Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliżil-Portugiż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

L-ewwel nett, jenħtieġ li jiġi nnutat li r-risposti mogħtija f’din l-iskeda informattiva jirreferu biss għall-qrati ġudizzjarji (komunement magħrufa bħala qrati ordinarji (tribunais comuns) fil-Portugall. Minbarra l-qrati ġudizzjarji, hemm kategoriji oħra ta’ qrati: il-Qorti Kostituzzjonali, il-qrati amministrattivi, il-Qorti tal-Awdituri (Tribunal de Contas). Hemm ukoll Kummissarji tal-Ġustizzja (Julgados de Paz) u qrati tal-arbitraġġ (Tribunais arbitrais).

Biex issir taf liema kategorija għandha kompetenza, tapplika r-regola li ġejja: il-qrati ġudizzjarji għandhom kompetenza fuq kawżi li ma humiex assenjati lil kategorija oħra ta’ qorti.

Barra minn hekk, fil-kategorija tal-qrati ġudizzjarji, l-oppost ta’ qorti speċjalizzata ma hijiex qorti ċivili ordinarja. L-oppost ta’ qorti speċjalizzata hija qorti ta’ kompetenza ġenerali. L-għażla bejn awla (juízo) jew qorti speċjalizzati u ġudikatura jew qorti ta’ kompetenza ġenerali tiddependi fuq is-suġġett tal-azzjoni u, f’ċerti każijiet, li huma indikati hawn taħt, tiddependi wkoll fuq il-valur tal-kawża.

Japplikaw il-liġijiet li ġejjin:

Il-qrati ġudizzjarji tal-prim'istanza jinqasmu, bħala regola ġenerali, fi qrati b’kompetenza territorjali usa’ (Tribunais de competência territorial alargada) u qrati distrettwali (Tribunais de comarca) (l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 62/2013).

Biex issir taf quddiem liema qorti tal-prim’istanza jenħtieġ li tagħmel rikors, għandhom jitqiesu wkoll il-punti li ġejjin.

  • Il-qrati b’kompetenza territorjali usa’ huma qrati ġudizzjarji speċjalizzati b’kompetenza li tkopri t-territorju kollu jew parti mit-territorju li tinkludi diversi distretti. Fil-Portugall hemm dawn il-qrati li ġejjin b’kompetenza territorjali usa’: il-Qorti Marittima (Tribunal marítimo); il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali (Tribunal da propriedade intellectual); il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ir-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni (Tribunal da concorrência, regulação e supervisão); il-Qorti għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Tribunal de execução das penas); u l-Qorti Ċentrali Struttorja Kriminali (Tribunal Central De Instrução Criminal) (l-Artikolu 83 tal-Liġi Nru 62/2013).
  • Il-qrati distrettwali huma maqsuma fi qrati ta’ kompetenza speċjalizzata, kompetenza ġenerali u lokali (l-Artikolu 81 tal-Liġi Nru 62/2013).
  • L-awli ċentrali huma kollha speċjalizzati u jinqasmu f’awli ċentrali ċivili, awli ċentrali kriminali, awli ċentrali tal-kumpilazzjoni, awli ċentrali kummerċjali, awli ċentrali ta’ eżekuzzjoni, awli ċentrali tal-familja u tal-minorenni u awli ċentrali industrijali.
  • L-awli lokali huma maqsuma f’awli ċivili lokali, awli kriminali lokali, awli lokali għal reati żgħar, awli lokali b’kompetenza ġenerali u awli lokali ta’ prossimità.
  • L-awli lokali ta’ prossimità jaħdmu bħala fergħa tal-Qorti Distrettwali: huma sempliċement jirċievu dokumenti marbuta ma’ kawżi li diġà infetħu quddiem l-awli jew il-qrati li għandhom kompetenza fiż-żona ta’ dak id-distrett, jagħtu informazzjoni, jorganizzaw vidjokonferenzi u jagħtu appoġġ għall-proċedimenti. Madankollu, il-kawżi ma jinstemgħux f’awla lokali ta’ prossimità u, fil-prinċipju, ma jridux jitressqu hemm (l-Artikolu 130(5) u (6) tal-Liġi Nru 62/2013).

F’każijiet speċifiċi, jeżistu proċedimenti li jridu jitressqu quddiem u jinstemgħu minn awtoritajiet li ma humiex qrati ġudizzjarji. Skont il-każ, dawn il-proċedimenti jintbagħtu lill-qorti kompetenti f’ċerti stadji: fejn hemm kontestazzjoni, appell jew bżonn li jiġu approvati ċerti deċiżjonijiet. Dan huwa l-każ bil-proċedimenti li ġejjin:

  • Proċedimenti speċjali ta’ żgumbrament iridu jinfetħu elettronikament fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Kiri (Balcão Nacional do Arrendamento) f’Porto, li jkopri l-Portugall kollu. Ikkonsulta: hawn
  • Proċedimenti għal ordni ta’ ħlas biex jintradd lura d-dejn iridu jinfetħu elettronikament fl-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ordnijiet ta’ Ħlas (Balcão Nacional de Injunções) f’Porto, li jkopri t-territorju nazzjonali kollu. Ikkonsulta: hawn
  • Il-proċedimenti tal-inventarju tas-suċċessjoni (processo de inventário) jrid isir rikors għalihom fil-qrati ġudizzjarji f’xi każijiet, filwaqt li f’każijiet oħra jistgħu jitressqu jew fil-qorti jew inkella f’uffiċċju notarili.
  • Hija r-responsabbiltà tal-prosekutur pubbliku tal-qorti kompetenti biex jiddeċiedi fuq rikorsi għal: eżenzjoni mir-rekwiżit għall-kunsens (fejn ir-rikors huwa marbut mal-inabbiltà jew in-nuqqas ta’ persuna); awtorizzazzjoni biex jittieħdu azzjonijiet mir-rappreżentant legali tal-persuna inabilitata; awtorizzazzjoni għad-disponiment jew l-aggravar tal-assi tal-persuna assenti; konferma tal-miżuri mwettqa minn rappreżentant tal-persuna inabilitata; u notifika tar-rappreżentant legali biex jiddikjara l-aċċettazzjoni jew ir-rifjut ta’ rigali favur il-persuna inabilitata.
  • Il-proċedimenti li għandhom l-għan li jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet iridu jinfetħu quddiem kwalunkwe uffiċċju tar-reġistru ċivili fir-rigward ta’: il-manteniment għal tfal adulti jew emanċipati; il-manteniment għal tfal minorenni, meta ż-żewġ ġenituri jaqblu; l-assenjazzjoni tad-dar matrimonjali; it-tneħħija tad-dritt tal-użu tal-kunjomijiet tal-konjuġi l-ieħor; l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-kunjomijiet tal-eks konjuġi; separazzjoni u divorzju b’kunsens reċiproku b’koproprjetà jew mingħajrha; il-konverżjoni tas-separazzjoni ġudizzjarja tal-persuna u l-assi wara d-divorzju; ir-regolamentazzjoni jew bidla fir-regolamentazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri għat-tfal minuri.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

F’din it-tweġiba, il-qrati ċivili lokali ordinarji huma mifhuma li huma l-awli ċivili lokali u l-awli b’kompetenzi ġenerali fil-qrati distrettwali. Il-kompetenza ta’ dawn il-qrati hija definita b’mod awtomatiku, fi kliem ieħor, huma għandhom kompetenza meta l-ebda sezzjoni oħra jew qorti speċjalizzata ma jkollha kompetenza. Huma għandhom kompetenza wkoll meta l-valur tal-kawża jkun baxx.

Għalhekk għandek tmur quddiem l-awla ċivili lokali jew, meta ma teżistix, quddiem l-awla lokali b’kompetenza ġenerali fil-qorti distrettwali, meta jkunu kkonċernati l-kawżi li ġejjin:

  • azzjonijiet dikjaratorji ċivili ta’ natura ordinarja b’valur ta’ jew inqas minn EUR 50,000.00;
  • kawżi li ma ġewx assenjati lil awli oħra jew lil qrati b’kompetenza usa’;
  • proċedimenti ta’ eżekuzzjoni fejn ma hemmx awla ta’ eżekuzzjoni jew awla jew qorti speċjalizzata kompetenti oħra;
  • miżuri urġenti marbuta ma’ minorenni fil-kuntest ta’ tutela ċivili, kuraturi għall-edukazzjoni u t-trobbija, anki meta jkun hemm taqsima tal-familja u tal-minorenni li għandha kompetenza fuq dawn l-azzjonijiet, f’każijiet fejn l-istess taqsima tal-familja u tal-minorenni tinsab f’muniċipalità oħra;
  • mandati, ittri, avviżi u komunikazzjonijiet li jridu jiġu mħarsa lokalment b'talba ta’ qrati oħra jew awtoritajiet kompetenti;
  • każijiet oħra stabbiliti bil-liġi;
  • appelli minn deċiżjonijiet meħuda mill-kaptan tal-port fi proċedimenti għal reat marittimu amministrattiv, u miżuri dikjaratorji ordinarji ta’ valur ta’ jew inqas minn EUR 50,000.00 fil-kompetenza tal-Qorti Marittima, fir-rigward tas-suġġett, fil-qrati distrettwali mhux koperti miż-żona ta’ kompetenza territorjali tal-Qorti Marittima;
  • kawżi għal talbiet żgħar stipulati fir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-11 ta’ Lulju 2007.

Biex issir taf jekk tistax tmur quddiem awla ċivili lokali jew awla lokali ta’ kompetenza ġenerali, jew awla ċentrali speċjalizzata, ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 3 iktar ’l isfel Meta l-qrati speċjalizzati jkollhom huma l-kompetenza, kif insir naf quddiem liema waħda għandi nidher?.

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Skont ir-regoli dwar il-kompetenza rigward il-ġerarkija, il-qrati ġudizzjarji jinqasmu fi qrati tal-prim'istanza, il-Qrati tal-Appell (Tribunais da Relação) (jew qrati tat-tieni istanza) u l-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Supremo Tribunal de Justiça), li hija l-qorti ġudizzjarja tal-aħħar istanza (l-Artikolu 42 tal-Liġi Nru 62/2013).

Il-liġi tipprovdi għal każijiet fejn l-ammissibilità tal-appell tiddependi mil-limitu tal-qrati:

  • il-Qrati tal-Appell jistgħu jordnaw ħlas sa EUR 30,000.00
  • il-Qrati tal-prim'istanza (Tribunais de primeira instância) jistgħu jordnaw ħlas sa EUR 5,000.00 (valuri fid-data meta din l-iskeda informattiva ġiet aġġornata l-aħħar).
  • Bħala regola ġenerali, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tisma’ appelli b’valur li jaqbeż il-limitu tal-Qrati tal-Appell u l-Qrati tal-Appell jisimgħu appelli b’valur li jaqbeż il-limitu tal-qrati ġudizzjarji tal-prim'istanza (l-Artikolu 44 tal-Liġi Nru 62/2013).

Il-kawżi jridu jinstemgħu u jinfetħu quddiem il-qrati tal-prim'istanza. Barra minn hekk, il-qrati tal-prim'istanza għandhom kompetenza biex jisimgħu appelli mid-deċiżjonijiet ta’ nutara u reġistraturi u deċiżjonijiet oħra mogħtija mil-liġi. Biex wieħed jiddetermina liema qorti tal-prim'istanza hija kompetenti, iridu jiġu applikati r-regoli ġuriżdizzjonali dwar il-kompetenza materjali, il-valur u t-territorju, li jiġu stabbiliti fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet hawn taħt.

Fil-prinċipju, il-Qrati tal-Appell jisimgħu biss appelli minn deċiżjonijiet ta’ qrati tal-prim'istanza. B’mod eċċezzjonali, il-liġi tagħtihom kompetenza għal ċerti kawżi fil-prim'istanza. Il-qrati tal-appell jisimgħu wkoll konflitti ta’ kompetenza bejn qrati tal-prim'istanza, ilmenti kontra ordnijiet mogħtija fil-prim'istanza u l-eżami mill-ġdid ta’ sentenzi barranin f’materji ċivili u kummerċjali.

Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tisma’ appelli kontra sentenzi mogħtija mill-Qrati tal-Appell. F’każijiet speċjali previsti mil-liġi, hija tisma’ appelli mis-sentenzi tal-qrati tal-prim'istanza. B’mod eċċezzjonali, il-liġi tagħtiha kompetenza biex tisma’ ċerti kawżi bħala qorti fil-prim'istanza u l-aħħar istanza. Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tisma’ wkoll kawżi li jinvolvu konflitti ta’ kompetenza bejn Qrati tal-Appell u proċeduri ta’ reviżjoni eċċezzjonali għall-istandardizzazzjoni tal-ġurisprudenza.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

Il-qrati tal-prim'istanza

Fil-Portugall, hemm 23 Qorti Distrettwali (tribunais judiciais de comarca):

  • Il-Qorti Distrettwali tal-Azores
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Aveiro
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Beja
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Braga
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Bragança
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Castelo Branco
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Coimbra
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Évora
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Faro
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Guarda
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Leiria
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona tat-Tramuntana
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona tal-Punent
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Madeira
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Portalegre
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Porto
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Porto tal-Lvant
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Santarém
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Setúbal
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Viana do Castelo
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Vila Real
  • Il-Qorti Distrettwali ta’ Viseu

(l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 62/2013).

Minbarra dawn il-qrati, hemm qrati b’kompetenza territorjali usa’, li minnhom it-tlieta li ġejjin għandhom ukoll kompetenza ċivili u kummerċjali:

  • il-Qorti Marittima (Tribunal Marítimo),
  • il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali (Tribunal da Propriedade Intelectual),
  • il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ir-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni (Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão)

(l-Artikolu 83 tal-Liġi Nru 62/2013).

Il-Qrati tal-Appell

Fit-tieni istanza, hemm ħames Qrati tal-Appell li ssir referenza għalihom bl-isem tal-muniċipalità fejn jinsabu:

  • il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona
  • il-Qorti tal-Appell ta’ Porto
  • il-Qorti tal-Appell ta’ Coimbra
  • il-Qorti tal-Appell ta’ Évora
  • il-Qorti tal-Appell ta’ Guimarães

(L-Anness I kif issir referenza għalih fl-Artikolu 32(1) tal-Liġi Nru 62/2013).

Il-Qorti tal-Aħħar Istanza

  • Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, li tinsab f’Lisbona.

(L-Artikolu 31 tal-Liġi Nru 62/2013).

Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja għandha ġuriżdizzjoni fuq il-Portugall kollu. Il-Qrati tal-Appell u l-qrati tal-prim'istanza għandhom kompetenza fil-qasam tad-distretti ġudizzjarji rispettivi tagħhom, li huma definiti fil-liġi dwar l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja (il-Liġi Nru 62/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013). Biex issir taf jekk hijiex kompetenti l-qorti tal-belt A jew tal-belt B, trid tikkonsulta l-Annessi I, II u III tal-liġi msemmija hawn fuq dwar l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja.

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Persuni fiżiċi

Sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor minn dispożizzjoni legali speċifika jew fir-regoli stabbiliti aktar ’il quddiem, hija kompetenti l-qorti tad-domiċilju tal-intimat (l-Artikolu 80 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili):

  • Meta l-intimat ma jkollu residenza abitwali jew ir-residenza tiegħu ma tkunx magħrufa jew ikun assenti, il-każ jitressaq quddiem il-qorti tal-post fejn jgħix ir-rikorrent.
  • Rikors għall-kustodja proviżorja jew permanenti tal-assi ta’ persuna assenti jsir lill-qorti tal-aħħar domiċilju magħruf tal-persuna fil-Portugall.
  • Meta d-domiċilju u r-residenza tal-intimat ikunu f’pajjiż barrani, il-qorti tal-post fejn jinsab l-intimat għandha kompetenza.
  • Meta l-intimat ma jkunx jinsab il-Portugall, il-qorti tad-domiċilju tar-rikorrent ikollha l-kompetenza. Meta d-domiċilju ta’ dan ir-rikorrent ikun ukoll f’pajjiż barrani, il-Qorti ta’ Lisbona jkollha l-ġuriżdizzjoni.

Il-persuni ġuridiċi u l-kumpaniji

Meta l-intimat ikun l-Istat, f’każijiet meta l-qorti tad-domiċilju tal-intimat ikollha kompetenza, il-kompetenza tgħaddi għand il-qorti tad-domiċilju tar-rikorrent (l-Artikolu 81 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Meta l-intimat ikun persuna ġuridika oħra jew kumpanija, il-qorti tal-post tal-uffiċċju ewlieni tagħha jew tal-post tal-fergħa, aġenzija, kumpanija sussidjarja, delegazzjoni jew rappreżentant tagħha jkollha kompetenza, skont jekk l-azzjoni titressaqx kontra l-persuna ġuridika jew l-entitajiet tal-aħħar.

Madankollu, il-kawżi mressqa kontra persuni ġuridiċi jew kumpaniji barranin li jkollhom fergħa, aġenzija, kumpanija sussidjarja, delegazzjoni jew rappreżentant fil-Portugall jistgħu jinfetħu quddiem il-qrati fil-postijiet fejn dawn ikollhom l-indirizzi rreġistrati tagħhom anki meta jkun tressaq rikors biex jiġi nnotifikat fl-uffiċċju ewlieni.

Diversi intimati u rikorsi kumulattivi (l-Artikolu 82 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)

Meta jkun hemm aktar minn intimat wieħed fl-istess kawża, dawn kollha jridu jiġu mfittxija fil-qorti fejn il-maġġoranza tagħhom huma domiċiljati. Meta n-numru ta’ intimati f’domiċilji differenti jkun l-istess, ir-rikorrent jista’ jagħżel l-qorti tad-domiċilju ta’ kwalunkwe wieħed mill-intimati.

Meta r-rikorrent ikun ippreżenta diversi rikorsi li għalihom ikollhom kompetenza territorjali qrati differenti, ir-rikorrent jista’ jagħżel kwalunkwe waħda minn dawn il-qrati biex quddiemha jiftaħ il-kawża.

L-unika eċċezzjoni għal dan hija sitwazzjonijiet fejn il-qorti tista’ tivvaluta ex officio jekk hijiex nieqsa mill-kompetenza fir-rigward ta’ kwalunkwe rikors għal raġunijiet territorjali jew ta’ valur jew bi ftehim. Meta l-qorti twaqqaf dan il-każ, il-kawża trid titressaq quddiem il-qorti b’kompetenza fuq ir-rikors ikkonċernat. Dan jiġri, pereżempju, f’ċerti każijiet meta l-kompetenza għas-smigħ ta’ rikors minnhom tiddependi mis-sitwazzjoni ta’ proprjetà immobbli jew il-post ta’ konformità mal-obbligu. Tapplika wkoll f’kawżi li jinvolvu ordni ta’ protezzjoni (providência cautelar) jew passi preparatorji (diligência antecipada) u għall-każijiet meta l-imħallfin jew uħud mill-qraba tagħhom ikunu partijiet mill-proċedimenti, ċerti proċedimenti ta’ eżekuzzjonijiet, kawżi li jridu jingħaqdu ma’ kawżi oħra, kawżi meta ma ngħatatx notifika lill-intimat qabel is-sentenza jew kawżi fejn il-qorti mhix kompetenti minħabba l-valur tal-kawża.

Meta jkun hemm għadd ta’ rikorsi li bejniethom teżisti relazzjoni ta’ dipendenza jew sussidjarjetà, il-kawża trid titressaq quddiem il-qorti li għandha l-kompetenza biex tisma’ r-rikors prinċipali.

Kawża fejn waħda mill-partijiet tkun imħallef, il-konjuġi tal-imħallef jew ċerti qraba (l-Artikolu 84 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)

Għal kawżi li jinvolvu mħallef, il-konjuġi tiegħu, xi ħadd mill-qraba axxendenti jew dixxendenti tiegħu jew persuna li magħha l-imħallef għandu relazzjoni bbażata fuq id-dritt komuni u meta dawn il-kawżi jridu jinfetħu quddiem il-qorti distrettwali fejn jaħdem l-imħallef, ikollha kompetenza l-qorti prinċipali tad-distrett ġudizzjarju li huwa l-aktar wieħed qrib tad-distrett ġudizzjarju tal-imħallef.

Meta l-kawża titressaq fid-distrett ġudizzjarju fejn għandu kompetenza l-imħallef rikużat jew jekk dan l-imħallef ikun ikkollokat hemmhekk u l-kawża diġà qiegħda tinstema’, il-kawża tintbagħat lill-eqreb distrett ġudizzjarju.

Dawn ir-regoli li għadhom kif issemmew ma japplikawx għad-distretti ġudizzjarji fejn ikun hemm aktar minn imħallef wieħed, għaliex f’dan il-każ, il-kawża tingħata jew tiġi ttrasferita lil imħallef differenti fl-istess distrett ġudizzjarju.

Is-smigħ tal-appelli

L-appelli jridu jitressqu quddiem il-qorti li hija ogħla fil-ġerarkija mill-qorti li mid-deċiżjoni tagħha tressaq l-appell (l-Artikolu 83 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Din li ġejja hija risposta bi sħab għal dawn it-tliet mistoqsijiet.

Il-kompetenza ratione loci tal-assi

Il-kawżi li jinvolvu drittijiet in rem jew drittijiet personali għall-użu ta’ proprjetà immobbli, id-diviżjoni ta’ koproprjetà, l-iżgumbrament, id-dritt tal-ewwel għażla, u l-preklużjoni, kif ukoll dawk il-każijiet li jinvolvu l-ipotekar mill-ġdid, is-sostituzzjoni, it-tnaqqis jew l-annullament tal-ipoteki jridu jitressqu quddiem il-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà kkonċernata.

Madankollu, azzjonijiet li jinvolvu l-ipotekar mill-ġdid, is-sostituzzjoni, it-tnaqqis jew ir-rilaxx ta’ ipoteki fuq bastimenti jew inġenji tal-ajru jitressqu fil-qorti tad-distrett ġudizzjarju tal-post ta’ reġistrazzjoni rilevanti. Meta l-ipoteka tkopri bastimenti jew inġenji tal-ajru rreġistrati f’diversi distretti ġudizzjarji, ir-rikorrent jista’ jagħżel minn wieħed fosthom.

Meta l-oġġett tal-kawża jkun grupp ta’ assi mobbli li jappartjenu lill-istess persuna u huma maħsuba biex jintużaw għal darba biss, jew assi mobbli u immobbli, jew assi ta’ proprjetà immobbli li qiegħdin f’diversi distretti ġudizzjarji, il-kawża inkwistjoni titressaq quddiem il-qorti fid-distrett fejn jinsabu l-assi immobbli bl-ogħla valur. Għal dan il-għan jintużaw il-valuri tar-reġistru tal-artijiet. Meta l-assi immobbli li jkun l-oġġett tal-kawża jinsab f’aktar minn distrett ġudizzjarju wieħed, ir-rikorrent jista’ jagħżel li jressaq il-kawża fi kwalunkwe wieħed minn dawn id-distretti ġudizzjarji (l-Artikolu 70 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-kompetenza għall-konformità mal-obbligu

Il-kawżi li jitolbu l-eżekuzzjoni ta’ obbligi, kumpens għan-nuqqas ta’ konformità jew għal konformità parzjali ma’ obbligi u t-terminazzjoni ta’ kuntratt minħabba n-nuqqas ta’ konformità jitressqu quddiem il-qorti fejn huwa domiċiljat l-intimat.

Il-kreditur jista’ jagħżel il-qorti tal-post fejn kellu jitwettaq l-obbligu, meta l-intimat ikun persuna ġuridika, jew fejn id-domiċilju tal-kreditur jinsab fiż-żoni metropolitani ta’ Lisbona jew Porto u l-intimat ikun domiċiljat fl-istess żona metropolitana.

F’kawża biex tiġi stabbilita responsabbiltà ċivili fuq il-bażi ta’ att jew riskju illegali, il-qorti b’kompetenza hija l-qorti tal-post fejn seħħ l-att (l-Artikolu 71 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Id-divorzju u s-separazzjoni

Il-qorti li għandha kompetenza fuq proċeduri ta’ divorzju u separazzjoni legali hija dik taż-żona ta’ domiċilju jew residenza tar-rikorrent (l-Artikolu 72 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Kawżi għall-ħlas tat-tariffi

Biex tfittex il-ħlas tat-tariffi ta’ rappreżentanti legali jew esperti u l-irkupru ta’ somom imħallsa lill-klijent, il-qorti b’kompetenza hija l-qorti fejn ġie pprovdut is-servizz. Il-kawżi għall-ħlas ta’ tariffi jingħaqdu mal-kawża li għaliha ngħata s-servizz.

Meta l-kawża li fiha ngħata s-servizz tkun tressqet fil-Qorti tal-Appell jew fil-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, il-kawża li tfittex il-ħlas tat-tariffi trid tinstema’ fil-Qorti Distrettwali tad-domiċilju tad-debitur (l-Artikolu 73 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Determinazzjoni u tqassim tal-avarija ġenerali

Il-qorti tal-port fejn il-merkanzija ta’ bastiment li ġarrab avarija ġenerali kienet jew kellha tkun ikkunsinnata għandha kompetenza biex tiddetermina u tqassam l-avarija ġenerali (l-Artikolu 74 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Telf u ħsara minħabba kolliżjoni ta’ bastimenti

Kawża li tinvolvi telf u ħsara minħabba kolliżjoni ta’ bastimenti tista’ titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ l-inċident, il-qorti tad-domiċilju ta’ sid il-bastiment li laqat lill-ieħor, il-qorti tal-post fejn huwa bbażat dan il-bastiment jew fejn jinsab, jew il-qorti tal-port tal-ewwel wasla tal-bastiment li ntlaqat (l-Artikolu 75 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Għotjiet għas-salvataġġ jew l-assistenza lill-bastimenti

Rikorsi li jfittxu l-ħlas tal-għotjiet dovuti għas-salvataġġ jew għall-assistenza lill-bastimenti jistgħu jitressqu fil-qorti tal-post fejn seħħ l-avveniment, tal-post tad-domiċilju tas-sid tal-oġġetti salvati jew tal-post fejn il-bastiment salvat huwa rreġistrat jew jinstab (l-Artikolu 76 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-estinzjoni ta’ rahan fuq bastimenti

Kawża għad-dikjarazzjoni li bastiment akkwistat mingħajr ħlas jew bi ħlas huwa ħieles minn kwalunkwe rahan titressaq fil-qorti tal-port fejn il-bastiment ikun ankrat fil-ħin tal-akkwist (l-Artikolu 77 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Mandati proviżorji u passi preparatorji

Ir-rikorsi għall-qbid u s-sekwestru ta’ oġġetti jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti tal-post fejn iridu jinfetħu proċedimenti relatati, jew fil-post fejn jinsabu l-assi jew, jekk hemm assi f’numru ta’ distretti, f’xi wieħed minnhom.

Għal ordni protettiva li tfittex is-sospensjoni immedjata ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ġodda (embargo de obra nova), għandha kompetenza l-qorti tal-post fejn għandhom isiru x-xogħlijiet.

Għal miżuri proviżorji oħra għandha kompetenza l-qorti li quddiemha għandha titressaq il-kawża relatata.

Il-passi preparatorji li jkunu ttieħdu qabel il-kawża biex jiġu prodotti l-provi jintalbu lill-qorti tad-distrett fejn iridu jittieħdu l-passi.

Il-proċeduri għal miżuri proviżorji u l-passi preparatorji biex jiġu prodotti l-provi huma magħquda mal-kawża relatata u, jekk meħtieġ, trasferiti lill-qorti fejn tressqet il-kawża (l-Artikolu 78 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Notifiki ġudizzjarji

Rikorsi għal notifiki ġudizzjarji jsiru lill-qorti tad-distrett li fih tgħix il-persuna li għandha tiġi nnotifikata (l-Artikolu 79 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Eżekuzzjoni (l-Artikolu 89 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

Bħala regola ġenerali, il-qorti tad-domiċilju tad-debitur għandha kompetenza għall-eżekuzzjoni sakemm mhux provdut mod ieħor f’dispożizzjoni speċifika tal-liġi jew fir-regoli stabbiliti hawn taħt.

Il-parti li titlob l-eżekuzzjoni tista’ tagħżel il-qorti tal-post fejn l-obbligu għandu jitwettaq meta l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tkun persuna ġuridika jew meta d-domiċilju tal-parti li titlob l-eżekuzzjoni jkun fiż-żona metropolitana ta’ Lisbona jew Porto u l-parti li kontriha qed jintalab l-eżekuzzjoni tkun domiċiljata fl-istess żona metropolitana.

Meta l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jikkonċernaw ir-ritorn ta’ oġġetti jew dejn b’garanzija in rem, ikollha kompetenza rispettivament il-qorti tal-post fejn jinsab l-oġġett jew il-post fejn jinsabu l-assi vinkolati.

Meta l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jridu jitressqu fil-qorti tal-post tad-domiċilju tal-parti li kontriha qed tintalab l-eżekuzzjoni u dik il-parti ma jkollhiex domiċilju fil-Portugall iżda jkollha assi hemm, il-kompetenza għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni hija tal-qorti tal-post fejn jinsabu l-assi.

Il-qorti fejn jinsabu l-assi għandha kompetenza wkoll meta: il-kawża għall-eżekuzzjoni trid issir f’qorti Portugiża għaliex għandha x’taqsam mal-validità tat-twaqqif / l-istralċ / persuni ġuridiċi oħra b’uffiċċju reġistrat fil-Portugall, jew il-validità tad-deċiżjonijiet tal-korpi korporattivi; u l-ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma sseħħ kif ipprovdut fir-regoli preċedenti jew li ġejjin dwar l-eżekuzzjoni.

F’kawżi li jinvolvu diversi proċeduri ta’ eżekuzzjoni li jaqgħu fil-kompetenza territorjali ta’ qrati differenti, għandha kompetenza l-qorti tal-post tad-domiċilju tal-parti li kontriha qed tintalab l-eżekuzzjoni.

Fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mill-qrati Portugiżi, ir-rikors għall-eżekuzzjoni jsir bħala parti mill-proċedimenti li fihom ingħatat id-deċiżjoni, u l-eżekuzzjoni tiġi rreġistrata fl-atti tal-istess kawża. Meta l-kawża tkun sussegwentement għaddiet għall-appell, l-eżekuzzjoni tkun inkluża fil-kopja ċċertifikata. Meta taqsima speċjalizzata jkollha kompetenza għall-eżekuzzjoni, kopja tas-sentenza, ir-rikors li jibda l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni u d-dokumenti li jakkumpanjawh iridu jintbagħtu lil din it-taqsima speċjalizzata b’urġenza.

Meta d-deċiżjoni tkun ittieħdet mill-arbitri fi proċedura ta’ arbitraġġ li tkun saret fil-Portugall, il-qorti b’kompetenza għall-eżekuzzjoni hija l-Qorti Distrettwali tal-post fejn saret il-proċedura ta’ arbitraġġ (l-Artikolu 85 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Meta l-kawża tkun tressqet quddiem il-Qorti tal-Appell jew il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, ikollha kompetenza l-qorti tad-domiċilju tal-parti li kontriha qed tintalab l-eżekuzzjoni. Meta l-parti li kontriha qed tintalab eżekuzzjoni tkun imħallef jew ċerti qraba tal-imħallef, japplikaw ir-regoli kif imsemmi hawn fuq f’Każijiet fejn waħda mill-partijiet tkun imħallef, konjuġi tal-imħallef jew ċerti qraba. Fi kwalunkwe każ, l-atti tal-kawża relatati mal-proċeduri dikjaratorji jew kopja tagħhom jintbagħtu lill-qorti b’kompetenza għall-eżekuzzjoni (l-Artikolu 86 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni relatati ma’ spejjeż, multi jew kumpens dovuti minħabba litigazzjoni vessatorja, għandha kompetenza l-qorti fejn il-proċedimenti wasslu għan-notifika tal-kont jew ftehim rispettiv. Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni relatati ma’ spejjeż, multi jew kumpens jingħaqdu fil-kawża relatata.

Meta l-ordni biex jitħallsu l-ispejjeż, multi jew kumpens tkun saret fil-Qorti tal-Appell jew fil-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jsiru fil-qorti tal-prim'istanza li għandha kompetenza fiż-żona fejn saru l-proċedimenti (l-Artikoli 87 u 88 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Għal eżekuzzjoni bbażata fuq sentenza barranija, għandha kompetenza l-qorti tad-domiċilju tal-intimat (l-Artikolu 86, skont l-Artikolu 90 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Għal ordni ta’ ħlas Ewropea, (ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tat-12 ta’ Diċembru 2006, kif emendat mir-Regolament (UE) 2015/2421), għandha kompetenza l-Qorti Distrettwali ta’ Porto, istanza ċentrali, l-ewwel sezzjoni ċivili.

Liġi tax-xogħol

Bħala regola ġenerali, il-kawżi jridu jitressqu quddiem il-qorti tad-domiċilju tal-intimat. L-impjegaturi jew l-assiguraturi, kif ukoll l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiġu kkunsidrati li huma domiċiljati fil-post fejn għandhom fergħa, aġenzija, delegazzjoni jew rappreżentanza (l-Artikolu 13 tal-Liġi li tirregola l-qrati tax-xogħol).

Kawżi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg imressaq minn ħaddiem kontra l-impjegatur tiegħu jistgħu jiġu ppreżentati fil-qorti tal-post fejn jitwettaq ix-xogħol jew il-post fejn il-ħaddiem ikun domiċiljat.

Meta jkun hemm diversi atturi, ikollha kompetenza l-qorti tal-post fejn twettaq ix-xogħol jew tal-post fejn xi wieħed mir-rikorrenti għandu d-domiċilju tiegħu.

Meta x-xogħol jitwettaq f’aktar minn post wieħed, il-każijiet li jirriżultaw mill-kuntratt tax-xogħol jistgħu jitressqu fil-qorti ta’ xi wieħed minn dawn il-postijiet (l-Artikolu 14 tal-Liġi li tirregola l-qrati tax-xogħol).

Kawżi li jirriżultaw minn inċidenti fuq ix-xogħol u mard okkupazzjonali jridu jitressqu fil-qorti tal-post fejn seħħ l-inċident jew fejn il-persuna marida ħadmet l-aħħar f’impjieg li seta’ kkawża l-marda.

Meta l-inċident iseħħ barra l-pajjiż, il-kawża trid titressaq fil-Portugall, fil-qorti tal-post tad-domiċilju tal-vittma.

Meta jkun hemm diversi benefiċjarji, ikollha kompetenza l-qorti tal-post ta’ residenza tal-akbar numru ta’ rikorrenti jew, jekk in-numru ta’ rikorrenti jkun ugwali, ikollha kompetenza l-qorti tal-post ta’ residenza tal-ewwel persuna li tagħmel rikors.

Meta l-persuna li tkun korriet fl-inċident, il-persuna marida jew il-benefiċjarju jkunu reġistrati bħala baħħara jew membri tal-ekwipaġġ ta’ inġenju tal-ajru u l-inċident seħħ matul vjaġġ jew jekk il-marda seħħet matul vjaġġ, ikollha kompetenza wkoll il-qorti fit-territorju nazzjonali tal-ewwel post li wasal fih il-bastiment jew l-inġenju tal-ajru jew tal-post fejn il-bastiment jew l-inġenju tal-ajru huma reġistrati (l-Artikolu 15 tal-Liġi li tirregola l-qrati tax-xogħol).

Fil-każ ta’ sensji kollettivi, iridu jitressqu miżuri proviżorji ta’ sospensjoni u sfidi fil-qorti tal-post fejn jinsab l-istabbiliment fejn isir ix-xogħol.

Meta s-sensja kollettiva taffettwa ħaddiema f’diversi stabbilimenti, ikollha kompetenza l-qorti tal-post fejn jinsab l-istabbiliment bl-akbar numru ta’ ħaddiema mkeċċija (l-Artikolu 16 tal-Liġi li tirregola l-qrati tax-xogħol).

Insolvenza

Għal proċedimenti ta’ insolvenza, il-qorti li għandha kompetenza hija l-qorti tal-post fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat jew id-domiċilju tad-debitur jew dak tat-testatur dakinhar tal-mewt, skont il-każ.

Għandha kompetenza wkoll il-qorti tal-post fejn id-debitur għandu ċ-ċentru tal-interessi ewlenin tiegħu. Dan huwa mifhum li huwa l-post fejn id-debitur abitwalment jamministra dawn l-interessi b’mod li huwa abitwali u aċċertabbli minn terzi persuni (l-Artikolu 16 tal-Kodiċi ta’ Insolvenza u Rkupru Korporattiv).

Il-pubblikazzjoni u r-reġistrazzjoni f’reġistru pubbliku ta’ sentenza barranija li tiftaħ proċedimenti, imsemmija fl-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000, iridu jintalbu fil-qorti Portugiża fil-post fejn jinsab l-istabbiliment tad-debitur. Meta d-debitur ma jkollux stabbiliment fil-Portugall, trid issir talba lit-taqsima kummerċjali ta’ Lisbona, jekk l-assi insolventi jinvolvu kumpanija. Meta l-assi insolventi ma jinvolvux kumpanija, ikollha kompetenza t-taqsima ċivili ta’ Lisbona.

Ir-regola ta’ kompetenza msemmija hawn fuq tapplika għar-rikonoxximent tad-dikjarazzjoni ta’ insolvenza f’kawża barranija (l-Artikolu 288 tal-Kodiċi ta’ Insolvenza u Rkupru Korporattiv).

Inventarju tas-suċċessjoni

Għall-kompetenza fi proċedimenti dwar l-inventarju tas-suċċessjoni, ara l-iskeda informattiva dwar is-suċċessjoni.

Il-manteniment għall-adulti u l-minorenni u d-determinazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri

Għal aktar informazzjoni dwar kompetenza f’kawżi dikjaratorji marbuta ma’ pagamenti ta’ manteniment għall-adulti u l-minuri, fl-eżekuzzjoni tagħhom u f’kawżi dwar ir-regolamentazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, ara l-iskeda informattiva dwar il-manteniment.

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Iva, b’ċerti limiti.

Domestikament, bi ftehim espress, il-partijiet jistgħu jiddeċiedu li jitbiegħdu mir-regoli dwar il-kompetenza territorjali. Din hija l-hekk imsejħa kompetenza miftiehma (competência convencional)(l-Artikolu 95 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-kompetenza miftiehma ma tistax tiġi stabbilita f’każijiet fejn il-qorti tista’ tiddikjara, ex officio, nuqqas ta’ kompetenza territorjali. Dan huwa dak li jiġri, pereżempju, fejn il-kompetenza tal-qorti tiddependi fuq is-sitwazzjoni tal-proprjetà immobbli, il-post tat-twettiq tal-obbligu, jew fil-każ ta’ ordni protettiva jew passi preparatorji. Tapplika wkoll f’kawżi fejn il-partijiet huma mħallfin jew ċerti qraba tagħhom, ċerti proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, kawżi li jridu jingħaqdu ma’ kawżi oħra u kawżi fejn avviż ma jiġix notifikat lill-intimat qabel is-sentenza. F’dawn il-każijiet, ma huwiex possibbli li wieħed jiddevja mill-kompetenza territorjali bi ftehim.

Qatt ma huwa possibbli li wieħed jiddevja mir-regoli tal-kompetenza fir-rigward tas-suġġett, il-ġerarkija u l-valur tal-kawża fid-diskrezzjoni tal-partijiet.

Kompetenza bbażata fuq ftehim, fejn ammissibbli, hija obbligatorja daqs dik promulgata mil-liġi. Ftehim bħal dan irid jissodisfa r-rekwiżiti formali tal-kuntratt, li huwa s-sors tal-obbligu. Fi kwalunkwe każ, il-ftehim irid ikun bil-miktub u jrid jispeċifika l-kwistjonijiet li jirreferi għalihom u l-kriterju għad-determinazzjoni tal-qorti li għandha kompetenza.

Internazzjonalment, il-partijiet jistgħu jiftehmu dwar liema qorti għandha l-kompetenza biex issolvi tilwima partikolari jew tilwim li jista’ jinqala’ minn relazzjoni ġuridika partikolari, sakemm dik ir-relazzjoni jkollha rabtiet ma’ aktar minn sistema ġudizzjarja waħda. Dawn huma l-ftehimiet privati li jagħtu kompetenza (pactos privativos e atributivos de jurisdição) (l-Artikolu 94 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ħatra bi ftehim tista’ tinvolvi l-għoti ta’ kompetenza esklużiva jew kompetenza li hija biss alternattiva għal dik tal-qrati Portugiżi, fejn teżisti. Hija preżunta esklużiva f’każ ta’ dubju.

L-għażla tal-kompetenza hija valida biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

  • tikkonċerna drittijiet aljenabbli;
  • l-għażla hija aċċettata mil-liġi tal-qorti maħtura;
  • l-għażla tkun iġġustifikata minn interess serju taż-żewġ partijiet jew ta’ parti minnhom, sakemm ma tikkawżax inkonvenjent serju lill-parti l-oħra;
  • il-kwistjoni ma taqax fil-kompetenza esklużiva tal-qrati Portugiżi;
  • l-għażla hija r-riżultat ta’ ftehim bil-miktub jew ta’ ftehim ikkonfermat bil-kitba, li jrid isemmi b’mod espliċitu l-qorti li lilha ngħatat il-kompetenza.

Kemm fil-każ ta’ kompetenza miftiehma (domestika) kif ukoll fil-każ ta’ ftehimiet privati li jagħtu kompetenza (internazzjonali), ftehim bil-miktub jitqies li huwa kull dokument iffirmat mill-partijiet jew li jirriżulta mill-iskambju ta’ ittri, sistemi ta’ telex, telegrammi jew tipi oħra ta’ komunikazzjoni li jħallu prova bil-miktub, kemm jekk dawn l-istrumenti verament fihom il-ftehim jew fihom klawżola li tirreferi għal dokument ieħor li fih il-ftehim.

Fil-qrati tax-xogħol, ftehimiet jew klawżoli għall-esklużjoni tal-kompetenza territorjali previsti mil-liġi huma nulli u bla effett (l-Artikolu 19 tal-Liġi li tirregola l-qrati tax-xogħol).

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Kif diġà msemmi, fil-Portugall il-qrati speċjalizzati tal-prim'istanza huma l-awli ċentrali f’kull Qorti Distrettwali, l-awli lokali ċivili u l-qrati b’kompetenza usa’.

Il-kompetenza skont is-suġġett ta’ kull waħda minnhom se tissemma hawn taħt biex turi f’liema minnhom jenħtieġ li tressaq rikors, skont is-suġġett tat-tilwima. Kif diġà spjegat, bħala regola ġenerali, il-kawża tibda quddiem il-qrati tal-prim'istanza u tiġi ttrasferita biss quddiem il-qrati superjuri f’każ ta’ appell.

Awli ċentrali ċivili (l-Artikolu 117 tal-Liġi Nru 62/2013)

  • kawżi ċivili ordinarji għal dikjarazzjoni b’valur akbar minn EUR 50,000.00;
  • proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ta’ natura ċivili b’valur akbar minn EUR 50,000.00, f’distretti ġudizzjarji mhux koperti mill-kompetenza ta’ taqsima jew qorti oħra;
  • proċedimenti għal miżuri proviżorji li jikkorrispondu għal kawżi fil-kompetenza tagħhom;
  • kawżi, proċedimenti ta’ eżekuzzjoni u miżuri proviżorji li jaqgħu fis-sezzjoni kummerċjali fid-distretti fejn ma teżisti l-ebda sezzjoni ta’ din ix-xorti;
  • kawżi pendenti quddiem l-awli lokali fejn kien hemm bidla fil-valur b’somma ndaqs għal jew ogħla minn EUR 50,001.00;
  • proċediment relatat mat-trobbija ta’ minuri barra ż-żoni koperti mill-kompetenza tal-qrati tal-familja u tal-minorenni;
  • kawżi dikjaratorji ordinarji ta’ valur daqs jew inqas minn EUR 50,001.00 li jaqgħu fil-kompetenza tas-suġġett tal-Qorti Marittima fid-distretti ġudizzjarji barra mill-kompetenza territorjali tal-Qorti Marittima.

L-awli ċentrali tal-familja u tal-minorenni

(Stat ċivili ta’ persuni u familja) (l-Artikolu 122 tal-Liġi Nru 62/2013)

  • proċedimenti mhux kontenzjużi bejn il-konjuġi;
  • proċedimenti mhux kontenzjużi f’sitwazzjonijiet ta’ koabitazzjoni mhux matrimonjali jew marbuta ma’ persuni li jgħixu flimkien bħala unità domestika konġunta;
  • kawżi relatati ma’ separazzjoni ċivili u divorzju;
  • kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nullità jew annullament ta’ żwieġ legali;
  • dikjarazzjoni ġudizzjarja ta’ bona fede minn konjuġi f’każ ta’ żwieġ putattiv iddikjarat null jew bla effett;
  • kawżi għal u eżekuzzjoni ta’ pagamenti ta’ manteniment bejn il-konjuġi u l-eks konjuġi;
  • kawżi oħra marbuta mal-istat ċivili tal-persuni u l-familja;
  • kawżi li jaqgħu fil-kompetenza ta’ qrati f’każijiet ta’ proċedimenti bl-inventarju miftuħa minħabba separazzjoni ċivili, divorzju, dikjarazzjoni ta’ nullità jew annullament ta’ żwieġ ċivili, kif ukoll kawżi speċjali li jinvolvu s-separazzjoni tal-propjetà li għalihom japplikaw ir-regoli għal dan it-tip ta’ proċedimenti.

(Minuri u tfal adulti) (l-Artikolu 123 tal-Liġi Nru 62/2013)

  • twaqqif ta’ tutela u l-amministrazzjoni tal-assi;
  • ħatra ta’ persuna biex taġixxi f’isem minuri u ħatra ta’ gwardjan (curador-geral) biex jirrappreżenta minuri barra l-qorti, soġġett għar-responsabbiltajiet tal-ġenituri;
  • l-approvazzjoni tal-adozzjonijiet;
  • ir-regolamentazzjoni tal-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri u t-trattament ta’ kwistjonijiet relatati;
  • l-iffissar tal-ammont ta’ ħlasijiet ta’ manteniment dovuti lil minuri u tfal adulti jew emanċipati li fir-rigward tagħhom hemm deċiżjoni tal-qorti li tassenjahom ħlasijiet ta’ manteniment bħala minuri;
  • it-trattament tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni rispettivi għall-manteniment;
  • ordni tat-tqegħid ta’ minuri fil-kura sakemm issir l-adozzjoni (confiança judicial de menores);
  • ordni ta’ miżuri ta’ kustodja għal persuna magħżula għall-adozzjoni jew istitut bi ħsieb ta’ adozzjoni fil-futur;
  • it-twaqqif ta’ relazzjoni ċivili ta’ kustodja permanenti (apadrinhamento civil) u r-revoka ta’ dawn id-deċiżjonijiet;
  • l-awtorizzazzjoni lir-rappreżentant legali tal-minuri biex iwettaq ċerti atti, jirratifika dawk l-atti li setgħu saru mingħajr awtorizzazzjoni u jieħu miżuri dwar l-aċċettazzjoni ta’ donazzjonijiet;
  • it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-garanzija (caução) li l-ġenituri jridu jagħtu favur it-tfal minuri tagħhom;
  • ordni dwar il-projbizzjoni totali jew parzjali tar-responsabbiltà tal-ġenituri u t-twaqqif ta’ limitu fuq l-eżerċizzju tagħha;
  • id-determinazzjoni tal-maternità u l-paternità ex officio u t-trattament ta’ sfidi u investigazzjonijiet fuq il-maternità u l-paternità;
  • f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri, deċiżjoni fuq isem u kunjom il-minuri;
  • meta hemm kuratur jew amministrazzjoni tal-assi, id-determinazzjoni tal-ħlas tal-kuratur jew tal-amministratur, is-smigħ ta’ kwistjonijiet dwar l-irtirar, ir-rilaxx jew it-tneħħija tal-kuratur, l-amministratur jew membru tal-kunsill tal-familja (conselho de família), l-eżiġenza u l-evalwazzjoni tal-kontijiet, l-awtorizzazzjoni tas-sostituzzjoni tal-ipoteka legali (hipoteca legal) u l-ordni ta’ żieda fi jew is-sostituzzjoni tal-garanzija mogħtija u l-ħatra ta’ kustodju speċjali biex jirrappreżenta lill-minuri fi kwistjonijiet ekstraġudizzjarji;
  • il-ħatra ta’ kustodju speċjali biex jirrappreżenta lill-minuri f’kull każ ta’ kustodja tal-minuri;
  • bdil, tħassir u rieżami tal-adozzjoni, l-eżiġenza u l-evalwazzjoni tal-kontijiet tal-parti li se tadotta u l-iffissar tal-ammont ta’ dħul neċessarju għall-manteniment tal-parti adottata;
  • deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiżdied u tiġi sostitwita l-garanzija mogħtija favur tfal minuri;
  • l-eżiġenza u l-evalwazzjoni tal-kontijiet li għandhom jipprovdu l-ġenituri;
  • smigħ ta’ kwistjonijiet oħra fil-proċedimenti msemmija fil-paragrafu ta’ qabel;
  • valutazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjonijiet ta’ entitajiet oħra f’kawżi fejn il-liġi tirriżerva parti mill-kompetenzi msemmija fis-sitt punti preċedenti għal dawn l-entitajiet.

(Tutela ta’ protezzjoni u tal-edukazzjoni) (l-Artikolu 124 tal-Liġi Nru 62/2013)

  • il-preparazzjoni, il-valutazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjoni dwar proċeduri relatati mat-trobbija ta’ minuri;
  • l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ trobbija ta’ minuri u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom, kull meta minuri jew persuna żagħżugħa tkun f’sitwazzjoni riskjuża u ma hemmx każ għal intervent mill-kummissjoni ta’ protezzjoni tat-tfal;
  • it-twettiq tal-atti ġudizzjarji relatati mal-inkjesta dwar l-edukazzjoni (inquérito tutelar educativo);
  • il-valutazzjoni ta’ atti li bil-liġi jikkostitwixxu reati, imwettqa minn minorenni b’età bejn it-12 u s-16-il sena, għall-applikazzjoni ta’ miżura ta’ tutela;
  • l-implimentazzjoni u l-eżami mill-ġdid ta’ miżuri ta’ tutela;
  • dikjarazzjoni tat-tmiem jew it-tħassir ta’ miżuri ta’ tutela;
  • smigħ tal-appell minn sentenzi li japplikaw miżuri dixxiplinarji fuq minorenni li kienu soġġetti għal miżura ta’ tutela.

Nota

Il-kompetenza tal-awli ċentrali tal-familja u tal-minorenni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet ta’ tutela għall-edukazzjoni u ta’ protezzjoni tieqaf jekk: minorenni ta’ età bejn is-16 u t-18-il sena jingħata piena mingħajr sospiża li tinvolvi wkoll ċaħda tal-libertà fi proċedimenti kriminali għal reat li jkun ikkommetta; jew il-minorenni jagħlaq 18-il sena qabel id-data tad-deċiżjoni fil-prim'istanza.

Awli ċentrali għall-impjieg

(Kwistjonijiet ċivili (l-Artikolu 126 tal-Liġi Nru 62/2013)

  • kwistjonijiet relatati mal-annullament u l-interpretazzjoni ta’ strumenti mhux amministrattivi għar-regolamentazzjoni kollettiva tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;
  • kwistjonijiet li jirriżultaw mir-relazzjonijiet bejn il-ħaddiem u l-impjegatur u r-relazzjonijiet stabbiliti sabiex jiġu konklużi l-kuntratti tax-xogħol;
  • kwistjonijiet li jirriżultaw minn inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol;
  • kwistjonijiet dwar l-infermerija, l-isptarijiet, il-provvista ta’ mediċini li tirriżulta mill-forniment ta’ servizzi fil-kliniki, il-proteżijiet u apparat ortopediku jew servizzi oħra li twettqu jew ġew imħallsa għall-benefiċċju tal-vittmi ta’ inċidenti u mard fil-post tax-xogħol;
  • kawżi miftuħa biex jannullaw atti u kuntratti ffirmati minn xi korp responsabbli sabiex ma jiġux sodisfatti obbligi minħabba l-applikazzjoni tal-liġi dwar it-trade unions jew tax-xogħol;
  • kwistjonijiet ġejjin minn kuntratti meqjusa mil-liġi bħala ekwivalenti għal kuntratti tax-xogħol;
  • kwistjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti ta’ apprendistat jew ta’ internship;
  • kwistjonijiet dwar il-ħaddiema impjegati mill-istess entità dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn azzjonijiet li saru b’mod konġunt matul ix-xogħol tagħhom flimkien jew li jirriżulta minn att illegali mwettaq minn wieħed minnhom matul jew minħabba t-twettiq tad-dmirijiet tagħhom; f’dan ir-rigward il-qrati kriminali għandhom kompetenza fuq responsabbiltà ċivili marbuta ma’ responsabbiltà kriminali;
  • kwistjonijiet li jinqalgħu bejn istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jew dawk li jikkonċernaw benefiċċji tal-familja, u l-benefiċjarji, f’dak li jikkonċerna d-drittijiet, is-setgħat u l-obbligi ġuridiċi, regolatorji jew statutorji ta’ kull waħda minn dawn il-partijiet; dan ma jaffetwax il-kompetenza tal-qrati amministrattivi u tat-taxxa;
  • kwistjonijiet li jinqalgħu bejn assoċjazzjonijiet tat-trade unions u l-membri jew persuni rappreżentati minnhom, jew affettwati mid-deċiżjonijiet tagħhom, fir-rigward tad-drittijiet, setgħat u obbligi ġuridiċi, regolatorji jew statutorji ta’ kull waħda minn dawn il-partijiet;
  • kawżi għal-likwidazzjoni u d-diviżjoni tal-assi ta’ istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew assoċjazzjonijiet tat-trade unions fejn ma hemmx dispożizzjonijiet legali li jwaqqfuhom;
  • kwistjonijiet li jinqalgħu bejn istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew assoċjazzjonijiet tat-trade unions fir-rigward tal-eżistenza, l-iskop jew in-natura tas-setgħat jew obbligi ġuridiċi, regolatorji jew statutorji ta’ waħda mill-partijiet li tista’ taffettwa lill-oħra;
  • eżekuzzjonijiet ibbażati fuq id-deċiżjonijiet tagħhom jew fuq ordnijiet ta’ eżekuzzjoni oħra, bl-osservanza tal-kompetenza assenjata lil qrati oħra;
  • kwistjonijiet li jinqalgħu bejn il-partijiet f’relazzjoni industrijali jew bejn waħda minn dawn il-partijiet u terza persuna meta tirriżulta minn relazzjonijiet marbuta ma’ relazzjoni ta’ xogħol u meta t-talba tiġi ppreżentata flimkien ma’ talba oħra li fuqha t-taqsima tal-impjiegi għandha kompetenza diretta;
  • kwistjonijiet li jinvolvu kontrotalbiet marbuta mal-kawża skont dak li ssemma fl-aħħar punt, ħlief f’każ ta’ kumpens, li għalih din il-konnessjoni ma hijiex meħtieġa;
  • kwistjonijiet ċivili marbuta mal-istrajks;
  • kwistjonijiet li jinqalgħu bejn il-kumitati tal-ħaddiema u kumitati rispettivi ta’ koordinazzjoni, il-kumpanija jew l-impjegati tal-kumpanija;
  • il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-kontroll tal-legalità tal-kostituzzjoni, l-istatut ta’ assoċjazzjoni (inklużi l-bidliet fihom), il-funzjonament u l-għeluq ta’ assoċjazzjonijiet tal-unions, assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi u kumitati tal-ħaddiema;
  • kwistjonijiet oħra assenjati mil-liġi.

(Fir-rigward ta’ reati amministrattivi)

  • smigħ ta’ appelli minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet amministrattivi fi proċedimenti dwar reati amministrattivi fi kwistjonijiet dwar ix-xogħol u s-sigurtà soċjali.

Awli ċentrali kummerċjali (l-Artikolu 128 tal-Liġi Nru 62/2013)

  • proċedimenti ta’ insolvenza u proċedimenti speċjali għall-irkupru ta’ kumpanija;
  • kawżi għad-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta' eżistenza, in-nullità u l-annullament tal-istatut ta’ assoċjazzjoni;
  • kawżi marbuta mal-eżerċizzju ta’ drittijiet fil-kumpanija;
  • kawżi għas-sospensjoni u l-annullament ta’ deċiżjonijiet tal-kumpanija;
  • kawżi għall-istralċ ġudizzjarju ta’ kumpaniji;
  • kawżi għall-istralċ ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata Ewropea;
  • kawżi għall-istralċ ta’ kumpaniji holding;
  • kawżi msemmija fil-Kodiċi tar-Reġistru Kummerċjali;
  • kawżi għall-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew korporazzjoni finanzjarja;
  • kwistjonijiet relatati, proċedimenti magħquda u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, fil-kawżi u l-każijiet imsemmija fil-punti preċedenti.
  • appelli għad-deċiżjonijiet mir-reġistraturi tar-reġistru kummerċjali;
  • appelli minn deċiżjonijiet meħuda mir-reġistraturi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedimenti amministrattivi għall-istralċ u l-likwidazzjoni tal-kumpaniji kummerċjali.

Awli ċentrali ta’ eżekuzzjoni (Juízos centrais de execução) (l-Artikolu 129 tal-Liġi Nru 62/2013)

  • Proċedimenti ċivili ta’ eżekuzzjoni, bl-eċċezzjoni ta’: kompetenza mogħtija lill-qorti tal-propjetà intellettwali, lill-qorti għall-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni, il-qorti marittima, lill-awli tal-familja u tal-minorenni, l-awli industrijali, l-awli kummerċjali, kif ukoll l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija mill-awla kriminali li, skont il-proċedimenti kriminali, ma jistgħux jitressqu quddiem awla ċivili.

QRATI B’KOMPETENZA USA’

Qorti tal-Propjetà Intellettwali (Tribunal da propriedade intelectual) (l-Artikolu 111 tal-Liġi Nru 62/2013).

  • kawżi relatati mad-drittijiet tal-awtur u drittijiet konnessi;
  • kawżi relatati mal-propjetà industrijali;
  • kawżi għan-nullità u l-annullament previsti mill-Kodiċi tal-Proprjetà Industrijali;
  • appelli kontra deċiżjonijiet tal-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali (Instituto Nacional da Propriedade Industrial, I. P.) li: jagħtu jew jiċħdu kwalunkwe drittijiet ta’ propjetà industrijali, jew huma relatati ma’ trasferimenti, liċenzji jew dikjarazzjonijiet ta’ obsolexxenza, jew li għandhom bħala suġġett miżuri li jaffettwaw, jimmodifikaw jew jikkanċellaw id-drittijiet ta’ proprjetà industrijali;
  • appell u rieżami ta’ deċiżjonijiet- jew miżuri oħra li jistgħu jiġu kkontestati skont il-liġi - meħuda mill-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali (Instituto Nacional da Propriedade Industrial, I. P.) fi proċedimenti dwar reati amministrattivi;
  • miżuri dikjaratorji fejn il-kawża tikkonċentra fuq ismijiet tad-dominju tal-Internet;
  • appelli minn deċiżjonijiet tal-Istitut Nazzjonali għall-Informatika Xjentifika (Fundação para a Computação Científica Nacional) - bħala l-korp responsabbli għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet tad-dominju .PT - li jirreġistraw, jiċħdu r-reġistrazzjoni ta’ jew ineħħu isem tad-dominju .PT;
  • miżuri fejn il-kawża tikkonċentra fuq kumpaniji jew ismijiet korporattivi;
  • appelli minn deċiżjonijiet tal-Istitut għar-Reġistrazzjoni u l-Affarijiet Notarili (Instituto dos Registos e do Notariado, I. P.) dwar l-ammissibbiltà ta’ kumpaniji jew ismijiet ta’ kumpaniji skont ir-regoli legali għar-Reġistru Nazzjonali tal-Persuni Ġuridiċi (Registo Nacional de Pessoas Colectivas);
  • miżuri fejn il-kawża tikkonċentra fuq il-kompetizzjoni inġusta fir-rigward tal-proprjetà industrijali;
  • miżuri għall-kumpilazzjoni u l-preżervazzjoni ta’ provi u l-għoti ta’ informazzjoni meta meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet tal-awtur;
  • kwistjonijiet relatati, proċedimenti magħquda u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, fil-kawżi u l-appelli msemmija fil-punti preċedenti.

(Qorti għall-Kompetizzjoni, ir-Regolamentazzjoni u s-Superviżjoni) (Tribunal da concorrência, regulação e supervisão) (l-Artikolu 112 tal-Liġi Nru 62/2013).)

  • Appelli, rieżami u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, ordnijiet u miżuri oħra fi proċedimenti għal reati amministrattivi li jistgħu jiġu kkontestati skont il-liġi:
    • maħruġa mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni;
    • maħruġa mill-Awtorità Nazzjonali għall-Komunikazzjonijiet;
    • maħruġa mill-Bank tal-Portugall;
    • maħruġa mill-Kummissjoni għall-Iswieq tat-Titoli;
    • maħruġa mill-Awtorità għar-Regolamentazzjoni tal-Media;
    • maħruġa mill-Istitut Portugiż għall-Assikurazzjoni;
    • maħruġa minn korpi amministrattivi indipendenti oħra b’funzjonijiet regolatorji u superviżorji;
    • appell, rieżami u eżekuzzjoni:
      • ta’ deċiżjonijiet mill-awtorità għall-kompetizzjoni mogħtija fi proċedimenti amministrattivi kif imsemmija fir-regoli legali dwar il-kompetizzjoni;
      • ta’ deċiżjoni ministerjali li eċċezzjonalment tawtorizza konċentrazzjoni bejn kumpaniji li hija pprojbita minn deċiżjoni ta’ awtorità għall-kompetizzjoni;
      • ta’ deċiżjonijiet oħra mill-awtorità għall-kompetizzjoni li jippermettu appell skont ir-regoli legali dwar il-kompetizzjoni;
      • kwistjonijiet relatati, proċedimenti magħquda u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, fil-kawżi, l-appelli, il-miżuri u rieżamijiet imsemmija fil-punti preċedenti.

Il-Qorti Marittima (Tribunal marítimo) (l-Artikolu 113 tal-Liġi Nru 62/2013).

  • kumpens minħabba dannu kkawżat jew imġarrab minn bastimenti, dgħajjes u inġenji tal-baħar oħrajn, jew li jirriżultaw mill-użu marittimu tagħhom skont it-termini ġenerali tal-liġi;
  • kwistjonijiet relatati ma’ kuntratti għall-bini, tiswija, xiri u bejgħ ta’ bastimenti, dgħajjes u bastimenti oħra galleġġanti, sakemm ikunu maħsuba għall-użu marittimu;
  • kwistjonijiet relatati ma’ kuntratti għat-trasport marittimu jew kuntratti ta’ trasport imħallta jew kombinati;
  • kwistjonijiet relatati ma’ kuntratti għat-trasport fix-xmajjar jew fil-kanali, fil-limiti taż-żoni ta’ kompetenza marittima f’passaġġi fuq l-ilma interni, u f’qiegħ ix-xmajjar u x-xtut kif imfissra mil-liġi;
  • kwistjonijiet relatati ma’ kuntratti għall-użu marittimu ta’ bastimenti, dgħajjes u bastimenti oħra galleġġanti, l-aktar dawk għal-lokazzjoni finanzjarja u kiri bl-ekwipaġġ;
  • kwistjonijiet relatati ma’ kuntratti għall-assigurazzjoni ta’ bastimenti, dgħajjes u bastimenti oħra galleġġanti maħsuba għall-użu marittimu u t-tagħbija tagħhom;
  • kwistjonijiet relatati ma’ ipoteki u liens fuq bastimenti u dgħajjes kif ukoll garanziji in rem fuq bastimenti galleġġanti u t-tagħbija tagħhom;
  • proċedimenti speċjali marbuta ma’ bastimenti, dgħajjes u bastimenti oħra galleġġanti u t-tagħbija tagħhom;
  • proċedimenti għal miżuri proviżorji fuq bastimenti, dgħajjes u bastimenti oħra galleġġanti, it-tagħbija rispettiva tagħhom u l-flus kontanti u assi oħra li jappartjenu lill-bastimenti, dgħajjes u bastimenti oħra galleġġanti, kif ukoll talbiet preliminari lill-kaptani tal-port biex iwaqqfu t-tluq tal-assi li huma soġġetti għal dawn il-miżuri;
  • kwistjonijiet relatati ma’ medja ġenerali jew partikolari inklużi d-danni kkawżati lil bastimenti galleġġanti oħra maħsuba għall-użu marittimu;
  • kwistjonijiet relatati mal-assistenza u salvataġġ marittimu;
  • kwistjonijiet relatati ma’ kuntratti ta’ rmunkar u pilotaġġ;
  • kwistjonijiet relatati mat-tneħħija tal-iskart;
  • responsabbiltà ċivili minħabba t-tniġġis tal-baħar u żoni oħra ta’ ilma fil-kompetenza tal-qorti;
  • l-użu, it-telf, l-iskoperta jew l-approprjazzjoni ta’ tagħmir jew apparat għas-sajd jew għat-tkabbir tal-frott tal-baħar, molluski u pjanti tal-baħar, ankri, xlief, tagħmir, provvisti u oġġetti oħra użati għan-navigazzjoni jew għas-sajd, kif ukoll il-ħsara kkawżata lil jew minn dawn l-oġġetti;
  • ħsara kkawżata lill-assi fid-dominju pubbliku marittimu;
  • is-sjieda u l-pussess ta’ oġġetti li jitilgħu f’wiċċ il-baħar u oġġetti mill-baħar jew fdalijiet li qegħdin f’qiegħ il-baħar jew li ġew minn jew jeżistu f’ilmijiet tal-wiċċ interni, jekk huma ta’ interess marittimu;
  • qbid;
  • il-mistoqsijiet kollha fuq kwistjonijiet tal-liġi kummerċjali marittima;
  • appelli minn deċiżjonijiet tal-kaptan tal-port mogħtija wara proċedimenti ta’ reati amministrattivi marittimi;
  • kwistjonijiet relatati, proċedimenti magħquda u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, fil-kawżi u l-każijiet imsemmija fil-punti preċedenti.

QRATI SUPERJURI

Qrati tal-Appell (l-Artikolu 67 tal-Liġi Nru 62/2013).

Fit-tieni istanza, il-Qrati tal-Appell jinkludu s-sezzjonijiet għall-materji ċivili, materji kriminali, materji soċjali, tal-familja u tal-minorenni, materji kummerċjali, tal-proprjetà intellettwali u l-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni. Madankollu, il-ħolqien ta’ awli għal kwistjonijiet soċjali, tal-familja u tal-minorenni, kummerċjali, għall-proprjetà intellettwali u l-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni jiddependi mill-volum u l-kumplessità tas-servizz.

Il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Supremo Tribunal de Justiça) (l-Artikolu 47 tal-Liġi Nru 62/2013)

Fl-aħħar istanza, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja għandha sezzjonijiet għall-materji ċivili, kriminali u soċjali.

Leġiżlazzjoni rilevanti

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

Il-Liġi Nru 62/2013

Il-liġi li tirregola l-qrati industrijali

Il-Kodiċi ta’ Insolvenza u Rkupru Korporattiv

Avviż

Il-Punt ta’ Kuntatt, il-qrati jew entitajiet u awtoritajiet oħra ma humiex marbuta bl-informazzjoni f’din l-iskeda informattiva. Għalhekk iridu jiġu kkonsultati t-testi legali fis-seħħ u l-emendi sussegwenti tagħhom.

L-aħħar aġġornament: 25/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.