Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Slovenja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Il-miżuri temporanji u kawtelatorji stabbiliti mill-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Garanzija ta' Talbiet Ċivili (Zakon o izvršbi in zavarovanju, ZIZ) huma ordnijiet preliminari u provviżorji.

Bħala miżuri kawtelatorji (fuq medda twila ta' żmien), fis-sens tal-eżekuzzjoni furzata tat-talbiet, iz-ZIZ jippermetti l-garanzija permess tal-iskrizzjoni ta' ipoteka fuq proprjetà immobbli, l-iskrizzjoni ta' ipoteka fuq proprjetà mobbli u l-iskrizzjoni ta' ipoteka fuq interess parteċipanti. Kreditur jista' jitlob miżuri għall-eżekuzzjoni furzata tat-talbiet fuq l-istess bażi tal-eżekuzzjoni, jiġifieri permezz ta' titolu eżekuttiv, b'differenza mill-miżuri preliminari u provviżorji, li huma miżuri ta' natura temporanja u jistgħu jintalbu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti aktar 'l isfel.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

Miżura preliminarja: Qorti tordna miżura preliminarja wara deċiżjoni ta' qorti domestika jew ta' korp b'rabta ma' talba finanzjarja li għadha mhix eżegwibbli, jekk il-kreditur juri li probabbli hemm riskju li mingħajrha l-eżekuzzjoni tat-talba tkun impossibbli jew tkun sinifikament aktar diffiċli.

Il-miżuri provviżorji huma miżuri limitati bi żmien għall-eżekuzzjoni ta' miżuri maħsuba biex jew iżommu l-istatus quo jew biex jistabbilixxu sitwazzjoni ġdida provviżorja li tippermetti l-eżekuzzjoni effettiva tat-talbiet tal-kreditur aktar 'il quddiem (miżuri ta' natura protettiva) jew biex jiġu evitati konsegwenzi serji u dannużi u t-theddida ta' vjolenza (miżuri ta' natura regolatorja).

Skont iz-ZIZ, il-miżuri provviżorji jistgħu jinqasmu f’ miżuri biex jiġu eżegwiti talbiet finanzjarji u miżuri sabiex jiġu eżegwiti talbiet mhux finanzjarji.

Qorti tordna miżura provviżorja biex tiġi eżegwita talba finanzjarja jekk il-kreditur jista' juri l-probabbiltà tal-eżistenza ta' talba jew li se jkun hemm talba kontra d-debitur, fejn il-kreditur irid juri l-possibiltà reali ta' riskju li, minħabba t-tneħħija, il-ħabi jew użu ieħor tal-proprjetà mid-debitur, l-eżekuzzjoni tat-talba ssir impossibbli jew sinifikatament aktar diffiċli.

Kreditur mhux obbligat juri li hemm riskju, jekk huwa juri li huwa probabbli li d-debitur se jbati biss minn ħsara żgħira minħabba l-miżura proposta. Riskju jitqies li ġie ppruvat jekk it-talba trid tiġi eżegwita barra l-pajjiż, sakemm trid tiġi eżegwita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Qorti tordna miżura provviżorja biex teżegwixxi talba mhux finanzjarjajekk il-kreditur jista' juri l-probabbiltà tal-eżistenza ta' talba jew li se jkun hemm talba kontra d-debitur.

Il-kreditur irid juri wkoll li teżisti waħda mill-prekundizzjonijiet li ġejjin:

  • ir-riskju li l-eżekuzzjoni tat-talba tkun impossibbli jew sinifikatament aktar diffiċli;
  • il-miżuri hija meħtieġa sabiex jiġi evitat l-użu tal-forza jew li jsir dannu li ma jistax jissewwa;
  • id-debitur ma jbatix aktar konsegwenzi ta' ħsara milli l-kreditur jekk il-miżura provviżorja tinstab li ma kellhiex bażi matul il-proċedimenti.

2.1 Il-proċedura

Miżura preliminarja: Il-qorti kompetenti biex twettaq l-eżekuzzjoni fuq l-oġġett li għalih saret talba għall-eżekuzzjoni għandha ġuriżdizzjoni territorjali biex tiddeċiedi dwar talba għall-eżekuzzjoni ta' talba permezz ta' miżura provviżorja u biex tiġi eżegwita t-talba nnifisha.

Wara li tkun ġiet ippreżentata talba għal miżura provviżorja u wara li tkun eżaminat il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' miżurja provviżorja, il-qorti tagħti deċiżjoni fejn tindika, inter alia, l-ammont tat-talba b'ipoteka, bl-ispejjeż u l-interessi, il-garanzija ordnata u l-perjodu ta' żmien mogħti mill-qorti. Miżura provviżorja ma tistax iddum fis-seħħ aktar minn ħmistax il-jum minn mindu jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni.

Jekk il-perjodu li fih il-qorti tippermetti miżura provviżorja jiskadi qabel ma ssir eżegwibbli d-deċiżjoni li fuqha nħarġet il-miżura provviżorja, il-qorti, wara talba tal-kreditur, testendi l-miżura, sakemm ma jkunux inbiddlu ċ-ċirkustanzi li għalihom inħarġet.

Miżura provviżorja: Jekk ikunu bdew proċedimenti ċivili jew oħrajn, id-deċiżjoni tittieħed mill-qorti kompetenti li quddiemha se isiru l-proċedimenti. F’każ ta’ talbiet għall-garanzija ta’ talba permezz ta’ miżura provviżorja ppreżentata qabel il-proċedimenti l-qorti li fihom il-qorti tiddeċiedi fi proċedimenti speċjali regoli għal tilwim matrimonjali u tilwim marbut mar-responsabbiltà għat-tfal, u biex tiggarantixxi t-talba innifisha, il-qorti distrettwali li jkollha ġurisdizzjoni fuq dawn il-proċedimenti għandha ġurisdizzjoni. F’każ ta’ talbiet għall-garanzija ta’ talba permezz ta’ miżura provviżorja ppreżentata qabel il-proċedimenti l-qorti ibbażati fiq att li jirregola l-vjolenza domestika u biex tiggarantixxi t-talba nnifisha, il-qorti distrettwali li jkollha ġurisdizzjoni fuq dawn il-proċedimenti għandha ġurisdizzjoni. Jekk ikunu għadhom ma bdewx proċedimenti ċivili jew proċedimenti ġudizzjarji oħra, il-qorti kompetenti biex tiddeċiedi dwar it-talba biex tiġi eżegwita talba permezz ta' miżura provviżorja u biex tiġi eżegwita t-talba nnifisha hija l-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali li jkollha kompetenza tiddeċiedi dwar it-talba għall-eżekuzzjoni.

Għalhekk il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qrati biex jordnaw miżuri provviżorji f'dawn il-każijiet tiġi determinata b'rabta mal-oġġett tal-eżekuzzjoni tat-talba. Jekk l-oġġett huwa proprjetà mobbli, il-qorti bil-ġuriżdizzjoni territorjali hija l-qorti tal-eżekuzzjoni fiż-żona fejn tinsab il-proprjetà jew iż-żona fejn id-debitur għandu r-residenza temporanja jew permanenti tiegħu. Jekk it-talba li trid tiġi eżegwita hija talba finanzjarja, titolu bla ċertifikat jew xi dritt fuq proprjetà oħra tad-debitur, il-qorti bil-ġuriżdizzjoni territorjali hija ġeneralment il-qorti li tkopri ż-żona li fiha d-debitur għandu r-residenza permanenti tiegħu jew l-uffiċċju reġistrat. Jekk it-talba li trid tiġi eżegwita hija dwar sehem soċju f'kumpanija, il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali hija l-qorti li tkopri ż-żona li fiha jinsab l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija. Jekk it-talba li trid tiġi eżegwita hija dwar proprjetà immobbli, il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali hija l-qorti li tkopri ż-żona li fiha tinsab il-proprjetà immobbli.

2.1 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Qorti tordna miżura preliminarja wara deċiżjoni ta' qorti domestika jew ta' korp b'rabta ma' talba finanzjarja li għadha mhix infurzabbli, jekk il-kreditur juri li probabbli hemm riskju li mingħajrha l-eżekuzzjoni tat-talba tkun impossibbli jew tkun sinifikament aktar diffiċli. Dan it-tip ta' riskju jitqies pruvat jekk it-talba għall-eżekuzzjoni ta' talba permezz ta' miżura preliminarja tkun ibbażata fuq waħda minn dawn li ġejjin:

  • fuq sentenza mogħtija fi proċedimenti kriminali li tkun laqgħet it-talba dwar proprjetà tar-rikorrent u jkun sar appell kriminali mis-sentenza;
  • fuq deċiżjoni li biha l-infurzar kien isir barra l-pajjiż, sakemm l-infurzar ma kienx isir fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
  • fuq sentenza ta' rikonoxximent li ġiet appellata (f'dan il-każ il-qorti tista', wara talba tad-debitur, tistabbilixxi kundizzjoni għall-eżekuzzjoni tat-talba permezz ta' miżura preliminarja fejn il-kreditur jagħti depożitu bħala garanzija għall-ħsara li d-debitur jista' jsofri minħabba l-miżura preliminarja);
  • fuq ftehim konkluż quddiem qorti jew korp amministrattiv li ġie kkontestat skont il-liġi (f'dan il-każ il-qorti tista', wara talba tad-debitur, tistabbilixxi kundizzjoni għall-eżekuzzjoni tat-talba permezz ta' miżura preliminarja fejn il-kreditur jagħti depożitu bħala garanzija għall-ħsara li d-debitur jista' jsofri minħabba l-miżura preliminarja);
  • fuq att notarili li huwa titolu eżekuttiv fuq talba finanzjarja li għadu ma skadiex iż-żmien tagħha.

Qorti tippermetti l-eżekuzzjoni ta' talba permezz ta' miżura preliminarja għal ammont ta' manteniment permess mil-liġi li għadu jrid jitħallas, kumpens għal manteniment mitluf minħabba l-mewt tal-persuna li kellha tħallsu, u kumpens għal danni kaġunati minn tnaqqis ta' attività jew tnaqqis fi jew telf tal-kapaċità għax-xogħol biss għal somom li jridu jitħallsu fi żmien sena.

F'dawn il-każijiet, ikun hemm preżunzjoni li riskju ġie ppruvat jekk l-infurzar ta' talba għall-irkupru ta' somma li trid titħallas diġà ntalab kontra d-debitur, jew jekk dan l-infurzar ġie propost.

Qorti tordna miżura preliminari biex tiggarantixxi talba finanzjarja skont il-kundizzjonijiet li ġejjin: jekk il-kreditur jista' juri l-probabbiltà tal-eżistenza ta' talba jew li se jkun hemm talba kontra d-debitur, u jekk il-kreditur juri l-possibiltà reali ta' riskju, minħabba t-tneħħija, il-ħabi jew użu ieħor tal-proprjetà mid-debitur, l-eżekuzzjoni tat-talba ssir impossibbli jew sinifikatament aktar diffiċli (riskju soġġettiv).

Qorti tordna miżura preliminari biex tiggarantixxi talba mhux finanzjarjaskont il-kundizzjonijiet li ġejjin: jekk il-kreditur jista' juri l-probabbiltà tal-eżistenza ta' talba jew li se jkun hemm talba kontra d-debitur, u jekk il-kreditur juri l-probabbiltà ta' waħda minn dawn il-prekundizzjonijiet li ġejjin: ir-riskju li l-infurzar tat-talba jkun impossibbli jew aktar diffiċli (riskju oġġettiv), li l-miżura hija meħtieġa sabiex tiġi evitata l-forza jew li ssir ħsara li ma tissewwhiex, u li d-debitur mhux se jsofri minn konsegwenzi aktar dannużi mill-kreditur jekk il-miżura provviżorja tinstab li nħarġet mingħajr raġuni valida matul il-proċedimenti.

Fiż-żewġ każijiet (miżuri provviżorji biex jiggarantixxu talba finanzjarja u miżuri provviżorji biex jiggarantixxu talba mhux finanzjarja), kreditur mhux obbligat juri li hemm riskju, jekk juri li hemm il-probabbiltà li d-debitur se jġarrab biss ħsara żgħira minħabba l-miżura mitluba. Fiż-żewġ każijiet, riskju jitqies li ġie ppruvat jekk it-talba trid tiġi eżegwita barra l-pajjiż, sakemm trid tiġi eżegwita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Il-proprjetà kollha tad-debitur hija soġġetta għal miżura preliminari jew provviżorja, pereżempju flus depożitati f'kontijiet il-bank, proprjetà mobbli, vetturi reġistrati, proprjetà immobbli u drittijiet oħra fuq proprjetà sakemm mhumiex eżenti mill-infurzar skont il-liġi jew ma hemmx dritt limitat bil-liġi fuq l-infurzar fuq oġġetti (pereżempju oġġetti li mhumiex għall-bejgħ, il-ġid minerali, oġġetti meħtieġa mid-debitur biex jagħti servizz pubbliku, eċċ).

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Miżuri preliminari: Qorti tista' tispeċifika l-miżuri preliminari li ġejjin: il-qbid ta' proprjetà immobbli u r-reġistrazzjoni tal-qbid fir-reġistru, jekk jinżamm reġistru għal dan il-għan; il-qbid ta' kreditu finanzjarju jew ordni sabiex jiġu jingħataw l-oġġetti; l-iskrizzjoni ta' drittijiet oħra fuq il-proprjetà jew drittijiet materjali; il-qbid ta’ talbiet monetarjiu fuq il-kont tad-debitur f’istituzzjoni ta’ ħlas; l-iskrizzjoni ta' ipoteka fir-reġistru tal-kumpaniji fuq sehem ta' soċju f'kumpanija, jew fir-reġistru ċentrali ta' titoli mingħajr ċertifikat fuq titolu mingħajr ċertifikat; l-iskrizzjoni provviżorja ta' ipoteka fuq il-proprjetà immobbli tad-debitur jew dritt iskritt fuq il-proprjetà immobbli.

Qorti tista' tawtorizza l-bejgħ tal-oġġetti mobbli maqbuda jekk ikun hemm riskju li jintilfu jew li l-prezz tagħhom jonqos sew, fejn il-bejgħ tal-oġġetti maqbuda jsir skont id-dispożizzjonijiet taz-ZIZ dwar l-infurzar fuq il-proprjetà mobbli.

Jekk il-qorti tilqa' talba permezz ta' ordni preliminari, hija tista', fuq talba tal-kreditur jew tad-debitur, tawtorizza t-trasferiment tal-kreditu projbit lill-kreditur għall-irkupru fejn ikun hemm riskju li d-dewmien iwassal għat-telf tal-kreditu jew li jintilef id-dritt għal kawża kontra terza persuna.

L-ammont miġjub mill-bejgħ tal-oġġetti jew l-irkupru ta' kreditu jinżamm mill-qorti sakemm tintemm il-miżura provviżorja jew sakemm il-kreditur jitlob l-infurzar, iżda għal perjodu ta' mhux aktar minn 30 jum mid-data li fiha t-talba ssir eżegwibbli.

Miżura provviżorja: Il-miżuri provviżorji biex jiggarantixxu talbiet finanzjarji jistgħu jkunu kull miżura li kapaċi tikseb l-għan li tiggarantixxi talba u, skont l-għanijiet li trid tikseb, tista' tkun sempliċement ta' natura protettiva. Il-liġi tagħti lista tat-tip ta' miżuri provviżorji li ġejjin biex jiġu garantiti talbiet finanzjarji, pereżempju: projbizzjoni fuq debitur li ma jistax jagħmel użu ħieles minn proprjetà mobbli, u l-kustodja ta' din il-proprjetà; projbizzjoni fuq debitur fuq it-trasferiment jew l-ipotekar tad-drittijiet fuq il-proprjetà immobbli tiegħu jew id-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli rreġistrati favur tiegħu, b'din il-projbizzjoni rreġistrata fir-reġistru tal-artijiet; projbizzjoni fuq debitur tad-debitur li qed iħallas krediti dovuti jew qed jagħti lura proprjetà lid-debitur, u projbizzjoni fuq debitur li jirċievi l-proprjetà, jitħallas tal-kreditu jew li jagħmel użu ħieles minnhom; struzzjonijiet lill-organizzazzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' ħlas biex tirrifjuta ħlas mill-kont tad-debitur lid-debitur jew persuna oħra fuq struzzjonijiet tad-debitur tas-somma ta' flus li fuqha nħareġ mandat ta' qbid.

Il-miżuri provviżorji biex jiggarantixxu talbiet mhux finanzjarji jistgħu jkunu kull miżura li kapaċi tikseb l-għan li tiggarantixxi t-talba u, skont l-għanijiet li trid tikseb, tista' tkun sempliċement ta' natura protettiva. Il-liġi tagħti lista tat-tip ta' miżuri provviżorji li ġejjin biex jiġu garantiti talbiet mhux finanzjarji, pereżempju: projbizzjoni fuq it-trasferiment jew l-ipotekar tal-proprjetà immobbli li għaliha tirreferi t-talba, u l-ordni għall-kustodja ta' din il-proprjetà; projbizzjoni fuq debitur fuq it-trasferiment jew l-ipotekar tad-drittijiet fuq il-proprjetà immobbli li għaliha tirreferi t-talba, bir-reġistrazzjoni ta' din il-projbizzjoni fir-reġistru tal-artijiet; projbizzjoni fuq id-debitur milli jagħmel xi ħaġa li tista' tikkawża ħsara lill-kreditur, jew li jbiddel xi ħaġa fil-proprjetà li għaliha tirreferi t-talba u multa f'każ ta' ksur ta' din il-projbizzjoni; projbizzjoni fuq id-debitur ta' debitur sabiex ma jkunx jista' jagħti lil dan tal-aħħar il-proprjetà li għalih tirreferi t-talba; l-għoti ta' kumpens lil impjegat għall-introjtu mitluf filwaqt li għaddejja tilwima dwar il-legalità ta' deċiżjoni biex jintemm l-impjieg tiegħu, fejn dan il-kumpens huwa neċessarju għall-għajxien tal-impjegat u dawk il-persuni li huwa legalment obbligat li jmantni.

Meta d-deċiżjoni fuq ordni provviżorju tingħata fi proċedimenti ċivili jew proċedimenti oħra, għandha l-effett ta' deċiżjoni ta' infurzar; dan jippermetti azzjoni biss fejn jidħlu l-interessi tad-debitur u mhux ta' persuna terza. Il-ħruġ ta' miżura provviżorja għalhekk ma jwassalx għal ipoteka fuq l-oġġett li jrid jitqiegħed fiż-żgur.

Għalhekk, meta pereżempju, il-miżura provviżorja żżomm lid-debitur milli jagħmel użu ħieles tal-oġġett li jrid jiġi mqiegħed fiż-żgur, dan ma jwaqqafx persuna oħra milli tieħu passi ġudizzjarji fir-rigward ta' dak l-oġġett (pereżempju fi proċedimenti ta' infurzar). Jekk id-debitur ma jagħtix kas miżura ta' dan it-tip, l-unika konsegwenza hija li l-kreditur għandu dritt jikkontesta l-atti ġudizzjarji li kkaġunalu l-ħsara, skont ir-regoli ġenerali tal-liġi tal-obbligazzjonijiet. Il-persuni li jakkwistaw il-proprjetà li ma jistax juża d-debitur f'dawn il-każijiet huma mħarsa jekk huma akkwistawha in bona fede (ma kenux jafu u ma setgħux ikunu jafu li dan l-att ikkaġuna ħsara lill-kreditur). Jekk il-persuna li akkwistat il-proprjetà għamlet dan b'mala fede, l-att ġudizzjarju ma jibqax jgħodd biss fir-rigward tal-kreditur (ir-rikorrent) u sa fejn hu meħtieġ biex titħallas il-pretensjoni tal-kreditur.

Meta d-debitur jikser miżura provviżorja, huwa responsabbli kriminalment ukoll għar-reat tal-ksur tad-drittijiet ta' ħaddieħor. Il-qorti li tordna l-miżura provviżorja tista' twaħħal multa lid-debitur li jikser il-kundizzjonijiet tal-miżura provviżorja, filwaqt li d-debitur għandu dritt għal kumpens mill-kreditur għad-danni kkawżati lilu minħabba miżura provviżorja li ma kienetx fondata jew li għaliha ma kellux dritt il-kreditur.

miżura provviżorja tista' tipprojbixxi li jsiru pagamenti lid-debitur tad-debitur (pereżempju bank); f'dan il-każ il-projbizzjoni sseħħ mill-mument tan-notifika lid-debitur tad-debitur. Man-notifika tal-projbizzjoni, id-debitur tad-debitur ma jistax iwettaq l-obbligi tiegħu fil-konfront tad-debitur u jista' jkollu jħallas kumpens lill-kreditur. Fil-proċeduri ta' ħruġ ta' miżura provviżorja, il-bank jista' jagħti informazzjoni dwar l-eżistenza u n-numru ta' tranżazzjonijiet fil-kontijiet, jew mandati oħra li d-debitur għandu fuq il-kont, wara talba tal-qorti biss; informazzjoni dwar in-numri tal-kontijet kurrenti tal-persuni ġuridiċi u dwar jekk dwak il-kontijiet humiex iffriżati hija madankollu aċċessibbli lill-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għall-Arkivji Legali u Servizzi Relatati (Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve).

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Deċiżjoni dwar miżura provviżorja maħruġa minn qorti għandha tindika, inter alial-ammont tal-kreditu maqbud, bl-ispejjeż u l-interessi, il-garanzija ordnata u l-perjodu ta’ żmien li tippermetti l-qorti, fejn il-miżura provviżorja ma' jistax idum aktar minn ħmistax mid-dħul fis-seħħ tal-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni.

Il-perjodu ta' validità ta' miżura provviżorja mhux iffissat mil-liġi; anzi jiġi determinat mill-qorti fid-deċiżjoni tagħha li toħroġ il-miżura provviżorja. Jekk l-ordni jinħareġ qabel is-sottomissjoni ta' rikors jew il-bidu ta' proċedura oħra, jew jekk jinħareġ mandat għal kreditu li għadu ma sarx dovut, il-qorti tagħti skadenza lill-kreditur sabiex jibda proċedura jew jippreżenta rikors. Jekk il-kreditur jonqos milli jdaħħal rikors jew jibda proċedura oħra qabel ma jiskadi l-ħin mogħti lilu mill-qorti, il-qorti twaqqaf il-proċedimenti. Il-miżuri kawtelatorji jistgħu jibqgħu fis-seħħ wara d-data li fiha tiġi ppubblikata d-deċiżjoni li l-qorti tkun ħadet fir-rigward tagħhom.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Debitur jista' jippreżenta oġġezzjoni kontra deċiżjoni dwar miżura provviżorja jew deċiżjoni dwar miżura provviżorja fi żmien tmint'ijiem min-notifka tad-deċiżjoni. Dan għandu jsir quddiem il-qorti li ħarġet id-deċiżjoni dwar il-miżura preliminarja jew il-miżura provviżorja; dik l-istess qorti mbagħad tiddeċiedi dwar l-oġġezzjoni nnifisha.

Debitur jew kreditur jistgħu jappellaw deċiżjoni tal-qorti dwar oġġezzjoni u kontra deċiżjoni li tiċħad talba għal miżura provviżorja quddiem il-qorti li tat id-deċiżjoni fi żmien tmint ijiem min-notifika ta' dik id-deċiżjoni. Dan l-appell jinstema' minn qorti tat-tieni istanza. Bħala regola ġenerali l-oġġezzjonijiet u l-appelli ma jwaqqfux il-proċedimenti.

Ħoloq relatati

http://www.pisrs.si/Pis.web/

https://www.uradni-list.si/

http://www.dz-rs.si/wps/portal/Home/deloDZ/zakonodaja/preciscenaBesedilaZakonov

http://www.sodisce.si/

http://www.ajpes.si/

L-aħħar aġġornament: 09/01/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.