Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Fil-Finlandja, il-kawżi ċivili jiġu ttrattati mill-qrati ġenerali. Il-qrati speċjali ġeneralment jieħdu ħsieb l-appelli jew inkella jisimgħu kawżi oħra, minbarra dawk li jitressqu minn ċittadini individwali.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Il-Qorti Ġenerali tal-Prim'Istanza fil-kawżi ċivili fil-Finlandja hija l-Qorti Distrettwali (käräjäoikeus). Il-Qrati tal-Appell (hovioikeus) fil-prinċipju huma qrati li jieħdu ħsieb kawżi fil-livell tal-appell.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Ir-regola ewlenija hija li l-kawżi jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Prim'Istanza li tkun tinsab fil-post tar-residenza tal-intimat. Dan japplika wkoll meta l-intimat ikun persuna ġuridika. Għadd żgħir biss tal-kawżi jiġu ttrattati xi mkien ieħor.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Il-kawżi fejn dan ikun possibbli jinkludu dawn li ġejjin:

Il-kawżi li jirrigwardaw id-divorzju, it-terminazzjoni ta' koabitazzjoni jew tal-validità taż-żwieġ, jew il-qsim tal-beni f'komunjoni f'ċirkostanzi partikolari minbarra wara l-mewt ta' wieħed mill-konjuġi, jistgħu jitressqu quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn wieħed mill-konjuġi jkollu l-post tar-residenza jew id-domiċilju tiegħu.

Il-kawżi li jirrigwardaw l-operati ta' xi fergħa, dipartiment, rappreżentanza jew ta' post tan-negozju ieħor ta' dan it-tip ta' persuna ġuridika jew ta' negozjant indipendenti, fejn dawn tal-aħħar ikunu l-intimati, ukoll jistgħu jitressqu quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn ikun jinsab il-post tan-negozju kkonċernat.

Il-pretensjoni mressqa minn konsumatur kontra negozjant abbażi tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, ukoll tista' tinstema' minn qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn il-konsumatur ikkonċernat ikollu l-post tar-residenza jew id-domiċilju tiegħu.

It-tilwim, ir-rikorsi u l-ilmenti relatati mad-drittijiet industrijali u mad-drittijiet tal-awtur jiġu ttrattati fil-prim'istanza mill-Qorti tas-Suq (markkinaoikeus).

Il-kawżi relatati mal-kuntratti ta' impjieg ukoll jistgħu jitressqu quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn normalment jitwettaq ix-xogħol irregolat mill-kuntratt ikkonċernat. Fil-każijiet fejn ix-xogħol normalment ma jkunx isir fl-istess distrett ġudizzjarju, impjegat li jrid iressaq pretensjoni kontra l-impjegatur tiegħu jista' jagħmel dan ukoll quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn l-impjegatur ikollu l-post tan-negozju tiegħu.

Il-kawżi li jirrigwardaw il-kumpens għal raġunijiet għajr dawk kuntrattwali, ukoll jistgħu jitressqu quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju ta' fejn ikun seħħ l-att dannuż jew l-att ta' negliġenza li wassal għall-pretensjoni jew ta' fejn eventwalment iġġarrab it-telf. It-tipi ta' kawżi msemmija hawn fuq jistgħu jitressqu wkoll quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn ir-rikorrent ikollu l-post tar-residenza jew id-domiċilju tiegħu, jekk il-pretensjoni tkun ibbażata fuq l-Att dwar l-Assigurazzjoni li tkopri Riskji Awtomobilistiċi (liikennevakuutuslaki), l-Att dwar il-Korrimenti tal-Morda fi Sptar (potilasvahinkolaki), l-Att dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti Difettużi (tuotevastuulaki), l-Att dwar l-Assigurazzjoni għall-Ħsara Ambjentali (laki ympäristövahinkovakuutuksesta) jew l-Att dwar ir-Responsabbiltà fit-Traffiku Ferrovjarju (raideliikennevastuulaki).

Il-kawżi relatati mal-proprjetà immobbli jistgħu jitressqu wkoll quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli kkonċernata.

Il-kawżi relatati mal-manteniment jistgħu jitressqu wkoll quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn ikun jinsab il-post tar-residenza tar-rikorrent jew ta' dak li jirċievi l-manteniment.

F'każijiet internazzjonali, jistgħu japplikaw ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni stipulati fir-regolamenti tal-UE jew fit-trattati internazzjonali.

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Il-qorti kompetenti mhux dejjem tkun dik tal-post tar-residenza tal-intimat. Pereżempju,

Il-kawżi relatati mad-dikjarazzjoni ta' paternità jridu jitressqu quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn ikun jinsab il-post tar-residenza jew id-domiċilju tal-omm jew tal-wild. Il-kawżi relatati mar-revoka ta' paternità jridu jitressqu quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn ikun jinsab il-post tar-residenza tal-wild.

Il-kawżi relatati mal-kustodja tat-tfal u mad-dritt tal-ġenituri li jaraw lil uliedhom iridu jitressqu quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn ikun jinsab il-post tar-residenza tal-wild.

Il-kawżi relatati mal-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet dwar il-kustodja tat-tfal u d-dritt tal-ġenituri li jaraw lil uliedhom iridu jitressqu quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn ikun jinsab il-post tar-residenza tal-wild jew tal-intimat, jew fejn ikun hemm ir-residenza temporanja ta' wieħed minnhom.

Il-kawżi relatati mal-ħatra tal-kustodju jew it-terminazzjoni tal-kustodja jew mal-limitazzjoni tal-kapaċità legali jew mat-tneħħija jew l-emenda ta' tali limitazzjoni, iridu jitressqu quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn ikun jinsab il-post tar-residenza tal-individwu li l-kapaċità legali tiegħu tkun qed tiġi limitata.

Il-kawżi relatati mal-validazzjoni ta' adozzjoni jridu jitressqu quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn ikun jinsab il-post tar-residenza jew id-domiċilju tal-ġenitur adottiv.

Il-kawżi relatati mal-wirt u mal-patrimonju jridu jitressqu quddiem qorti tal-prim'istanza fid-distrett ġudizzjarju fejn kien jinsab il-post tar-residenza jew id-domiċilju tal-persuna deċeduta.

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Fil-kawżi ċivili (iżda mhux fi proċedimenti b'ġuriżdizzjoni volontarja) il-partijiet interessati jistgħu, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jagħżlu qorti oħra li ma tkunx dik li normalment ikollha l-kompetenza (il-qorti tal-prim'istanza)

Id-dritt tal-konsumaturi, l-impjegati jew l-individwi li jitolbu li jirċievu jew li jirċievu l-manteniment biex iressqu kawża l-qorti kif indikat mill-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja (oikeudenkäymiskaari) ma jistax ikun limitat mill-ftehimiet li jagħtu l-ġuriżdizzjoni, minbarra f'każijiet fejn tali ftehimiet ikunu saru wara li tkun inqalgħet xi tilwima.

Il-ftehimiet li jagħtu l-ġuriżdizzjoni jridu jsiru bil-miktub, u jistgħu jew ikunu limitati għal tilwima speċifika jew inkella jkopru kwalunkwe tilwima sussegwenti li tirriżulta minn rabta legali speċifika.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

It-tilwim, ir-rikorsi u l-ilmenti relatati mad-drittijiet industrijali u mad-drittijiet tal-awtur jiġu ttrattati fil-prim'istanza mill-Qorti tas-Suq. Mill-bqija, is-sistema speċjali tal-qrati fil-Finlandja tintuża biss għall-każijiet ta' litigazzjoni f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

Ħoloq

Il-qrati Finlandiżi

L-aħħar aġġornament: 02/03/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna