Jittieħed kont tal-kundanni preċedenti

L-awtorità ċentrali fir-Repubblika tal-Kroazja għall-iskambju tad-data mal-Istati Membri l-oħra hija:

il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja
id-Direttorat għall-liġi kriminali u l-probation
is-Sezzjoni tal-Liġi Kriminali
Servizz ta’ fedini u maħfriet
Unità tal-Fedini kriminali
Ulica Grada Vukovara 49
10000 Zagreb

Tel. +385 1 3714-223;
Tel. +385 1 3714-222

Posta elettronika: ke.mp@pravosudje.hr

Fedini kriminali

L-Att dwar il-Konsegwenzi Legali ta’ Kundanni, Fedini Kriminali u r-Riabilitazzjoni jirregola l-konsegwenzi legali ta’ kundanni, l-organizzazzjoni, it-tiżmim, id-disponibbiltà, l-għoti u t-tħassir ta’ data dwar fedini kriminali u l-iskambju internazzjonali ta’ data dwar il-fedini kriminali, u r-riabilitazzjoni.

Il-fedini kriminali huma organizzati u miżmuma mill-ministeru responsabbli għall-ġudikatura li, fl-istess ħin, hija l-awtorità ċentrali għall-iskambju ta’ din id-data ma’ stati oħra.

Il-fedini kriminali jinżammu għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li ġew misjuba ħatja ta’ reati kriminali b’sentenza finali fil-Kroazja, kif ukoll għaċ-ċittadini Kroati u persuni ġuridiċi domiċiljati fil-Kroazja li ġew misjuba ħatja ta’ reati kriminali permezz ta’ sentenza finali barra l-Kroazja, jekk din id-data tkun ingħatat lill-Ministeru.

Il-Ministeru jirreġistra d-data fil-fedini kriminali skont id-data fid-deċiżjonijiet finali tal-qorti u atti oħra.

Il-Ministeru jipprovdi data dwar il-fedini kriminali permezz ta’ ċertifikat li fih ikun hemm din id-data. Id-data dwar il-fedini kriminali tista’ tinżamm biss għall-għanijiet li għalihom ingħatat.

Il-ħruġ ta’ ċertifikati li jikkonfermaw in-nuqqas ta’ fedina kriminali

L-awtorità li tista’ tawtorizza l-ħruġ ta’ ċertifikati li jikkonfermaw in-nuqqas ta’ fedina kriminali fil-Kroazja hija l-Ministeru tal-Ġustizzja. Iċ-ċertifikati li jikkonfermaw in-nuqqas ta’ fedina kriminali jistgħu jintbagħtu wkoll mill-missjonijiet diplomatiċi tal-Kroazja, speċifikament l-ambaxxati fil-pajjiż fejn qiegħed jiġi mitlub iċ-ċertifikat. Jekk xi ħadd jagħmel talba personalment, l-ambaxxata tissodisfa din it-talba, li għandha tkun akkumpanjata minn kopja tal-karta tal-identità jew passaport, u l-ambaxxata titlob ħlas skont ir-rata stabbilita għal dan is-servizz. Ċertifikat jista’ jinħareġ ukoll għal persuna oħra fuq preżentazzjoni ta’ prokura, flimkien mad-dokumenti msemmija hawn fuq. Iċ-ċertifikati li jikkonfermaw in-nuqqas ta’ fedina kriminali maħsuba għall-użu barra l-pajjiż jingħataw f’formola standard.

Persuna fiżika tista’ titlob għad-data dwar il-fedina kriminali tagħha stess, jekk ikollha bżonn minħabba l-eżerċizzju ta’ dritt barra l-pajjiż jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali. It-talbiet jistgħu jsiru permezz ta' Obrazac [formola] V a  PDF (34 Kb) hr, li hija parti integrali mir-Regoli dwar il-fedini kriminali.

Tħassir tad-data dwar il-fedina kriminali

Id-data tal-fedini kriminali titħassar permezz ta’:

  1. deċiżjoni formali ta’ riabilitazzjoni mill-awtorità responsabbli għaż-żamma tal-fedini kriminali;
  2. deċiżjonijiet finali tal-qorti dwar ir-riabilitazzjoni;
  3. deċiżjonijiet mill-awtorità responsabbli għall-għoti ta’ amnesija jew maħfra, li bihom tingħata riabilitazzjoni bikrija.

It-tlestija tal-riabilitazzjoni

Wara li jkunu ġew skontati, maħfura jew preskritti s-sentenzi ta’ priġunerija fit-tul, sentenzi ta’ priġunerija l-ħabs jew fil-ħabs għall-minuri, jew wara li tkun ġiet imħallsa multa, il-persuni kkundannati igawdu mid-drittijiet ċivili kollha mogħtija mill-Kostituzzjoni, liġi jew regolamenti oħra u jistgħu jiksbu drittjiet oħra ħlief dawk limitati minn miżura ta' sigurtà jew effikaċja tal-konsegwenzi legali ta’ kundanna.

Jekk l-awtur tar-reat ma jerġax jiġi misjub ħati li wettaq reat ieħor, ir-riabilitazzjoni titqies lesta skont il-liġi mal-iskadenza tal-limitu ta’ żmien previst mil-liġi.

Għoti ta’ data dwar il-fedina penali lil pajjiżi oħra

Id-data dwar il-fedina kriminali tingħata lill-pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea b’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-trattati internazzjonali jew, fin-nuqqas, mal-Att dwar l-Assistenza Legali Internazzjonali fi Kwistjonijiet Kriminali.

Il-Kroazja tiskambja data dwar il-fedina kriminali ma’ Stati Membri oħra tal-UE skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali, skont il-prinċipji ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

Id-data dwar il-fedina kriminali tintbagħat elettronikament lill-Istati Membri l-oħra tal-UE permezz tal-bażi ta' data tal-fedini kriminali, li hija marbuta mas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) skont il-formoli u l-klassifikazzjonijiet (formoli standard) stabbiliti mir-regolamenti tal-UE.

Sal-lum, l-iskambji tad-data bdew isiru ma’ tmien Stati Membri tal-UE: l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Belġju, Spanja, il-Ġermanja, l-Iżvezja, Franza u l-Irlanda, u t-tħejjijiet għall-ittestjar tal-iskambju tad-data mal-Polonja u l-Italja wasslu fl-aħħar stadji.

Id-data dwar il-fedina kriminali dwar persuni ġuridiċi tingħata lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea b’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-trattati internazzjonali jew, fin-nuqqas, mal-Att dwar l-Assistenza Legali Internazzjonali fi Kwistjonijiet Kriminali.

L-aħħar aġġornament: 27/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.