Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Il-miżuri interim u kawtelatorji huma intiżi għall-protezzjoni ta’ ċerti sitwazzjonijiet legali, u jistgħu jinkludu: a) miżuri interim fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas legali għal adulti akkumpanjati previst mil-Liġi Nru 49/2018 tal-14 ta’ Awwissu 2018; b) il-kurazija proviżorja tal-proprjetà ta’ persuna assenti (l-Artikolu 1021 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili); c) il-ħatra ta’ kuratur ad litem (l-Artikolu 17 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili); jew d) miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta’ proprjetà li tikkostitwixxi patrimonju battal (l-Artikolu 938 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-għan tal-miżuri kawtelatorji (eż. dawk previsti fl-Artikoli 362 et seq tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) huwa li jiġi eliminat ir-riskju ta’ ħsara serja u irreparabbli lil pretensjoni fil-pendenzi tal-proċedimenti (periculum in mora) u sabiex jiġi żgurat li s-sentenza finali tkun tista’ tiġi eżegwita (l-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ħlief meta l-qorti tordna t-tneħħija tar-responsabbiltà għall-preżentata tal-kawża prinċipali (inversão do contencioso), il-proċedimenti kawtelatorji jiddependu fuq kawża ppreżentata sabiex tiġi stabbilita l-pretensjoni protetta mill-miżura kawtelatorja (l-Artikolu 364 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili); dawn jissalvagwardjaw jew jantiċipaw proviżorjament l-effetti tal-miżura finali, fuq is-suppożizzjoni li d-deċiżjoni mogħtija fil-proċedimenti prinċipali se jkunu favorevoli għar-rikorrent.

Ir-riskju ta’ ħsara (periculum in mora) jippermetti lil-qorti li tieħu konjizzjoni b’mod preliminari u sommarju ta’ relazzjoni legali sostantiva, li sussegwentement ikollha tiġi eżaminata f’aktar dettall. Meta din il-konjizzjoni preliminari tkun favorevoli għar-rikorrent, jiġu ordnati miżuri bl-għan li tinkiseb salvagwardja kontra r-riskju.

Il-miżuri kawtelatorji huma maħsuba biex jiżguraw l-eżitu prattiku tal-azzjoni, biex tiġi evitata ħsara serja jew biex tiġi antiċipata l-eżekuzzjoni tad-dritt, filwaqt li jinkiseb bilanċ, bl-aħjar mod possibbli, bejn l-interessi tar-rapidità u taċ-ċertezza legali.

Id-dritt proċedurali ċivili Portugiż jipprevedi żewġ tipi ta’ miżuri kawtelatorji:

a) miżuri kawtelatorji komuni (l-Artikoli 362 sa 376 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

b) miżuri kawtelatorji speċifiċi (l-Artikoli 377 sa 409 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Dawk tal-ewwel huma rregolati mill-Artikolu 362 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jistabbilixxi li meta persuna turi biża’ ġustifikata li persuna oħra tista’ tikkawża ħsara serja u irreparabbli lill-pretensjoni tagħha, u jekk ma tkun tapplika l-ebda waħda mill-miżuri kawtelatorji stabbiliti mil-liġi, din tista’ titlob il-miżura preventiva jew antiċipatorja adegwata sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tad-dritt li jkun f’riskju (l-Artikolu 362(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). It-talba tar-rikorrent tista’ tkun ibbażata fuq dritt eżistenti jew fuq dritt stabbilit mill-qorti fi proċedimenti pendenti jew li se jitressqu (l-Artikolu 362(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-miżuri kawtelatorji komuni ma humiex applikabbli meta l-intenzjoni tkun li tinkiseb salvagwardja kontra r-riskju ta’ ħsara kopert espressament minn waħda mill-miżuri speċifiċi (l-Artikolu 362(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-miżuri kawtelatorji speċifiċi huma dawk stabbiliti espressament fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jew f’leġiżlazzjoni separata.

Il-miżuri kawtelatorji speċifiċi li ġejjin huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż:

a) ir-restituzzjoni proviżorja tas-sjieda (l-Artikolu 377 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

b) is-sospensjoni ta’ deċiżjonijiet korporattivi (l-Artikolu 380 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

c) il-manteniment proviżorju (l-Artikolu 384 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

d) id-danni proviżorji (l-Artikolu 388 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

e) il-qbid (l-Artikolu 391 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

f) l-inibizzjonijiet fuq xogħlijiet ġodda (l-Artikolu 397 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

g) l-iffriżar tal-assi (l-Artikolu 403 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

Meta persuna turi biża’ ġustifikata li persuna oħra tista’ tikkawża ħsara serja u irreparabbli lid-drittijiet tagħha, hija tista’ titlob il-miżura preventiva jew antiċipatorja adegwata sabiex tiżgura l-effettività tad-dritt li jkun f’riskju (l-Artikolu 362(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). It-talba tar-rikorrent tista’ tkun ibbażata fuq dritt eżistenti jew fuq dritt stabbilit mill-qorti fi proċedimenti pendenti jew li se jitressqu (l-Artikolu 362(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-miżuri ta’ dan it-tip jiġu ordnati jekk ikun hemm probabbiltà għolja li d-dritt ikun reali u jekk ikun hemm riskju suffiċjentement fondat li jista’ jinkiser (l-Artikolu 368(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-miżuri jistgħu, madankollu, jiġu rifjutati mill-qorti jekk il-ħsara lill-intimat li tirriżulta mir-rikors tiegħu tkun teċċedi konsiderevolment il-ħsara li r-rikorrent ikun jixtieq jevita permezz tal-użu tal-miżura (l-Artikolu 368(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-miżuri kawtelatorji komuni jistgħu jintalbu biss meta ma jkun hemm l-ebda miżura kawtelatorja speċifika li tkun adegwata għall-fatti tal-każ (l-Artikolu 362(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

B’hekk, il-miżuri preventivi mhux speċifikati msemmijin fl-Artikolu 362 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għandhom il-prekondizzjonijiet legali li ġejjin:

a) l-eżistenza apparenti ta’ dritt;

b) il-biża’ fondata sewwa li persuna oħra tista’ tikkawża ħsara gravi u irreparabbli għad-dritt tagħhom (periculum in mora);

c) l-idoneità prattika tal-miżura kawtelatorja jew antiċipatorja għall-iżgurar tal-effettività tad-dritt fil-periklu;

d) il-miżura li trid tinkiseb ma tridx tkun koperta minn proċeduri kawtelatorji oħra.

Sabiex il-qorti tordna miżuri kawtelatorji, huwa biżżejjed għaliha li jkun jidhrilha minn eżami ħafif li hemm prova ċara tad-dritt pretiż (fumus bonis juris) u biża’ ġustifikata li ż-żmien iddedikat sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima jista’ jikkawża ħsara irreparabbli jew ħsara li diffiċilment tiġi reparata (periculum in mora). L-imħallef irid ikun suffiċjentement konvint li l-eżitu tal-kawża prinċipali se jkun favur ir-rikorrent, peress li miżuri kawtelatorji jinvolvu interferenza ċara mas-sitwazzjoni legali tal-intimat (l-Artikolu 368(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Fir-rigward ta’ miżuri kawtelatorji speċifiċi:

a) Restituzzjoni proviżorja tas-sjieda: Fil-każ ta’ serq vjolenti, is-sid jista’ jitlob li l-proprjetà tiegħu tiġi rritornata lilu proviżorjament, filwaqt li jallega l-fatti li jikkostitwixxu l-pussess, is-serq u l-vjolenza. L-imħallef jista’ jordna r-restituzzjoni mingħajr ma jħarrek jew jisma’ lill-ħalliel jekk jemmen, wara li jeżamina l-evidenza, li r-rikorrent kellu l-pussess tal-oġġett u li dan insteraq mingħandu bi vjolenza (l-Artikoli 377, 378, u 379 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

b) Sospensjoni ta’ deċiżjonijiet korporattivi: Jekk kwalunkwe tip ta’ assoċjazzjoni jew kumpanija tieħu riżoluzzjonijiet li jmorru kontra l-liġi jew kontra l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni, kwalunkwe sieħeb jista’, fi żmien għaxart ijiem (li jibdew minn dakinhar tal-laqgħa li fiha jkunu ttieħdu r-riżoluzzjonijiet jew minn dakinhar li kiseb konjizzjoni tagħhom ir-rikorrent, jekk ma kienx imsejjaħ għal-laqgħa), jitlob is-sospensjoni tal-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet. Huwa jkollu jissostanzja r-rwol tiegħu bħala sieħeb u jipprova li l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tista’ toħloq ħsara konsiderevoli. Ir-rikors irid ikun akkumpanjat minn kopja tal-minuti fejn ikunu ttieħdu r-riżoluzzjonijiet u, fejn laqgħa ma hijiex meħtieġa mil-liġi, il-kopja ta’ dawn il-minuti tiġi ssostitwita minn prova dokumentarja tar-riżoluzzjoni (l-Artikoli 380 sa 383 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

c) Manteniment proviżorju: Persuna intitolata għall-manteniment tista’ titlob l-iffissar tal-ammont mensili li għandha tirċievi fil-forma ta’ manteniment proviżorju, dment li ma jkunx għadu sar l-ewwel ħlas definittiv. Ladarba l-qorti tirċievi r-rikors għal manteniment proviżorju, tiġi ffissata ġurnata għas-seduta u l-partijiet jiġu avżati li jenħtieġ li jidhru personalment jew ikunu rappreżentati minn persuna li jkollha prokura bis-setgħat speċjali li tilħaq ftehim. Id-difiża titressaq waqt is-seduta nnifisha u l-imħallef jagħmel ħiltu biex isib qbil dwar l-iffissar tal-manteniment, li mbagħad ikun approvat mis-sentenza (l-Artikoli 384 sa 387 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Fl-assenza ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet jew jekk it-tentattiv biex jintlaħaq ftehim ma jirnexxix, l-imħallef jordna l-ġbir tal-provi qabel ma jagħti sentenza orali li għandha tkun sostnuta minn motivazzjoni fil-qosor (l-Artikolu 385(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

d) Danni proviżorji: B’rabta ma’ talbiet għad-danni naxxenti minn mewt jew korriment fil-ġisem, il-parti leża u dawk li jistgħu jkunu intitolati għal manteniment mingħandha, kif ukoll dawk li l-parti leża ħallsithom manteniment f’konformità ma’ obbligu naturali, jistgħu jitolbu l-għoti ta’ ammont monetarju partikolari fil-forma ta’ somma mensili bħala kumpens proviżorju għall-korriment. L-imħallef jagħti l-miżura mitluba dment li jkun hemm evidenza ta’ sitwazzjoni ta’ bżonn minħabba l-korrimenti mġarrba u evidenza tal-obbligu tal-intimat li jipprovdi kumpens. L-ammont tal-kumpens proviżorju, li jittieħed inkunsiderazzjoni fis-saldu finali tad-danni, jiġi ddeterminat b’mod ekwu mill-qorti. Dan japplika wkoll għall-każijiet fejn it-talba għad-danni tkun ibbażata wkoll fuq ħsara li tista’ tippreġudika b’mod serju is-sussistenza jew l-arranġamenti tal-għajxien tal-parti leża. Il-punti msemmijin aktar ’il fuq relatati mal-manteniment proviżorju japplikaw ukoll mutatis mutandis għall-ipproċessar ta’ din il-miżura (l-Artikoli 388 sa 390 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

e) Qbid: Il-qbid jippermetti lil kreditur li jkun ġustifikabbilment beżgħan li jitlef l-assi li jiggarantulu l-pretensjoni tiegħu biex jikseb il-qbid ġudizzjarju tal-assi. Ir-rikorrent għall-qbid jippreżenta l-fatti li jsostnu l-pretensjoni u jiġġustifikaw l-allegat riskju, filwaqt li jelenka l-assi li jridu jinqabdu flimkien mal-informazzjoni kollha neċessarja biex jiġi eżegwit il-qbid. Jekk jintalab qbid kontra x-xerrej tal-proprjetà tad-debitur, ir-rikorrent, jekk ix-xiri ma jkunx ippruvat li kien ikkontestat b’mod ġudizzjarju, xorta jrid jippreżenta l-fatti li jirrendu probabbli s-suċċess tal-kontestazzjoni (l-Artikoli 391 sa 396 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Wara li jiġu eżaminati l-provi, jiġi ordnat il-qbid mingħajr is-smigħ tal-parti l-oħra, sakemm ir-rekwiżiti legali jkunu meqjusa li ġew issodisfati (l-Artikolu 393(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Fil-każ ta’ qbid ta’ bastimenti jew il-merkanzija tagħhom, ir-rikorrent huwa responsabbli biex juri, filwaqt li jissodisfa r-rekwiżiti ġenerali, li l-qbid huwa permissibbli meta wieħed iqis in-natura tal-pretensjoni (l-Artikolu 394(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F’dan il-każ, il-qbid ma jseħħx jekk id-debitur jipprovdi garanzija aċċettabbli lill-kreditur immedjatament jew, fi żmien jumejn, l-imħallef iqis li jkun xieraq li t-tluq tal-bastiment jitwaqqaf sakemm tiġi pprovduta garanzija (l-Artikolu 394(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

f) Inibizzjoni ta’ xogħlijiet ġodda: Kull min iħoss li d-dritt tiegħu għal proprjetà jew koproprjetà jew kwalunkwe dritt ieħor in rem jew in personam ta’ użu jew ta’ proprjetà qiegħed jinkiser minħabba xogħlijiet ġodda jew servizz ġdid li jikkawżalu jew jista’ jikkawżalu telf, jista’ jitlob, fi żmien 30 jum minn dakinhar li jsir jaf bil-fatt, is-sospensjoni immedjata tax-xogħlijiet jew tas-servizz. Ir-rikorrent jista’ jimponi wkoll l-inibizzjoni direttament b’mod ekstraġudizzjarju billi jinnotifika lill-iżviluppatur, jew fin-nuqqas ta’ dan, lill-persuna inkarigata jew lis-sostitut tiegħu, quddiem żewġ xhieda, biex iwaqqaf ix-xogħlijiet. Din l-inibizzjoni ekstraġudizzjarja ma għandha l-ebda effett jekk ma tintalabx konferma mill-qorti fi żmien ħamest ijiem (l-Artikoli 397 sa 402 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

g) Iffriżar tal-assi: Meta jkun hemm biża’ raġonevoli ta’ telf, ħabi jew dissipazzjoni ta’ assi mobbli jew immobbli jew dokumenti, jista’ jintalab l-iffriżar tal-assi. Dan jiddependi fuq l-azzjoni sabiex jiġu speċifikati l-assi jew fuq il-prova tas-sjieda tad-drittijiet għall-assi ffriżati (l-Artikoli 403 sa 409 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Din il-miżura tista’ tintalab minn kull persuna li jkollha interess fil-konservazzjoni tal-assi jew tad-dokumenti, minkejja li l-kredituri jistgħu jitolbuha biss f’każijiet fejn din tkun neċessarja biex jiġi żgurat wirt. Ir-rikorrent jeħtieġlu jipprova fil-qosor id-dritt relatat mal-assi u l-fatti li l-biża’ mit-telf jew id-dissipazzjoni tagħhom hija msejsa fuqhom. Jekk id-dritt relatat mal-assi jiddependi fuq kawża pendenti jew kawża li tressqet, ir-rikorrent ikollu jikkonvinċi lill-qorti bil-probabbiltà tal-validità tar-rikors inkwistjoni. Ladarba jiġu pprovduti l-provi meħtieġa, l-imħallef jikkonċedi l-miżuri jekk jemmen li mingħajrhom l-interess tar-rikorrent ikunu f’riskju serju.

2.1 Il-proċedura

Ħlief għall-inibizzjoni fuq xogħlijiet ġodda, li tista’ tittieħed azzjoni ekstraġudizzjarja inizjali għalihom li tiġi segwita minn rikors għall-konferma mill-qorti (l-Artikolu 397(2) u (3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), il-miżuri kawtelatorji l-oħra kollha huma bbażati fuq rikors inizjali quddiem il-qorti fejn ir-rikorrent jipprovdi provi sommarji tad-dritt fil-periklu u jiġġustifika l-biża’ minn ħsara. F’dan ir-rikors, tintbagħat il-lista tax-xhieda u tintalab evidenza oħra, b’limitu ta’ ħames xhieda, f’konformità mal-Artikolu 365 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Jekk issir talba f’dan is-sens, fid-deċiżjoni li tordna l-miżura l-imħallef jista’ jwarrab ir-responsabbiltà tar-rikorrent li jippreżenta l-kawża prinċipali jekk il-provi prodotti fil-proċedimenti jkunu jsostnu l-konvinzjoni soda li d-dritt protett huwa reali u jekk in-natura tal-miżura ordnata tkun adatta sabiex issolvi t-tilwima (l-Artikolu 369(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Din l-eżenzjoni tista’ tintalab sa tmiem is-seduta finali. F’każijiet fejn ma ssirx seduta inter partes preċedenti, l-intimat jista’ joġġezzjona għat-tneħħija tar-responsabbiltà li titressaq kawża kontestwalment mal-kontestazzjoni tal-miżura ordnata (l-Artikolu 369(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ir-regoli dwar it-tneħħija tar-responsabbiltà japplikaw mutatis mutandis għar-restituzzjoni proviżorja tal-proprjetà, is-sospensjoni ta’ deċiżjonijiet korporattivi, il-manteniment proviżorju, l-inibizzjonijiet fuq xogħlijiet ġodda u miżuri ġodda oħra previsti f’leġiżlazzjoni separata li, fin-natura tagħha, tippermetti s-soluzzjoni finali tat-tilwima (l-Artikolu 376(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Fejn ma teżisti l-ebda dispożizzjoni fil-liġi sabiex tiġi ordnata miżura kawtelatorja mingħajr is-smigħ tal-intimat, l-intimat jinstema’ mill-qorti, sakemm is-smigħ ma jkunx jesponi l-għanjjiet jew l-effettività tal-miżura għal riskju serju (l-Artikolu 366(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Meta jinstema’ qabel ma tiġi ordnata l-miżura, l-intimat jitħarrek biex jippreżenta oġġezzjoni fi żmien għaxart ijiem. It-taħrika tiġi ssostitwita minn notifika meta l-intimat ikun diġà ġie mħarrek fil-kawża prinċipali (l-Artikolu 366(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Meta tiskadi l-iskadenza għall-preżentata ta’ oġġezzjoni u l-intimat ikun instema’, fejn ikun xieraq, jiġu prodotti l-provi meħtieġa jew iddeterminati mill-qorti (l-Artikolu 367(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Jekk l-intimat ma jkunx instema’ u l-miżura ma tkunx ordnata, l-intimat jiġi nnotifikat biss b’dik id-deċiżjoni wara li tkun ittieħdet (l-Artikolu 366(6) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Wara n-notifika huwa jkun intitolat jappella, f’termini ġenerali, kontra l-ordni jekk iqis li, fid-dawl tal-fatti, ma kellhiex tingħata. Huwa jista’ wkoll jippreżenta oġġezzjoni jekk ikun jixtieq jippreżenta fatti jew jipproduċi provi li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-qorti u li jistgħu jxejnu r-raġunijiet għall-miżura kawtelatorja jew inaqqsuhom (l-Artikolu 372(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-intimat jista’ jikkontesta, b’kull mezz imsemmi iktar ’il fuq, id-deċiżjoni biex tinqeleb ir-responsabbiltà għall-preżentata ta’ kawża (l-Artikolu 372(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk l-intimat jippreżenta oġġezzjoni, il-qorti trid tiddeċiedi jekk iżżommx, tnaqqasx jew tirtirax il-miżura ordnata. Din id-deċiżjoni u, meta jkun applikabbli, iż-żamma jew l-irtirar tat-tneħħija tar-responsabbiltà għall-preżentata ta’ kawża tista’ tiġi appellata u, meta jkun xieraq, iridu jiġu prodotti l-provi meħtieġa jew determinati mill-qorti ex officio (l-Artikolu 372(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni territorjali, l-Artikolu 78 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiddikjara li:

a) rikorsi għall-qbid u l-iffriżar ta’ assi jistgħu jsiru fil-qorti fejn iridu jinfetħu l-proċedimenti relatati, jew fil-post fejn jinsabu l-assi jew, jekk ikun hemm assi f’għadd ta’ distretti, f’wieħed minnhom (l-Artikolu 78(1)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

b) għal inibizzjoni fuq xogħlijiet ġodda, il-qorti tal-post fejn ikun se jsir ix-xogħol ikollha l-ġuriżdizzjoni (l-Artikolu 78(1)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

c) għall-miżuri kawtelatorji l-oħrajn, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni hija l-qorti fejn trid tinfetaħ il-kawża relatata (l-Artikolu 78(1)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Jekk ir-responsabbiltà għall-preżentata tal-kawża ma tinqalibx, il-proċedimenti jingħaqdu mal-atti malli titressaq il-kawża; jekk il-kawża tkun tressqet f’qorti oħra, tingħadda hemmhekk u dik il-qorti jkollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva fuq il-passi li jmiss (l-Artikolu 78(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Jekk jintalbu miżuri kawtelatorji waqt li tkun pendenti kawża, it-talba trid tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kawża korrispondenti, sakemm il-kawża ma tkunx fl-istadju tal-appell. F’dak il-każ, il-konsolidazzjoni ssir biss meta jispiċċaw il-proċedimenti jew meta l-atti tal-kawża prinċipali jiġu rritornati lill-qorti tal-prim’istanza (l-Artikolu 364(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ir-rappreżentanza minn avukat hija mandatorja meta l-valur tal-miżura jeċċedi EUR 5,000.00 jew meta huma ammissibbli l-appelli, skont l-Artikoli 58 u 1090 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili flimkien mal-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja.

Il-valur tal-miżuri kawtelatorji jiġi iddeterminat kif ġej:

a) għall-manteniment proviżorju u ħsarat proviżorji, abbażi tal-pagament mensili mitlub, immultiplikat bi tnax (l-Artikolu 304(3)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

b) għar-restituzzjoni proviżorja tal-proprjetà, abbażi tal-valur tal-oġġett li s-sid ġie mċaħħad minnu (l-Artikolu 304(3)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

c) għas-sospensjoni ta’ deċiżjonijiet korporattivi, abbażi tal-estent tat-telf (l-Artikolu 304(3)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

d) għall-inibizzjonijiet ta’ xogħlijiet ġodda u miżuri kawtelatorji mhux speċifikati, abbażi tat-telf li jrid jiġi evitat (l-Artikolu 304(3)(d) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

e) għall-qbid, abbażi tal-ammont tal-pretensjoni li trid tiġi ggarantita (l-Artikolu 304(3)(e) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

f) għall-iffriżar tal-assi, abbażi tal-valur tal-assi kkonċernati (l-Artikolu 304(3)(f) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Fil-valutazzjoni tal-kriterji biex tordna miżura kawtelatorja, il-qorti trid teżamina dejjem jekk il-biża’ invokata hijiex fondata sew u kemm ikun serju u diffiċli li tirrimedja l-ħsara potenzjali. Hija tivvaluta wkoll jekk il-miżura kawtelatorja jew antiċipatorja tkunx xierqa fil-każ speċifiku kkonċernat, bil-ħsieb li jkun issalvagwardjat id-dritt li allegatament ikun fil-periklu. Trid tistabbilixxi li hemm riskju marbut ma’ kwalunkwe dewmien.

Hija teżamina wkoll jekk il-proċedimenti jkunux effettivament jew potenzjalment dipendenti fuq kawża miftuħa jew li se tinfetaħ abbażi tad-dritt protett mill-miżura.

F’dan it-tip ta’ proċediment, hija l-qorti li trid tikseb provi sommarji (jiġifieri inqas rigorużi milli fil-proċedimenti prinċipali) li hemm probabbiltà reali li d-dritt li jrid ikun salvagwardat jeżisti u li l-biża’ li jinkiser huwa suffiċjentement iġġustifikat.

Il-miżuri kawtelatorji kollha jitqiesu bħala urġenti, u jieħdu prijorità fuq kwalunkwe att ġudizzjarju ieħor li ma jkunx urġenti (l-Artikolu 363(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), u jridu jkunu deċiżi fl-prim’istanza fi żmien ta’ mhux aktar minn xahrejn jew, jekk l-intimat ma jkollux għalfejn jiġi mħarrek, fi żmien 15-il jum (l-Artikolu 363(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Drittijiet u proprjetà mobbli u immobbli li ma humiex totalment jew parzjalment esklużi mil-liġi jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri kawtelatorji.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Peress li huma ordnati mill-qrati, il-miżuri kawtelatorji huma vinkolanti fuq l-entitajiet pubbliċi u privati kollha u jieħdu preċedenza fuq miżuri adottati minn kwalunkwe awtorità oħra (l-Artikolu 205(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża). Kull persuna li tikser il-miżura kawtelatorja ordnata tesponi ruħha għall-penali għal diżubbidjenza kkwalifikata, minkejja kull miżura ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 375 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Minkejja li r-rikorrent jiġi eżentat mir-responsabbiltà li jippreżenta l-kawża prinċipali, l-Artikolu 373 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi li l-proċedimenti kawtelatorji jiġu fi tmiemhom u kull miżura ordnata tiskadi:

a) jekk ir-rikorrent ma jippreżentax il-kawża li l-miżura tiddependi fuqha fi żmien 30 jum minn dakinhar li jkun ġie nnotifikat li d-deċiżjoni li tordna l-miżura saret finali (l-Artikolu 373(1)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

b) jekk, wara li tiġi ppreżentata l-kawża, il-proċedimenti twaqqfu għal aktar minn 30 jum minħabba n-negliġenza tar-rikorrent (l-Artikolu 373(1)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

c) jekk il-kawża tiġi miċħuda minn deċiżjoni finali (l-Artikolu 373(1)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

d) jekk il-kawża tiġi miċħuda fuq bażi proċedurali u r-rikorrent ma jippreżentax kawża ġdida fil-ħin sabiex jibbenefika mill-effetti tal-kawża preċedenti (l-Artikolu 373(1)(d) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);

e) jekk id-dritt li r-rikorrent ifittex li jissalvagwardja skada (l-Artikolu 373(1)(e) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Minkejja r-regoli tad-distribuzzjoni tal-oneru tal-prova, malli d-deċiżjoni li tordna l-miżura kawtelatorja u li tħassar ir-responsabbiltà tal-preżentata tal-kawża ssir finali, l-intimat jiġi nnotifikat li kwalunkwe kawża biex jikkontesta l-eżistenza tad-dritt protett trid tinfetaħ fi żmien 30 jum min-notifika, inkella l-miżura titqies bħala li ssolvi t-tilwima (l-Artikolu 371(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-istess dispożizzjoni tapplika meta, wara li tinfetaħ il-kawża, il-proċedimenti jieqfu għal aktar minn 30 jum minħabba n-negliġenza tar-rikorrent jew jekk il-kawża tiġi miċħuda fuq bażi proċedurali u r-rikorrent ma jippreżentax kawża ġdida fil-ħin sabiex jibbenefika mill-effetti tal-kawża preċedenti (l-Artikolu 371(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Malli tingħata deċiżjoni finali fil-kawża, il-miżuri kawtelatorji jiskadu (l-Artikolu 371(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

L-appelli ordinarji huma ammissibbli meta l-valur tal-miżuri jeċċedi l-limitu tal-qorti li d-deċiżjoni tkun qed tiġi appellata quddiemha u d-deċiżjoni kkontestata tkun żvantaġġuża għall-parti li tkun qed tappella b’aktar minn nofs dan l-ammont (l-Artikolu 629(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jistgħu dejjem jiġi ppreżentati appelli wkoll kontra deċiżjonijiet marbuta mal-valur tal-miżuri kawtelatorji fuq il-bażi li l-valur jeċċedi l-limitu tal-qorti li ħadet id-deċiżjoni kkontestata (l-Artikolu 629(3)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) u kontra ċaħdiet preliminari ta’ rikorsi inizjali għal miżuri kawtelatorji (l-Artikolu 629(3)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Id-deċiżjonijiet li jordnaw it-tneħħija tar-responsabbiltà għall-preżentata tal-kawża jistgħu jiġu appellati biss flimkien ma’ appelli kontra deċiżjonijiet dwar il-miżura mitluba; id-deċiżjonijiet biex tiġi miċħuda t-tneħħija huma finali u ma jistgħux jiġu appellati (l-Artikolu 370(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ma jistgħux isiru appelli quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Supremo Tribunal de Justiça) kontra deċiżjonijiet li jordnaw miżuri kawtelatorji, inklużi dawk li jordnaw it-tneħħija tar-responsabbiltà għall-preżentata tal-kawża, mingħajr preġudizzju għall-kawżi fejn appell ikun ammissibbli dejjem (l-Artikolu 370(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Deċiżjoni kawtelatorja tista’ tiġi kkontestata minn:

  • kwalunkwe parti fil-proċedimenti li titlef il-kawża (l-Artikolu 631(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • kull persuna li ma hijiex parti fil-proċedimenti iżda li ġġarrab ħsara diretta u reali minnhom (l-Artikolu 631(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni li tisma’ l-appell hija qorti tas-sekonda istanza fl-istess distrett ġudizzjarju fejn tinsab il-qorti li tat id-deċiżjoni kkontestata.

Il-limitu taż-żmien għall-preżentata ta’ appell huwa ta’ 15-il jum min-notifika tad-deċiżjoni (l-Artikolu 638(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk l-appell ikun jikkonċerna wkoll ir-rieżami ta’ evidenza rreġistrata, il-limitu taż-żmien jiżdied b’għaxart ijiem (l-Artikolu 638(7) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Appell ippreżentat kontra ordni li tiċħad b’mod totali jew li ma tordnax il-miżura għandu effett sospensiv (l-Artikolu 647(3)(d) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F’każijiet oħra din ikollha effett purament devoluttiv.

Leġiżlazzjoni applikabbli

Il-Liġi Nru 41/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 - Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

Il-Liġi Nru 62/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013 – Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja

Links relatati

Tista’ tikseb aktar informazzjoni mis-siti li ġejjin:

Il-Portal tal-Ġustizzja

Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja

Il-Portal CITIUS

Il-Bażi tad-data tad-Dokumenti Ġuridiċi

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Portugall

Nota:

Il-Punt ta’ Kuntatt NĠE-Ċivili, il-qrati jew l-entitajiet u l-awtoritajiet l-oħrajn ma humiex marbutin bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva. Għalkemm tiġi aġġornata fuq bażi regolari, din l-iskeda informattiva ma tiħux post il-ħtieġa li tinqara l-leġiżlazzjoni rispettiva fis-seħħ u tista’ tkun soġġetta għal bidliet fl-interpretazzjoni mill-ġurisprudenza.
L-aħħar aġġornament: 11/07/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.