Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Il-kwistjonijiet ċivili jaqgħu fil-kompetenza tal-qrati tal-kontea (maakohus). Il-qrati tal-kontea, bħala qrati tal-prim'istanza, jisimgħu l-kwistjonijiet ċivili. Il-kwistjonijiet ċivili jkopru firxa wiesgħa ta' oqsma u jinvolvu tilwim ġej minn kuntratti u obbligi differenti, kwistjonijiet tal-familja u tas-suċċessjoni, tilwim dwar drittjiet reali, kwistjonijiet dwar l-attivitajiet u l-ġestjoni ta' kumpaniji u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, kwistjonijiet ta' falliment u dwar il-liġi tax-xogħol. Sabiex tinfetaħ kawża ċivili, irid jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-kontea. Ir-rikors li jrid jiġi ppreżentat lill-qorti jrid jindika l-persuna li kontriha qed issir it-talba, x'inhi t-talba, għalfejn qiegħda ssir (jiġifieri fuq liema bażi ġuridika) u l-provi ta' sostenn għat-talba.

Talba kontra persuna oħra għall-ħlas ta' somma fissa ta' flus ġejja minn relazzjoni ta' dritt privat tista' tinstemgħa wkoll fuq talba skont il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas. Sabiex tinbeda l-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas fir-rigward ta' talba għal manteniment jew talba dwar dejn, is-sit elettroniku https://www.e-toimik.ee/ jista' jintuża biex jiġi kkuntattjat id-dipartiment ta' ordni għall-ħlas tal-qorti tal-kontea. Il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas ma tapplikax għal talbiet li jaqbżu s-EUR 6 400 (talba dwar dejn); dan l-ammont ikopri kemm it-talba prinċipali u dik kollaterali. Bl-istess mod, il-proċedura mħaffa ma tapplikax jekk it-talba għall-manteniment taqbeż il-EUR 200 fix-xahar. Il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas ma tapplikax jekk id-debitur mhux indikat fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tifel bħala ġenitur. Il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas titmexxa mill-Haapsalu courthouse tal-Qorti tal-Kontea ta' Pärnu (Pärnu Maakohtu Haapsalu kohtumaja).

Ċertu tilwim jista' jitressaq quddiem kumitati ekstraġudizzjarji qabel ma jintuża d-dritt ta' rikors għall-qrati. Pereżempju, it-tilwim fil-post tax-xogħol jiġi deċiż minn kumitat dwar it-tilwim fil-post tax-xogħol (töövaidluskomisjon). Kumitat dwar il-tilwim fil-post tax-xogħol huwa korp indipendenti u ta' qabel il-proċess li jiddeċiedi dwar tilwim individwali fil-post tax-xogħol. Kemm l-impjegati u min iħaddem għandhom id-dritt jidhru quddiem kumitat u jkunu eżenti mit-tariffi tal-Gvern. Kumitat dwar it-tilwim fil-post tax-xogħol jisma wkoll kull tilwim ġej minn relazzjonijiet industrijali. Meta wieħed ikun qed jeżerċità d-dritt li jidher quddiem kumitat dwar it-tilwim fil-post tax-xogħol, huma importanti jiġi nnutat li l-kumitat jiddeċiedi talbiet li ma jaqbżux l-EUR 10 000. It-talbiet li jaqbżu l-EUR 10 000 jiġu deċiżi minn qorti. Ir-rikors ippreżentat lill-kumitat dwar it-tilwim fil-post tax-xogħol għandu jindika ċ-ċirkustanzi rilevanti għal dik it-tilwima. Pereżempju, meta tkun qed issir oġġezzjoni dwar il-kanċellament ta' kuntratt ta' impjieg, iridu jingħataw il-ħin u r-raġunijiet għal tali kanċellament. Trid tiġi deskritta n-natura tan-nuqqas ta' ftehim bejn il-partijiet, jiġifieri x'naqas li jagħmel jew għamel illegalment l-impjegat jew min iħaddem. Id-dikjarazzjonijiet u t-talbiet jridu jiġu ppruvati, u għalhekk, għandha tiġi inkluża kull ċirkustanza li hija appoġġata minn provi bil-miktub (kuntratt tal-impjieg, ftehim reċiproku jew korrispondenza bejn l-impjegat u min iħaddem eċċ.) jew kull referenza għal xi provi oħra u xhieda. Dawn il-provi bil-miktub, li jappoġġaw it-talba tal-impjegat jew ta' min iħaddem, għandhom jiġu mehmuża mar-rikors meta jiġi ppreżentat. Jekk ir-rikorrent iqis li jkollu jiġi mistieden xhud għal-laqgħa, l-isem u l-indirizz tax-xhud għandhom jiġu nklużi fir-rikors.

Talbiet ġejjin minn kuntratt bejn konsumatur u negozjant jistgħu jiġu deċiżi minn kumitat għall-ilmenti tal-konsumaturi (tarbijakaebuste komisjon). Kumitat għall-ilmenti tal-konsumaturi għandu ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedi tilwim dwar kuntratti bejn il-konsumaturi u n-negozjanti jekk il-partijiet ma wasslux biex isolvu t-tilwim tagħhom bi ftehim u jekk il-valur tal-oġġetti jew servizzi konċernati huwa tal-inqas ta' EUR 20. Talbiet minħabba mewt, ħsara fuq il-persuna jew ħsara fuq is-saħħa ma jiġux deċiżi minn kumitat iżda jridu jitressqu l-qorti.

Kumitat ma jistax jiddeċiedi tilwim relatat mal-forniment ta' servizzi tas-saħħa jew ġuridiċi jew it-trasferiment ta' proprjetà immobbli jew bini, jew tilwim li għalih il-proċedura għar-riżoluzzjoni hija stabbilita minn Atti oħra. Dak it-tilwim jiġi deċiż mill-istituzzjoni kompetenti jew mill-qorti. Pereżempju l-proċedura biex jiġi deċiż tilwim fuq il-lokazzjonijiet ġiet stabbilita fl-Att dwar ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim fuq il-Lokazzjonijiet (üürivaidluse lahendamise seadus).

Kumitat għall-ilmenti tal-konsumaturi għandu ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedi kull ilment marbut ma' telf ikkawżat minn prodott b'difett, sakemm it-telf jista' jiġi determinat. Jekk ġie stabbilit li ġie kkawżat telf iżda l-ammont eżatt tat-telf ma jistax jiġi kkwantifikat, pereżempju f'każ ta' telf mhux fi flus jew telf li għad irid iseħħ, l-ammont ta' kumpens jiġi stabbilit minn qorti.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

Sabiex jiġi stabbilit liema qorti hija kompetenti biex tisma' kwistjoni, huwa importanti li wieħed ikun jaf il-prinċipji tal-ġuriżdizzjoni. Il-ġuriżdizzjoni hija maqsum fi tliet oqsma: 1) ġuriżdizzjoni ġenerali, li tiddependi fuq il-post ta' residenza tal-persuna; 2) ġuriżdizzjoni b'għażla; 3) ġuriżdizzjoni esklussiva (ara t-Taqsima 2.2).

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Il-qrati tal-istanzi inferjuri u superjuri huma differenti, minħabba li s-sistema tal-qorti Estonjana għandha tliet istanzi.

Il-qrati tal-kontea (maakohus) bħala qrati tal-prim'istanza, jisimgħu l-kwistjonijiet ċivili. Att jista' jistabbilixxi li ċerti tipi ta' kwistjonijiet jistgħu jinstemgħu biss minn qorti tal-kontea partikolari jekk dan iħaffef il-proċess ta' smigħ tal-kwistjoni jew jekk il-proċess isir aktar effettiv.

Qorti tas-circuit jew qorti distrettwali (ringkonnakohus) teżamina deċiżjonijiet f'kwistjonijiet ċivili mill-qrati tal-kontea fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħhom, permezz ta' appelli kontra deċiżjonijiet u sentenzi. Qorti tas-circuit tiddeċiedi wkoll dwar kwistjonijiet oħra li l-liġi tqiegħed taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.

Il-Qorti Suprema (Riigikohus) teżamina deċiżjonijiet mogħtija rigward kwistjonijiet ċivili mill-qrati tas-circuit, permezz ta' appelli fil-kassazzjoni u appelli kontra sentenzi. Il-Qorti Suprema tiddeċiedi wkoll petizzjonijiet għar-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti fis-seħħ, fil-każijiet pprovduti bil-liġi, taħtar qorti bil-kompetenza xierqa biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni, u tiddeċiedi kwistjonijiet oħra li l-liġi tqiegħed taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.

Kwistjoni l-ewwel tiġi deċiża u tingħata sentenza dwarha mill-qorti tal-kontea bħala qorti tal-prim'istanza. Jekk persuna ma tkunx sodisfatta b'sentenza, għandha dritt ġuridiku li tappella quddiem qorti superjuri, jiġifieri l-qorti tas-circuit. Il-qrati tas-circuit huma qrati tat-tieni istanza u għalhekk jeżaminaw id-deċiżjonijiet mogħtijia mill-qrati tal-kontea u amministrattivi permezz ta' appelli u appelli kontra s-sentenzi. Qorti tas-circuit tiddeċiedi l-kwistjonijiet ċivili kolleġġjalment - appell jiġi deċiż minn bord ta' tliet imħallfin.

Il-Qorti Suprema hija l-qorti tal-ogħla istanza, u tiddeċiedi appelli fil-kassazzjoni u petizzjonijiet għar-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti. Il-kassazzjoni tirreferi għal appell kontra sentenza tal-qorti li għadha ma daħħlitx fis-seħħ fuq il-bażi ta' kwistjonijiet legali u r-rieżami ta' dik is-sentenza minn qorti ogħla mingħajr l-apprezzament mill-ġdid tal-fatti. Ir-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti jirreferi għar-rieżami ta' deċiżjonijiet u sentenzi li diġà daħħlu fis-seħħ, f'każijiet fejn seħħew ċirkostanzi ġodda u fuq il-bażi ta' rikors minn parti fil-kawża.

Appell fil-kassazzjoni jista' jitressaq quddiem il-Qorti Suprema minn kull parti fil-kawża li mhix sodisfatta bis-sentenza mogħtija mill-qorti inferjuri. Appell jista' jitressaq biss permezz ta' rappreżentant kwalifikat, mhux mill-parti nnifisha. Il-Qorti Suprema tilqa' appell fil-kassazzjoni jekk it-talbiet magħmula fl-appell iqajjmu l-kwistjoni dwar jekk il-qorti inferjuri applikatx il-liġi sostantiva b'mod inkorrett jew jekk kienx hemm ksur materjali tal-liġi tal-proċedura, li setgħet wasslet għal sentenza inġusta. Barra minn hekk, il-Qorti Suprema tilqa' t-talba jekk il-fatt li tisma' l-appell fil-kassazzjoni jkun ta' importanza fundamentali fir-rispett tal-garanzija taċ-ċertezza legali u tagħti xejra unika lill-prattika ġudizzjarja, jew għall-iżvilupp kontinwu tal-liġi.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

Il-ġuriżdizzjoni hija d-dritt u l-obbligu ta' persuna li teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħha quddiem qorti speċifika. Il-ġuriżdizzjoni hija ġenerali, b'għażla jew esklussiva.

Il-ġuriżdizzjoni ġenerali tindika quddiem liema qorti għandha tinġieb kawża kontra persuna u fejn jistgħu jsiru aktar atti proċedurali rigward persuna sakemm il-liġi ma tiddikjarax li l-kawża tista' titressaq jew l-att jista' jsir quddiem qorti oħra.

Il-ġuriżdizzjoni b'għażla tindika l-qorti li quddiemha tista' tinġieb kawża kontra persuna u fejn jistgħu jsiru aktar atti proċedurali rigward persuna minbarra l-ġuriżdizzjoni ġenerali. Dan ifisser li kawża dwar proprjetà kontra persuna tista' titressaq ukoll quddiem il-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post ta' residenza aktar fil-tul tagħhom. Jekk persuna tgħix fi stat barrani, kawża dwar proprjetà tista' titressaq ukoll kontra tagħha quddiem il-qorti li tkopri l-post tal-proprjetà li għaliha nfetħet il-kawża, jew mal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' aktar proprjetajiet tal-istess persuna.

Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tistabbilixxi l-unika qorti li tista' tiddeċiedi minn kwistjoni ċivili. Il-ġuriżdizzjoni f'kawżi dwar rikors hija esklussiva sakemm mhux provvdut mod ieħor bil-liġi. Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tista' tiġi stabbilita, pereżempju, mill-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, l-uffiċċju reġistrat tal-persuna ġuridika, eċċ.

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Kawża kontra persuna fiżika tista' tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' residenza tagħha, u kawża kontra persuna ġuridika tista' tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-kwartieri ġenerali tagħha. Jekk ir-residenza tal-persuna fiżika mhix magħrufa, tista' tinfetaħ kawża kontriha quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-aħħar residenza magħrufa tagħha.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

Kawża kontra ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja li jgħix f'pajjiż barrani u li għalih tapplika l-extra-territorjalità jew kontra ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja li jaħdem f'pajjiż barrani li huwa impjegat mal-gvern tista' tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar residenza tal-persuna fl-Estonja. Jekk il-persuna qatt ma kellha residenza fl-Estonja, tista' tinfetaħ kawża quddiem il-Harju County Court (Harju Maakohus). Kawża tista' tinfetaħ kontra korp tar-Repubblika tal-Estonja jew gvern lokali quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju reġistrat tal-korp tal-gvern tal-istat jew lokali konċernat. Jekk il-korp tal-istat ma jistax jiġi determinat, il-kawża tinfetaħ quddiem il-Harju County Court. Jekk il-korp tal-gvern lokali ma jistax jiġi determinat, il-kawża tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq is-sede tal-muniċipalità rurali jew il-gvern tal-belt.

Kawża tista' tinfetaħ kontra korp tar-Repubblika tal-Estonja jew gvern lokali quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju reġistrat tal-istat jew tal-korp tal-gvern lokali konċernat.

Jekk il-korp tal-istat ma jistax jiġi determinat, il-kawża tinfetaħ quddiem il-Harju County Court. Jekk il-korp tal-gvern lokali ma jistax jiġi determinat, il-kawża tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq is-sede tal-muniċipalità rurali jew il-gvern tal-belt. Rikorrent jista' jiftaħ kawża wkoll quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fil-post ta' residenza tiegħu stess.

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Fil-każijiet stabbiliti bil-liġi, persuna tista' tagħżel qorti li quddiemha tista' tiftaħ kawża kontra persuna oħra u atti proċedurali oħra li jistgħu jsiru kontra persuna flimkien mal-ġuriżdizzjoni ġenerali.

  • Azzjoni li tinvolvi pretensjoni dwar il-proprjetà tista' tinġieb kontra persuna fiżika wkoll quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fuq il-post ta' residenza tiegħu jekk dik il-persuna ilha toqgħod hemm għal perjodu itwal minħabba raġunijet ta' xogħol jew servizz, studji jew għal xi raġunijiet oħra.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post tan-negozju- tista' tinfetaħ kawża marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi jew professjonali tal-konvenut quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq il-post tan-negozju.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq l-uffiċċju reġistrat ta' persuna ġuridika - persuna ġuridika bbażata fuq is-sħubija, inkluż kumpanija, jew membru, sħab jew azzjonist għalhekk jistgħu jiftħu kawża ġejja mill-isħubija jew parteċipazzjoni tagħhom kontra membru, sħab jew azzjonist tal-persuna ġuridika wkoll quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju reġistrat tal-persuna ġuridika.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post fejn tinsab il-proprjetà- jekk persuna tgħix jew għandha uffiċċju reġistrat fi stat barrani, kawża dwar proprjetà tista' titressaq ukoll kontra tagħha quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-proprjetà li għaliha nfetħet il-kawża, jew mal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' aktar proprjetajiet tal-istess persuna. Jekk il-proprjetà hija mniżżla f'reġistru pubbliku, il-kawża tista' titressaq quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tar-reġistru fejn hija rreġistrata l-proprjetà. Jekk il-proprjetà hija pretensjoni skont il-liġi tal-obbligazzjonijiet, il-kawża tista' titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tad-debitur. Jekk il-pretensjoni hija garantita permezz ta' ass, il-kawża tista' titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-ass.
  • Il-ġuriżdizzjoni fuq kawża dwar pretensjoni garantita permezz ta' ipoteka jew li għandha piż reali reġistrat fuqha - tista' tinfetaħ kawża sabiex titħallas pretensjoni garantita minn ipoteka jew li għandha piż reali reġistrat fuqha jew kawża oħra b'pretensjoni simili quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-propżjetà immobbli, sakemm id-debitur huwa sid il-proprjetà immobbli reġistrata u garantita permezz ta' ipoteka jew b'piż reali reġistrat fuqha.
  • Il-ġuriżdizzjoni dwar kawża minħabba sjieda ta' appartament - kawża kontra membru ta' assoċjazzjoni tal-kondominji jew assoċjazzjoni oħra tal-kondominji li ġejja mis-sjieda komuni tal-membri jew mill-amministrazzjoni tal-oġġett ta' sjieda konġunta jew li hija bbażata fuq is-sehem fiżiku fis-sjieda tal-appartament tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-proprjetà immobbli reġistrata li għandha fuqha l-piż ta' sjieda tal-appartament.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post ta' twettiq ta' kuntratt - kawża ġejja minn kuntratt jew kawża sabiex tiġi verifikata n-nullità ta' kuntratt tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post fejn kellu jitwettaq l-obbligu kuntrattwali kontestat. F'każ ta' kuntratt ta' bejgħ ta' proprjetà mobbli, il-post fejn il-proprjetà mobbli ġiet konsenjata jew kellha tiġi konsenjata lix-xerrej u, f'każ ta' kuntratt għal forniment ta' servizz, il-post fejn ingħata s-servizz jew kellu jingħata huwa l-post meqjus bħala l-post ta' twettiq tal-obbligu. F'każijiet oħra, il-post tan-negozju jew, fin-nuqqas, tar-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tad-debitur huwa meqjus il-post ta' twettiq tal-obbligu. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu mod ieħor.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-post ta' residenza ta' konsumatur - kawża ġejja minn kuntratt jew relazzjoni speċifika fl-Artikoli 35, 46, 52, 208(4), 379, 402, 635(4), 709, 734 jew 866 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligazzjonijiet (võlaõigusseadus) jew kawża minħabba kuntratt ieħor konkluż ma' impriża li għandha l-uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju fl-Estonja tista' tinfetaħ ukoll minn konsumatur quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tal-konsumatur. Dan li għadu kif intqal ma japplikax għal kawżi dwar kuntratti ta' trasport.
  • Il-ġuriżdizzjoni minħabba kawża dwar kuntratt tal-assigurazzjoni - id-detentur ta' polza, il-benefiċjarju jew persuni oħra li għandhom dritt jitolbu t-twettiq mill-assiguratur fuq il-bażi ta' kuntratt ta' assigurazzjoni jistgħu jiftħu kawża dwar kuntratt ta' assigurazzjoni kontra l-assiguratur quddiemil-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' residenza jew tal-uffiċċju reġistrat tal-persuna. F'każ ta' assigurazzjoni fuq ir-responsabbiltà jew assigurazzjoni fuq il-bini, il-proprjetà immobbli, jew proprjetà mobbli flimkien ma' kostruzzjoni jew proprjetà immobbli, tista' tinfetaħ ukoll kawża kontra l-assiguratur quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-azzjoni jew l-avveniment li kkawża l-ħsara, jew il-post fejn ġiet ikkaġunata l-ħsara.
  • Il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq ir-residenza jew il-post tax-xogħol ta' impjegat - impjegat jista' jiftaħ kawża dwar il-kuntratt tax-xogħol tiegħu quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' residenza tiegħu jew il-post tax-xogħol.
  • Il-ġuriżdizzjoni minħabba kawża dwar kambjala jew ċekk - kawża dwar kambjala jew ċekk tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-pagament għall-kambjala jew ċekk.
  • Il-ġuriżdizzjoni minħabba kawża dwar ħsara kriminali - kawża għal kumpens minħabba ħsara kriminali tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-att jew avveniment li kkaġuna l-ħsara, jew il-post fejn ġiet ikkaġunata l-ħsara.
  • Il-ġuriżdizzjoni għal kawża minħabba pretensjoni marittima, xogħol ta' salvataġġ jew kuntratt ta' salvataġġ - kawża minħabba pretensjoni marittima jew aktar speċifikati fl-Att dwar il-Liġgi tal-Proprjetà Marittima (laeva asjaõigusseadus) tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-bastiment tal-konvenut jew il-port oriġinali tal-bastiment. Kawża minħabba xogħlijiet ta' salvataġġ jew kuntratt ta' salvataġġ tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post fejn saru x-xogħlijiet ta' salvataġġ.
  • Il-ġuriżdizzjoni fuq kawża minħabba d-diviżjoni ta' patrimonju - kawża bl-għan li tistabbilixxi d-dritt ta' suċċessjoni, id-dritt tal-eredi kontra l-possessur tal-patrimonju, talba minħabba legat jew testment, jew talba għas-sehem riservat jew għad-diviżjoni ta' wirt tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' residenza tad-decujus meta miet. Jekk id-decujus kien ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja iżda meta miet ma kienx jirrisjedi l-Estonja, il-kawża tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-aħħar residenza tad-decujus. Jekk id-decujus ma kellux residenza fl-Estonja, tista' tinfetaħ kawża quddiem il-Harju County Court (Harju Maakohus).
  • Kawża kontra l-konvenuti u diversi kawżi kontra konvenut wieħed - kawża kontra diversi konvenuti tista' tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat ta' wieħed mill-konvenuti li jagħżel ir-rikorrent. Jekk se jinfetħu diversi kawżi kontra konvenut wieħed minħabba l-istess fatt, il-kawżi kollha jistgħu jitressqu quddiem il-qorti li quddiemha kawża relatata ma' talba minnhom jew uħud minnhom ġejjin kollha mill-istess fatt setgħet tiġi preżentata.
  • Il-ġuriżdizzjoni dwar kontrotalba u kawża minn terza persuna b'talba indipendenti - il-kontrotalba tista' tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li lilha tressqet il-kawża oriġinali sakemm jiġu sodisfati l-kundizzjonijiet għall-preżentata ta' kontrotalba u sakemm din tal-aħħar ma taqax taħt ġuriżdizzjoni esklussiva. Dan li ntqal japplika wkoll f'każijiet fejn, skont id-dispożizzjonijiet ġenerali, il-kontrotalba trid tiġi ppreżentata quddiem qorti barranija.
  • Parti terza b'talba indipendenti tista' tiftaħ kawża quddiem il-qorti li qed tisma' l-kawża prinċipali.
  • Il-ġuriżdizzjoni fi proċedimenti ta' falliment - kawża dwar proċedimenti ta' falliment jew proċeduri ta' falliment ta' patrimonju kontra persuna falluta, fiduċjarju f'falliment jew membru tal-kumitat tal-falliment, inkluża kawża għall-esklużjoni tal-proprjetà mill-patrimonju fallut, tista' tinfetaħ quddiem il-qorti li ddikjarat il-falliment. Kawża għall-aċċettazzjoni ta' talba tista' tinfetaħ ukoll quddiem il-qorti li ddikjarat il-falliment. Persuna falluta tista' tiftaħ kawża wkoll dwar il-patrimonju fallut, inkluża kawża għall-irkupru, quddiem il-qorti li ddikjarat il-falliment.
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Fil-każijiet stabbiliti bil-liġi, il-ġuriżdizzjoni hija esklussiva. Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tistabbilixxi l-unika qorti li tista' tiddeċiedi minn kwistjoni ċivili. Il-ġuriżdizzjoni f'kawżi dwar rikors hija esklussiva sakemm mhux provvdut mod ieħor bil-liġi.

1) Il-ġuriżdizzjoni skont il-post tal-proprjetà immobbli – kawża bl-għanijiet li ġejjin tinġieb quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkorpi l-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli:

  • talbiet relatati mar-rikonoxximent tal-eżistenza ta' dritt ta' proprjetà, dritt reali limitat jew piż fuq dritt reali ieħor li jikkonċerna l-proprjetà mobbli, jew ir-rikonoxximent tan-nuqqas ta' dawn id-drittijiet jew piżijiet, jew talbiet relatati ma' drittijiet oħra fuq proprjetà immobbli;
  • id-determinazzjoni tal-konfini jew id-diviżjoni tal-proprjetà immobbli;
  • il-protezzjoni tal-pussess tal-proprjetà immobbli;
  • talbiet rigward dritt reali ġej mis-sjieda ta' appartament;
  • talbiet relatati mal-eżekuzzjoni obbligatorja ta' proprjetà immobbli;
  • talbiet rigward kuntratt ta' kera jew kuntratt ta' kera kummerċjali ta' proprjetà immobbli jew kuntratt ieħor għall-użu ta' proprjetà immobbli skont il-liġi tal-obbligi, jew mill-validità ta' dawn il-kuntratti.

Kawża dwar servitu reali, piż reali jew il-jedd ta' prelazzjoni titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-proprjetà immobbli servjenti jew b'piż irreġistrat fuqha.

2) Talba għat-terminazzjoni tal-applikazzjoni ta' klawżoli standard – kawża għat-terminazzjoni tal-applikazzjoni ta' klawżola standard inġusta, jew għat-terminazzjoni u tneħħija ta' termini mill-persuna li tkun qed tirrakmanda l-applikazzjoni ta' dak it-terminu (l-Artikolu 45 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi (võlaõigusseadus)) titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tan-negozju tal-konvenut jew, fin-nuqqas, quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut. Jekk il-konvenut ma għandux post tan-negozju, residenza jew uffiċċju reġistrat fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti li taħt il-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha ġiet applikata l-klawżola standard.

3) Ġuriżdizzjoni għal kwistjoni fejn tiġi revokata deċiżjoni ta' korp ta' persuna ġuridika, jew tiġi ddikjarata nulla– kawża għar-revoka ta' deċiżjoni ta' korp ta' persuna ġuridika, jew għal dikjarazzjoni ta' nullità titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-uffiċċju reġistrat ta' dik il-persuna ġuridika.

4) Ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali

Il-kwistjonijiet matrimonjali huma meqjusa kwistjonijiet ċivili fejn il-kawżi jiġu deċiżi fejn is-suġġett huwa:

  • id-divorzju;
  • l-annullament taż-żwieġ;
  • l-istabbiliment tal-eżistenza jew nullità taż-żwieġ;
  • id-diviżjoni tal-proprjetà konġunta jew talbiet oħra minħabba l-proprjetà ta' bejn il-konjuġi;
  • talbiet oħra ġejjin minn relazzjoni matrimonjali mressqa minn konjuġi kontra l-ieħor.

Qorti Estonjana hija kompetenti biex tiddeċiedi kwistjoni matrimonjali jekk:

  • mill-inqas wieħed mill-konjuġi huwa ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew kien ċittadin meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ;
  • iż-żewġ konjuġi jgħixu l-Estonja;
  • wieħed mill-konjuġi jgħix l-Estonja, sakemm ma jkunx ċar li s-sentenza li se tingħata mhix se tiġi rikonoxxuta fil-pajjiżi nazzjonali ta' xi ħadd mill-konjuġi.

Fi kwistjoni matrimonjali li trid tiġi deċiża minn qorti Estonjana, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza konġunta tal-konjuġi jew, fin-nuqqas, quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tal-konvenut. Jekk ir-residenza tal-konvenut mhix fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza ta' wild komuni tal-partijiet li għadu minuri u, fin-nuqqas ta' wild minuri, quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tar-rikorrent.

Jekk ġiet stabbilita l-kustodja ta' proprjetà ta' persuna assenti minħabba li l-persuna għebet jew jekk inħatar kuratur għal persuna minħabba kapaċità ġuridika attiva limitata, jew jekk xi ħadd ġie kkundannat il-ħabs, kawża ta' divorzju kontra din il-persuna tista' titressaq ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tar-rikorrent.

5) Ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet ta' filjazzjoni u manteniment – kwistjoni ta' manteniment hija kwistjoni ċivili fejn tinqata' kawża li għandha l-għan li tistabbilixxi l-filjazzjoni jew l-oppożizzjoni għal entrata dwar ġenitur fiċ-ċertifikat tat-twelid ta' wild jew fir-reġistru tal-popolazzjoni. Qorti Estonjana tista' tiddeċiedi dwar kwistjoni ta' filjazzjoni jekk tal-inqas waħda mill-partijiet tkun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew għandha r-residenza tagħha l-Estonja. Fi kwistjoni ta' filjazzjoni li trid tiddeċiedi qorti Estonjana, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tal-wild. Jekk ir-residenza tal-wild mhix fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tal-konvenut. Jekk ir-residenza tal-konvenut mhix fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tar-rikorrent.

Dawn id-dispożizzjonijiet jgħoddu wkoll għal kwistjonijiet ta' manteniment. Kwistjoni ta' manteniment hija kwistjoni ċivili li tiddeċiedi talba dwar:

  • twettiq ta' obbligu ta' manteniment ta' ġenitur skont il-liġi rigward wild minuri;
  • it-twettiq ta' obbligu ta' manteniment bejn il-ġenituri;
  • it-twettiq ta' obbligu ta' manteniment bejn il-konjuġi;
  • it-twettiq ta' obbligu ta' manteniment ieħor stabbilit mil-liġi.
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Jekk il-kwistjoni taqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' diversi qrati Estonjana simultanjament, ir-rikorrent għandu d-dritt tal-għażla tal-qorti.  F'dawn il-każijiet, il-kawża tiġi deċiża mill-qorti li l-ewwel irċeviet ir-rikors.

Jekk il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut jew quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni esklussiva, il-kawża tinstema' fil-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali inkluża r-residenza tal-konvenut jew l-uffiċċju reġistrat, jew il-post li jiġi ddeterminat mill-ġuriżdizzjoni esklussiva. Jekk il-postijiet multipli użati għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni jibqgħu fil-ġuriżdizzjoni territorjali ta' qorti waħda tal-kontea, iżda fiż-żona ta' ħidma ta' diversi qrati, ir-rikorrent jagħżel il-qorti li se tisma' l-kawża.  Jekk ir-rikorrent ma jagħżilx, il-qorti tiddeċiedi jekk għandhiex tisma' l-każ.

Kwistjonijiet dwar rikors jinstemgħu fil-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali inkluż il-post użat biex tiġi determinata l-ġuriżdizzjoni. Jekk il-postijiet multipli użati għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni jibqgħu fil-ġuriżdizzjoni territorjali ta' qorti waħda tal-kontea, iżda fiż-żona ta' ħidma ta' diversi qrati, il-qorti tiddeċiedi fejn għandu jinstema' l-każ.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas titmexxa mill-Haapsalu courthouse tal-Qorti tal-Kontea Pärnu (Pärnu Maakohtu Haapsalu kohtumaja). Kwistjonijiet ċivili oħra huma soġġetti għall-prinċipji ta' ġuriżdizzjoni hawnhekk spjegati.

Ħoloq relatati

Is-sistema tal-qrati

L-aħħar aġġornament: 29/10/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna