Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

L-Irlanda ta’ fuq
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Inġunzjoni Projbittiva jew Negattiva (Prohibitory or Negative Injunction) - Digriet biex ma tagħmilx jew tieqaf tagħmel xi ħaġa. Dan huwa l-aktar tip ta’ digriet komuni.

Inġunzjoni Obbligatorja jew Pożittiva (Mandatory or Positive Injunction) – Digriet biex isir att jew biex titneħħa l-ħsara ta’ att preċedenti.

Inġunzjoni Quia Timet (Quia Timet Injunction) - Digriet biex tagħmel jew ma tagħmilx att sabiex timpedixxi dannu li jkun għadu ma seħħx.

Inġunzjoni Mareva (Mareva Injunction) - Digriet li jimpedixxi lill-intimat milli jneħħi jew jeħles mill-assi tiegħu biex sentenza dwar id-danni ma tkunx eżegwibbli. Id-digriet jista’ jipprovdi għall-ispejjeż tal-għajxien, tan-negozju jew legali tal-intimat.

Impenn minflok Inġunzjoni (undertaking in lieu of Injunction) - Dan ħafna drabi jiġi offrut mill-intimat f’rikors għal inġunzjoni u, jekk jiġi aċċettat mir-rikorrent, għandu jiġi rreġistrat bil-miktub jew mill-qorti.

Digriet għall-ispezzjoni u l-preżervazzjoni tal-proprjetà (Order for inspection and preservation of property) - dan għandu żewġ għanijiet:

  • li tiġi ppreżervata l-proprjetà li tkun is-suġġett tal-azzjoni sabiex il-parti rebbieħa tkun tista’ tirkupra l-proprjetà jew il-valur tagħha intatt u
  • li l-proprjetà tkun disponibbli għal spezzjoni sabiex tinġabar evidenza fl-azzjoni. Il-Qorti tista’ wkoll tagħti digriet li jippermetti d-dħul fl-artijiet ta’ parti għall-finijiet tat-twettiq tad-digriet.

Digriet Anton Pillar (Anton Pillar Order) - Dan jawtorizza lir-rikorrent, lill-avukat tiegħu jew lil aġent responsabbli ieħor jissekwestraw elementi mingħajr twissija minn qabel lill-intimat bl-iskop ta’ preżervazzjoni jew ta' evidenza.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Jista’ jsir rikors għal provvediment provviżorju (interim relief) fi kwalunkwe ħin wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti u qabel ma jkunu nqatgħu. F’każijiet urġenti jista’ jingħata provvediment provviżorju qabel ma jinbdew il-proċedimenti bil-kundizzjoni li l-proċedimenti jinfetħu immedjatament.

Il-proċedura għal rikors għal provvediment provviżorju hija stabbilita fir-regoli tal-qorti. Ir-regoli ġenerali tal-qorti li japplikaw għall-Qorti Superjuri (High Court) huma r-Regoli tal-Qorti tal-Ġudikatura tal-Irlanda ta’ Fuq tal-1980 (Rules of the Court of Judicature (NI) 1980) u dawk li japplikaw għall-Qorti tal-Kontea (County Court) huma r-Regoli tal-Qorti tal-Kontea tal-Irlanda ta’ Fuq tal-1981 (County Court Rules (NI) 1981).

Normalment rikors isir permezz ta' "Avviż ta' Mozzjoni" (Notice of Motion) jew "Taħrika" (Summon) lid-diviżjoni tal-Qorti Superjuri jew lill-Qorti tal-Kontea fejn tkun pendenti l-azzjoni prinċipali.

L-avviż jew it-taħrika għandhom jiddikjaraw ir-rimedju mitlub u r-regoli tal-qorti li jitressaq ir-rikors taħtha, għandhom ikunu appoġġati minn affidavit (ta’ spiss ġuramentat mill-avukat tar-rikorrent) u għandu jiġi pprovdut abbozz ta’ digriet.

L-avviż jew it-taħrika flimkien mal-affidavit u kull dokument rilevanti ieħor għandhom jiġu nnotifikati lill-intimat mill-inqas jumejn sħaħ qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors għas-smigħ, għalkemm f’każijiet urġenti l-qorti tista’ tagħti permess biex il-ħin għan-notifika jiġi mqassar.

Fil-Qorti Superjuri, ir-rikors normalment jinstema’ minn “master” (tip ta' uffiċjal ġudizzjarju) għalkemm f'xi tipi ta' proċedimenti (speċifikati fir-Regoli tal-Qorti tal-Ġudikatura (l-Irlanda ta' Fuq) 1980) rikorsi provviżorji jridu jinstemgħu minn imħallef.

Il-Qorti tal-Kontea għandha setgħat provviżorji sħaħ fir-rigward ta' każijiet li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tagħha. Rikorsi fil-Qorti tal-Kontea għal inġunzjoni interlokutorja jridu jiġu mismugħa minn imħallef tal-qorti tal-kontea.

Rikors jista’ jsir “ex parte” mingħajr in-notifika ta’
avviż jew taħrika lill-persuna li jintalab kontriha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • Jekk il-każ ikun wieħed ta’ urġenza estrema
  • Jekk avviż minn qabel iwassal lill-intimat sabiex ifixkel l-iskop tal-digriet
  • Permezz ta’ konvenzjoni, pereżempju, rikorsi qabel il-bidu tal-proċedimenti ġeneralment isiru ex parte
  • Jekk ir-regoli tal-istatut jew tal-qorti jawtorizzawh jew jiddireġuh.

Rikors ex parte jsir f’forma speċjali msejħa “nota ex parte” (ex parte docket) u r-rikorrent ikollu d-dmir jagħmel divulgazzjoni sħiħa u ġusta tal-fatti rilevanti kollha. Rikorsi għal digrieti ex parte (ħlief għal rikorsi għal inġunzjonijiet ex parte) normalment jiġu deċiżi mill-imħallef jew mill-master mingħajr seduta. L-ispejjeż ta’ rikors ex parte jiġu normalment riżervati għas-seduta.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Ir-rimedju b’inġunzjoni (injunctive relief) huwa diskrezzjonali. Qorti tista’ toħroġ inġunzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fejn jidher li jkun ġust u konvenjenti li jsir dan. Il-qorti teżerċita d-diskrezzjoni tagħha li tagħti rimedju b’inġunzjoni skont il-linji gwida stabbiliti fil-kawża American Cyanammid v Ethicon [1975] AC 396. L-ewwel, ir-rikorrent għandu juri li hemm kwistjoni serja li trid tiġi ppruvata fil-proċedimenti. L-imħallef imbagħad jikkunsidra jekk id-drittijiet tar-rikorrent jistgħux jiġu kkumpensati fil-każ ta’ danni. L-imħallef jista’ jikkunsidra l-bilanċ ta’ konvenjenza bejn il-partijiet u, jekk dan ikun ugwali, ikun aħjar li l-istatus quo jinżamm jew jerġa’ jiġi restawrat għall-istat li kien qabel ma twettaq id-dannu allegat. Għandha tintwera ħtieġa aktar b’saħħitha jekk ir-rikors ikun għal inġunzjoni mandatorja u inġunzjoni ma tingħatax ħlief jekk ir-rikorrent jimpenja ruħu li jħallas id-danni lill-intimat fil-każ li l-azzjoni tiegħu ma tirnexxix jew jiġi pprovat li l-inġunzjoni ma tkunx meħtieġa.

F’rikors għal inġunzjoni Mareva (Mareva injunction) ir-rikorrent jenħtieġ li juri:

  • każ tajjeb li jista’ jiġi argumentat għal kawża eżistenti ta’ azzjoni li titlob xi rimedju monetarju
  • evidenza li l-intimat għandu assi li jista’ jneħħi jew jaħbi
  • evidenza ta’ riskju li l-intimat jeħles mill-assi qabel ma tkun tista’ tiġi eżegwita s-sentenza.

Talba sabiex tiġi spezzjonata l-proprjetà tista’ ssir fir-rigward ta’ proprjetà li hija s-suġġett tal-proċedimenti jew li dwarha tista’ tinqala’ kwistjoni. Id-dritt għall-ispezzjoni mhuwiex dipendenti fuq is-saħħa tal-każ tar-rikorrent.

F’rikors għal digriet Anton Pillar (Anton Pillar order), ir-rikorrent għandu juri li hemm possibbiltà reali li l-intimat jeqred dokumenti jew affarijiet li jippreġudikaw id-difiża tiegħu jew jippubblika materjal li fih ir-rikorrent għandu dritt ta’ kunfidenzjalità.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Rikors għal inġunzjoni jrid ikun inċidentali u jrid jiddependi fuq dritt legali eżegwibbli jew kawża ta’ azzjoni. Madankollu, l-inġunzjoni mhijiex għall-fini tal-eżekuzzjoni tad-drittijiet tar-rikorrent, iżda pjuttost hija għandha l-għan li jinżamm jew jerġa’ jiġi stabbilit l-istatus quo sakemm tinqata' l-kawża.

Inġunzjoni Mareva tista’ tingħata fir-rigward ta’ assi preżenti jew futuri fl-Irlanda ta’ Fuq (kemm jekk ikunu s-suġġett tal-azzjoni jew konnessi mal-azzjoni jew le) kemm jekk l-intimat ikun domiċiljat jew preżenti fl-Irlanda ta’ Fuq u kemm jekk le.

Digriet għall-ispezzjoni jew il-preżervazzjoni ta’ proprjetà jista’ jinkiseb biss fir-rigward ta’ proprjetà fiżika. Din mhijiex il-proċedura xierqa għall-ispezzjoni tal-kontenut ta’ dokument disponibbli skont ir-regoli relatati mal-iskoperta ta’ dokumenti.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Id-digriet jista’ jiġi eżegwit permezz ta’ proċeduri preliminari (committal proceedings). Id-digriet għandu jkun ġie nnotifikat lill-intimat qabel ma jkun jista' jiġi infurzat permezz ta’ proċedura preliminari (committal). Impenn (undertaking) huwa eżegwibbli bħal inġunzjoni (injunction).

Terzi persuni bħalma huma l-mara tal-intimat, l-avukat jew il-bank li jkunu nnotifikati b’inġunzjoni Mareva huma responsabbli biex jippreżervaw l-assi tal-intimat li jkunu fil-pussess tagħhom. Madankollu, inġunzjoni Mareva għandha effett biss kontra l-intimat u ma tagħti l-ebda prijorità lir-rikorrent fuq il-kredituri.

Digriet għall-ispezzjoni u l-preżervazzjoni tal-proprjetà jista’ jsir biss kontra parti fil-proċedimenti sabiex l-effett tiegħu jkun suġġett għall-kunsens ta’ persuna li jkollha l-proprjetà fil-pussess tagħha.

Digriet Anton Pillar mhuwiex mandat ta' tiftix u għalhekk ma jistax jiġi eżegwit bil-forza iżda jekk id-digriet ikun miktub biex jordna lill-intimat li jippermetti li jsir it-tiftix, ir-rifjut tal-intimat li jippermetti spezzjoni jitqies bħala disprezz u jista' jwassal lill-Qorti għall-konklużjoni li għandu xi ħaġa x’jaħbi.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Id-digriet tista’ jkun:

  • Interlokutorju – biex jibqa' għaddej sal-proċess
  • Proviżorju – biex idum għal perjodu limitat

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Kull parti tista’ tappella digriet jew deċiżjoni ta’ master quddiem imħallef. Appell għandu jsir fi żmien ħamest ijiem u għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet l-oħra mill-inqas jumejn qabel ma jiġi ppreżentat l-appell għas-seduta. Il-limitu ta’ ħamest ijiem jista’ jiġi estiż skont id-diskrezzjoni tal-qorti, madankollu l-qorti trid tiġi konvinta li hemm raġuni tajba biex tagħmel dan. Madankollu, parti ma tistax tappella kontra impenn (undertaking). Ir-rifjut ta’ rikors ex parte jista’ jiġi appellat mir-rikorrent. Madankollu, l-intimat jagħmel rikors għall-annullament tad-digriet pjuttost milli biex jiġi appellat.

L-appell huwa smigħ mill-ġdid komplut għalkemm l-appellant jippreżenta l-każ tiegħu l-ewwel. Filwaqt li jistgħu jinġiebu provi ġodda, l-imħallef ma jkunx ħerqan li jaċċetta evidenza ġdida sakemm ma jkunx hemm raġuni tajba biex dan isir.

L-appell ta' digriet interlokutorju tal-Qorti tal-Kontea jista' jsir minn imħallef tal-Qorti Superjuri permezz ta' smigħ mill-ġdid jew permezz ta' kawża indikata lill-Qorti tal-Appell.

Ħoloq relatati

Is-Servizz tal-qrati u t-tribunali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service)

L-aħħar aġġornament: 29/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.