Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Ċipru
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Qrati ċivili ordinarji (imsejħin qrati distrettwali fis-sistema ġuridika ta' Ċipru) għandhom ġuriżdizzjoni biex jisimgħu l-parti l-kbira tal-kawżi ċivili.

Fil-każ ta' tilwima ġudizzjarja speċifika, madankollu, għandek tressaq rikors quddiem qorti speċjalizzata b'ġuriżdizzjoni li tisma' l-kawża.

Pereżempju, tilwim familjari (eż. divorzju, manteniment, responsabbiltà tal-ġenituri, komunikazzjoni ma' minuri, tilwim fuq proprjetà, eċċ.) jinstemgħu mill-qrati tal-familja tar-Repubblika ta' Ċipru.

Fir-rigward ta' tilwim industrijali (relazzjonijiet bejn l-impjegatur u l-impjegat, pereż. tkeċċija illegali, sensja, eċċ.), ikollok tressaq rikors quddiem it-tribunal tat-tilwim industrijali tad-distrett fejn tkun qamet it-tilwima jew, fin-nuqqas ta' dan, fejn ir-rikorrent ikollu d-domiċilju abitwali jew il-post ta' residenza permanenti tiegħu. Madankollu, il-qrati ċivili ordinarji (qrati distrettwali) ikollhom ġuriżdizzjoni biex jisimgħu kawżi fejn id-danni mitluba jaqbżu s-salarji ta' sentejn u għalhekk għandek tressaq ir-rikors f'dawn il-qrati.

Fir-rigward ta' tilwim relatat ma' proprjetà mikrija (eż. żieda fil-kera, espulsjoni, eċċ.), għandek tressaq rikors quddiem it-tribunal tal-kontroll tal-kera tad-distrett fejn tinsab il-proprjetà.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.2 iktar 'l isfel.

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Ma hemm l-ebda distinzjoni bejn qrati ċivili ordinarji tal-ewwel istanza fis-sistema ġuridika Ċiprijotta. Madankollu, hemm distinzjoni bejn imħallfin distrettwali skont il-grad tagħhom (imħallef li jippresjedi l-qorti distrettwali, imħallef anzjan tal-qorti distrettwali, imħallef tal-qorti distrettwali), u l-ġuriżdizzjoni tagħhom biex jisimgħu kawżi speċifiċi skont dak il-grad.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Qorti distrettwali (ċorti ċivili ordinarja) għandha ġuriżdizzjoni biex issolvi kull tilwima meta:

  • l-bażi għat-tilwima tkun qamet kompletament jew parzjalment ġol-konfini tad-distrett li l-qorti kienet stabbilita għalihom;
  • l-intimat, jew kwalunkwe wieħed mill-intimati, ikun għex jew ħadem fid-distrett fejn il-qorti kienet stabbilita fil-mument tat-tressiq tar-rikors;
  • il-partijiet kollha għall-kawża jkunu ċ-ċittadini Ċiprijotti u l-bażi għall-kawża tkun qamet kompletament jew parzjalment fiż-Żoni tal-Bażi Sovrana jew l-intimat (jew kwalunkwe wieħed mill-intimati) ikun jgħix jew jaħdem hemm;
  • il-bażi għall-kawża tkun qamet kompletament jew parzjalment fiż-Żona tal-Bażijiet Sovrani minħabba l-użu ta' vettura minn persuna li kienet, jew kellha tkun, assikurata skont l-Artikolu 3 tal-Att dwar il-Vetturi bil-Mutur (Assikurazzjoni ta' Terzi);
  • il-bażi għall-kawża tkun qamet kompletament jew parzjalment fiż-Żona tal-Bażi Sovrana minħabba inċident lil impjegat jew marda okkupazzjonali li seħħet waqt l-impjieg tiegħu fir-rigward tar-responsabbiltà tal-impjegatur li kien, jew kellu jkun, assikurat għalih skont l-Artikolu 4 tal-Att dwar il-Vetturi bil-Mutur (Assikurazzjoni ta' Terzi);
  • il-kawża tkun relatata mad-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta' kwalunkwe proprjetà immobbli jew kwalunkwe kwistjoni oħra relatata ma' proprjetà immobbli li tkun tinsab ġol-konfini tad-distrett li l-qorti kienet stabbilita għalihom.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

Meta l-azzjoni tkun relatata ma' istituzzjoni karitatevoli jew privattiva jew marka kummerċjali li tkun responsabbli għaliha l-qorti distrettwali skont l-Artikolu 7 u l-Lista ta' Liġijiet 29/1983, il-kawża titressaq quddiem kwalunkwe qorti distrettwali.

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Meta, fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 2.2.1 ta' hawn fuq, diġà hemm ġuriżdizzjoni territorjali alternattivi jew fil-kawżi msemmija fil-paragrafu 2.2.2.

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Fil-każ ta' ġuriżdizzjoni unika fuq il-proprjetà (ara l-aħħar punt tat-tweġiba għall-mistoqsija 2.2.1 hawn fuq).

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Le.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Normalment, il-proċedura tinfetaħ minn avukat awtorizzat, li jkun jaf liema qorti jindirizza. Madankollu, fin-nuqqas ta' rappreżentant legali, tista' tikkuntattja lid-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni tal-Qorti Suprema għall-informazzjoni rilevanti.

Supreme Court of Cyprus

Charalambou Mouskou,

1404 Nicosia, Cyprus

Tel.: +357 22865741

Faks: +357 22304500

Posta elettronika: chief.reg@sc.judicial.gov.cy

L-aħħar aġġornament: 07/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.