

Il-kwistjonijiet ċivili jaqgħu fil-kompetenza tal-qrati tal-kontea (maakohus). Il-qrati tal-kontea, bħala qrati tal-prim'istanza, jisimgħu l-kwistjonijiet ċivili. Il-kwistjonijiet ċivili jkopru firxa wiesgħa ta' oqsma u jinvolvu tilwim ġej minn kuntratti u obbligi differenti, kwistjonijiet tal-familja u tas-suċċessjoni, tilwim dwar drittjiet reali, kwistjonijiet dwar l-attivitajiet u l-ġestjoni ta' kumpaniji u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, kwistjonijiet ta' falliment u dwar il-liġi tax-xogħol. Sabiex tinfetaħ kawża ċivili, irid jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-kontea. Ir-rikors li jrid jiġi ppreżentat lill-qorti jrid jindika l-persuna li kontriha qed issir it-talba, x'inhi t-talba, għalfejn qiegħda ssir (jiġifieri fuq liema bażi ġuridika) u l-provi ta' sostenn għat-talba.
Talba kontra persuna oħra għall-ħlas ta' somma fissa ta' flus ġejja minn relazzjoni ta' dritt privat tista' tinstemgħa wkoll fuq talba skont il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas. Sabiex tinbeda l-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas fir-rigward ta' talba għal manteniment jew talba dwar dejn, is-sit elettroniku https://www.e-toimik.ee/ jista' jintuża biex jiġi kkuntattjat id-dipartiment ta' ordni għall-ħlas tal-qorti tal-kontea. Il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas ma tapplikax għal talbiet li jaqbżu s-EUR 6 400 (talba dwar dejn); dan l-ammont ikopri kemm it-talba prinċipali u dik kollaterali. Bl-istess mod, il-proċedura mħaffa ma tapplikax jekk it-talba għall-manteniment taqbeż il-EUR 200 fix-xahar. Il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas ma tapplikax jekk id-debitur mhux indikat fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tifel bħala ġenitur. Il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas titmexxa mill-Haapsalu courthouse tal-Qorti tal-Kontea ta' Pärnu (Pärnu Maakohtu Haapsalu kohtumaja).
Ċertu tilwim jista' jitressaq quddiem kumitati ekstraġudizzjarji qabel ma jintuża d-dritt ta' rikors għall-qrati. Pereżempju, it-tilwim fil-post tax-xogħol jiġi deċiż minn kumitat dwar it-tilwim fil-post tax-xogħol (töövaidluskomisjon). Kumitat dwar il-tilwim fil-post tax-xogħol huwa korp indipendenti u ta' qabel il-proċess li jiddeċiedi dwar tilwim individwali fil-post tax-xogħol. Kemm l-impjegati u min iħaddem għandhom id-dritt jidhru quddiem kumitat u jkunu eżenti mit-tariffi tal-Gvern. Kumitat dwar it-tilwim fil-post tax-xogħol jisma wkoll kull tilwim ġej minn relazzjonijiet industrijali. Meta wieħed ikun qed jeżerċità d-dritt li jidher quddiem kumitat dwar it-tilwim fil-post tax-xogħol, huma importanti jiġi nnutat li l-kumitat jiddeċiedi talbiet li ma jaqbżux l-EUR 10 000. It-talbiet li jaqbżu l-EUR 10 000 jiġu deċiżi minn qorti. Ir-rikors ippreżentat lill-kumitat dwar it-tilwim fil-post tax-xogħol għandu jindika ċ-ċirkustanzi rilevanti għal dik it-tilwima. Pereżempju, meta tkun qed issir oġġezzjoni dwar il-kanċellament ta' kuntratt ta' impjieg, iridu jingħataw il-ħin u r-raġunijiet għal tali kanċellament. Trid tiġi deskritta n-natura tan-nuqqas ta' ftehim bejn il-partijiet, jiġifieri x'naqas li jagħmel jew għamel illegalment l-impjegat jew min iħaddem. Id-dikjarazzjonijiet u t-talbiet jridu jiġu ppruvati, u għalhekk, għandha tiġi inkluża kull ċirkustanza li hija appoġġata minn provi bil-miktub (kuntratt tal-impjieg, ftehim reċiproku jew korrispondenza bejn l-impjegat u min iħaddem eċċ.) jew kull referenza għal xi provi oħra u xhieda. Dawn il-provi bil-miktub, li jappoġġaw it-talba tal-impjegat jew ta' min iħaddem, għandhom jiġu mehmuża mar-rikors meta jiġi ppreżentat. Jekk ir-rikorrent iqis li jkollu jiġi mistieden xhud għal-laqgħa, l-isem u l-indirizz tax-xhud għandhom jiġu nklużi fir-rikors.
Talbiet ġejjin minn kuntratt bejn konsumatur u negozjant jistgħu jiġu deċiżi minn kumitat għall-ilmenti tal-konsumaturi (tarbijakaebuste komisjon). Kumitat għall-ilmenti tal-konsumaturi għandu ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedi tilwim dwar kuntratti bejn il-konsumaturi u n-negozjanti jekk il-partijiet ma wasslux biex isolvu t-tilwim tagħhom bi ftehim u jekk il-valur tal-oġġetti jew servizzi konċernati huwa tal-inqas ta' EUR 20. Talbiet minħabba mewt, ħsara fuq il-persuna jew ħsara fuq is-saħħa ma jiġux deċiżi minn kumitat iżda jridu jitressqu l-qorti.
Kumitat ma jistax jiddeċiedi tilwim relatat mal-forniment ta' servizzi tas-saħħa jew ġuridiċi jew it-trasferiment ta' proprjetà immobbli jew bini, jew tilwim li għalih il-proċedura għar-riżoluzzjoni hija stabbilita minn Atti oħra. Dak it-tilwim jiġi deċiż mill-istituzzjoni kompetenti jew mill-qorti. Pereżempju l-proċedura biex jiġi deċiż tilwim fuq il-lokazzjonijiet ġiet stabbilita fl-Att dwar ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim fuq il-Lokazzjonijiet (üürivaidluse lahendamise seadus).
Kumitat għall-ilmenti tal-konsumaturi għandu ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedi kull ilment marbut ma' telf ikkawżat minn prodott b'difett, sakemm it-telf jista' jiġi determinat. Jekk ġie stabbilit li ġie kkawżat telf iżda l-ammont eżatt tat-telf ma jistax jiġi kkwantifikat, pereżempju f'każ ta' telf mhux fi flus jew telf li għad irid iseħħ, l-ammont ta' kumpens jiġi stabbilit minn qorti.
Sabiex jiġi stabbilit liema qorti hija kompetenti biex tisma' kwistjoni, huwa importanti li wieħed ikun jaf il-prinċipji tal-ġuriżdizzjoni. Il-ġuriżdizzjoni hija maqsum fi tliet oqsma: 1) ġuriżdizzjoni ġenerali, li tiddependi fuq il-post ta' residenza tal-persuna; 2) ġuriżdizzjoni b'għażla; 3) ġuriżdizzjoni esklussiva (ara t-Taqsima 2.2).
Il-qrati tal-istanzi inferjuri u superjuri huma differenti, minħabba li s-sistema tal-qorti Estonjana għandha tliet istanzi.
Il-qrati tal-kontea (maakohus) bħala qrati tal-prim'istanza, jisimgħu l-kwistjonijiet ċivili. Att jista' jistabbilixxi li ċerti tipi ta' kwistjonijiet jistgħu jinstemgħu biss minn qorti tal-kontea partikolari jekk dan iħaffef il-proċess ta' smigħ tal-kwistjoni jew jekk il-proċess isir aktar effettiv.
Qorti tas-circuit jew qorti distrettwali (ringkonnakohus) teżamina deċiżjonijiet f'kwistjonijiet ċivili mill-qrati tal-kontea fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħhom, permezz ta' appelli kontra deċiżjonijiet u sentenzi. Qorti tas-circuit tiddeċiedi wkoll dwar kwistjonijiet oħra li l-liġi tqiegħed taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.
Il-Qorti Suprema (Riigikohus) teżamina deċiżjonijiet mogħtija rigward kwistjonijiet ċivili mill-qrati tas-circuit, permezz ta' appelli fil-kassazzjoni u appelli kontra sentenzi. Il-Qorti Suprema tiddeċiedi wkoll petizzjonijiet għar-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti fis-seħħ, fil-każijiet pprovduti bil-liġi, taħtar qorti bil-kompetenza xierqa biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni, u tiddeċiedi kwistjonijiet oħra li l-liġi tqiegħed taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.
Kwistjoni l-ewwel tiġi deċiża u tingħata sentenza dwarha mill-qorti tal-kontea bħala qorti tal-prim'istanza. Jekk persuna ma tkunx sodisfatta b'sentenza, għandha dritt ġuridiku li tappella quddiem qorti superjuri, jiġifieri l-qorti tas-circuit. Il-qrati tas-circuit huma qrati tat-tieni istanza u għalhekk jeżaminaw id-deċiżjonijiet mogħtijia mill-qrati tal-kontea u amministrattivi permezz ta' appelli u appelli kontra s-sentenzi. Qorti tas-circuit tiddeċiedi l-kwistjonijiet ċivili kolleġġjalment - appell jiġi deċiż minn bord ta' tliet imħallfin.
Il-Qorti Suprema hija l-qorti tal-ogħla istanza, u tiddeċiedi appelli fil-kassazzjoni u petizzjonijiet għar-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti. Il-kassazzjoni tirreferi għal appell kontra sentenza tal-qorti li għadha ma daħħlitx fis-seħħ fuq il-bażi ta' kwistjonijiet legali u r-rieżami ta' dik is-sentenza minn qorti ogħla mingħajr l-apprezzament mill-ġdid tal-fatti. Ir-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-qorti jirreferi għar-rieżami ta' deċiżjonijiet u sentenzi li diġà daħħlu fis-seħħ, f'każijiet fejn seħħew ċirkostanzi ġodda u fuq il-bażi ta' rikors minn parti fil-kawża.
Appell fil-kassazzjoni jista' jitressaq quddiem il-Qorti Suprema minn kull parti fil-kawża li mhix sodisfatta bis-sentenza mogħtija mill-qorti inferjuri. Appell jista' jitressaq biss permezz ta' rappreżentant kwalifikat, mhux mill-parti nnifisha. Il-Qorti Suprema tilqa' appell fil-kassazzjoni jekk it-talbiet magħmula fl-appell iqajjmu l-kwistjoni dwar jekk il-qorti inferjuri applikatx il-liġi sostantiva b'mod inkorrett jew jekk kienx hemm ksur materjali tal-liġi tal-proċedura, li setgħet wasslet għal sentenza inġusta. Barra minn hekk, il-Qorti Suprema tilqa' t-talba jekk il-fatt li tisma' l-appell fil-kassazzjoni jkun ta' importanza fundamentali fir-rispett tal-garanzija taċ-ċertezza legali u tagħti xejra unika lill-prattika ġudizzjarja, jew għall-iżvilupp kontinwu tal-liġi.
Il-ġuriżdizzjoni hija d-dritt u l-obbligu ta' persuna li teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħha quddiem qorti speċifika. Il-ġuriżdizzjoni hija ġenerali, b'għażla jew esklussiva.
Il-ġuriżdizzjoni ġenerali tindika quddiem liema qorti għandha tinġieb kawża kontra persuna u fejn jistgħu jsiru aktar atti proċedurali rigward persuna sakemm il-liġi ma tiddikjarax li l-kawża tista' titressaq jew l-att jista' jsir quddiem qorti oħra.
Il-ġuriżdizzjoni b'għażla tindika l-qorti li quddiemha tista' tinġieb kawża kontra persuna u fejn jistgħu jsiru aktar atti proċedurali rigward persuna minbarra l-ġuriżdizzjoni ġenerali. Dan ifisser li kawża dwar proprjetà kontra persuna tista' titressaq ukoll quddiem il-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post ta' residenza aktar fil-tul tagħhom. Jekk persuna tgħix fi stat barrani, kawża dwar proprjetà tista' titressaq ukoll kontra tagħha quddiem il-qorti li tkopri l-post tal-proprjetà li għaliha nfetħet il-kawża, jew mal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' aktar proprjetajiet tal-istess persuna.
Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tistabbilixxi l-unika qorti li tista' tiddeċiedi minn kwistjoni ċivili. Il-ġuriżdizzjoni f'kawżi dwar rikors hija esklussiva sakemm mhux provvdut mod ieħor bil-liġi. Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tista' tiġi stabbilita, pereżempju, mill-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, l-uffiċċju reġistrat tal-persuna ġuridika, eċċ.
Kawża kontra persuna fiżika tista' tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post ta' residenza tagħha, u kawża kontra persuna ġuridika tista' tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-kwartieri ġenerali tagħha. Jekk ir-residenza tal-persuna fiżika mhix magħrufa, tista' tinfetaħ kawża kontriha quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-aħħar residenza magħrufa tagħha.
Kawża kontra ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja li jgħix f'pajjiż barrani u li għalih tapplika l-extra-territorjalità jew kontra ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja li jaħdem f'pajjiż barrani li huwa impjegat mal-gvern tista' tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar residenza tal-persuna fl-Estonja. Jekk il-persuna qatt ma kellha residenza fl-Estonja, tista' tinfetaħ kawża quddiem il-Harju County Court (Harju Maakohus). Kawża tista' tinfetaħ kontra korp tar-Repubblika tal-Estonja jew gvern lokali quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju reġistrat tal-korp tal-gvern tal-istat jew lokali konċernat. Jekk il-korp tal-istat ma jistax jiġi determinat, il-kawża tinfetaħ quddiem il-Harju County Court. Jekk il-korp tal-gvern lokali ma jistax jiġi determinat, il-kawża tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq is-sede tal-muniċipalità rurali jew il-gvern tal-belt.
Kawża tista' tinfetaħ kontra korp tar-Repubblika tal-Estonja jew gvern lokali quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju reġistrat tal-istat jew tal-korp tal-gvern lokali konċernat.
Jekk il-korp tal-istat ma jistax jiġi determinat, il-kawża tinfetaħ quddiem il-Harju County Court. Jekk il-korp tal-gvern lokali ma jistax jiġi determinat, il-kawża tinfetaħ quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni fuq is-sede tal-muniċipalità rurali jew il-gvern tal-belt. Rikorrent jista' jiftaħ kawża wkoll quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fil-post ta' residenza tiegħu stess.
Fil-każijiet stabbiliti bil-liġi, persuna tista' tagħżel qorti li quddiemha tista' tiftaħ kawża kontra persuna oħra u atti proċedurali oħra li jistgħu jsiru kontra persuna flimkien mal-ġuriżdizzjoni ġenerali.
Fil-każijiet stabbiliti bil-liġi, il-ġuriżdizzjoni hija esklussiva. Il-ġuriżdizzjoni esklussiva tistabbilixxi l-unika qorti li tista' tiddeċiedi minn kwistjoni ċivili. Il-ġuriżdizzjoni f'kawżi dwar rikors hija esklussiva sakemm mhux provvdut mod ieħor bil-liġi.
1) Il-ġuriżdizzjoni skont il-post tal-proprjetà immobbli – kawża bl-għanijiet li ġejjin tinġieb quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkorpi l-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli:
Kawża dwar servitu reali, piż reali jew il-jedd ta' prelazzjoni titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-proprjetà immobbli servjenti jew b'piż irreġistrat fuqha.
2) Talba għat-terminazzjoni tal-applikazzjoni ta' klawżoli standard – kawża għat-terminazzjoni tal-applikazzjoni ta' klawżola standard inġusta, jew għat-terminazzjoni u tneħħija ta' termini mill-persuna li tkun qed tirrakmanda l-applikazzjoni ta' dak it-terminu (l-Artikolu 45 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi (võlaõigusseadus)) titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tan-negozju tal-konvenut jew, fin-nuqqas, quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut. Jekk il-konvenut ma għandux post tan-negozju, residenza jew uffiċċju reġistrat fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti li taħt il-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha ġiet applikata l-klawżola standard.
3) Ġuriżdizzjoni għal kwistjoni fejn tiġi revokata deċiżjoni ta' korp ta' persuna ġuridika, jew tiġi ddikjarata nulla– kawża għar-revoka ta' deċiżjoni ta' korp ta' persuna ġuridika, jew għal dikjarazzjoni ta' nullità titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-uffiċċju reġistrat ta' dik il-persuna ġuridika.
4) Ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali
Il-kwistjonijiet matrimonjali huma meqjusa kwistjonijiet ċivili fejn il-kawżi jiġu deċiżi fejn is-suġġett huwa:
Qorti Estonjana hija kompetenti biex tiddeċiedi kwistjoni matrimonjali jekk:
Fi kwistjoni matrimonjali li trid tiġi deċiża minn qorti Estonjana, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza konġunta tal-konjuġi jew, fin-nuqqas, quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tal-konvenut. Jekk ir-residenza tal-konvenut mhix fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza ta' wild komuni tal-partijiet li għadu minuri u, fin-nuqqas ta' wild minuri, quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tar-rikorrent.
Jekk ġiet stabbilita l-kustodja ta' proprjetà ta' persuna assenti minħabba li l-persuna għebet jew jekk inħatar kuratur għal persuna minħabba kapaċità ġuridika attiva limitata, jew jekk xi ħadd ġie kkundannat il-ħabs, kawża ta' divorzju kontra din il-persuna tista' titressaq ukoll quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tar-rikorrent.
5) Ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet ta' filjazzjoni u manteniment – kwistjoni ta' manteniment hija kwistjoni ċivili fejn tinqata' kawża li għandha l-għan li tistabbilixxi l-filjazzjoni jew l-oppożizzjoni għal entrata dwar ġenitur fiċ-ċertifikat tat-twelid ta' wild jew fir-reġistru tal-popolazzjoni. Qorti Estonjana tista' tiddeċiedi dwar kwistjoni ta' filjazzjoni jekk tal-inqas waħda mill-partijiet tkun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew għandha r-residenza tagħha l-Estonja. Fi kwistjoni ta' filjazzjoni li trid tiddeċiedi qorti Estonjana, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tal-wild. Jekk ir-residenza tal-wild mhix fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tal-konvenut. Jekk ir-residenza tal-konvenut mhix fl-Estonja, il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza tar-rikorrent.
Dawn id-dispożizzjonijiet jgħoddu wkoll għal kwistjonijiet ta' manteniment. Kwistjoni ta' manteniment hija kwistjoni ċivili li tiddeċiedi talba dwar:
Jekk il-kwistjoni taqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' diversi qrati Estonjana simultanjament, ir-rikorrent għandu d-dritt tal-għażla tal-qorti. F'dawn il-każijiet, il-kawża tiġi deċiża mill-qorti li l-ewwel irċeviet ir-rikors.
Jekk il-kawża titressaq quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri r-residenza jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut jew quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni esklussiva, il-kawża tinstema' fil-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali inkluża r-residenza tal-konvenut jew l-uffiċċju reġistrat, jew il-post li jiġi ddeterminat mill-ġuriżdizzjoni esklussiva. Jekk il-postijiet multipli użati għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni jibqgħu fil-ġuriżdizzjoni territorjali ta' qorti waħda tal-kontea, iżda fiż-żona ta' ħidma ta' diversi qrati, ir-rikorrent jagħżel il-qorti li se tisma' l-kawża. Jekk ir-rikorrent ma jagħżilx, il-qorti tiddeċiedi jekk għandhiex tisma' l-każ.
Kwistjonijiet dwar rikors jinstemgħu fil-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali inkluż il-post użat biex tiġi determinata l-ġuriżdizzjoni. Jekk il-postijiet multipli użati għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni jibqgħu fil-ġuriżdizzjoni territorjali ta' qorti waħda tal-kontea, iżda fiż-żona ta' ħidma ta' diversi qrati, il-qorti tiddeċiedi fejn għandu jinstema' l-każ.
Il-proċedura mħaffa ta' ordni għall-ħlas titmexxa mill-Haapsalu courthouse tal-Qorti tal-Kontea Pärnu (Pärnu Maakohtu Haapsalu kohtumaja). Kwistjonijiet ċivili oħra huma soġġetti għall-prinċipji ta' ġuriżdizzjoni hawnhekk spjegati.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.