

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili tiggarantixxi d-dritt ta' kull persuna, fiżika jew ġuridika, għal protezzjoni tad-drittijiet ċivili tagħha permezz tal-qrati, jekk dawn jiġu miksura jew kontestati, u l-protezzjoni bil-qorti ta' kull interess imħares mil-liġi. Bħala regola ġenerali, il-kawżi ċivili jinstemgħu mill-qrati, skont il-proċeduri ordinarji tal-qrati. F'każijiet eċċezzjonali, u fejn ikun speċifikat mil-liġi biss, it-tilwim ċivili jista' jiġi deċiż permezz ta' proċeduri extraġudizzjarji oħra. Fejn tipprovdi l-liġi, qorti tisma' wkoll it-talbiet imressqa mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li min-natura tagħhom ma jaqgħux fil-qasam ċivili. Madankollu, l-assenjazzjoni ta' tilwima ssir dejjem minn qorti jew imħallef. Jekk il-qorti jew l-imħallef jagħraf li tilwima ma taqax fil-ġurisdizzjoni ta' qorti, id-deċiżjoni f'dan is-sens tindika l-korp responsabbli biex jiddeċiedi mit-tilwima.
Il-Latvja ma għandhiex qrati speċjalizzati li jisimgħu biss kategoriji speċjali ta' kawżi ċivili. Madankollu, ir-regoli ordinarji tal-ġurisdizzjoni huma soġġetti għal ċerti eċċezzjonijiet li jistabbilixxu liema qorti tisma' l-kawża fl-ewwel istanza.
Il-parti sostantiva tal-kawżi ċivili tinstema' mill-qorti tal-ewwel istanza tal-post rilevanti; ċerti kawżi speċifikati mil-liġi jridu jinstemgħu minn qorti reġjonali.
Il-mertu tal-kawża ma jistax jiġi eżaminat minn qorti superjuri jekk il-kawża ma tkunx għadha nstemgħet minn qorti inferjuri. Il-qorti tal-ewwel istanza għall-kawżi ċivili hija l-qorti distrettwali jew tal-belt (rajona (pilsētas) tiesa) jew il-qorti reġjonali (apgabaltiesa) li fil-ġurisdizzjoni tagħha taqa' l-kawża. Fil-proċedimenti ċivili l-kawżi jiġu meqjusa fil-mertu mill-qorti bil-ġurisdizzjoni għal dak it-tip ta' kawża, suġġett u post tat-tilwima.
Jekk il-kawża ma taqax fil-ġurisdizzjoni tal-qrati, bħala regola ġenerali tinstema' fil-qorti distrettwali jew tal-belt, iżda hemm każijiet speċifikati mil-liġi li jinstemgħu mill-qorti reġjonali. Il-każijiet li ġejjin jinstemgħu fl-ewwel istanza mill-qorti reġjonali:
Jekk kawża jkun fiha diversi talbiet, u xi talbiet huma soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-qorti distrettwali jew tal-belt u oħrajn għall-ġurisdizzjoni tal-qorti reġjonali, jew meta kontrotalba li taqa' fil-ġurisdizzjoni ta' qorti reġjonali ġiet ippreżentata quddiem qorti distrettwali jew tal-belt, il-kawża tinstema' mill-qorti reġjonali.
Il-kawżi ċivili li jinvolvu sigriet tal-Istat jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Reġjonali ta' Riga (Rīgas apgabaltiesa) bħala qorti tal-ewwel istanza.
Il-kawżi ċivili jiġu assenjati għas-smigħ fl-ewwel istanza lil qrati fi gradi differenti, skont is-suġġett: il-kawżi jiġu klassifikati skont il-kategorija u n-natura tat-talba. Irid jingħad ukoll li anki qrati fl-istess grad għandhom il-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom stess.
Il-proċeduri ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni territorjali jistabbilixxu li talba kontra persuna fiżika trid titressaq quddiem il-qorti tal-post ta' residenza ddikjarat tagħha (l-Artikolu 26 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili). Talba kontra persuna ġuridika trid titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. B'hekk il-qorti adattata tal-ewwel istanza tiġi determinata mis-suġġett tal-kawża u mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni territorjali.
L-Att dwar il-Proċedura Ċivili jispeċifika wkoll l-eċċezzjonijiet għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni territorjali fil-kawżi ċivili, meta r-rikorrent jista' jagħżel li jiftaħ kawża jew skont id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni territorjali, jiġifieri jidher quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut jew jiftaħ kawża quddiem qorti tal-ewwel istanza differenti, fl-istess grad, li l-liġi tindika bħala qorti alternattiva.
Talba kontra konvenut li ma għandux post ta' residenza dikjarat titressaq quddiem qorti li tiġi magħżula skont il-post ta' residenza de facto tal-konvenut.
Jekk il-post ta' residenza de facto tal-konvenut mhux magħruf, jew jekk il-konvenut ma għandux post ta' residenza abitwali fil-Latvja, it-talba titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli tal-konvenut, jew tal-aħħar post ta' residenza magħruf tiegħu.
F'ċerti każijiet speċifikati mil-liġi, rikorrent għandu ċerti drittijiet biex jagħżel fejn jiftaħ il-kawża, quddiem qorti stabbilita mill-post ta' residenza dikjarata tal-konvenut jew l-uffiċċju reġistrat jew quddiem qorti oħra.
Ir-regoli dwar l-għażla tal-qorti mir-rikorrent jinsabu fl-Artikolu 28 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili, li jagħti lista dettaljata tat-tip ta' kawżi u qrati alternattivi li quddiemhom tista' titressaq il-kawża:
Jekk ir-rikorrent fil-każijiet imsemmija hawn qabel ma għandux post iddikjarat ta' residenza, tista' ssir talba quddiem il-qorti tal-post ta' residenza de facto tar-rikorrent.
Hemm ukoll dispożizzjoni rigward il-ġurisdizzjoni esklussiva fil-kawżi ċivili, li tieħu preċedenza mhux biss fuq il-ġurisdizzjoni territorjali ordinarja iżda wkoll kull forma oħra ta' ġurisdizzjoni territorjali. Il-ġurisdizzjoni hija determinata mit-tip ta' kawża fil-każijiet li ġejjin.
Kawża dwar id-drittijiet ta' sjieda jew drittijiet ta' proprjetà oħra fir-rigward ta' proprjetà immobbli jew marbuta magħhom, jew kawża dwar ir-reġistrazzjoni ta' dawn id-drittijiet fir-reġistru tal-artijiet jew it-tneħħija ta' dawn id-drittijiet u l-esklużjoni tal-proprjetà mir-rekords, trid titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà.
Meta l-kawża tinġieb kontra l-beni tad-decujus, u ma hemmx eredi magħrufa li ġew konfermati jew aċċettaw il-wirt, il-ġurisdizzjoni hija tal-qorti tal-post ta' residenza dikjarata jew de facto tad-decujus, iżda jekk ir-residenza dikjarata jew de facto mhix fil-Latvja jew mhix magħrufa, il-ġurisdizzjoni hija tal-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà jew parti minnha tal-wirt.
Il-ġurisdizzjoni esklussiva tinsab ukoll f'atti leġiżlattivi oħra.
Id-dispożizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll f'każijiet soġġetti għal proċedimenti ġudizzjarji speċjali:
Rikors għall-approvazzjoni ta' adozzjoni jird jiġi preżentat lill-qorti tal-post ta' residenza dikjarata ta' min se jaddotta, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu; rikors għall-annullazzjoni ta' adozzjoni jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tar-rikorrent, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu.
Rikors għall-approvazzjoni ta' adozzjoni minn ċittadin barrani jew persuni li tgħix fi stat barrani jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tal-persuna adottata, iżda jekk il-persuna adottata tkun f'kustodja mhux fil-familja r-rikors irid jiġi ppreżentat lill-qorti tal-post fejn qed tiġi provvduta l-kura w kustodja (l-Artikolu 259(2) tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Rikors għall-interdizzjoni minħabba diżordni mentali jew kundizzjonijiet oħra jrid jiġi ppreżentat lill-qorti tal-post ta' residenza dikjarata ta' dik il-persuna, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tagħha; jekk il-persuna tkun ġiet trasferita f'istitut mediku, ir-rikors irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post fejn jinsab l-istitut mediku (l-Artikolu 264 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Kawża dwar il-falliment ta' persuna ġuridika trid tiġi deċiża mill-qorti tal-post fejn ikollu l-uffiċċju reġistrat id-debitur. Il-ġurisdizzjoni biex jinbdew proċedimenti ta' falliment skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000 hija għand il-qorti tal-post fejn jinsabu l-interessi prinċipali tad-debitur. Madankollu, jekk il-proċedimenti ta' falliment jinfetħu skont l-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, il-kawża tiġi deċiża mill-qorti tal-post fejn id-debitur ikollu "stabbiliment" fit-tifsira tal-Artikolu 2(h) tar-Regolament (l-Artikolu 363 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Kawża dwar il-falliment ta' persuna ġuridika trid tiġi deċiża mill-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tad-debitur, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu. Il-ġurisdizzjoni biex jinbdew proċedimenti ta' falliment skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000 hija għand il-qorti tal-post fejn jinsabu l-interessi prinċipali tad-debitur. Madankollu, jekk il-proċedimenti ta' falliment jinfetħu skont l-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, il-kawża tiġi deċiża mill-qorti tal-post fejn id-debitur ikollu "stabbiliment" fit-tifsira tal-Artikolu 2(h) tar-Regolament (l-Artikolu 363 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Kwistjonijiet dwar il-falliment jew il-likwidazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu jridu jiġu deċiżi mill-qorti tal-post fejn ikollha l-uffiċċju reġistrat l-istituzzjoni ta' kreditu (l-Artikolu 341 tal-Att).
Il-kawżi relatati mal-eżekuzzjoni mhux kontestata ta' obbligi (saistību bezstrīdus piespiedu izpildīšana):
Każjiet marbuta mal-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifiki tal-qorti (saistību piespiedu izpildīšana brīdinājuma kārtībā):
Rikors għall-eżekuzzjoni ta' obbligi fuq notifika tal-qorti jrid jiġi ppreżentat lill-uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post ta' residenza dikjarata tad-debitur, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu jew l-uffiċċju reġistrat (l-Artikolu 406 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Iva, din il-possibilità teżisti: Skont il-leġiżlazzjoni Latvjana l-partijiet jistgħu jagħżlu l-qorti bil-ġurisdizzjoni territorjali għall-kawża tagħhom bi ftehim bejniethom. Fil-konklużjoni ta' kuntratt il-partijiet jistgħu jispeċifikaw il-qorti tal-ewwel istanza fejn jista' jiġi deċiż tilwim aktar 'il quddiem marbut mal-kuntratt jew fil-kisba tat-termini tiegħu. Huma ma jistgħux ibiddlu l-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-suġġett ta' tilwima, jiġifieri l-grad tal-qorti li se tisma' l-kawża fl-ewwel istanza (l-Artikolu 25 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili); lanqas jistgħu jbiddlu ġurisdizzjoni esklussiva (l-Artikolu 29 tal-Att). Il-ġurisdizzjoni bi ftehim hija soġġett għal żewġ kundizzjonijiet:
Skont il-leġiżlazzjoni Latvjana, il-qrati b'ġurisdizzjoni ġenerali jisimgħu kemm kawżi ċivili kif ukoll kriminali. Il-Latvja ma għandhiex qrati speċjalizzati, pereżempju qrati tal-familja, jew imħallfin li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet ġuridiċi partikolari, kif inhu l-każ f'pajjiżi oħra.
Kif spjegat aktar 'il fuq, il-mertu ta' kawża ċivili jitqies f'qorti tal-ewwel istanza u ma jistax jerġa' jiġi eżaminat minn qorti ogħla sakemm il-qorti inferjuri tkun qatgħet il-kawża. Il-qorti tal-ewwel istanza għall-kawżi ċivili hija l-qorti distrettwali jew tal-belt jew il-qorti reġjonali li fil-ġurisdizzjoni tagħha taqa' l-kawża. Bħala regola ġenerali, il-kawżi ċivili kollha jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qrati, li jisimgħuhom skont il-proċeduri ordinarji tal-qorti.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.