L-iffriżar tal-assi u provi

L-iffriżar tal-proprjetà jew evidenza fl-Unjoni Ewropea tista' tkun meħtieġa biex dawn ikunu jistgħu jintużaw fi proċess kriminali jew fid-dawl tal-konfiska tagħhom. Dan jista' jsir abbażi tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill li tistabbilixxi r-regoli li skonthom Stat Membru għandu jagħraf u jwettaq fit-territorju tiegħu mandat għall-iffriżar maħruġ minn awtorità ġudizzjarja ta' Stat Membru ieħor fil-qafas ta' proċedimenti kriminali.

X'inhu 'mandat għall-iffriżar'?

Għall-fini ta' proċedura transkonfinali, il-'mandat għall-iffriżar' ifisser kwalunkwe miżura li tittieħed minn awtorità ġudizzjarja fi Stat Membru biex jiġu evitati l-qerda, it-trasformazzjoni, l-ispostament, eċċ, tal-proprjetà. L-evidenza tfisser oġġetti, dokumenti jew data li jistgħu jintużaw bħala evidenza fi proċedimenti kriminali. L-Istati Membri li jieħdu sehem fil-proċedura huma: 'l-Istat emittenti' (dak li għamel, ivvalida jew bi kwalunkwe mod ikkonferma mandat għall-iffriżar) u 'l-Istat ta' esekuzzjoni' (li fih tinstab il-proprjetà jew l-evidenza).

Deċiżjonijiet imwettqa mingħajr verifika tal-kriminalità doppja

Bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali huwa possibbli, abbażi tad-Deċiżjoni Qafas, li ċerti reati ma jkunux soġġetti għall-verifika tal-kriminalità doppja (jekk l-imġiba hijiex punibbli fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati). Din il-proċedura tapplika biss għar-reati l-aktar serji elenkati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas dment li dawn huma punibbli fl-Istat emittenti b'sentenza ta' kustodja ta' perijodu massimu ta' mill-inqas tliet snin (jiġifieri parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali, terroriżmu, korruzzjoni, frodi, traffikar tal-bnedmin, stupru).

Il-proċedura għat-twettiq ta' mandat għall-iffriżar

Għall-fini tat-twettiq tal-mandat għall-iffriżar iċ-ċertifikat huwa ppreżentat mill-awtorità ġudizzjarja li tkun ħarġitu direttament lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti għat-twettiq fl-Istat Membru l-ieħor. Jeħtieġ li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni jirrikonoxxu mandat għall-iffriżar mingħajr ma tkun meħtieġa ebda formalità oħra u jieħdu l-miżuri neċessarji għat-twettiq immedjata tagħha. L-Istat ta' esekuzzjoni jeħtieġ ukoll josserva l-formalitajiet u l-proċeduri indikati espressament mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat emittenti fit-twettiq tal-mandat għall-iffriżar.

Raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-esekuzzjoni

L-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu jew iwettqu l-mandat għall-iffriżar f'ċerti ċirkostanzi. Eżempji ta' dawn huma: nuqqas ta' ċertifikat, immunità jew privileġġ tal-persuna kkonċernata, sentenza finali li tkun diġà ngħatat għall-istess fatti.

Posponiment tal-proċedura

L-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni tista' tipposponi t-twettiq ta' mandat għall-iffriżar mogħti f'ċerti ċirkostanzi, p.e. jekk it-twettiq jista' jkun ta' dannu għal investigazzjoni kriminali li għaddejja jew il-proprjetà jew l-evidenza ikkonċernati diġà jkunu ġew soġġetti għal mandat għall-iffriżar fi proċedimenti kriminali.

Drittijiet proċedurali

Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe parti interessata, inklużi partijiet terzi, ikollhom rimedji legali mingħajr effett sospensiv kontra mandat għall-iffriżar.

L-aħħar aġġornament: 22/01/2019

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.