Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

It-tip ta’ miżura jiddependi min-natura tat-talba li trid tiġi żgurata. Skont l-Artikolu 747 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (‘kodeks postępowania cywilnego’), it-talbiet monetarji jiġu żgurati permezz ta’:

  • il-qbid tal-assi mobbli, il-pagi u s-salarji, kontijiet bankarji jew talbiet oħra, jew drittijiet ta’ propjetà oħra;
  • l-impożizzjoni ta’ piż fuq il-proprjetà immobbli tal-parti obbligata b’ipoteka obbligatorja;
  • projbizzjoni fuq it-trasferiment jew l-impożizzjoni ta’ piż fuq il-propjetà immobbli li għaliha ma hemmx reġistru tal-artijiet jew għall-ipoteki jew fejn dawn ir-reġistri ġew meqruda;
  • l-impożizzjoni ta’ piż fuq bastiment jew bastiment li għadu qed jinbena b’ipoteka marittima;
  • l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni fuq it-trasferiment tad-dritt ta’ sjieda f’kooperattiva fuq il-bini;
  • l-impożizzjoni ta’ riċevitura fuq l-impriża jew l-azjenda agrikola tal-obbligant jew fuq stabbiliment li jifforma parti minn impriża jew parti minnha, jew parti mill-azjenda agrikola tal-obbligant.

Jekk l-inġunzjoni tintalab għal talbiet għajr dawk monetarji, il-qorti tawtorizza l-inġunzjoni li jidhrilha xierqa fiċ-ċirkonstanzi, mingħajr ma jiġu esklużi miżuri maħsuba biex jiggarantixxu talbiet monetarji (l-Artikolu 755 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). B’mod partikolari, il-qorti tista’:

  • tistandardizza d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet jew tal-parteċipanti fil-proċedimenti matul il-proċedimenti;
  • tipprojbixxi t-trasferiment ta’ oġġetti jew drittijiet involuti fil-proċedimenti;
  • tissospendi l-eżekuzzjoni jew proċedimenti oħra li għandhom l-għan li jeżegwixxu deċiżjoni;
  • tiddeċiedi dwar il-kustodja ta’ minuri u kuntatti ma’ wild;
  • tordna illi tiddaħħal l-entrata adatta fir-reġistru tal-artijiet u tal-ipoteki jew reġistru rilevanti ieħor.

L-interessi tal-partijiet jew tal-parteċipanti fil-proċedimenti għandhom jiġu kkunsidrati meta ssir l-għażla tal-forma tal-garanzija, sabiex ikun hemm protezzjoni legali adegwata għal dik il-parti li għandha dritt għall-garanziija u biex l-obbligant ma jkollux piż żejjed fuqu.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Il-proċedimenti għal inġunzjoni jsiru:

  • fuq talba tal-parti jew parteċipant fil-proċedimenti quddiem il-qorti kompetenti biex tisma’ l-kawża fil-prim’istanza. Jekk il-qorti ma tistax tiġi identifikata, il-qorti kompetenti tkun il-qorti tal-post fejn se tiġi eżegwita d-deċiżjoni dwar il-garanzija jew, fin-nuqqas ta’ din il-bażi jew jekk id-deċiżjoni dwar il-garanzija trid tiġi implimentata fil-ġuriżdizzjoni ta’ qrati differenti, il-qorti distrettwali tal-belt kapitali ta’ Varsavja (‘sąd rejonowy dla m.st. Warszawy’). Ir-rikors għal garanzija mressaq matul il-proċedimenti jitqies mill-qorti tal-istanza fejn tinsab pendenti l-kawża, ħlief jekk din il-qorti hija l-Qorti Suprema (‘Sąd Najwyższy’). F’dawn il-każijiet, il-qorti tal-prim’istanza tiddeċiedi jekk għandix tingħata garanzija jew le (l-Artikolu 734 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)
  • ex officio fil-każ ta’ proċedimenti li jistgħu jibdew ex officio (l-Artikolu 732 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Ir-rikors għal garanzija jsir bil-miktub. Huwa għandu jissodisfa r-rekwiżiti għat-talbiet u jispeċifika l-forma li biha għandha tingħata l-garanzija u, f’każ ta’ talba monetarja, l-ammont tal-garanzija (li ma jistax jaqbeż l-ammont tat-talba, kalkolata flimkien mal-interessi mid-data li fiha tingħata d-deċiżjoni dwar il-garanzija, kif ukoll l-ispejjeż għall-garanzija u l-ispejjeż previsti tal-proċedimenti) kif ukoll iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw ir-rikors. Jekk ir-rikors għal inġunzjoni jiġi ppreżentat qabel jibdew il-proċedimenti, jenħtieġ li tingħata taqsira tas-suġġett tal-kawża (l-Artikolu 736 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Il-garanzija tista’ tingħata qabel jibdew jew matul il-proċedimenti. Wara li l-obbligant ikun kiseb titolu eżekuttiv, il-garanzija tista’ tingħata biss jekk hija maħsuba biex tiżgura talba li għaliha għadu ma skadiex iż-żmien għall-eżekuzzjoni (l-Artikolu 730(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Meta l-inġunzjoni tingħata qabel ma jibdew il-proċedimenti, il-qorti tistabbilixxi skadenza li qabel tiskadi jrid jiġi ppreżentat ir-rikors promotur, li fin-nuqqas titħassar l-inġunzjoni. Din l-iskadenza ma tridx tkun itwal minn żewġ ġimgħat (l-Artikolu 733 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Ir-rikors għall-garanzija jrid jitqies mingħajr dewmien, fi żmien ġimgħa mid-data li fiha tressaq il-qorti, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor minn dispożizzjonijiet speċjali. Jekk ikun hemm liġi li tipprovdi illi r-rikorsi għandhom jiġu eżaminati matul is-seduta ta’ smigħ, dik is-seduta għandha ssir fi żmien xahar mid-data ta’ tressiq tar-rikors (l-Artikolu 737 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Il-garanzija tingħata abbażi ta’ sentenza tal-qorti.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Il-garanzija tista’ tiġi mitluba fil-kawżi ċivili kollha eżaminati minn qorti jew tribunal ta’ arbitraġġ (l-Artikolu 730 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Il-kundizzjonijiet għall-garanzija huma kif ġej: it-talba u l-interess legali għall-garanzija jridu jiġu ppruvati. Ikun hemm interess legali fil-garanzija jekk l-eżekuzzjoni tas-sentenza tkun impossibbli jew diffiċli ħafna jew jekk l-għanijiet tal-kawża diffiċilment jew impossibbli li jinkisbu jekk ma tingħatax garanzija (l-Artikolu 7301 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

L-għan tal-garanzija ma jistax ikun li jiżgura talba, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor (l-Artikolu 731 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

L-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ garanzija tista’ tkun soġġetta għall-għoti ta’ depożitu mill-parti li qed titlobha biex tiżgura t-talbiet tal-obbligat ġejjin mill-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar il-garanzija, ħlief meta’ l-parti li għandha dritt titlob il-garanzija hija t-Teżor u fejn il-garanzija qed tintalab minħabba manteniment, pensjoni ta’ diżabilità jew ammonti ta’ flus dovuti lil impjegat fi kwistjonijiet marbuta mal-liġi tax-xogħol li ma jaqbżux is-salarju sħiħ fix-xahar tal-impjegat (l-Artikolu 739 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Garanzija tista’ tingħata għal:

  • assi mobbli,
  • pagi u salarji,
  • talbiet fuq kont bankarju jew oħrajn, jew dritt ta' proprjetà ieħor.
  • proprjetà immobbli,
  • bastimenti jew bastimenti li għadhom qed jinbnew,
  • id-dritt ta’ sjieda f’kooperattiva fuq bini,
  • impriża jew azjenda agrikola, stabbiliment li jifforma parti minn impriża jew parti minnha, jew parti minn azjenda agrikola

Il-garanzija ma tistax tkopri oġġetti, dejn jew drittjiet esklużi mill-eżekuzzjoni. L-oġġetti li jitħassru jistgħu jservu ta’ garanzija jekk il-parti obbligata ma jkollhiex aktar propjetà li biha tista’ tiżgura t-talbiet tal-parti li għandha pretensjoni u l-oġġetti jistgħu jinbiegħu minnufih.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

L-għan prinċipali tal-proċedimenti għal garanzija huma li jiżguraw illi l-parti li għandha pretensjoni (normalment il-kreditur) tiġi protetta kontra l-effetti potenzjalment ta’ ħsara minħabba d-dewmien fil-kawżi pendenti quddiem il-qorti u biex itejbu s-sitwazzjoni tal-parti li għandha l-pretensjoni fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jekk is-suġġett tal-proċedimenti tal-qorti u l-garanzija huwa talba li tista’ tiġi eżegwita. B’mod limitat, il-garanzija tista’ tippermetti lil dik il-parti li għandha pretensjoni biex tirċievi benefiċċji fi flus kontanti.

Garanzija tista’ tkun ukoll rispons għal miżura meħuda mill-parti li trid tissodisfa dik il-pretensjoni b’dannu għall-parti li għandha pretensjoni.

L-effetti ta’ inġunzjoni fuq il-parti li trid tissodisfa l-pretensjoni jvarjaw skont il-forma li jieħdu:

  • jekk jinqabdu assi mobbli, il-ġestjoni tal-assi mobbli wara l-qbid ma jkollix effett fuq kif jitmexxew il-proċedimenti aktar il-quddiem, u l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għall-assi mobbli maqbuda jistgħu jsiru wkoll kontra x-xerrej;
  • jekk jinqabad kont bankarju ta’ impriża jew ta’ sid ta’ azjenda agrikola bħala garanzija, il-parti li għandha l-pretensjoni tista’ tiġbor biss dawk l-ammonti speċifikati mill-qorti għal ħlas tal-pagi u salarji attwali, kif ukoll it-taxxa u ammonti statutorji oħra, kif ukoll l-ispejjeż ġenerali;
  • jista’ jsir użu limitat mid-dejn u d-drittijiet ta' proprjetà oħra maqbuda (kif għandhom jintużaw jiġi deċiż mill-qorti);
  • bailiff ibigħ l-oġġetti maqbuda kollha flimkien mad-drittijiet għall-istrumenti finanzjarji reġistrati f’arkivju tat-titoli jew fuq kont ieħor skont it-tifsira tar-regoli dwar l-ispekulazzjoni ta’ strumenti finanzjarji, u l-ammont miksub jiġi depożitat fil-kont tal-qorti;
  • ikun hemm projbizzjoni fuq it-trasferiment jew piżijiet fuq proprjetà immobbli u fuq id-dritt ta’ sjieda f’kooperattiva ta’ bini;
  • jiġi rreġistrat piż permezz ta’ ipoteka marittima fuq bastiment jew fuq bastiment li għadu qed jinbena;
  • l-obbligant jiġi mċaħħad mid-drittijiet ta’ ġestjoni u ssir riċevitura, u d-dħul mir-riċevitura jservi ta’ garanzija;
  • fi kwistjonijiet ta’ manteniment, l-obbligant irid iħallas somma speċifika lill-parti li għandha dritt tirċevih fuq bażi ta’ darba jew perjodikament.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Il-parti li għandha l-pretensjoni tista’ titlob f’kull ħin illi titħassar jew tiġi emendata deċiżjoni legalment vinkolanti dwar il-garanzija jekk ir-raġuni għala ngħatat il-garanzija tinbidel jew ma tibqax teżisti (l-Artikoli 742,7541(3) u 757 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Il-garanzija titneħħa jekk:

  • l-obbligant jiddepożita l-qorti l-ammont ta’ garanzija mitlub mill-parti opposta fir-rikors għall-garanzija fil-kont ta’ depożitu tal-Ministru tal-Finanzi
  • it-talba jew ir-rikors jintbagħtu lura jew jiġu miċħuda wara s-sentenza finali;
  • it-talba jew ir-rikors jiġu miċħuda jew jitwaqqfu l-proċedimenti,
  • il-parti li għandha l-pretensjoni ma titlobx għall-ammont kollu matul il-proċedimenti jew tressaq talbiet oħra li ma jkunux dawk li għalihom intalbet il-garanzija qabel bdew il-proċedimenti,
  • is-sentenza li tawtorizza l-garanzija ssir finali (il-garanzija titħassar fi żmien xahar minn meta s-sentenza ssir finali),
  • il-parti li għandha l-pretensjoni ma tressaqx talba għal miżuri provviżorji addizzjonali fi żmien ġimagħtejn mis-sentenza li biha t-talba tkun saret finali f'każijiet fejn ingħatat garanzija permezz ta’ mandat ta’ qbid fuq assi mobbli, pagi u salarji, talbiet fuq kontijiet bankarji jew talbiet oħra, drittijiet ta' proprjetà oħra jew permezz ta’ riċevitura fuq impriża jew azjenda agrikola tal-obbligant jew stabbiliment li jifforma parti minn intrapriża jew parti minnha, jew parti minn azjenda agrikola tal-obbligant.

Il-garanzija tiġi mħassra wkoll (l-Artikolu 754 1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili):

  • xahrejn wara li ssir finali s-sentenza li tikkonferma t-talba garantita jew wara li ssir finali deċiżjoni dwar iċ-ċaħda ta’ appell jew rimedju ġudizzjarju ieħor imressaq mill-parti li trid tissodisfa t-talba kontra sentenza li tawtorizza talba garantita;
  • jekk il-parti li trid tissodisfa t-talba ma titlobx għal aktar miżuri ta’ eżekuzzjoni fi żmien xahar wara s-sentenza li tawtorizza talba garantita ssir finali jew wara li ssir finali deċiżjoni li tiċħad l-appell jew rimedju ġudizzjarju ieħor imressaq mill-parti li trid tissodisfa t-talba kontra sentenza li tawtorizza t-talba garantita f’każ ta’ inġunzjoni li tinvolvi inter alia il-qbid ta’ assi mobbli.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Kemm il-parti li għandha pretensjoni u l-obbligant jistgħu iressqu ilment kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-prim’istanza rigward il-garanzija (l-Artikolu 741 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

L-aħħar aġġornament: 24/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.