur mid-data tal-ħruġ u għall-fini indikata fit-talba u msemmija fiċ-ċertifikat biss (il-Liġi Nru 37/2015 tal-5 ta’ Mejju 2015 u d-Digriet Amministrattiv Nru 171/2015 tal-25 ta’ Awwissu 2015).ºº

Tista’ tippreżenta talba għal ċertifikat tal-fedina penali permezz tas-sit web, fil-bini tal-Amministrazzjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja, permezz tan-netwerk tal-Uffiċċju tal-Pariri għaċ-Ċittadini (Lojas do Cidadão) jew iċ-Ċentri taċ-Ċittadini (Espaços do Cidadão) li jipprovdu dan is-servizz, lill-unitajiet ċentrali jew lill-imħallfin lokali fir-Reġistratur tal-Qrati Distrettwali, jew fl-uffiċċji tan-Netwerk Integrat ta’ Appoġġ għaċ-Ċittadini (Rede Integrada de Apoio ao Cidadão) fl-Azores.

L-aħħar aġġornament: 28/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna