Please note that the original language version of this page Slovenian has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages have already been translated.
Swipe to change

Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?

Slovenia
Content provided by:
European Judicial Network
European Judicial Network (in civil and commercial matters)

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Fis-Slovenja, il-qrati lokali (okrajna sodišča) u l-qrati distrettwali (okrožna sodišča) għandhom il-ġuriżdizzjoni għall-kawżi ċivili fl-ewwel istanza. Huma għandhom il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar kull kwistjoni u tilwima tipika tad-dritt ċivili u (l-għoti ta' kumpens, proprjetà, tilwim familjari, eċċ.). Id-demarkazzjoni tal-ġuriżdizzjoni bejn il-qrati lokali u dawk distrettwali hija ttrattata hawn taħt.

Il-qrati distrettwali biss għandhom ġuriżdizzjoni biex jisimgħu u jiddeċiedu kawżi relatati mad-dritt kummerċjali fl-ewwel istanza. It-tilwim kummerċjali huwa meta kull waħda mill-partijiet f'kawża ċivili tkun kumpanija, istituzzjoni (inklużi istituzzjonijiet pubbliċi), kooperattiva, l-istat jew komunità lokali awtogovernanti.  It-tilwim kummerċjali huwa wkoll meta jkun dwar ir-relezzjonijiet ġuridiċi bejn kummerċjanti waħdiena li joriġinaw mill-attività ta' qligħ tagħhom, u kumpanija, istituzzjoni (inklużi istituzzjonijiet pubbliċi), kooperattiva, l-istat jew komunità lokali awtogovernanti.

Il-liġi tagħti l-ġuriżdizzjoni dwar tilwim industrijali lill-qrati industrijali (delovna sodišča) u lill-qrati soċjali (socialna sodišča), anke jekk il-kawża tkun tinvolvi tilwima ċivili. It-tilwim industrijali jinvolvi r-relazzjonijiet bejn impjegatur u impjegat u ksur tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mir-relazzjonijiet industrijali. Il-qrati industrijali għandhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu tilwim industrijali individwali (tilwim li jkun ġej minn relazzjonijiet industrijali, tilwim relatat mad-drittijiet tal-proprjetà relatata ma' din ir-relazzjoni), tilwim industrijali kollettiv (tilwim fejn waħda mill-partijiet tkun normalment trejdjunjin jew xi forma istituzzjonali oħra ta' rappreżentanza tal-impjegati), tilwim relatat mal-legalità tal-istrajkijiet, u tilwim relatat mad-drittijiet tal-imjegati għall-parteċipazzjoni mill-impjegat fit-tmexxija tal-kumpanija), li hija stabbilita fil-liġi Slovena. Il-qrati soċjali jiddeċiedu dwar id-drittijiet li jiġu mill-assikurazzjoni tad-diżabbiltà u tal-pensjonijiet, l-assikurazzjoni tas-saħħa u l-assikurazzjoni kontra l-qgħad, u dwar id-dritt għall-famija u l-benefiċċji soċjali.

Peress li l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni tqum biss meta jitressaq rikors jew talba quddiem il-qorti (qabel ma l-qorti tisma' jew tiddeċiedi l-kawża, hija tiddetermina jekk il-kawża hix fil-ġuriżdizzjoni tagħha), huwa rakkomandat li qabel kollox wieħed jikkonsulta avukat biex jevita dewmien bla bżonn. F'kull proċedura li tisma', il-qorti trid dejjem tagħti kas il-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni, u tiżgura li l-ebda korp ieħor ma għandu l-ġuriżdizzjoni tal-kawża (pereż. korp amministrattiv). Jekk issib li hekk ikun hemm bżonn, qorti għandha tiċħad it-talba tar-rikorrent; dan iwassal għal telf ta' ħin bla bżonn u żieda fl-ispejjeż għall-parti.

Tagħrif dwar l-organizzazzjoni, il-lokalità u l-ġuriżdizzjoni tal-qrati jinsab ukoll fis-sit uffiċjali tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja (Vrhovno sodišče Republike Slovenije): http://www.sodisce.si/

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

Rikors jista' jitressaq quddiem kwalunkwe qorti tar-Repubblika tas-Slovenja, imma kull min iressaq rikors irid joqgħod attent għall-ġuriżdizzjoni ratione materiae (liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni skont il-kontenut tal-kawża) u l-ġuriżdizzjoni territorjali. Tagħrif bażiku, inklużi l-indirizzi tal-qrati lokali u distrettwali kollha fis-Slovenja, hija disponibbli mis-sit tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja: http://www.sodisce.si/

Fis-Slovenja, il-ġuriżdizzjoni ratione materiae fl-ewwel istanza jew il-possibilità li qorti tkun tista' tiddeċiedi dwar talba speċifika ta' parti, hija maqsuma bejn il-qrati lokali u dawk distrettwali. Iż-żewġ kriterji li ġejjin huma deċiżivi meta jiġi deċiż liema qorti tkun se tiddeċiedi l-kawża: il-valur tat-talba (suġġett tat-tilwima) u l-bażi ġuridika għar-relazzjoni li hija l-bażi tat-tilwima (kontenut u s-suġġett tat-tilwima).

Ir-regola ġenerali hija li qorti distrettwali tiddeċiedi dwar tilwimiet iktar importanti, meta s-suġġett tat-tilwima jkun ta' valur għoli, meta t-tilwima jkollha rilevanza sinifikanti għall-ħajja ta' parti, jew meta tkun ġuridikament kumplessa, peress li l-qrati huma obbligati, fid-deċiżjoni tagħhom, biex japplikaw il-liġijiet li jindirizzaw kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi u sensittivi (pereż. id-divorzju, il-manteniment tat-tfal).

Il-qrati superjuri (višja sodišča), li hemm erbgħa minnhom fis-Slovenja, jiddeċiedu fit-tieni istanza. Mhuwiex possibbli li tiftaħ kawża direttament ma' dawn il-qrati. Il-qrati superjuri jiddeċiedu appelli kontra d-deċiżjonijiet ta' qrati lokali u distrettwali; huma jiddeċiedu wkoll fuq tilwim relatati mal-ġuriżdizzjoni bejn qrati lokali u distrettwali fil-qasam tal-pajjiż li jkopru.

Il-Qorti Suprema tar-Repubblika tas-Slovenja għandha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi l-appelli kontra s-sentenzi tal-qrati superjuri, speċjalment deċiżjonijiet relatati mar-reviżjonijiet u t-talb għall-protezzjoni tal-legalità. Meta jitressqu rimedji ġuridiċi straordinarji, il-parti interessata trid tkun assistita minn avukat; skont il-liġi, avukati kkwalifikati biss jistgħu jwettqu atti proċedurali speċifiċi quddiem il-Qorti Suprema.

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Kif intqal fil-punt preċedenti, il-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza hija maqsuma bejn il-qrati lokali u dawk distrettwali; madankollu, dawn iż-żewġ qrati mhumiex f'relazzjoni ġerarkika stretta. Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati hija ddeterminata mil-liġi, imma b'mod ġenerali huwa minnu li l-qrati distrettwali jisimgħu kawżi li jkunu iktar kumplessi fil-liġi u fil-fatti.

L-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku, ZPP) jistipulali l-qrati lokali, li b'kollox hemm 44 minnhom fis-Slovenja, għandhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu l-kawżi li ġejjin:

  • kawżi dwar proprjetà, jekk il-valur tas-suġġett tat-tilwima ma jkunx jaqbeż l-EUR 20 000;
  • tilwim relatat mad-dħul fi proprjetà bla jedd;
  • tilwim relatat ma' servitù u gravami;
  • tilwim relatat mar-relazzjonijiet ta' kera jew lokazzjoni.

Il-qrati lokali jisimgħu wkoll kawżi dwar l-għajnuna legali meta l-ebda qorti oħra ma jkollha l-ġuriżdizzjoni skont il-liġi, kif ukoll kawżi oħra determinati mil-liġi.

Il-Qrati distrettwali, li hemm 11 minnhom fis-Slovenja, għandhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu l-kawżi li ġejjin:

  • kawżi dwar proprjetà, jekk il-valur tas-suġġett tat-tilwima jkun jaqbeż l-EUR 20 000;
  • kawżi biex tiġi ddeterminata jew ikkontestata l-paternità jew il-maternità;
  • tilwim matrimonjali;
  • tilwim relatat mal-obbligi legali tal-manteniment;
  • tilwim dwar il-ħarsien u t-trobbija tat-tfal;
  • tilwim relatat mal-kuntatt tat-tfal mal-ġenituri u ma' persuni oħrajn, meta jkunu solvuti flimkien ma' tilwim relatat mal-ħarsien u t-trobbija tat-tfal;
  • tilwim relatat mad-drittijiet tal-awtur, u tilwim relatat mal-ħarsien u l-użu ta' invenzjonijiet u marki kummerċjali jew id-dritt għall-użu ta' isem kummerċjali, u f'tilwim relatat mar-regoli ta' protezzjoni tal-kompetizzjoni;
  • tilwim kummerċjali;
  • tilwim li jiġi minn proċedura ta' falliment.

Deċiżjonijiet dwar drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-ewwel istanza huma fil-ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva tal-Qorti Distrettwali ta' Ljubljana. Il-qrati distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni wkoll fuq talbiet għal għajnuna legali internazzjonali u għal għajnuna legali fi proċeduri biex sentenzi minn qrati barranin ikunu rikonoxxuti, u jisimgħu wkoll kważi oħrajn kif determinat mil-liġi.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

Fil-prinċipju, jista' jitressaq rikors f'kull waħda mill-qrati tal-ewwel istanza fis-Slovenja msemmija fil-punti ta' hawn fuq. Il-qorti fejn parti tressaq rikors trid tiddeċiedi dwar il-ġuriżdizzjoni tagħha biex tisma' l-kawża qabel ma tibda tiddeċiedi l-kawża. Jekk issib li ma għandhiex ġuriżdizzjoni territorjali f'kawża speċifika, tista' tiddikjara li ma għandhiex ġuriżdizzjoni u ċċedi l-kawża lil qorti oħra; għalkemm hija tista' tagħmel dan biss jekk il-kontroparti tiġbed l-attenzjoni lejn in-nuqqas ta' ġuriżdizzjoni, hija obbligata li tagħmel dan jekk qorti oħra jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali li tiddeċiedi hi. Minkejja dan, hemm regoli ġenerali li japplikaw biex tiġi ddeterminata l-ġuriżdizzjoni territorjali ta' qrati li jitqiesu sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż jinżammu baxxi u l-proċedimenti jkunu solvuti malajr kemm jista' jkun.

Iz-ZPP fiha regola dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali u speċifika; din hija ddeterminata b'relazzjoni mas-suġġett tat-tilwima u partijiet tagħha. Id-dettalji huma stabbiliti fil-punti ta' hawn taħt.

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Din tistipula li kawża miftuħa kontra persuna fiżika jew ġuridika trid tinfetaħ fil-qorti li tkopri ż-żona fejn l-intimat ikollu r-residenza permanenti tiegħi jew fejn il-persuna ġuridika jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Jekk il-kawża tkun kontra persuna fiżika jew ġuridika b'ċittadinanza barranija, il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali tkun il-qorti li tkopri ż-żona fejn il-persuna fiżika jkollha r-residenza tagħha fis-Slovenja jew fejn il-persuna ġuridika jkollha l-uffiċċju tal-fergħa tagħha.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

F'ċerti każijiet, iz-ZPP jagħti lill-partijiet f'kawża l-possibilità li jressqu rikors quddiem qorti oħra minflok dik li jkollha ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali skont ir-regola. F'kawżi definiti b'mod speċjali (fir-rigward tas-suġġett jew tal-kontenut tat-tilwima), parti tista' tressaq azzjoni biss mal-unika qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi l-kawża kkonċernata; f'dan il-każ, din tissejjaħ ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva.

Jekk rikorrent iressaq rikors quddiem qorti li ma jkollhiex ġuriżdizzjoni territorjali, dan jiġi ddikjarat hekk u l-kawża tiġi ttrasferita lejn qorti oħra li jkollha ġuriżdizzjoni u l-kawża tkompli daqslikieku nbdiet hemm.

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

Kif intqal fuq, f'ċerti każijiet jista' jkun li żewġ qrati jkollhom ġuriżdizzjoni territorjali simultanjament. F'dan il-każ, parti fil-kawża tkun tista' tagħżel f'liema qorti tressaq ir-rikors (ġuriżdizzjoni selettiva).

Ġuriżdizzjoni ta' dan it-tip hija definita fl-Artikoli minn 49 sa 65 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili; għalhekk, huma biss il-kawżi l-iktar importanti, u dawk l-iktar rilevanti għall-ħajja tal-partijiet fil-kawża, li huma spjegati hawn taħt.

F'tilwim relatat mal-manteniment tal-konjuġi, mhix biss il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali li jkollha l-ġuriżdizzjoni, imma anki l-qorti li tkopri ż-żona fejn ir-rikorrent (il-benefiċjarju tal-manteniment) ikollu r-residenza permanenti tiegħu. L-għażla tal-qrati teżisti wkoll għall-partijiet f'tilwim matrimonjali (kawżi tad-divorzju). F'dan il-każ, il-qorti li tkopri ż-żona fejn il-konjuġi kellhom l-aħħar residenza matrimonjali permanenti tagħhom ikollha l-ġuriżdizzjoni. F'tilwim biex tiġi ddeterminata jew ikkontestata l-paternità jew il-maternità, il-qorti li tkopri ż-żona fejn it-tifel li skont il-leġiżlazzjoni Slovena jista' jressaq rikors, ikollu r-residenza permanenti jew temporanja tiegħu, ikollha ġuriżdizzjoni. Meta qorti fis-Slovenja jkollha l-ġuriżdizzjoni f'tilwim bħal dan, jiġifieri minħabba li r-rikorrent ikollu residenza permanenti fis-Slovenja, il-qorti li tkopri ż-żona fejn ir-rikorrent ikollu r-residenza permanenti jkollha wkoll il-ġuriżdizzjoni territorjali.  F'tilwim mhux kuntrattwali għall-kumpens (dawn ikunu l-iktar kawżi relatati ma' inċidenti tat-traffiku), il-qorti li tkopri ż-żona fejn saret il-ħsara (pereż. l-lokalità tal-inċident tat-traffiku) jew il-qorti li tkopri ż-żona fejn inħassew il-konsegwenti tal-ħsara jkollha l-ġuriżdizzjoni, flimkien mal-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali. F'każ li tinqala' ħsara li twassal għal telf ta' ħajja jew korriment serju, il-qorti li tkopri ż-żona fejn ir-rikorrent ikollu r-residenza permanenti jew temporanja tiegħu jkollha l-ġuriżdizzjoni wkoll.  F'tilwim li jiġi minn relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet, il-qorti li tkopri ż-żona determinata bħala ż-żona fejn ir-relazzjonijiet kuntrattwali jkunu ssodisfati jkollha ġuriżdizzjoni; jeżisti arranġament simili fir-rigward ta' tilwim li jikkonċerna kambjali jew ċekkijiet (il-qorti li tkopri ż-żona fejn isir il-ħlas). Każijiet oħrajn ta' ġuriżdizzjoni selettiva, kif indikat, huma mniżżlin fl-Att dwar il-Proċedura Ċivili.

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

F'każijiet speċifiċi, il-liġi tippreskrivi ġuriżdizzjoni territorjali speċjali u tiddefinixxi qorti bħala l-unika qorti b'ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi kawża speċifika. Din tissejjaħ ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva, u tapplika kif ġej:

  • għal tilwim relatat mad-drittijiet ta' proprjetà immobbli, mad-dħul fi proprjetà bla jedd u mal-kiri u l-lokazzjoni ta' proprjetà, il-qort b'ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva tkun il-qorti li tkopri ż-żona fejn tinsab il-proprjetà;
  • għal tilwim relatat mad-drittijiet reali għal bastimenti marittimi jew inġenji tal-ajru (u tilwim relatat mal-kiri tagħhom), il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva tkun il-qorti li tkopri ż-żona fejn jinżamm ir-reġistru fejn hemm irreġistrat il-bastiment marittimu jew l-inġenju tal-ajru;
  • għal tilwim li jinqala' waqt jew minħabba proċedimenti ta' eżekuzzjoni ġudizzjarja jew amministrattiva u tilwim li jinqala' waqt jew fir-rigward ta' proċeduri ta' falliment, il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva tkun il-qorti fiż-żona fejn tinsab il-qorti li qed tmexxi l-eżekuzzjoni jew il-proċeduri ta' falliment.
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Il-leġiżlazzjoni Slovena tippermetti lill-partijiet f'kawża speċifika biex jiftiehmu dwar il-ġuriżdizzjoni ta' qorti tal-ewwel istanza (ftehim dwar ġuriżdizzjoni territorjali). Ftehim bejniethom jista' jibdel il-ġuriżdizzjoni territorjali kif definita mil-liġi, għalkemm wieħed irid jenfasizza li l-partijiet ma jistgħux jagħmlu ftehim biex jiddeterminaw il-ġuriżdizzjoni ratione materiae; dik tista' tiġi ddeterminata biss mil-liġi (cf. l-ispjegazzjoni ta' hawn fuq).

Il-partijiet jistgħu jiftiehmu li qorti tal-ewwel istanza illi kieku ma jkollhiex ġuriżdizzjoni territorjali tkun tista' tisma' l-kawża tagħhom. Il-kundizzjoni bażika li l-partijiet iridu jissodisfaw hija li l-qorti li jaqblu fuqha jkollha l-ġuriżdizzjoni li tiddeċiedi dwar kontenut tal-kawża jew li jkollha l-ġuriżdizzjoni ratione materiae (cf. is-separazzjoni tal-ġuriżdizzjoni bejn il-qrati lokali u dawk distrettwali). Ftehim ma jkunx permess lanqas meta l-liġi tipprovdi qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva (cf. il-punt ta' qabel dan).

Ftehim bejn il-partijiet irid isir bil-miktub u jrid ikun relatat ma' tilwima speċifika jew tilwima futura li tinqala' jew li tista' tinqala' mir-relazzjoni ġuridika speċifika tagħhom. Id-dokument tal-ftehim irid jinhemeż mir-rikorrent mar-rikors li jiftaħ il-proċedimenti quddiem il-qorti kkonċernata. Importanti li kun innutat li ftehim dwar ġuriżdizzjoni territorjali ma jistax isir waqt il-proċedimenti – jiġifieri, meta jkun diġà tressaq rikors quddiem qorti, mingħajr ftehim ta' din ix-xorta mehmuż.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Is-sistema ġudizzjarja Slovena ma għandhiex qrati speċjalizzati fil-qasam tad-dritt ċivili jew kummerċjali (pereż. qrati speċjali tal-familja li jsolvu tilwim matrimonjali jew tilwim bejn il-ġenituri u wliedhom), peress li l-kawżi ċivili kollha jkunu solvuti fil-qrati lokali u distrettwali, jew id-dipartimenti ċivili u kummerċjali tagħhom. Il-qrati għandhom dipartimenti organizzati (ċivili, tal-familja, kummerċjali, tal-eżekuzzjoni, tal-kawżi li ma jinvolvux litiġju, taċ-ċertifikazzjoni). B'mod ġenerali, imħallfin speċjalizzati jiddeċiedu kawżi f'dawn id-dipartimenti u jaqtgħu sentenza tal-qorti.

Qrati speċjali jiġu organizzati biss għal tilwim industrijali u soċjali, li l-ġuriżdizzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom huma spjegati fil-kummenti tal-bidu.

Ħoloq relatati

http://www.sodisce.si/

http://www.dz-rs.si/wps/portal/Home/deloDZ/zakonodaja/preciscenaBesedilaZakonov

https://www.uradni-list.si/glasilo-uradni-list-rs

http://www.pisrs.si/Pis.web/

L-aħħar aġġornament: 24/06/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.