Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Miżuri interim u kawtelatorji huma tipi ta' miżuri protettivi li jistgħu jintalbu lill-qorti fl-ambitu tal-proċedimenti protettivi. Il-protezzjoni interim tad-drittijiet mhix limitata għal proċedimenti protettivi, peress li s-sistema ġuridika Portugiża tistipula miżuri provviżjoni oħrajn għall-ħarsien ta' ċerti sitwazzjoni ġuridiċi - eż.:

  1. miżuri interim waqt proċedimenti ta' interdizzjoni jew skwalifika;
  2. kurazija provviżorja ta' proprjetà ta' persuna assenti;
  3. ħatra interim ta' kuratur ad litem;
  4. miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta' proprjetà li tinkludi patrimonju sospiż.

Miżuri protettivi huma maħsuba biex jeliminaw periculum in mora (il-biża' li dewmien għas-sentenza tal-qorti tikkawża dannu serju u irreparabbli għad-dritt asserit) u li jiżguraw l-effikaċja tas-sentenza finali (cf. l-Artikolu 2 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Il-qorti tieħu passi biex tippromulga ċerti miżuri bi stennija jew antiċipazzjoni li s-sentenza provviżorja tagħha tkun ikkonfermata mis-sentenza finali.

Sakemm ma jkunx ordnat it-trasferiment tar-responsabbiltà tal-azzjoni, proċedimenti protettivi jirrelataw ma' kawżi dwar id-drittijiet protetti (l-Artikolu 364 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili), li jipproteġu jew li jantiċipaw provviżorjament l-effetti tal-miżura definittiva bil-preżunzjoni li d-deċiżjoni mogħtija fil-proċedimenti prinċipali tkun favorevoli għar-rikorrent.

It-theddida ta' periculum in mora tawtorizza lill-qorti tikkunsidra preliminarjament u sommarjament relazzjoni ġuridika sostanzjali li mbagħad trid tgħaddi minn eżami iktar approfondit u twil; meta din il-kunsiderazzjoni preliminari tkun favorevoli għar-rikorrent, jiġu ppromulgati miżuri bl-għan ta' ħarsien mit-theddida.

Il-miżuri protettivi huma maħsuba biex jiżguraw ir-riżultati prattiċi tal-azzjoni, biex jiġi evitat dannu serju jew biex tiġi antiċipata r-realizzazzjoni tad-dritt (strumentalità ipotetika), li jinkiseb bilanċ, bl-aħjar mod possibbli, bejn l-interessi tar-rapidità u taċ-ċertezza legali.

Id-dritt proċedurali ċivili Portugiż jistipula żewġ tipi ta' miżuri protettivi:

  1. miżuri protettivi komuni;
  2. miżuri protettivi speċifikati.

Tal-ewwel huma rregolati mill-Artikolu 362 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, li jistipula li meta xi ħadd juri biża' ġġustifikata li persuna oħra tkun tista' tikkawża dannu gravi u irreparabbli għad-drittijiet tiegħu, huwa jkun jista', jekk l-ebda miżura protettiva stipulata mil-liġi ma tkun adatta għall-każ, jitlob il-miżura kawtelatorja jew antiċipatorja xierqa biex tkun żgurata l-effettività tad-dritt li qiegħed f'periklu. L-interess tar-rikorrent jista' jkun ibbażat fuq dritt eżistenti jew fuq dritt li joħroġ minn deċiżjoni li trid tingħata f'azzjoni kostituttiva, kemm jekk pendenti u kemm jekk diġà mibdija. Miżuri protettivi komuni mhumiex applikabbli meta l-intenzjoni tkun li jiġi salvagwardjat ir-riskju ta' dannu prevenut speċifikament minn kwalunkwe waħda mill-miżuri speċifikati.

Miżuri protettivi speċifikati huma dawk espressament stipulati fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jew f'leġiżlazzjoni separata.

Dawn li ġejjin huma miżuri protettivi speċifikati stabbiliti fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Portugiż:

  1. Restituzzjoni provviżorja tas-sjieda;
  2. Sospensjoni ta' deċiżjonijiet korporattivi;
  3. Manteniment provviżorju;
  4. Kumpens provviżorju;
  5. Qbid;
  6. Inibizzjoni ta' xogħlijiet ġodda;
  7. Sekwestru ta' oġġetti.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

Meta xi ħadd juri biża' ġustifikata li xi ħadd ieħor jista' jikkawża dannu gravi u irreparabbli għad-drittijiet tiegħu, jista' jitlob il-miżura kawtelatorja jew antiċipatorja xierqa għall-iżgurar tal-effettività tad-dritt li jinsab f'periklu. L-interess tar-rikorrent jista' jkun ibbażat fuq dritt eżistenti jew fuq dritt li joħroġ minn deċiżjoni li trid tingħata f'azzjoni kostituttiva, kemm jekk pendenti u kemm jekk diġà mibdija.

Miżuri ta' dan it-tip jittieħdu jekk ikun hemm probabbiltà serja li d-dritt ikun reali u jekk ikun hemm riskju suffiċentement serju li jista' jinkiser. Il-miżuri jistgħu, madankollu, jiġu miċħuda mill-qorti jekk id-dannu lir-rikorrent li jirriżulta mir-rikors tiegħu jkun jeċċedi konsiderevolment id-dannu li r-rikorrent ikun jixtieq jevita minħabba l-użu tal-miżura.

L-użu ta' miżuri protettivi komuni, b'mod sussidjarju, jiddependi wkoll min-nuqqas ta' miżura protettiva speċifikata li tkun xierqa għas-sitwazzjoni attwali.

B'hekk, il-miżuri preventivi mhux speċifikati msemmija fl-Artikolu 362 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili għandhom ir-rekwiżiti legali li ġejjin:

  1. l-eżistenza apparenti ta' dritt;
  2. il-biża' ġġustifikata sew li persuna oħra tista' tikkawża dannu gravi u irreparabbli għad-dritt tagħhom (periculum in mora);
  3. l-adattabilità prattika tal-miżura kawtelatorja jew antiċipatorja għall-iżgurar tal-effettività tad-dritt fil-periklu;
  4. il-miżura li trid tinkiseb ma tridx tkun koperta minn proċeduri protettivi oħrajn.

Biex jiġu ordnati miżuri, irid ikun hemm evidenza sommarja - summaria cognitio - tal-probabbiltà serja li d-dritt asserit ikun reali (fumus bonis juris) u l-biża' ġġustifikata li d-dewmien naturali fir-riżoluzzjoni finali tal-kawża tista' twassal għal dannu irreparabbli jew dannu li diffiċli ssewwi (periculum in mora). L-imħallef irid ikun inklinat li jemmen li r-riżultat tal-kawża ewlenija se jkun favur ir-rikorrent, peress li miżuri kawtelatorji jinvolvu interferenza ċara mal-isfera ġuridika tal-intimat.

Fir-rigward ta' miżuri protettivi speċifiċi:

  1. Restituzzjoni provviżorja tas-sjieda: Fil-każ ta' serq vjolenti, is-sid jista' jitlob li l-proprjetà tiegħu tkun irritornata lilu provviżorjament, filwaqt li jallega l-fatti li jikkostitwixxu l-pussess, is-serq u l-vjolenza. L-imħallef jista' jordna r-restituzzjoni mingħajr ma jħarrek jew jisma' lill-ħalliel jekk jemmen, wara li jeżamina l-evidenza, li r-rikorrent kellu l-pussess tal-oġġett u li dan insteraq mingħandu vjolentament.
  2. Sospensjoni ta' deċiżjonijiet korporattivi: Jekk kwalunkwe tip ta' assoċjazzjoni jew kumpanija tieħu deċiżjonijiet li jmorru kontra l-liġi, il-memorandum jew Statut ta' Assoċjazzjoni, kwalunkwe sieħeb jista, fi żmien 10 ijiem (li jibdew minn dakinhar tal-laqgħa li d-deċiżjonijiet ittieħdu matulha jew minn dakinhar li skopriehom ir-rikorrent, jekk ma kienx imsejjaħ għal-laqgħa), jitlob li l-implimentazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet tkun sospiża. Huwa jkollu jissostanzja r-rwol tiegħu bħala sieħeb u jipprova li l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tista' toħloq dannu konsiderevoli. Ir-rikors ikun akkumpanjat minn kopja tal-minuti fejn huma mniżżlin id-deċiżjonijiet u, bl-eċċezzjoni tal-laqgħat ġenerali annwali, il-kopja ta' dawn il-minuti tinbidel minn evidenza dokumentata tar-riżoluzzjoni.
  3. Manteniment provviżorju: Persuna intitolata għall-manteniment tista' titlob l-iffissar tal-ammont mensili li għandha tirċievi fil-forma ta' manteniment provviżorju, dment li ma jkunx għadu sar l-ewwel ħlas definittiv. Ladarba l-qorti tirċievi r-rikors għal manteniment provviżorju, tiġi ffissata ġurnata għas-smigħ tal-kawża u l-partijiet ikunu avżati li jridu jidhru personalment għas-seduta jew ikunu rappreżentati minn persuna li jkollha prokura bis-setgħat speċjali li ssib ftehim. Id-difiża titressaq waqt is-seduta nnifisha u l-imħallef ikollu l-għan li jasal għal qbil dwar l-iffissar tal-manteniment, li mbagħad ikun approvat mis-sentenza.
    Fin-nuqqas ta' kwalunkwe waħda mill-partijiet jew jekk it-tentattiv biex jintlaħaq fhteim ma jirnexxix, l-imħallef jordna l-ġbir tal-provi qabel ma jagħti sentenza orali li jkollu jagħti raġunijiet konċiżi għaliha.
  4. Kumpens provviżorju: B'rabta ma' pretensjonijiet ta' kumpens għal mewt jew offiża fuq il-persuna, il-parti offiża u dawk li jistgħu jkunu intitolati għal manteniment mill-parti offiża, kif ukoll dawk li l-vittma ħallashom manteniment b'konformità ma' obbligu naturali, tista' titlob l-għoti ta' ammont monetarju partikolari fil-forma ta' somma fix-xahar bħala kumpens provviżorju għad-dannu. L-imħallef jilqa' l-miżura mitluba sakemm ikun hemm evidenza ta' sitwazzjoni ta' bżonn minħabba l-offiżi mġarrba u l-evidenza għall-obbligu ta' kumpens mill-intimat. L-ammont tal-kumpens provviżorju, li jitqies fid-deċiżjoni finali dwar il-kumpens tad-danni, jiġi ddeterminat b'mod ekwitabbli mill-qorti. Dan japplika wkoll għall-każijiet fejn it-talba għad-danni tkun fundata wkoll fuq danni li jistgħu jipperikolaw serjament is-sussistenza jew l-akkomodazzjoni tal-parti offiża. Il-punti msemmija fuq relatati ma' manteniment provviżorju japplikaw ukoll għall-ipproċessar ta' din il-miżura, mutatis mutandis.
  5. Qbid: Il-qbid jippermetti lil kreditur li jkun ġustifikabilment beżgħan li jitlef l-assi li jiggarantulu l-pretensjoni biex jikseb il-qbid ġudizzjarju tal-oġġetti. Ir-rikorrent għall-qbid jippreżenta l-fatti li juru l-eżistenza probabbli tal-pretensjoni u jiġġustifika l-biża' allegat, filwaqt li jelenka l-oġġetti li jridu jinqabdu flimkien mal-informazzjoni kollha neċessarja biex tintemm l-investigazzjoni. Jekk jintalab qbid kontra x-xerrej tal-proprjetà tad-debitur u jekk ix-xiri ma jkunx ippruvat li kien ikkontestat b'mod ġudizzjarju, ir-rikorrent xorta jrid jippreżenta l-fatti li jagħmlu l-merti tal-kawża probabbli.
    Wara li jiġu eżaminati l-provi, jiġi ddikjarat il-qbid mingħajr is-smigħ tal-parti l-oħra, sakemm ir-rekwiżiti legali jkunu meqjusa li ġew issodisfati.
    Fil-każ ta' qbid ta' vapuri jew il-merkanzija tagħhom, ir-rikorrent huwa responsabbli biex juri, filwaqt li jissodisfa r-rekwiżiti ġenerali, li l-qbid huwa permissibbli meta wieħed iqis in-natura tal-pretensjoni. F'dan il-każ, il-qbid ma jseħħx jekk il-mutwatarju jipprovdi garanzija aċċettabbli mill-ewwel lill-kreditur jew, fi żmien jumejn, l-imħallef iqis li jkun xieraq li t-tluq tal-bastiment jitwaqqaf sakemm tiġi pprovduta garanzija.
  6. Inibizzjoni ta' xogħlijiet ġodda: Kull min iħoss li d-dritt tiegħu għal proprjetà jew koproprjetà jew kwalunkwe dritt ieħor in rem jew in personam ta' użu jew proprjetà qiegħed jinkiser minħabba xogħol ġdid jew servizz ġdid li jikkawżalu jew jista' jikkawżalu telf, jistaħ jitlob, fi żmien 30 jum minn dakinhar li jsiru jafu bil-fatt, is-sospensjoni immedjata tax-xogħol jew tas-servizz. Ir-rikorrent jista' jimponi wkoll l-inibizzjoni direttament b'mod ekstraġudizzjarju billi jinnotifika lill-iżviluppatur, jew fin-nuqqas ta' dak, lill-persuna inkarigata jew lis-sostitut tiegħu, quddiem żewġ xhieda, biex iwaqqaf ix-xogħol. Din l-inibizzjoni ekstraġudizzjarja ma għandha l-ebda effett jekk ma tintalabx konferma mill-qorti fi żmien ħamest ijiem.
  7. Sekwestru ta' oġġetti: Meta jkun hemm biża' raġonevoli ta' telf, ħabi jew dissipazzjoni ta' assi mobbli jew immobbli jew dokumenti, jista' jintalab is-sekwestru tagħhom. Dan is-sekwestru huwa marbut mal-kawża relatata mal-ispeċifikazzjoni tal-oġġetti jew il-prova tal-proprjetà tad-drittijiet fuq l-oġġetti sekwestrati. Sekwestru jista' jintalab minn kull min ikollu interess fil-konservazzjoni tal-oġġetti jew tad-dokumenti, għalkemm il-kredituri biss jistgħu jitolbu s-sekwestru f'każijiet li jwasslu għat-teħid tal-wirt. Ir-rikorrent irid jipprova fil-qosor id-dritt relatat mal-oġġetti u l-fatti li l-biża' mit-telf jew id-dissipazzjoni tagħhom hija bbażata fuqhom. Jekk id-dritt relatat mal-oġġetti jiddependi fuq kawża pendenti jew kawża li tressqet, ir-rikorrent irid jikkonvinċi lill-qorti bil-probabbiltà tal-validità tar-rikors ikkonċernat. Ladarba jiġu pprovduti l-provi meħtieġa, l-imħallef jikkonċedi l-miżuri jekk jemmen li mingħajr is-sekwestru l-interessi tar-rikorrent ikunu f'riskju serju.

2.1 Il-proċedura

Ħlief għall-inibizzjoni fuq xogħol ġdid, fejn wieħed jista' jieħu passi inizjali ekstraġudizzjarji wara rikors għall-konferma mill-qorti, il-miżuri protettivi l-oħra huma bbażati fuq rikors inizjali lill-qorti fejn ir-rikorrent jipprovdi provi sommarji tad-dritt fil-periklu u jiġġustifika l-biża' minn dannu. F'dan ir-rikors, tintbagħat il-lista tax-xhieda u tintalab evidenza oħra, b'limitu ta' ħames xhieda.

Fid-deċiżjoni li tordna l-miżura, jekk jintalab, l-imħallef jista' jeżenta lir-rikorrent mill-oneru li jiftaħ il-kawża ewlenija jekk il-materjal miksub fil-proċedimenti jissodisfa biżżejjed lill-imħallef li d-dritt salvagwardjat ikun reali u n-natura tal-miżura dekretata tkun xierqa għas-soluzzjoni finali tat-tilwima. Din l-eżenzjoni tista' tiġi applikata sa tmiem is-seduta finali; fil-każ ta' proċedimenti li ma jkunux ta' konfront, l-intimat jista' jopponi l-eżenzjoni mir-responsabbiltà li tinfetaħ kawża flimkien ma' kontestazzjoni tal-miżura dekretata.

L-iskema ta' trasferiment tar-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża tapplika mutatis mutandis għar-restituzzjoni provviżorja tal-proprjetà, is-sospensjoni ta' deċiżjonijiet korporattivi, il-manteniment provviżorju, inibizzjonijiet ġodda fuq il-kostruzzjoni u miżuri ġodda stipulati f'leġiżlazzjoni separata li, fin-natura tagħha, tippermetti s-soluzzjoni finali tat-tilwima.

Meta l-liġi ma tistabbilix li l-miżura tiġi adottata mingħajr is-smigħ tal-intimat, l-intimat jinstema' fil-qorti, ħlief jekk is-smigħ ipoġġi l-għanijiet u l-effikaċja tal-miżura f'riskju serju.

Meta jinstema' qabel ma l-miżura tiġi dekretata, l-intimat jitħarrek biex jikkontesta fi żmien għaxart ijiem. It-taħrika tiġi sostiwita b'avviż meta l-intimat ikun diġà tħarrek għall-kawża ewlenija.

Meta d-data tal-għeluq għall-kontestazzjoni tiskadi u l-intimat ikun instema', fejn xieraq tittieħed l-evidenza meħtieġa jew iddeterminata mill-qorti.

Jekk l-intimat ma jkunx instema' u l-miżura tiġi dekretata, l-intimat jiġi biss avżat b'dik id-deċiżjoni wara li tkun saret. Wara l-avviż huwa jkun intitolat jappella, f'termini ġenerali, kontra l-ordni li jiddekreta l-miżura jekk iqis li, fid-dawl tal-fatti, ma kellux jingħata. Huwa jista' jressaq il-kontestazzjoni tiegħu jekk ikun jixtieq jippreżenta fatti jew jipproduċi provi li ma tqisux mill-qorti u li jistgħu jxejnu r-raġunijiet għal miżura protettiva jew iwasslu biex il-miżura titnaqqas. L-intimat jista' jikkontesta, bi kwalunkwe mezz imsemmi fuq, id-deċiżjoni tat-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża. Jekk l-intimat iressaq kontestazzjoni, il-qorti trid tiddeċiedi żżommx, tnaqqasx jew tirtirax il-miżura dekretata preċedentement. Din id-deċiżjoni u, fejn ikun applikabbli, iż-żamma jew l-irtirar tat-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża hija appellabbli u twassal, fejn xieraq, għall-ġbir tal-evidenza meħtieġa jew iddeterminata mill-qorti ex officio.

Materji ta' ġuriżdizzjoni territorjali huma rregolati mill-Artikolu 78 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, li skontu:

  1. Rikorsi għall-qbid u s-sekwestru ta' oġġetti jistgħu jsiru fil-qorti fejn għandhom jinfetħu il-proċedimenti relatati, jew fil-post fejn jinsabu l-assi jew, jekk hemm assi f'għadd ta' distretti, f'wieħed minnhom.
  2. Għal inibizzjoni fuq xogħol ġdid, il-qorti tal-post fejn ikun se jsir ix-xogħol ikollha l-ġuriżdizzjoni.
  3. Għall-miżuri protettivi l-oħrajn, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni hija l-qorti fejn trid tinfetaħ il-kawża relatata.

Jekk ir-responsabbiltà għall-ftuħ tal-azzjoni ma tiġix trasferita, il-proċedimenti jingħaqdu mal-atti malli tinfetaħ il-kawża; jekk il-kawża tinfetaħ f'qorti oħra, hija tingħadda lilha u dik il-qorti jkollha l-ġuriżdizzjoni esklussiva fuq il-passi ta' wara.

Jekk il-miżuri protettivi jintalbu waqt li tkun għaddejja l-kawża, dawn iridu jintalbu fil-qorti fejn qed tinstema' l-kawża marbuta magħhom, sakemm il-kawża ma jkollhiex appell pendenti; f'dak il-każ il-konsolidazzjoni ssir biss meta jispiċċaw il-proċedimenti jew meta l-atti tal-kawża ewlenija jgħaddu għall-ewwel istanza.

Rappreżentanza minn avukat hjija obbligatorja meta l-valur tal-miżura jaqbeż il-EUR 5 000.00 jew meta jkunu ammissibbli l-appelli.

Il-valur tal-miżuri protettivi jkun iddeterminat kif ġej:

  1. Għall-manteniment provviżorju u għall-kumpens provviżorju, skont il-ħlas mensili mitlub, immultiplikat bi 12;
  2. Għar-restituzzjoni provviżorja ta' proprjetà, skont il-valur tal-oġġett li s-sid ġie mċaħħad minnu;
  3. Għas-sospensjoni ta' deċiżjonijiet korporattivi, skont l-ammont tat-telf;
  4. Għall-inibizzjonijiet fuq xogħol ġdid u miżuri protettivi mhux speċifikati, skont it-telf li jrid jiġi prevenut;
  5. Għall-qbid, skont l-ammont tal-pretensjoni li trid tiġi ggarantita;
  6. Għas-sekwestru ta' oġġetti, skont il-valur tal-oġġetti sekwestrati.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Fil-valutazzjoni tal-kriterji biex tordna miżura protettiva, il-qorti trid teżamina dejjem jekk il-biża' invokata hix raġonevoli u kemm ikun serju u diffiċli li tagħmel tajjeb għall-ksur potenzjali tad-dritt ikkonċernat. Hija tivvaluta wkoll jekk tkunx xierqa miżura kawtelatorja jew interim fil-każ speċifiku kkonċernat, bil-ħsieb li jkun issalvagwardjat id-dritt li hu allegat li hu fil-periklu. Trid tistabbilixxi li hemm riskju marbut ma' kull dewmien.

Hija teżamina wkoll jekk il-proċedimenti jkunux effettivament jew potenzjalment dipendenti fuq kawża miftuħa jew li se tinfetaħ abbażi tad-dritt salvagwardjat.

F'dan it-tip ta' proċediment, hija l-qorti li trid tikseb provi sommarji (jiġifieri inqas rigorużi minn fil-proċedimenti ewlenin) li hemm probabbilta reali li d-dritt li jrid ikun salvagwardjat jeżisti u li l-biża' li jinkiser huwa suffiċentement iġġustifikat.

Biex ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħrajn fir-rigward ta' miżuri protettivi speċifiċi, jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsijiet 1 u 2.

Il-miżuri protettivi kollha jitqiesu bħala urġenti, u jieħdu prijorità fuq kwalunkwe att ġudizzjarju ieħor li ma jkunx urġenti, u jridu jkunu deċiżi fl-ewwel istanza fi żmien ta' mhux aktar minn xahrejn jew, jekk l-intimat ma hemmx għalfejn jiġi mħarrek, fi żmien 15-il jum.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Drittijiet u beni mobbli u immobbli li mhumiex totalment jew parzjalment esklużi mil-liġi jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri protettivi.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Peress li huma ordnati mill-qrati, il-miżuri protettivi huma vinkolanti fuq l-entitajiet pubbliċi u privati kollha u jieħdu preċedenza fuq miżuri adottati minn kwalunkwe awtorità oħra (l-Artikolu 205(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża). Kull persuna li tikser miżura protettiva dekretata tirċievi l-piena ta' diżobbedjenza kkwalifikata, minkejja l-miżuri xierqa għall-eżekuzzjoni tagħhom.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Minkejja li r-rikorrent ikun eżentat mill-oneru li jiftaħ il-kawża ewlenija, il-miżura protettiva tintemm u, meta tkun dekretata, tiskadi:

  1. jekk ir-rikorrent ma jiftaħx il-kawża li l-miżura tiddependi minnha fi żmien 30 jum minn dakinhar li jkun ġie nnotifikat li d-deċiżjoni li tordna l-miżura tkun finali u inappellabbli;
  2. Jekk, wara li tinfetaħ il-kawża, il-proċess jieqaf għal aktar minn 30 jum minħabba n-negliġenza tar-rikorrent;
  3. Jekk il-kawża tkun miċħuda, b'deċiżjoni finali u inappellabbli;
  4. Jekk l-intimat jiġi lliberat u r-rikorrent ma jiftaħ l-ebda kawża oħra fil-ħin biex japprofitta mill-effetti tal-kawża preċedenti;
  5. Jekk id-dritt li r-rikorrent jipprova jissalvagwardja jintemm.

Minkejja r-regoli tad-distribuzzjoni tal-oneru tal-provi, malli d-deċiżjoni li tiddekreta l-miżura protettiva u tittrasferixxi r-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża ssir finali u inappellabbli, l-intimat ikun innotifikat li kwalunkwe kawża biex jikkontesta l-eżistenza tad-dritt protett trid tinfetaħ fi żmien 30 jum mill-avviż, inkella l-miżura promulgata tkun ikkonsolidata bħala komponent definittiv tat-tilwima.

L-istess piena tapplika meta, wara li tinfetaħ il-kawża, il-proċess jieqaf għal aktar minn 30 jum minħabba n-negliġenza tar-rikorrent jew l-intimat jiġi lliberat u r-rikorrent jonqos milli jiftaħ kwalunkwe kawża oħra biex japprofitta mill-effetti tal-kawża preċedenti.

L-iskadenza tal-miżuri dekretati tiddependi mill-validità, b'sentenza finali u inappellabbli, tal-kawża miftuħa mir-rikorrent.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Appelli ordinarji huma ammissibbli meta l-proċedimenti jkollhom valur ogħla mil-limitu tal-qorti li d-deċiżjoni qed tkun appellata quddiemha u d-deċiżjoni kkontestata tkun żvantaġġuża għall-parti li tkun qed tappella b'iktar minn nofs dan l-ammont. L-appelli jistgħu wkoll isiru dejjem kontra deċiżjonijiet relatati mal-valur tal-miżuri protettivi fuq il-bażi li l-valur ikun jeċċedi l-limitu tal-qorti li tkun ħadet id-deċiżjoni kkontestata u ċ-ċaħdiet preliminari tar-rikorsi inizjali għal miżuri protettivi.

Deċiżjonijiet li jordnaw it-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża jkunu appellabbli biss flimkien ma' appelli kontra deċiżjonijiet dwar il-miżura mitluba; deċiżjonijiet li jiċħdu t-trasferiment huma finali u inappellabbli.

Ma jistgħux isiru appelli quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet li jordnaw miżuri protettivi, inklużi dawk li jiddeterminaw it-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ftuħ tal-kawża, mingħajr preġudizzju għall-kawżi fejn appell ikun ammissibbli dejjem.

Kull parti fil-proċedimenti li titlef il-kawża u kull min ma jkunx parti fil-proċedimenti imma jsofri telf dirett u reali minħabba miżura protettiva jista' jikkontesta dik il-miżura.

Il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni li tisma' l-appell hija qorti tat-tieni istanza tal-istess distrett ġudizzjarju fejn tinsab il-qorti li tat id-deċiżjoni kkontestata.

Il-limitu taż-żmien għat-tressiq tal-appelli huwa 15-il jum mid-data tal-avviż tad-deċiżjoni. Jekk l-appell ikun jikkonċerna wkoll ir-rieżami ta' evidenza rreġistrata, il-limitu taż-żmien jiżdied b'10 ijiem.

Appell imressaq kontra ordni li tiċħad kompletament il-miżura jew li ma tordnax li l-miżura jkollha effett sospensiv. F'każijiet oħrajn huwa jkollu effett purament devoluttiv.

Aktar informazzjoni

Tista' tikseb aktar informazzjoni mis-siti li ġejjin:

Il-Portal tal-Ġustizzja

Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja

Il-Portal CITIUS

Bażi ta' Dejta ta' Dokumenti Legali

Il-Ġurnal Uffiċjali Portugiż

L-aħħar aġġornament: 30/09/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna