

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Miżuri interim u kawtelatorji huma tipi ta' miżuri protettivi li jistgħu jintalbu lill-qorti fl-ambitu tal-proċedimenti protettivi. Il-protezzjoni interim tad-drittijiet mhix limitata għal proċedimenti protettivi, peress li s-sistema ġuridika Portugiża tistipula miżuri provviżjoni oħrajn għall-ħarsien ta' ċerti sitwazzjoni ġuridiċi - eż.:
Miżuri protettivi huma maħsuba biex jeliminaw periculum in mora (il-biża' li dewmien għas-sentenza tal-qorti tikkawża dannu serju u irreparabbli għad-dritt asserit) u li jiżguraw l-effikaċja tas-sentenza finali (cf. l-Artikolu 2 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).
Il-qorti tieħu passi biex tippromulga ċerti miżuri bi stennija jew antiċipazzjoni li s-sentenza provviżorja tagħha tkun ikkonfermata mis-sentenza finali.
Sakemm ma jkunx ordnat it-trasferiment tar-responsabbiltà tal-azzjoni, proċedimenti protettivi jirrelataw ma' kawżi dwar id-drittijiet protetti (l-Artikolu 364 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili), li jipproteġu jew li jantiċipaw provviżorjament l-effetti tal-miżura definittiva bil-preżunzjoni li d-deċiżjoni mogħtija fil-proċedimenti prinċipali tkun favorevoli għar-rikorrent.
It-theddida ta' periculum in mora tawtorizza lill-qorti tikkunsidra preliminarjament u sommarjament relazzjoni ġuridika sostanzjali li mbagħad trid tgħaddi minn eżami iktar approfondit u twil; meta din il-kunsiderazzjoni preliminari tkun favorevoli għar-rikorrent, jiġu ppromulgati miżuri bl-għan ta' ħarsien mit-theddida.
Il-miżuri protettivi huma maħsuba biex jiżguraw ir-riżultati prattiċi tal-azzjoni, biex jiġi evitat dannu serju jew biex tiġi antiċipata r-realizzazzjoni tad-dritt (strumentalità ipotetika), li jinkiseb bilanċ, bl-aħjar mod possibbli, bejn l-interessi tar-rapidità u taċ-ċertezza legali.
Id-dritt proċedurali ċivili Portugiż jistipula żewġ tipi ta' miżuri protettivi:
Tal-ewwel huma rregolati mill-Artikolu 362 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, li jistipula li meta xi ħadd juri biża' ġġustifikata li persuna oħra tkun tista' tikkawża dannu gravi u irreparabbli għad-drittijiet tiegħu, huwa jkun jista', jekk l-ebda miżura protettiva stipulata mil-liġi ma tkun adatta għall-każ, jitlob il-miżura kawtelatorja jew antiċipatorja xierqa biex tkun żgurata l-effettività tad-dritt li qiegħed f'periklu. L-interess tar-rikorrent jista' jkun ibbażat fuq dritt eżistenti jew fuq dritt li joħroġ minn deċiżjoni li trid tingħata f'azzjoni kostituttiva, kemm jekk pendenti u kemm jekk diġà mibdija. Miżuri protettivi komuni mhumiex applikabbli meta l-intenzjoni tkun li jiġi salvagwardjat ir-riskju ta' dannu prevenut speċifikament minn kwalunkwe waħda mill-miżuri speċifikati.
Miżuri protettivi speċifikati huma dawk espressament stipulati fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jew f'leġiżlazzjoni separata.
Dawn li ġejjin huma miżuri protettivi speċifikati stabbiliti fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Portugiż:
Meta xi ħadd juri biża' ġustifikata li xi ħadd ieħor jista' jikkawża dannu gravi u irreparabbli għad-drittijiet tiegħu, jista' jitlob il-miżura kawtelatorja jew antiċipatorja xierqa għall-iżgurar tal-effettività tad-dritt li jinsab f'periklu. L-interess tar-rikorrent jista' jkun ibbażat fuq dritt eżistenti jew fuq dritt li joħroġ minn deċiżjoni li trid tingħata f'azzjoni kostituttiva, kemm jekk pendenti u kemm jekk diġà mibdija.
Miżuri ta' dan it-tip jittieħdu jekk ikun hemm probabbiltà serja li d-dritt ikun reali u jekk ikun hemm riskju suffiċentement serju li jista' jinkiser. Il-miżuri jistgħu, madankollu, jiġu miċħuda mill-qorti jekk id-dannu lir-rikorrent li jirriżulta mir-rikors tiegħu jkun jeċċedi konsiderevolment id-dannu li r-rikorrent ikun jixtieq jevita minħabba l-użu tal-miżura.
L-użu ta' miżuri protettivi komuni, b'mod sussidjarju, jiddependi wkoll min-nuqqas ta' miżura protettiva speċifikata li tkun xierqa għas-sitwazzjoni attwali.
B'hekk, il-miżuri preventivi mhux speċifikati msemmija fl-Artikolu 362 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili għandhom ir-rekwiżiti legali li ġejjin:
Biex jiġu ordnati miżuri, irid ikun hemm evidenza sommarja - summaria cognitio - tal-probabbiltà serja li d-dritt asserit ikun reali (fumus bonis juris) u l-biża' ġġustifikata li d-dewmien naturali fir-riżoluzzjoni finali tal-kawża tista' twassal għal dannu irreparabbli jew dannu li diffiċli ssewwi (periculum in mora). L-imħallef irid ikun inklinat li jemmen li r-riżultat tal-kawża ewlenija se jkun favur ir-rikorrent, peress li miżuri kawtelatorji jinvolvu interferenza ċara mal-isfera ġuridika tal-intimat.
Fir-rigward ta' miżuri protettivi speċifiċi:
Ħlief għall-inibizzjoni fuq xogħol ġdid, fejn wieħed jista' jieħu passi inizjali ekstraġudizzjarji wara rikors għall-konferma mill-qorti, il-miżuri protettivi l-oħra huma bbażati fuq rikors inizjali lill-qorti fejn ir-rikorrent jipprovdi provi sommarji tad-dritt fil-periklu u jiġġustifika l-biża' minn dannu. F'dan ir-rikors, tintbagħat il-lista tax-xhieda u tintalab evidenza oħra, b'limitu ta' ħames xhieda.
Fid-deċiżjoni li tordna l-miżura, jekk jintalab, l-imħallef jista' jeżenta lir-rikorrent mill-oneru li jiftaħ il-kawża ewlenija jekk il-materjal miksub fil-proċedimenti jissodisfa biżżejjed lill-imħallef li d-dritt salvagwardjat ikun reali u n-natura tal-miżura dekretata tkun xierqa għas-soluzzjoni finali tat-tilwima. Din l-eżenzjoni tista' tiġi applikata sa tmiem is-seduta finali; fil-każ ta' proċedimenti li ma jkunux ta' konfront, l-intimat jista' jopponi l-eżenzjoni mir-responsabbiltà li tinfetaħ kawża flimkien ma' kontestazzjoni tal-miżura dekretata.
L-iskema ta' trasferiment tar-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża tapplika mutatis mutandis għar-restituzzjoni provviżorja tal-proprjetà, is-sospensjoni ta' deċiżjonijiet korporattivi, il-manteniment provviżorju, inibizzjonijiet ġodda fuq il-kostruzzjoni u miżuri ġodda stipulati f'leġiżlazzjoni separata li, fin-natura tagħha, tippermetti s-soluzzjoni finali tat-tilwima.
Meta l-liġi ma tistabbilix li l-miżura tiġi adottata mingħajr is-smigħ tal-intimat, l-intimat jinstema' fil-qorti, ħlief jekk is-smigħ ipoġġi l-għanijiet u l-effikaċja tal-miżura f'riskju serju.
Meta jinstema' qabel ma l-miżura tiġi dekretata, l-intimat jitħarrek biex jikkontesta fi żmien għaxart ijiem. It-taħrika tiġi sostiwita b'avviż meta l-intimat ikun diġà tħarrek għall-kawża ewlenija.
Meta d-data tal-għeluq għall-kontestazzjoni tiskadi u l-intimat ikun instema', fejn xieraq tittieħed l-evidenza meħtieġa jew iddeterminata mill-qorti.
Jekk l-intimat ma jkunx instema' u l-miżura tiġi dekretata, l-intimat jiġi biss avżat b'dik id-deċiżjoni wara li tkun saret. Wara l-avviż huwa jkun intitolat jappella, f'termini ġenerali, kontra l-ordni li jiddekreta l-miżura jekk iqis li, fid-dawl tal-fatti, ma kellux jingħata. Huwa jista' jressaq il-kontestazzjoni tiegħu jekk ikun jixtieq jippreżenta fatti jew jipproduċi provi li ma tqisux mill-qorti u li jistgħu jxejnu r-raġunijiet għal miżura protettiva jew iwasslu biex il-miżura titnaqqas. L-intimat jista' jikkontesta, bi kwalunkwe mezz imsemmi fuq, id-deċiżjoni tat-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża. Jekk l-intimat iressaq kontestazzjoni, il-qorti trid tiddeċiedi żżommx, tnaqqasx jew tirtirax il-miżura dekretata preċedentement. Din id-deċiżjoni u, fejn ikun applikabbli, iż-żamma jew l-irtirar tat-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża hija appellabbli u twassal, fejn xieraq, għall-ġbir tal-evidenza meħtieġa jew iddeterminata mill-qorti ex officio.
Materji ta' ġuriżdizzjoni territorjali huma rregolati mill-Artikolu 78 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, li skontu:
Jekk ir-responsabbiltà għall-ftuħ tal-azzjoni ma tiġix trasferita, il-proċedimenti jingħaqdu mal-atti malli tinfetaħ il-kawża; jekk il-kawża tinfetaħ f'qorti oħra, hija tingħadda lilha u dik il-qorti jkollha l-ġuriżdizzjoni esklussiva fuq il-passi ta' wara.
Jekk il-miżuri protettivi jintalbu waqt li tkun għaddejja l-kawża, dawn iridu jintalbu fil-qorti fejn qed tinstema' l-kawża marbuta magħhom, sakemm il-kawża ma jkollhiex appell pendenti; f'dak il-każ il-konsolidazzjoni ssir biss meta jispiċċaw il-proċedimenti jew meta l-atti tal-kawża ewlenija jgħaddu għall-ewwel istanza.
Rappreżentanza minn avukat hjija obbligatorja meta l-valur tal-miżura jaqbeż il-EUR 5 000.00 jew meta jkunu ammissibbli l-appelli.
Il-valur tal-miżuri protettivi jkun iddeterminat kif ġej:
Fil-valutazzjoni tal-kriterji biex tordna miżura protettiva, il-qorti trid teżamina dejjem jekk il-biża' invokata hix raġonevoli u kemm ikun serju u diffiċli li tagħmel tajjeb għall-ksur potenzjali tad-dritt ikkonċernat. Hija tivvaluta wkoll jekk tkunx xierqa miżura kawtelatorja jew interim fil-każ speċifiku kkonċernat, bil-ħsieb li jkun issalvagwardjat id-dritt li hu allegat li hu fil-periklu. Trid tistabbilixxi li hemm riskju marbut ma' kull dewmien.
Hija teżamina wkoll jekk il-proċedimenti jkunux effettivament jew potenzjalment dipendenti fuq kawża miftuħa jew li se tinfetaħ abbażi tad-dritt salvagwardjat.
F'dan it-tip ta' proċediment, hija l-qorti li trid tikseb provi sommarji (jiġifieri inqas rigorużi minn fil-proċedimenti ewlenin) li hemm probabbilta reali li d-dritt li jrid ikun salvagwardjat jeżisti u li l-biża' li jinkiser huwa suffiċentement iġġustifikat.
Biex ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħrajn fir-rigward ta' miżuri protettivi speċifiċi, jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsijiet 1 u 2.
Il-miżuri protettivi kollha jitqiesu bħala urġenti, u jieħdu prijorità fuq kwalunkwe att ġudizzjarju ieħor li ma jkunx urġenti, u jridu jkunu deċiżi fl-ewwel istanza fi żmien ta' mhux aktar minn xahrejn jew, jekk l-intimat ma hemmx għalfejn jiġi mħarrek, fi żmien 15-il jum.
Drittijiet u beni mobbli u immobbli li mhumiex totalment jew parzjalment esklużi mil-liġi jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri protettivi.
Peress li huma ordnati mill-qrati, il-miżuri protettivi huma vinkolanti fuq l-entitajiet pubbliċi u privati kollha u jieħdu preċedenza fuq miżuri adottati minn kwalunkwe awtorità oħra (l-Artikolu 205(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża). Kull persuna li tikser miżura protettiva dekretata tirċievi l-piena ta' diżobbedjenza kkwalifikata, minkejja l-miżuri xierqa għall-eżekuzzjoni tagħhom.
Minkejja li r-rikorrent ikun eżentat mill-oneru li jiftaħ il-kawża ewlenija, il-miżura protettiva tintemm u, meta tkun dekretata, tiskadi:
Minkejja r-regoli tad-distribuzzjoni tal-oneru tal-provi, malli d-deċiżjoni li tiddekreta l-miżura protettiva u tittrasferixxi r-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża ssir finali u inappellabbli, l-intimat ikun innotifikat li kwalunkwe kawża biex jikkontesta l-eżistenza tad-dritt protett trid tinfetaħ fi żmien 30 jum mill-avviż, inkella l-miżura promulgata tkun ikkonsolidata bħala komponent definittiv tat-tilwima.
L-istess piena tapplika meta, wara li tinfetaħ il-kawża, il-proċess jieqaf għal aktar minn 30 jum minħabba n-negliġenza tar-rikorrent jew l-intimat jiġi lliberat u r-rikorrent jonqos milli jiftaħ kwalunkwe kawża oħra biex japprofitta mill-effetti tal-kawża preċedenti.
L-iskadenza tal-miżuri dekretati tiddependi mill-validità, b'sentenza finali u inappellabbli, tal-kawża miftuħa mir-rikorrent.
Appelli ordinarji huma ammissibbli meta l-proċedimenti jkollhom valur ogħla mil-limitu tal-qorti li d-deċiżjoni qed tkun appellata quddiemha u d-deċiżjoni kkontestata tkun żvantaġġuża għall-parti li tkun qed tappella b'iktar minn nofs dan l-ammont. L-appelli jistgħu wkoll isiru dejjem kontra deċiżjonijiet relatati mal-valur tal-miżuri protettivi fuq il-bażi li l-valur ikun jeċċedi l-limitu tal-qorti li tkun ħadet id-deċiżjoni kkontestata u ċ-ċaħdiet preliminari tar-rikorsi inizjali għal miżuri protettivi.
Deċiżjonijiet li jordnaw it-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża jkunu appellabbli biss flimkien ma' appelli kontra deċiżjonijiet dwar il-miżura mitluba; deċiżjonijiet li jiċħdu t-trasferiment huma finali u inappellabbli.
Ma jistgħux isiru appelli quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet li jordnaw miżuri protettivi, inklużi dawk li jiddeterminaw it-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża, mingħajr preġudizzju għall-kawżi fejn appell ikun ammissibbli dejjem.
Kull parti fil-proċedimenti li titlef il-kawża u kull min ma jkunx parti fil-proċedimenti imma jsofri telf dirett u reali minħabba miżura protettiva jista' jikkontesta dik il-miżura.
Il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni li tisma' l-appell hija qorti tat-tieni istanza tal-istess distrett ġudizzjarju fejn tinsab il-qorti li tat id-deċiżjoni kkontestata.
Il-limitu taż-żmien għat-tressiq tal-appelli huwa 15-il jum mid-data tal-avviż tad-deċiżjoni. Jekk l-appell ikun jikkonċerna wkoll ir-rieżami ta' evidenza rreġistrata, il-limitu taż-żmien jiżdied b'10 ijiem.
Appell imressaq kontra ordni li tiċħad kompletament il-miżura jew li ma tordnax li l-miżura jkollha effett sospensiv. F'każijiet oħrajn huwa jkollu effett purament devoluttiv.
Aktar informazzjoni
Tista' tikseb aktar informazzjoni mis-siti li ġejjin:
Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.