Please note that the original language version of this page Spanish has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Swipe to change

Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Spain
Content provided by:
European Judicial Network
European Judicial Network (in civil and commercial matters)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Il-prinċipju li fuqu hija bbażata l-organizzazzjoni tal-qrati fi Spanja huwa dak tal-unità tal-ġurisdizzjoni. L-uniċi eċċezzjonijiet huma l-ġurisdizzjoni militari fi żminijiet ta’ gwerra u ta’ stati ta’ assedju, u l-Qorti Kostituzzjonali (Tribunal Constitucional) bħala l-garanti finali tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet pubbliċi permezz ta’ rikors għall-infurzar tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali (recurso de amparo).

Madankollu, il-ġurisdizzjoni hija maqsuma bejn erba’ tipi ta’ qrati: il-qrati ċivili, il-qrati kriminali, il-qrati għal proċeduri amministrattivi kontenzjużi, u l-qrati soċjali.

Il-bażi tal-qrati ċivili hija l-Qorti tal-Prim’Istanza (Juzgado de Primera Instancia), li tisma’ tilwim ċivili fil-prim’istanza u proċeduri mhux assenjati espliċitament lil qorti oħra. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk tista’ tiġi deskritta bħala l-qorti ordinarja jew normali.

Id-diviżjoni ċivili tinkludi l-Qrati tal-Familja (Juzgados de Familia), li huma Qrati tal-Prim’Istanza. Fejn ikunu disponibbli Qrati tal-Familja (ġeneralment fiċ-ċentri b’popolazzjonijiet akbar), dawn huma responsabbli biex jisimgħu tilwim tal-liġi tal-familja fir-rigward ta’ annullament taż-żwieġ, separazzjoni u divorzju, relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal u l-protezzjoni ta’ persuni b’kapaċità limitata. Meta jitressqu proċeduri kriminali kontra waħda mill-partijiet f’Qorti li tittratta l-Vjolenza Kontra n-Nisa (Juzgado de Violencia sobre la Mujer), dik il-qorti jkollha ġurisdizzjoni wkoll fuq dawn il-proċeduri ċivili.

Id-diviżjoni ċivili tinkludi wkoll il-Qrati Kummerċjali speċjalizzati (Juzgados de lo Mercantil) u l-Qrati għat-Trademark tal-UE (Juzgados de Marca Comunitaria).

Il-Qrati Soċjali (Juzgados de lo Social) huma responsabbli sabiex jisimgħu kawżi li jittrattaw il-liġi tax-xogħol. Dawn jinkludu tilwim individwali bejn impjegati u impjegaturi dwar kuntratti ta’ impjieg, tilwim dwar negozjar kollettiv, talbiet tas-Sigurtà Soċjali, u talbiet kontra l-Istat fir-rigward tar-responsabbiltajiet tiegħu dwar il-liġi tax-xogħol.

Il-qrati kriminali huma responsabbli biex jisimgħu kawżi kriminali.

Karatteristika tal-liġi Spanjola hija li proċeduri ċivili li jirriżultaw minn reati kriminali jistgħu jiġu magħquda mal-proċeduri kriminali. F’dawn il-kawżi, il-qorti kriminali tiddeċiedi dwar l-ammont tad-danni pagabbli b’rabta mar-reat. Meta rikors ċivili ma jiġix ippreżentat mill-parti danneġġjata, dan jiġi ppreżentat mill-Prosekutur Pubbliku f’isimha, sakemm il-parti danneġġjata ma tkunx irrinunzjat espressament għad-dritt li tressaq rikors fil-kawża kriminali.

Fl-aħħar nett, il-qrati amministrattivi kontenzjużi jissorveljaw il-legalità tal-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi u jisimgħu talbiet finanzjarji kontrihom.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

Ara t-tweġibiet mogħtija hawn taħt.

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Fi Spanja, ma ssir l-ebda distinzjoni bejn id-diversi qrati tal-prim’istanza f’termini tal-ammont tat-talbiet jew tal-gravità tal-kawżi li jistgħu jittrattaw, u l-ebda qorti tal-prim’istanza ma tisma’ appelli dwar deċiżjonijiet minn qrati oħra tal-prim’istanza. L-appelli fi proċeduri ċivili dejjem jinstemgħu fil-Qrati Provinċjali (Audiencias Provinciales).

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

Għall-finijiet ta’ qrati, Spanja hija maqsuma ġeografikament f’muniċipalitajiet, distretti, provinċji u Komunitajiet Awtonomi. Distrett huwa unità territorjali li tinkludi muniċipalità kontigwa waħda jew aktar fi ħdan l-istess provinċja. Huwa l-aktar diviżjoni territorjali importanti, minħabba li huwa ż-żona li fiha Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni. (Id-dettalji jistgħu jinstabu fis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja fuq mjusticia.gob.es.)

Fejn ikun meħtieġ sabiex ilaħħqu mal-volum ta’ kawżi, hemm aktar minn qorti waħda tal-istess tip. Dan issa huwa l-każ fil-biċċa l-kbira tal-ibliet. Il-qrati huma nnumerati b’mod konsekuttiv skont meta ġew stabbiliti.

Fil-prinċipju, dawn il-qrati kollha għandhom l-istess ġurisdizzjoni, u x-xogħol jitqassam bejniethom skont ir-regoli interni tal-allokazzjoni mill-gvern. Madankollu, f’xi ċirkustanzi, ir-regoli tal-allokazzjoni jistgħu jintużaw sabiex jiġu assenjati tipi differenti ta’ kawżi lil qrati differenti fi ħdan l-istess distrett.

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ftehim jew regola obbligatorja, ir-regola bażika hija li l-ġurisdizzjoni hija f’idejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tad-distrett fejn il-konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ dan, ir-residenza tiegħu. Jekk il-konvenut la jkun domiċiljat u lanqas residenti fi Spanja, il-qorti kompetenti tkun il-Qorti tal-Prim’Istanza għad-distrett fejn il-konvenut ikun preżenti jew kien residenti l-aħħar. Meta ma japplika l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji, ir-rikorrent jista’ jippreżenta t-talba lill-Qorti tal-Prim’Istanza għad-distrett tad-domiċilju tiegħu.

Għal dawn l-għanijiet:

  • Talbiet kontra sidien ta’ negozji u nies professjonisti ppreżentati b’rabta mal-attivitajiet tan-negozju jew professjonali tagħhom jistgħu jiġu ppreżentati wkoll fi kwalunkwe wieħed mill-postijiet fejn huma jwettqu l-attivitajiet tagħhom, skont l-għażla tar-rikorrent.
  • Talbiet kontra entitajiet legali jistgħu jiġu ppreżentati wkoll fil-post fejn tkun seħħet jew se jkollha effett is-sitwazzjoni jew ir-relazzjoni legali li tkun is-suġġett tat-talba, bil-kundizzjoni li l-entità legali jkollha stabbiliment jew rappreżentant hemmhekk.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Is-sistema proċedurali Spanjola attwali għandha tendenza li ma tħallix l-għażla tal-ġurisdizzjoni territorjali lir-rikorrent. Din tiġri biss fil-kawżi li ġejjin:

-   Rikorsi in rem fuq proprjetà immobbli li tinvolvi jew diversi proprjetajiet jew proprjetà waħda li tinsab f’diversi distretti differenti. F’dawn il-kawżi, ir-rikorrenti jistgħu jagħżlu li jippreżentaw ir-rikors fi kwalunkwe wieħed mid-distretti b’ġurisdizzjoni.

-   Rikorsi sabiex tkun meħtieġa l-preżentazzjoni u l-approvazzjoni tal-kontijiet minn dawk responsabbli għall-ġestjoni tal-assi ta’ parti oħra, jekk il-post fejn għandhom jiġu ppreżentati l-kontijiet ma jkunx ġie determinat. F’dawn il-kawżi, ir-rikorrenti jistgħu jagħżlu bejn id-domiċilju tal-konvenut u l-post fejn jiġu mmaniġġjati l-assi.

-   Tilwim dwar wirt: ir-rikorrenti jistgħu jagħżlu bejn il-qrati tal-aħħar domiċilju tal-mejjet fi Spanja u l-qrati ta’ fejn tkun tinstab il-maġġoranza tal-patrimonju.

-   Rikorsi dwar proprjetà intellettwali: ir-rikorrenti jistgħu jagħżlu bejn il-postijiet li ġejjin: il-post fejn ikun seħħ il-ksur; il-post fejn ikun hemm evidenza prima facie li seħħ il-ksur; jew il-post fejn ikun hemm kopji illegali.

-   Kawżi dwar kompetizzjoni inġusta fejn il-konvenut ma jkollu l-ebda stabbiliment, domiċilju jew residenza fi Spanja. F’dawn il-kawżi, ir-rikorrenti jistgħu jagħżlu jew il-post fejn tkun seħħet il-kompetizzjoni inġusta jew il-post fejn jinħassu l-effetti tagħha.

-   Talbiet li jirrigwardaw biss il-kustodja ta’ minorenni jew talbiet għall-manteniment ippreżentati minn ġenitur wieħed kontra l-ieħor f’isem il-minorenni, meta t-tnejn ikunu residenti f’distretti tal-qrati differenti. F’dawn il-kawżi, ir-rikorrenti jistgħu jagħżlu jew il-qorti tal-post fejn il-konvenut ikollu d-domiċilju jew il-qorti tal-post fejn ikunu residenti t-tifel/tifla.

-   B’mod ġenerali, ir-rikorsi li jinvolvu l-eżerċizzju tad-drittijiet individwali tal-konsumatur jew tal-utent jistgħu jinstemgħu mill-qorti tad-domiċilju tal-konsumatur, utent jew konvenut, skont l-għażla tal-konsumatur.

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

Fil-kawżi li ġejjin, hemm regoli obbligatorji li jirrikjedu li r-rikorrent jippreżenta r-rikors lil qorti għajr dik tad-domiċilju tal-konvenut. F’dawn il-kawżi, il-partijiet ma jistgħux jagħżlu li jissottomettu għall-ġurisdizzjoni ta’ qorti partikolari, la espressament u lanqas impliċitament:

-   Drittijiet in rem jew drittijiet ta’ riċeviment tal-kera fir-rigward ta’ proprjetà immobbli u kwistjonijiet relatati ma’ proprjetà commonhold (propiedad horizontal): il-qrati tad-distrett fejn tkun tinsab il-proprjetà jkollhom il-ġurisdizzjoni.

-   Kwistjonijiet dwar wirt: il-ġurisdizzjoni tiġi determinata jew skont fejn il-mejjet kien domiċiljat l-aħħar fi Spanja jew skont fejn tkun tinsab il-parti l-kbira tal-patrimonju, skont l-għażla tar-rikorrent.

-   Kawżi li jinvolvu assistenza għal jew rappreżentanza ta’ persuni mingħajr kapaċità: dawn jinstemgħu mill-qorti tal-post fejn tkun qiegħda tgħix il-persuna inkwistjoni.

-   Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz tal-qrati ċivili: dawn il-kawżi jinstemgħu mill-qorti tad-domiċilju tar-rikorrent jew, meta r-rikorrent ma jkollu l-ebda domiċilju fi Spanja, mill-qorti tal-post fejn ikun seħħ l-att li kiser id-dritt inkwistjoni.

-   Talbiet għall-kumpens għall-ħsara fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur: il-qorti tal-post fejn tkun seħħet il-ħsara jkollha l-ġurisdizzjoni.

-   Rikużi għar-riżoluzzjonijiet ta’ kumpaniji: il-ġurisdizzjoni territorjali tiġi determinata skont il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija.

-   Rikorsi għal dikjarazzjoni li ċerti termini u kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ma jiffurmawx parti minn kuntratt jew li klawsola hija nulla u bla effett: il-qorti tal-post tad-domiċilju tar-rikorrent ikollha l-ġurisdizzjoni.

-   Rikorsi dikjarattivi għat-terminazzjoni jew l-irtirat ta’ termini kuntrattwali standard meta l-konvenut ma jkollux stabbiliment jew domiċilju fi Spanja: f’dawn il-kawżi, il-qorti tal-post fejn ikun ġie konkluż il-kuntratt standard ikollha l-ġurisdizzjoni.

-   Rikorsi għat-terminazzjoni ta’ termini kuntrattwali standard biex jiġu difiżi l-interessi kollettivi jew komuni tal-konsumaturi jew tal-utenti meta l-konvenut ma jkollux stabbiliment jew domiċilju fi Spanja: f’dawn il-kawżi, il-qorti tad-domiċilju tar-rikorrent ikollha l-ġurisdizzjoni.

-   Rikorsi biex jiġi rikjest li kwalunkwe waħda mill-persuni li ġejjin tikkonforma mal-obbligi tagħha: kumpanija tal-assigurazzjoni; xi ħadd li jkun biegħ proprjetà personali lil persuna oħra bi ħlasijiet parzjali, jew iffinanzja x-xiri ta’ dik il-proprjetà; xi ħadd li jkun għamel offerta pubblika ta’ proprjetà jew servizzi personali li persuna oħra tkun aċċettat. F’dawn il-kawżi, il-qorti tal-post tad-domiċilju tar-rikorrent ikollha l-ġurisdizzjoni.

-   Rikorsi minn partijiet terzi sabiex jikkontestaw il-qbid ta’ proprjetà: il-qorti tal-post tad-domiċilju tal-entità li tkun ordnat il-qbid ikollha l-ġurisdizzjoni.

-   Rikorsi għal separazzjoni, nullità jew divorzju: il-ġurisdizzjoni hija f’idejn il-Qorti tal-Familja – jew fejn ma jkunx hemm Qorti tal-Familja, il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-post tad-dar matrimonjali. Fejn ma jkunx hemm dar matrimonjali, il-ġurisdizzjoni tkun f’idejn il-qorti tal-post jew tal-aħħar dar matrimonjali jew tar-residenza tal-konjuġi l-ieħor/l-oħra. Fejn ma tkun teżisti l-ebda waħda minn dawn, il-qorti tal-post fejn l-individwu jkollu d-domiċilju jkollha l-ġurisdizzjoni. Fejn rikors isir bi qbil reċiproku, il-ġurisdizzjoni tkun f’idejn il-qorti tal-post tal-aħħar dar kondiviża jew tad-domiċilju ta’ wieħed mill-konjuġi.

-   Talbiet li jirrigwardaw biss il-kustodja ta’ minorenni jew talbiet għal manteniment ippreżentati minn ġenitur wieħed kontra l-ieħor f’isem minorenni: f’dawn il-kawżi, il-qorti tal-post tal-aħħar dar kondiviża tal-ġenituri jkollha l-ġurisdizzjoni. Fejn il-ġenituri jkunu jgħixu f’distretti ġudizzjarji differenti, ir-rikorrent jista’ jagħżel bejn il-qorti tal-post fejn il-konvenut ikollu d-domiċilju jew il-qorti tal-post fejn ikunu residenti t-tifel/tifla.

2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Bħala regola ġenerali, il-ġurisdizzjoni territorjali tista’ tinbidel fi Spanja, li jfisser li l-partijiet f’tilwima jistgħu jissottomettu, espliċitament jew taċitament, għall-qrati ta’ distrett partikolari, bil-kundizzjoni li l-qrati inkwistjoni jkollhom ġurisdizzjoni fuq il-materja.

Sottomissjoni espliċita sseħħ meta l-partijiet interessati jikkonkludu ftehim espliċitu fejn jgħidu għall-qrati ta’ liema distrett se jissottomettu.

Sottomissjoni taċita sseħħ fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

-   Fil-każ tar-rikorrent, bis-sempliċi fatt li jmur quddiem il-qrati ta’ distrett partikolari u jippreżenta talba jew jagħmel rikors jew talba li trid tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni biex tisma’ t-talba.

-   Fil-każ tal-konvenut, meta huwa jkun deher u sussegwentement iwettaq kwalunkwe pass proċedurali għajr jippreżenta rikors fiż-żmien u l-forma dovuti sabiex jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti.

Kwalunkwe tibdil fid-domiċilji tal-partijiet, fil-post tal-oġġett fit-tilwima jew fl-għan tal-proċeduri, li jseħħ wara li jkunu bdew il-proċeduri, ma jwassalx għal bidla fil-ġurisdizzjoni, li tiġi determinata skont is-sitwazzjoni kif ikkonfermata fil-bidu tal-proċeduri (Perpetuatio Iurisdictionis).

Madankollu:

Mhix permessa sottomissjoni espliċita f’kuntratti ta’ forma standard, kuntratti fejn it-termini u l-kundizzjonijiet ikunu ġew imposti minn waħda mill-partijiet, jew kuntratti konklużi minn konsumaturi/utenti. Madankollu, f’dawn il-każijiet hija possibbli sottomissjoni taċita.

Ma hija possibbli l-ebda forma ta’ sottomissjoni meta l-liġi tistabbilixxi regoli obbligatorji dwar il-ġurisdizzjoni territorjali.

Ma hija possibbli l-ebda forma ta’ sottomissjoni fi proċeduri rapidi, proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas jew proċeduri ta’ infurzar tad-dejn.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Il-qrati speċjalizzati fi Spanja jinkludu l-qrati elenkati hawn taħt.

Il-Qrati tal-Familja, li huma Qrati tal-Prim’Istanza. Fejn ikun hemm disponibbli Qrati tal-Familja (ġeneralment fiċ-ċentri b’popolazzjonijiet akbar), dawn ikollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva fuq materji tal-familja. B’mod speċifiku huma jisimgħu kawżi li jirrigwardaw:

  • separazzjoni, annullament u divorzju; u
  • l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minorenni.

Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni territorjali huma l-istess bħar-regoli li japplikaw għall-Qrati tal-Prim’Istanza li jisimgħu materji tal-liġi tal-familja fin-nuqqas ta’ Qorti tal-Familja speċjalizzata fid-distrett inkwistjoni.

Il-Qrati Soċjali jisimgħu talbiet li jirrigwardaw il-liġi tax-xogħol. Dawn jinkludu tilwim individwali bejn impjegati u impjegaturi dwar kuntratti ta’ impjieg, tilwim dwar negozjar kollettiv, talbiet tas-Sigurtà Soċjali u talbiet kontra l-Istat fir-rigward tar-responsabbiltajiet tiegħu dwar il-liġi tax-xogħol.

Ir-regola ġenerali hija li l-ġurisdizzjoni territorjali hija f’idejn il-qorti fil-post fejn il-ħaddiem jipprovdu s-servizzi tiegħu jew fejn il-konvenut ikollu d-domiċilju, skont l-għażla tar-rikorrent.

Il-Qrati Kummerċjali joperaw f’livell provinċjali u jittrattaw litigazzjoni kummerċjali.

Dawn il-qrati jisimgħu kawżi li jinvolvu kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ insolvenza, ħlief fejn l-insolvenza tinvolvi individwu għajr persuna tan-negozju: f’dawk il-kawżi, il-Qrati tal-Prim’Istanza mhux speċjalizzati jkollhom il-ġurisdizzjoni.

Huma jisimgħu wkoll kawżi relatati li jinvolvu l-kwistjonijiet li ġejjin:

-   Talbiet finanzjarji ċivili kontra l-assi tal-persuna insolventi, ħlief talbiet fi proċeduri dwar kapaċità, filjazzjoni, żwieġ u minorenni.

-   Rikorsi korporattivi sabiex tinkiseb it-terminazzjoni, l-emenda jew is-sospensjoni kollettiva ta’ kuntratti ta’ impjieg meta l-impjegatur ikun il-parti insolventi, jew rikorsi sabiex jiġu sospiżi jew terminati l-kuntratti tal-maniġment superjuri.

-   Kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar jew miżura proviżorja kontra l-assi u d-drittijiet ekonomiċi tal-parti insolventi, irrispettivament minn liema qorti tkun għamlet l-ordni.

-   Rikorsi ta’ responsabbiltà ċivili kontra diretturi, awdituri jew likwidaturi ta’ kumpaniji dwar id-dannu jew telf sofrut mill-parti insolventi matul il-proċedura tal-insolvenza.

-   Talbiet relatati ma’:

  • kompetizzjoni inġusta,
  • il-proprjetà intellettwali u r-reklamar,
  • il-liġi tal-kumpaniji u l-liġi li tirregola s-soċjetajiet kooperattivi,
  • it-trasport nazzjonali jew internazzjonali,
  • il-liġi marittima,
  • it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt,
  • l-applikazzjoni tar-regoli tal-arbitraġġ għall-kwistjonijiet elenkati hawn fuq.

Il-ġurisdizzjoni biex tiftaħ u tisma’ proċeduri ta’ insolvenza hija f’idejn il-Qorti Kummerċjali tat-territorju fejn id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu. Jekk id-debitur ikun domiċiljat ukoll fi Spanja u d-domiċilju u ċ-ċentru tal-interessi ewlenin ikunu f’postijiet differenti, il-Qorti Kummerċjali tad-domiċilju tad-debitur tkun ukoll kompetenti biex tisma’ l-kawża, skont l-għażla tal-kreditur li jagħmel ir-rikors.

Meta d-debitur ikun entità legali, is-suppożizzjoni hija li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jkun iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu. Għal dawn l-għanijiet, kwalunkwe bidla fl-uffiċċju rreġistrat li sseħħ fi żmien sitt xhur qabel ir-rikors għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza ma tiġix ikkunsidrata.

Il-Qrati Kummerċjali f’Alicante joperaw bħala l-Qrati tat-Trademark tal-UE meta jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni esklużiva tagħhom sabiex jisimgħu fil-prim’istanza kwalunkwe litigazzjoni li titressaq quddiemhom skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji.

Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħhom fuq dawn il-materji, il-Qrati tat-Trademark għandhom ġurisdizzjoni fit-territorju nazzjonali kollu.

Minbarra dawn il-qrati speċjalizzati, bil-liġi l-Kunsill Ġenerali għall-Ġudikatura (Consejo General del Poder Judicial) jista’ jiddeċiedi li, fejn ikun hemm diversi qrati tal-istess tip, waħda jew aktar minnhom għandu jkollha ġurisdizzjoni esklużiva biex tisma’ ċerti kategoriji ta’ kawżi jew biex tissorvelja l-infurzar fil-qasam tal-liġi kkonċernat.

Din is-setgħa diġà ġiet eżerċitata f’diversi postijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-inkapaċità u l-istituzzjonalizzazzjoni furzata minħabba mard mentali, fejn il-ġurisdizzjoni ġeneralment ġiet assenjata lill-Qrati tal-Familja.

L-aħħar aġġornament: 14/06/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.