Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Il-Liġi proċedurali ċivili (bażikament, il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil) – LEC) hija s-sors primarju għall-miżuri kawtelatorji; madankollu, miżuri oħra huma stabbiliti f’liġijiet sostantivi speċjali.

Fost il-miżuri previsti fl-LEC (l-Artikolu 727) hemm dawn li ġejjin:

  1. Mandat ta’ qbid kawtelatorju (el embargo preventive de bienes), bl-għan li jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi li jordnaw il-kunsinna ta’ ammonti ta’ flus jew rendimenti, kirjiet u beni funġibbli li jistgħu jiġu stmati fi flus billi jiġu applikati prezzijiet fissi.
  2. Amministrazzjoni ġudizzjarja jew riċevitura ordnata mill-qorti ta’ assi produttivi (la intervención o la administración de bienes productivos), meta tintalab sentenza li tordna l-konsenja tagħhom taħt it-titlu ta’ sid, użufruttwarju jew kwalunkwe titlu ieħor li jinvolvi interess leġittimu fiż-żamma jew it-titjib tal-produttività jew meta l-garanzija ta’ dan tal-aħħar tkun ta’ importanza fundamentali għall-effettività tas-sentenza biex tingħata fiż-żmien dovut.
  3. Il-konfiska ta’ assi mobbli (el depósito de cosa mueble), meta t-talba tfittex ordni biex jiġi kkonsenjat l-imsemmi assi u dan tal-aħħar ikun jinsab għand l-intimat.
  4. Il-mandat ta’ deskrizzjoni (la formación de inventarios de bienes), f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati fil-qorti.
  5. Il-preżentazzjoni provviżorja ta’ talbiet (la anotación preventive de demanda), meta tikkonċerna l-assi jew id-drittijiet soġġetti għal reġistrazzjoni fir-reġistri pubbliċi.
  6. Entrati oħra tar-reġistri (otras anotaciones registrales), f’każijiet meta n-natura pubblika tar-reġistru tista’ tgħin jinkiseb riżultat sodisfaċenti.
  7. Mandat ta’ inibizzjoni (la orden judicial de cesar provisionalmente en una actividad); ordni biex wieħed jastjeni temporanjament milli jaġixxi b’ċertu mod; jew projbizzjoni temporanja li tipprevjeni l-interruzzjoni jew l-irtirar ta’ servizz li kien qed jiġi pprovdut.
  8. Qbid u konfiska tad-dħul (la intervención y depósito de ingresos) miksuba permezz ta’ attività meqjusa illeċita u li l-projbizzjoni jew it-twaqqif tagħha jkun rikjest fit-talba, kif ukoll il-konsenja jew id-depożitu tal-ammonti mitluba bħala kumpens għal proprjetà intellettwali.
  9. Il-konfiska temporanja ta’ kopji oriġinali tax-xogħlijiet jew ta’ oġġetti (el depósito temporal de ejemplares de las obras u objetos) allegatament magħmula kontra r-regoli dwar il-proprjetà intellettwali jew industrijali, kif ukoll id-depożitu tal-materjal użat għall-produzzjoni tagħhom.
  10. Is-sospensjoni ta’ deċiżjonijiet korporattivi kkontestati (la suspención de acuerdos sociales), meta l-attur jew l-atturi jirrappreżentaw tal-inqas 1 jew 5 fil-mija tal-kapital azzjonarju, skont jekk il-kumpanija konvenuta kinitx ħarġet titoli li, fiż-żmien tal-kontestazzjoni, kienu ammessi għall-kummerċ fuq suq sekondarju uffiċjali.

Flimkien ma’ dawn, l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 727 tal-LEC jippermetti li l-imħallef jaqbel ma’ miżuri oħra mhux inklużi fost dawn ta’ hawn fuq, li jfisser li l-lista mhijiex eżawrita (pereżempju, dawk stabbiliti fl-Artikolu 762 tal-LEC):

  1. Kwalunkwe miżura oħra stabbilita espressament bil-liġi għall-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet jew li huma meqjusa neċessarji biex jiżguraw l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja li tista’ tkun mogħtija fis-sentenza li tista’ tingħata fil-proċess quddiem il-qorti.

Barra minn din is-sistema ġenerali, hemm dispożizzjonijiet legali oħra dwar il-kwistjoni ta’ protezzjoni provviżorja, li fosthom hemm is-segwenti:

  1. Proċedimenti dwar il-kapaċità ġuridika tal-persuni: L-Artikolu 762 tal-LEC jippermetti lill-qorti tadotta uffiċjalment il-miżuri li hija tqis neċessarji għall-protezzjoni tal-persuna li allegatament ikollha nuqqas ta’ kapaċità jew tal-patrimonju tagħha.
  2. Proċedimenti rigward l-istat ta’ ġenitur, il-paternità u l-maternità: L-Artikolu 768 tal-LEC jipprovdi miżuri ta’ protezzjoni għall-persuna u l-assi taħt l-awtorità ta’ kull min jista’ jidher li huwa ġenitur u l-għoti ta’ manteniment provviżorju lill-attur, inkluż mingħajr seduta ta’ smigħ minn qabel f’każijiet urġenti.
  3. Protezzjoni tal-patrimonju ta’ persuna deċeduta: jista’ jkun neċessarju li jiġu protetti l-assi tal-patrimonju u d-dokumenti tal-persuna deċeduta, jiġi amministrat il-patrimonju jew jiġu vverifikati l-qraba tal-persuna deċeduta, fost miżuri oħra (l-Artikoli 790 sa 796 tal-LEC).

Miżuri kawtelatorji speċifiċi jistgħu jinstabu wkoll f’regoli speċjali inklużi, iżda mhux biss, dawn li ġejjin:

  1. Il-liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali (Id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1996 tat-12 ta' April 1996), l-Artikoli 138 u 141 (qbid u konfiska ta’ dħul li jkun ġej mill-attività illeċita inkwistjoni, sospensjoni ta’ attività ta’ riproduzzjoni, distribuzzjoni u komunikazzjoni pubblika, il-konfiska tal-oġġetti prodotti, il-qbid ta’ tagħmir, apparat u mezzi materjali, eċċ.).
  2. Il-Liġi dwar it-Trademarks (il-Liġi 17/2001 tas-7 ta’ Diċembru 2001), l-Artikolu 61 (il-preżentazzjoni preventiva tat-talba fir-Reġistru tat-Trademarks).
  3. Il-Liġi dwar il-Privattivi (Il-Liġi 24/2015 tal-24 ta’ Lulju 2015), l-Artikolu 11 (sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ privattiva) u l-Artikoli 117 u 127 et seq. (il-waqfien ta’ atti li jistgħu jiksru d-drittijiet tar-rikorrent, il-qbid u ż-żamma tal-oġġetti li allegatament jiksru d-drittijiet tal-propjetarju tal-privattiva, garanzija ta’ kumpens għad-danni u l-entrati sussegwenti fir-reġistru).
  4. Il-Liġi dwar il-Falliment (il-Liġi 22/2003 tad-9 ta’ Lulju 2013), l-Artikolu 48(b) (qbid ta’ oġġetti ta’ amministraturi korporattivi) u l-Artikolu 17 (l-iżgurar li l-assi tad-debitur ma jiġux ittrasferiti, fost affarijiet oħra).
  5. Il-Liġi dwar in-Navigazzjoni Marittima (il-Liġi 14/2014 tal-24 ta’ Lulju 2014), l-Artikolu 43 u l-Artikolu 470 et seq. (arrest ta’ bastimenti li jbaħħru).
  6. Il-Liġi dwar il-Koproprjetà (il-Liġi 49/1960 tal-21 ta’ Lulju 1960), l-Artikolu 7 (il-waqfien ta’ attività pprojbita) u l-Artikolu 28 (is-sospensjoni ta’ ftehimiet adottati mill-assoċjazzjonijiet tas-sidien).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Il-miżuri jingħataw mill-imħallef jew mill-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq is-suġġett jew it-territorju. Dan ikun l-imħallef jew il-qorti li tisma’ l-kawża, jew jekk il-proċedimenti ma jkunux inbdew, l-imħallef jew il-qorti li jkun id-dover tagħha li tisma’ l-kawża.

Wieħed jista’ jitlob miżuri kawtelatorji qabel ma titressaq talba, dment li n-natura tagħhom ma tagħmilhiex impossibbli li jingħataw (bħal fil-każ ta’ preżentazzjoni provviżorja ta’ talba), u dment li l-liġi ma tkunx teħtieġ rikors flimkien mat-talba (bħall-waqfien ta’ attivitajiet projbiti, jew is-sospensjoni ta’ ftehimiet komunitarji f’każijiet ta’ tilwim dwar koproprjetà). Minħabba n-natura eċċezzjonali tagħhom (ġeneralment it-talba biss tiġi ttrattata), irid ikun każ ta’ ħtieġa u urġenza simultanji. Jistgħu jiġu adottati mingħajr ma tinstema’ l-parti opposta għall-proċedimenti (mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li joġġezzjonaw għall-miżuri ladarba jingħataw); madankollu, dawn jiskadu jekk it-talba korrispondenti ma tiġix ippreżentata fi żmien għoxrin jum mill-għotja tagħhom.

Kif indikat hawn fuq, madankollu, huwa iktar komuni li wieħed jitlob il-miżuri fl-istess żmien tal-preżentata tat-talba. F’dan il-każ, l-imħallef jew il-qorti tordna t-tħejjija ta’ att separat biex il-miżura kawtelatorja tiġi ttrattata fl-istess ħin tal-kawża prinċipali, li fiha tista’ tiġi offruta u prodotta evidenza biex jintwera li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ protezzjoni provviżorja ġew issodisfati. Ir-regola ġenerali hija li l-partijiet ikunu msejħa għal seduta ta’ smigħ fil-qorti qabel ma jiġu adottati l-miżuri kawtelatorji. Isiru d-dikjarazzjonijiet u tista’ tiġi prodotta kwalunkwe evidenza relatata mal-kwistjoni ta’ jekk jiġux adottati l-miżuri kawtelatorji jew le; fejn ikun xieraq, titqies il-garanzija li tkun meħtieġa mill-parti li titlob il-miżura kawtelatorja, f’każ li t-talba ma tiġix aċċettata. Minkejja dan, il-parti li titlob il-miżura tista’ titlob l-adozzjoni tagħha mingħajr ma tinstema’ l-parti l-oħra, jekk turi evidenza li hemm raġunijiet urġenti jew jekk is-seduta ta’ smigħ tista’ xxekkel s-suċċess tal-miżura – pereżempju, jekk ikun hemm ir-riskju ta’ ħabi jew il-ħela tal-patrimonju tad-debitur. F’dan il-każ, il-parti leża tista’ toġġezzjona ladarba tiġi adottata l-miżura.

Tista’ ssir ukoll talba għal miżuri wara t-talba jew waqt appell, għalkemm talba bħal din trid tiġi appoġġata b’fatti jew ċirkostanzi li jiġġustifikaw iż-żmien tagħha.

F’każijiet fejn ikun meħtieġ l-intervent ta’ avukat u prosekutur ġenerali, l-involviment tagħhom ikun meħtieġ biex tintalab l-adozzjoni ta’ miżura kawtelatorja. Fil-każ ta’ miżuri urġenti qabel it-talba, ir-rappreżentanza legali mhijiex meħtieġa (l-Artikoli 23 u 31 tal-LEC).

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Sabiex qorti tagħti kwalunkwe miżura elenkata hawn fuq, irid japplika dan li ġej:

  1. Riskji li jirriżultaw biż-żmien, jew periculum in mora: dan huwa kostitwit mir-riskju ta’ dannu li jista’ jsofri r-rikorrent minħabba dewmien fil-proċedimenti, li jista’ jħawwad l-eżekuzzjoni ta’ dak li jingħata fis-sentenza jew fid-deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedimenti. Il-parti li titlob il-miżura trid temmen li jekk il-miżuri mitluba ma jiġux adottati, is-sitwazzjonijiet li jxekklu jew jimpedixxu l-effettività tal-protezzjoni li tista’ tingħata f’sentenza pożittiva jistgħu jiġru matul il-pendenza tal-proċedimenti. Fi kwalunkwe każ, mhuwiex xieraq li tingħata l-miżura jekk ir-rikorrent ikun ilu jġarrab is-sitwazzjoni li tikkawża r-riskju għal żmien twil, sakemm ma jurix evidenza biex jispjega għalfejn ma talabx il-miżura qabel.
  2. L-apparenza ta’ liġi tajba jew kawża prima facie: Ir-rikorrent irid jipprovdi lill-qorti raġunijiet li jwassluha tagħti sentenza preliminari dwar kemm hi xierqa t-talba fid-dritt. Ir-rekwiżit ifisser li r-rikorrent irid jissottometti d-dettalji, l-argumenti u l-evidenza dokumentata li l-qorti tista’ tibbaża fuqhom, mingħajr preġudizzju għall-merti tal-kawża (minħabba li fi Spanja, il-miżuri kawtelatorji jiġu adottati mill-istess qorti li mbagħad tagħti sentenza għall-kawża), sentenza provviżorja u ċirkostanzjali favur il-bażi tat-talba, l-Artikolu 728(2) tal-LEC. Barra mill-evidenza dokumentata, tipi differenti ta’ evidenza (xhieda, esperti, dikjarazzjonijiet tal-partijiet) huma ammissibbli.
  3. Garanzija: sakemm ma jiġix deċiż espressament mod ieħor, ir-rikorrent li jitlob il-miżura jrid jiddepożita garanzija biżżejjed biex tikkumpensa, b’mod rapidu u effettiv, id-danni li l-adozzjoni tal-miżura kawtelatorja tista’ tikkawża lill-assi tal-intimat. Il-qorti trid tiddetermina l-ammont filwaqt li tqis: a) in-natura u l-kontenut tat-talba; b) il-valutazzjoni tagħha tal-bażi tat-talba għall-miżura; u c) ir-raġunijiet għall-idoneità jew l-adegwatezza tagħha fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tad-dannu li l-miżuri jistgħu jikkawżaw.
  4. Proporzjonalità: dan ir-rekwiżit mhuwiex stabbilit b’mod espliċitu fil-LEC, iżda ġeneralment inqisu li jissupplimenta lill-oħrajn, peress li l-qorti kieku tagħti biss miżuri li huma strettament neċessarji biex jinkiseb l-għan tal-iżgurar tal-proċedimenti pprovdut mill-protezzjoni provviżorja. Dan jirriżulta mill-prinċipji tal-Istat tad-Dritt, u ta’ intervent minimu fl-isfera tal-libertà tal-individwu. Permezz tal-Kostituzzjoni, dawn il-prinċipji jirregolaw l-ordinament ġuridiku kollu.
  5. Komplementarjetà: Il-miżuri kawtelatorji jsegwu n-natura tal-proċedura prinċipali li jkunu marbuta magħha.
  6. Varjabbiltà: Il-miżuri kawtelatorji jistgħu jiġu emendati jekk jiġu invokati u pprovati fatti jew ċirkostanzi li ma setgħux jitqiesu fiż-żmien li ngħataw, jew fil-perjodu għall-oġġezzjoni għalihom.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

Fl-adozzjoni ta’ miżura kawtelatorja, l-intenzjoni hija li tiġi ssodisfata jew koperta l-possibbiltà li, matul kawża attwali jew futura, l-intimat jista’ jiġi obbligat jew li ma jwettaqx ċerti azzjonijiet bl-assi tiegħu, jew li jwettaq oħrajn. Dan huwa tentattiv biex l-intimat ma jitħalliex iwettaq azzjonijiet li jipprevjenu l-aċċess għall-assi u d-drittijiet tiegħu, b’mod li jikkawża jew jippermetti dannu lil dawk l-assi, jew ineħħi ċerti assi minn taħt idejn il-liġi billi joħloq insolvenzi, sabiex kwalunkwe sentenza possibbli ma tkunx tista’ tiġi eżegwita.

Fil-leġiżlazzjoni Spanjola, il-miżuri kawtelatorji jistgħu jiġu adottati biss mill-qrati. Ma jistgħux jiġu adottati minn arbitri jew medjaturi; ma hemmx numru speċifiku u fiss tagħhom; fin-natura tagħhom huma normattivi (jistgħu jiġu adottati biss permezz ta’ talba minn waħda mill-partijiet); jirrigwardaw il-proprjetà, peress li jaffettwaw l-assi u d-drittijiet tal-konvenut; l-iskop tagħhom hu li jiżguraw l-eżegwibilità ta’ sentenza pożittiva possibbli; huma strumentali fid-deċiżjoni li trid tingħata fil-proċedimenti prinċipali.

Jistgħu jiġu adottati fir-rigward kemm ta’ assi materjali kif ukoll dawk immaterjali. Mhumiex unikament ekonomiċi fin-natura tagħhom; il-miżuri kawtelatorji jistgħu jiġu adottati biex jillimitaw id-drittijiet personali.

Huma jippermettu l-adozzjoni ta’ ordnijiet u projbizzjonijiet, allura jistgħu jinkludu affarijiet li għandhom isiru jew li m’għandhomx isiru.

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

  1. Il-miżuri kawtelatorji jistgħu jingħataw rigward assi konkreti u speċifiċi, u rigward kulma jista’ jiġi kwantifikat f’termini monetarji, bħall-prodotti, il-kirjiet u r-rendimenti li jinkisbu mill-affarijiet.
    Jista’ jintalab ordni ta’ qbid fuq dawn il-beni, biex jinkiseb dritt għal irkupru li jirriżulta minn obbligu ġeneriku li fih affarijiet ma jiġux individwalizzati iżda sostitwiti minn ammont ta’ flus speċifiku u valutabbli permezz ta’ operazzjonijiet matematiċi sempliċi.
    Beni mobbli speċifiċi jiġu ddepożitati ma’ depożitarju xieraq maħtur mill-imħallef.
    Hemm ukoll il-possibbiltà ta’ qbid, spedizzjoni u konfiska ta’ ammonti ta’ flus. Hemm distinzjoni bejn il-qbid u l-konfiska ta’ dħul li jirriżulta minn attivitajiet illegali, u ta’ dħul li jirriżulta minn attivitajiet permessi, bħal dak li jirriżulta minn proprjetà intellettwali.
  2. Grupp ieħor ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati huma atti li l-qorti tista’ tagħti fir-rigward ta’ talba li tingħata n-notifika tagħha li ma taffettwax assi speċifiku.

Għalhekk, hemm il-possibbiltà tal-intervent jew tal-amministrazzjoni ġudizzjarja ta’ assi produttivi ordnata mill-qorti, meta tintalab sentenza li tordna l-konsenja tagħhom bit-titlu ta’ sid, użufruttwarju jew kwalunkwe titlu ieħor li jinvolvi interess leġittimu.

Jista’ wkoll jintalab mandat ta’ deskrizzjoni tal-assi, f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-qorti.

Il-preżentata kawtelatorja ta’ talba hija permessa meta din tirreferi għal assi jew drittijiet soġġetti għal skrizzjoni f’reġistri pubbliċi, jew entrati tar-reġistri oħrajn f’każijiet fejn in-natura pubblika tar-reġistru tista’ tgħin biex jinkiseb eżitu sodisfaċenti.

Finalment, tista’ tingħata ordni tal-qorti biex attività titwaqqaf provviżorjament, biex wieħed jastjeni temporanjament milli jaġixxi b’ċertu mod, jew għal projbizzjoni temporanja li tissospendi jew twaqqaf il-forniment ta’ servizz li kien qed jingħata.

  1. L-aħħar grupp ta’ affarijiet li jistgħu jiġu affettwati mill-miżuri huma materjali u oġġetti marbuta ma’ reġim esklussiv (fir-realtà din hija amministrazzjoni ġudizzjarja jew intervent fl-assi użati fil-produzzjoni ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali u industrijali).

Id-deċiżjonijiet korporattivi ta’ kull tip ta’ kumpanija kummerċjali wkoll jistgħu jiġu sospiżi.

  1. Finalment, fil-leġiżlazzjoni Spanjola hemm il-possibbiltà li tiġi adottata sensiela ta’ miżuri mhux speċifikati għall-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet stabbiliti bil-liġi jew meqjusa neċessarji biex jiżguraw l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja. X’jistgħu jaffettwaw mhux speċifikat, u jistgħu jkunu ta’ kull tip dment li jkunu neċessarji.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

  1. Mandat ta’ qbid kawtelatorju ta’ beni, flus, dħul, prodotti kwantifikabbli jintuża biex jiġi żgurat bilanċ biex l-intimat ikun jista’ jħallas il-kostijiet ta’ kwalunkwe ordni possibbli miksuba, speċjalment f’kawżi fejn il-konformità mas-sentenza ma tkunx volontarja.
  2. Id-depożitu ta’ proprjetà mobbli jista’ jingħata biss meta r-rikors ikun għall-konsenja ta’ oġġett speċifiku li jkun fil-pussess tal-konvenut.
  3. Meta tingħata l-amministrazzjoni ġudizzjarja jew ir-riċevitura, l-intenzjoni tkun biex jiġu żgurati assi partikolarment produttivi sabiex tiġi evitata ġestjoni ħażina li tippermetti li r-rendimenti produttivi tagħhom jonqsu jew jegħbu.
  4. It-tqegħid ta’ oġġetti kapitali taħt il-kura ta’ amministraturi jinvolvi kontroll ġudizzjarju iżda ma jċaħħadx l-intimat mill-ġestjoni; l-amministrazzjoni ġudizzjarja, min-naħa l-oħra, tinvolvi pass ieħor filwaqt li r-riċevitur jissostitwixxi l-ġestjoni tal-konvenut.
  5. Talba għal mandat ta’ deskrizzjoni tista’ tintlaqa’ f’kull tip ta’ proċedimenti, ikun xi jkun l-għan tagħhom, bl-uniku rekwiżit ikun li d-deskrizzjoni tkun neċessarja biex tiżgura li tkun tista’ tinkiseb sentenza pożittiva. L-imħallef irid jistabbilixxi b’mod ċar id-dettalji li jrid jinkludi u l-mod kif iridu jinkisbu.
  6. L-effetti tal-preżentata kawtelatorja tat-talba jestendu sal-isfera proċedurali marbuta mal-proċedimenti li fihom jingħataw. Il-proċedura tfittex li tissospendi l-protezzjoni provduta min-natura pubblika tar-reġistri u l-kunfidenza li dan jista’ jagħti lid-detentur tal-assi jew dritt, filwaqt li partijiet terzi ma jistgħux jgħidu li ma jafux l-effett tal-preżentata fuqhom. Din il-preżentazzjoni kawtelatorja tista’ tingħata f’kull tip ta’ proċedimenti, u tagħti protezzjoni fi kwalunkwe tip ta’ reġistru pubbliku, bħal reġistri tal-proprjetà u kummerċjali.
  7. Limiti temporanji fuq il-kondotta tal-konvenut: ir-regolamentazzjoni ta’ dawn hija żviluppata f’liġijiet speċjali separati. Għalhekk għandhom jiġu adottati skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet rilevanti. L-effetti tagħhom jestendu sal-għotja ta’ ordni biex titwaqqaf provviżorjament attività mwettqa mill-konvenut: ordni biex wieħed jastjeni temporanjament milli jaġixxi b’ċertu mod, jew għal projbizzjoni temporanja li tipprevjeni l-irtirar jew l-interruzzjoni ta' servizz li kien qed jingħata.
  8. Qbid, konsenja u konfiska ta' ammonti ta’ flus: din hija b’mod ċar miżura kawtelatorja u tikkostitwixxi ordni ta’ qbid kawtelatorju peress li tiżgura t-twettiq ta’ talba b’kontenut ekonomiku speċifiku. Din il-miżura tippermetti l-għotja ta’ qbid u konfiska ta’ dħul li jirriżulta minn attività illeċita. Ma jistgħux jiġu adottati b’mod separat, allura huwa neċessarju li jingħata kemm il-qbid kif ukoll il-konfiska. Jekk mill-banda l-oħra jkun hemm il-ħsieb ta’ waħda biss minnhom, għandhom jintużaw il-miżuri ġeneriċi deskritti hawn fuq. Din il-miżura tista’ wkoll tiġi adottata għall-konsenja jew il-konfiska ta’ ammonti ta’ flus mitluba bħala remunerazzjoni għal proprjetà intellettwali, id-drittijiet tal-awturi li jirċievu ammonti ta’ flus għal xogħolhom, li jikkonsisti minn sehem proporzjonali tad-dħul iġġenerat minn espressjonijiet pubbliċi differenti li huma rikonoxxuti mil-Liġi dwar il-Proprjetà Intellettwali.
  9. Depożitu ta’ materjali jew oġġetti marbuta ma’ reġim esklussiv: din hija miżura kawtelatorja li għandha l-oriġini tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet għal sfruttament esklussiv, li l-liġijiet speċjali dwar il-proprjetà industrijali u intellettwali jagħtu lid-detenturi tad-drittijiet. Hija amministrazzjoni ġudizzjarja speċifikament għall-oġġett li għalih tapplika l-ordni, l-oġġetti jew il-materjal meħtieġa għall-produzzjoni.
  10. Sospensjoni ta’ deċiżjonijiet korporattivi: id-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura jiddependu fuq ir-rekwiżiti meħtieġa għall-applikazzjoni tal-miżura: 1 % tal-kapital azzjonarju jekk il-kumpanija tkun ħarġet ishma li, fl-istess żmien tat-talba jiġu ammessi għan-negozjar fuq suq sekondarju uffiċjali; jew 5 % tal-kapital azzjonarju jekk dan mhuwiex il-każ. Tista’ tiġi applikata għal kull tip ta’ kumpanija kummerċjali.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Il-miżuri kawtelatorji normalment jiġu adottati wara li jinstema’ l-konvenut. Jekk ir-rikorrent jitlob hekk, u jipprovdi evidenza tar-raġunijiet għall-urġenza, jistgħu jingħataw mill-imħallef mingħajr formalitajiet ulterjuri, filwaqt li jingħataw raġunijiet fi żmien ħamest (5) ijiem għaliex ma nstemax l-intimat. Ladarba jiġu adottati, jistgħu jiġu emendati jekk jiġu invokati u evidenzjati fatti jew ċirkostanzi li ma setgħux jitqiesu fiż-żmien li ngħataw, jew fil-perjodu għall-oġġezzjoni tal-għotja tagħhom.

Jekk is-sentenza tiċħad it-talba tar-rikorrent, l-imħallef jeħtieġlu jordna mill-ewwel it-tneħħija tal-miżura, sakemm ma ssirx talba kontra dan, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-kawża u wara żieda fil-garanzija.

Jekk il-kawża tiġi parzjalment ikkonfermata, wara s-seduta ta’ smigħ tal-parti li toġġezzjona l-imħallef jeħtieġlu jiddeċiedi jekk ineħħix jew iżommx il-miżura.

Jekk iċ-ċaħda tat-talba tiġi kkonfermata, ladarba tingħata deċiżjoni finali, il-qorti tneħħi l-miżuri ex officio u l-parti affettwata minnhom tista’ tressaq talba għad-dannu kkawżat (dan japplika wkoll fil-każ ta’ abbandun tal-azzjoni jew irtirar mill-proċedimenti mir-rikorrent).

Każ ieħor fejn il-miżuri kawtelatorji jistgħu jiġu emendati huwa meta miżura tintalab qabel it-talba u tiġi adottata ma jinstema’ l-konvenut. F’dan il-każ, jekk ir-rikorrent ma jikkonformax mal-perjodu stabbilit legalment ta’ għoxrin (20) jum biex jippreżenta t-talba u dan jiskadi, il-miżura trid titneħħa minnufih u l-konvenut jiġi kkumpensat għad-dannu, filwaqt li r-rikorrent iħallas il-kostijiet akkumulati tal-proċedimenti.

Bl-istess mod, il-miżura ma tistax tinżamm jekk il-kawża tiġi sospiża għal perjodu itwal minn sitt (6) xhur, għal raġuni attribwibbli għar-rikorrent.

Jekk tiġi ordnata l-eżekuzzjoni provviżorja ta’ sentenza, kwalunkwe miżura kawtelatorja mogħtija li tkun relatata ma’ dik l-eżekuzzjoni trid titneħħa u tiġi sostitwita bil-miżuri ta’ eżekuzzjoni, b’tali mod li l-miżuri adottati l-ewwel darba bħala kawtelatorji jibdlu n-natura tagħhom.

Finalment, l-intimat jista’ jitlob li l-qorti tissostitwixxi l-miżura kawtelatorja b’biżżejjed garanzija biex jiġi garantit it-twettiq effettiv tas-sentenza. L-imħallef li adotta din il-miżura jkollu ġuriżdizzjoni fuq dan u jista’ jistabbilixxi l-garanzija biex tinħareġ jew fi flus kontanti jew bħala garanzija.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Ir-regoli proċedurali jipprevedu l-possibbiltà ta’ appell quddiem qorti superjuri.

Għalhekk hemm rikors għal appell kontra l-ordni li tagħti l-miżuri, għalkemm il-preżentata ta’ appell ma tissospendix il-miżuri. Jista’ jsir appell ukoll kontra ordni li tirrifjuta l-miżuri.

Minkejja dan, flimkien ma’ din il-possibbiltà ta’ appell, fi kwalunkwe każ ir-rikorrent jista’ jirrepeti r-rikors tiegħu jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu minn dawk fi żmien ir-rikors oriġinali.

Ma hemm l-ebda dritt ta’ appell kontra ordni li tagħti l-miżuri kawtelatorji qabel ma jinstema’ l-konvenut, peress li l-proċedura t-tajba f’dan il-każ hija l-oġġezzjoni, li ssir quddiem l-imħallef li adotta l-miżura kawtelatorja. L-intimat jista’ jippreżenta appell, li ma jkollu l-ebda effett sospensiv, kontra ordni li tiċħad dik l-oġġezzjoni. Ir-rikorrent li jkun talab il-miżuri kawtelatorji għandu l-istess dritt li jippreżenta appell jekk l-oġġezzjoni tal-konvenut tiġi kkonfermata, jew fl-intier tagħha jew parzjalment.

B’kuntrast ma’ dan ta’ hawn fuq, ma hemm l-ebda dritt ta’ appell meta tingħata jew ma tingħatax garanzija.

Il-preparazzjoni u s-sostanzjar tal-appell huma sempliċiment regolati mir-regoli ġenerali (l-Artikolu 458). Jekk ikun hemm diversi appellanti, it-termini perentorji tagħhom jiġu kkalkulati individwalment.

Kif imsemmi hawn fuq, fil-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji, il-preżentata ta’ appell ma għandha l-ebda effett sospensiv: l-imħallef ikompli jagħti kwalunkwe ordni meqjusa neċessarja biex tiġi adottata l-miżura kawtelatorja.

Id-deċiżjonijiet li jirrifjutaw il-miżuri għandhom prijorità fil-qorti tal-appell; id-dati għad-deliberazzjoni, il-votazzjoni u l-għoti tas-sentenza jridu jingħataw malajr kemm jista’ jkun.

KOSTIJIET TAL-MIŻURA KAWTELATORJA

Ġeneralment, il-kostijiet huma rregolati mir-regola li l-parti rebbieħa tista’ tirkupra l-kostijiet tagħha li jiġu koperti mill-kontroparti tal-parti li t-talba tagħha (il-konferma jew iċ-ċaħda tal-miżura) tinsab fid-deċiżjoni. L-Artikolu 736 tal-LEC, b’mod partikolari, jordna lir-rikorrent iħallas il-kostijiet f’każ ta’ rifjut (il-prinċipju tat-“tellief iħallas”) iżda ma hemmx dispożizzjoni simili (li l-konvenut jiġi ordnata iħallas il-kostijiet) jekk il-miżuri jingħataw. F’dan il-każ, hemm opinjonijiet differenti fil-letteratura ġuridika u fil-ġurisprudenza b’rabta mal-kostijiet.

L-aħħar aġġornament: 30/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.