Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Latvja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Skont il-leġiżlazzjoni Latvjana l-miżuri provviżorji u kawtelatorji disponibbli waqt li l-kawża tkun għadha pendenti għandhom l-għan li jiggarantixxu talba attwali jew potenzjali, jew jiggarantixxu l-ħarsien ta' dirttijiet ta' proprjetà intellettwali kontestati, jew biex jinkisbu l-provi. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu ordnati biss minn qorti u b'talba ta' parti interessata. Il-proċedura hija stabbilita fl-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums).

Il-miżuri li ġejjin, li jiggarantixxu t-talba, huma disponibbli malli ssir it-talba jew qabel:

  • qbid ta' proprjetà mobbli jew fondi tal-konvenut;
  • ir-reġistrazzjoni ta' caution li tindika projbizzjoni (aizlieguma atzīme) f'reġistru ta' proprjetà mobbli jew xi reġistru pubbliku ieħor;
  • ir-reġistrazzjoni ta' caution fir-rigward tal-garanzija ta' talba fir-reġistru tal-artijiet jew tal-bastimenti;
  • il-qbid ta' bastiment b'rabta ma' talba navali;
  • projbizzjoni li żżomm lill-konvenut milli jwettaq ċerti atti;
  • is-sekwestru ta' pagamenti dovuti minn terzi, inklużi l-fondi miżmuma minn istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra;
  • il-posponiment tal-eżekuzzjoni (li tinkludi l-projbizzjoni tal-bailiffs milli jittrasferixxu flus jew proprjetà lill-parti li favuriha tkun inqatgħet is-sentenza jew lid-debitur, jew is-sospensjoni tal-bejgħ tal-proprjetà).

It-talba tista' tiġi żgurata biss jekk tikkonċerna l-proprjetà.

Jekk it-talba trid tiġi garantita permezz ta' caution biex tindika li hemm projbizzjoni fir-reġistru tal-propjetà mobbli jew reġistru pubbliku ieħor, id-deċiżjoni trid tindika t-tip ta' projbizzjoni li se tiddaħħal.

Jekk is-suġġett tat-talba huwa s-sjieda ta' proprjetà, mobbli jew immobbli, jew jekk il-kawża għandha l-għan li tistabbilixxi d-drittijiet ta' sjieda, it-talba tista' tiġi garantita b'ipoteka fuq il-proprjetà mobbli kontestata, jew b'caution biex tindika projbizzjoni fit-taqsima rilevanti tal-proprjetà immobbli tar-reġistru tal-artijiet.

Jekk is-suġġett ta' talba hija talba monetarja, it-talba tista' tiġi garantita kontra proprjetà immobbli permezz ta' caution li turi dritt ta' pleġġ (ķīlas tiesības atzīme) fit-taqsima rilevanti tal-proprjetà immobbli fir-reġistru tal-artijiet.

Jekk is-suġġett ta' kawża huwa dritt in rem fuq proprjetà immobbli, it-talba tista' tiġi garantita permezz ta' caution li tindika piż (apgrūtinājuma atzīme) fit-taqsima rilevanti tal-proprjetà immobbli tar-reġistru tal-artijiet.

Il-bastimenti jistgħu jinqabdu biss fil-kuntest ta’ talbiet navali.

Is-sospensjoni tal-bejgħ ta’ propjetà mhix permessa f’każijiet fejn it-talba tikkonċerna l-irkupru ta’ flus.

Is-sekwestru ta' pagamenti dovuti minn terzi, inklużi l-fondi miżmuma minn istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra mhux permess f’każijiet fejn it-talba qed issir għal kumpens li titħalla fid-diskrezzjoni tal-qorti.

F'kawżi dwar il-proprjetà intellettwali, huma disponibbli l-miżuri ta' protezzjoni provviżorja li ġejjin:

  • il-qbid ta' proprjetà immobbli li minħabba fih qed jiġi allegat li qed jinkisru drittijiet ta' proprjetà intellettwali;
  • obbligu biex jiġu ritornati oġġetti li minħabba fihom qed jiġi allegat li qed jinkisru drittijiet ta' proprjetà intellettwali;
  • projbizzjoni fuq il-prestazzjoni ta' atti speċifiċi mill-konvenut, jew minn persuni li jipprovdu servizzi li jintużaw sabiex jinkisru drittijiet ta' proprjetà intellettwali, jew minn persuni li jiffaċilitaw it-twettiq ta' dan il-ksur.

Il-kisba tal-provi

Jekk persuna jkollha raġunijiet biex temmenli l-preżentazzjoni ta' provi meħtieġa tista' tkun impossibbli jew diffiċli, hija tista' titlob għal garanzija fuq dawn il-provi.

Ir-rikor sabiex il-ġbir tal-provi jkun garantit jista' jiġi ppreżentat f'kull stadju tal-proċedimenti, u anki qabel ma tiġi mressqa l-kawża l-qorti.

Qabel ma titressaq il-kawża l-provi jistgħu jiġu garantiti mill-qorti distrettwali jew tal-belt (rajona tiesa) tal-post fejn qiegħed is-sors tal-provi. Ladarba titressaq il-kawża l-provi jistgħu jiġu garantiti mill-qorti presjedenti.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Il-garanzija ta' talba

Jekk ikun hemm raġunijiet fejn jidherli l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti tista' tkun diffiċli jew impossibbli, il-qorti jew l-imħallef tista', bi tweġiba għar-rikors bir-raġunijiet tar-rikorrent, tieħu deċiżjoni li tiggarantixxi t-talba. It-talba tista' tiġi żgurata biss jekk tikkonċerna l-proprjetà. Rikors sabiex tiġi garantita talba jista' jiġi ppreżentat f'kull stadju tal-proċedimenti, u anki qabel ma tiġi mressqa l-kawża l-qorti.

Rikors għal talba għandu jkun fih:

  • l-isem tal-qorti li quddiemha se jiġi ppreżentat ir-rikors;
  • L-isem tar-rikorrent, kunjomu, in-numru personali tal-identità u l-post ta’ residenza reġistrat, jew fin-nuqqas, dak tal-post ta’ residenza de facto; għal persuna ġuridika - l-isem, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-uffiċċju rreġistrat. Jekk ir-rikorrent jaqbel li jikkomunika mal-qorti b’mezzi elettroniċi, u jekk huma nklużi fost il-persuni/entitajiet imniżżla fl-Artikolu 56(23) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, jenħtieġ li jiġu indikati wkoll indirizz tal-posta elettronika, u jekk ikun irreġistrat fis-sistema online għall-korrispondenza mal-qorti, ir-referenza ta’ reġistrazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent jista’ jagħti indirizz ieħor għall-korrispondenza mal-qorti;
  • l-isem, il-kunjom, in-numru personali tal-identità u l-post ta’ residenza reġistrat, jew fin-nuqqas, dak tal-post ta’ residenza de facto tal-konvenut u kull parti terza; għal persuna ġuridika - l-isem, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-uffiċċju rreġistrat. In-numru personali tal-identità jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-konvenut għandhom jiġu indikati jekk magħrufin;
  • L-isem, il-kunjom, in-numru personali tal-identità u l-indirizz għall-korrispondenza tar-rappreżentant tar-rikorrent (jekk il-kawża tinfetaħ minnu); għal persuna ġuridika - l-isem, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-uffiċċju rreġistrat. Jekk ir-rappreżentant tar-rikorrent, b’post ta’ residenza rreġistrat jew indirizz ta’ korrispondenza fil-Latvja, jaqbel li jikkomunika mal-qorti b’mezzi elettroniċi, jenħtieġ li jiġu indikati wkoll l-indirizz tal-posta elettronika, u jekk huma rreġistrati fis-sistema online għall-korrispondenza mal-qorti, ir-referenza ta’ reġistrazzjoni. Jekk il-post ta’ residenza rreġistrat jew l-indirizz ta’ korrispondenza tar-rappreżentant tar-rikorrent ma jkunux fil-Latvja, l-indirizz tal-posta elettronika u l-parteċipazzjoni fis-sistema online għall-korrispondenza iridu jiġu indikati wkoll. Jekk ir-rappreżentant tar-rikorrent huwa avukat, għandu jkun hemm ukoll l-indirizz tal-posta elettronika tal-uffiċċju tiegħu;
  • is-suġġett tat-talba;
  • l-ammont tat-talba;
  • il-mezzi biex tiġi garantita t-talba li għaliha qiegħed jitlob l-eżekuzzjoni r-rikorrent;
  • iċ-ċirkostanzi li bihom ir-rikorrent qiegħed jiġġustifika l-bżonn biex jiggarantixxi t-talba.

Rikors għall-garanzija ta' talba qabel ma titressaq il-qorti għandu jiġi ppreżentat lill-qorti li tkun se tisma' t-talba nnifisha. Fejn il-partijiet ikunu ftehmu li jmorru għall-arbitraġġ, għandu jiġi ppreżentat rikors lill-qorti ordinarja tal-post fejn jinsab id-debitur jew il-proprjetà tiegħu.

Is-sospensjoni tal-bejgħ ta’ propjetà mhix permessa f’każijiet fejn it-talba tikkonċerna l-irkupru ta’ flus.

Is-sekwestru ta' pagamenti dovuti minn terzi, inklużi l-fondi miżmuma minn istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra mhux permess f’każijiet fejn it-talba qed issir għal kumpens li titħalla fid-diskrezzjoni tal-qorti.

Meta tisma rikors minn xi waħda mill-partijiet, il-qorti tista’ tbiddel il-mezz ta’ garanzija tat-talba b’mezzi oħra.

Rikorrent prospettiv jista' jitlob għall-garanzija tat-talba anki qabel ma tinfetaħ il-kawża, u anki qabel ma jsir dovut l-obbligu, jekk id-debitur, bil-għan li ma jwettaqx l-obbligu, jeħles minn jew jittrasferixxi l-proprjetà tiegħu, jivvaka l-post ta' residenza tiegħu mingħajr ma javża lill-kreditur jew iwettaq atti oħra li jindikaw li mhux jaġixxi in buona fede. Mal-preżentazzjoni tar-rikors għall-garanzija ta' talba qabel il-ftuħ tal-kawża, ir-rikorrent prospettiv irid jippreżentaw provi li jappoġġaw id-drittijiet tiegħu u l-ħtieġa li tiġi garantita t-talba.

Id-deċiżjoni fuq rikors għall-garanzija tat-talba tittieħed minn qorti jew imħallef mhux aktar tard mill-ġurnata ta' wara, mingħajr notifika lill-konvenut jew lil partijiet interessati oħra. Fid-deċiżjoni tagħha l-qorti jew imħallef jikkunsidraw il-bażi ġuridika formali prima facie. Jekk ir-rikors għall-garanzija tat-talba jiġi milqugħ, il-qorti jew imħallef jistgħu jitolbu lir-rikorrent biex jagħti garanzija għal kull telf li jista' jġarrab il-konvenut minħabba l-miżura ta' garanzija tat-talba, billi jiddepożita somma ta' flus speċifika f'kont ta' depożitu ta' bailiff.

Jekk tittieħed id-deċiżjoni biex tiġi garantita talba attwali jew potenzjali, il-qorti tagħti ordna ta' eżekuzzjoni (izpildu raksts), li jingħata għall-eżekuzzjoni lil bailiff ċertifikat (zvērināts tiesu izpildītājs).

It-talba tiġi garantita sakemm tidħol fis-seħħ is-sentenza finali. Jekk ma tingħata l-ebda deċiżjoni fuq it-talba jew jintemmu l-proċedimenti, id-deċiżjoni tal-qorti tħassar il-miżuri li jiggarantixxu t-talba. It-talba tiġi garantita sakemm tidħol fis-seħħ is-sentenza finali. Jekk it-talba tiġi miċħuda, id-deċiżjoni tal-qorti tħassar il-miżuri li qiegħda tiggarantixxi t-talba.

Jekk id-deċiżjoni li tiggarantixxi t-talba tittieħed qabel it-talba nfisha tasal quddiem il-qorti, u t-talba ma titressaqx quddiem il-qorti fiż-żmien speċifikat mill-qorti, l-imħallef jista' jiddeċiedi li jħassar il-miżura fuq rikors tar-rikorrent jew konvenut prospettiv.

Miżuri provviżorji ta' protezzjoni

Jekk hemm il-ħsiebli jista' jkun hemm ksur jew qed jiġi miksura d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ta' detentur, il-qorti tista', fuq rikors dettaljat tar-rikorrent, tordna miżuri provviżorji ta' protezzjoni. Rikors għal miżuri provviżorji ta' protezzjoni jridu jindikaw liema minn dawn il-miżuri se jittieħdu (l-Artikolu 250.10 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

Ir-rikor għall-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jista' jiġi ppreżentat f'kull stadju tal-proċedimenti, u anki qabel ma tiġi mressqa l-kawża l-qorti.

Rikors għall-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jiġi deċiż minn qorti jew imħallef fi żmien għaxart ijiem mill-wasla tar-rikors, jew mill-bidu tal-proċedimenti jekk ir-rikors għal miżuri provviżorji ta' protezzjoni jsir flimkien mat-talba nfisha.

Jekk id-dewmien jikkaġuna ħsara irreparabbli lid-detentur ta' dritt ta' proprjetà intellettwali, il-qorti jew imħallef jrid jiddeċiedi fuq rikors għal miżuri provviżorji ta' protezzjoni mhux aktar tard mill-ġurnata ta' wara l-wasla tar-rikors, mingħajr ma jinnotifika minn qabel lill-konvenut u lill-partijiet interessati l-oħra. Jekk id-deċiżjoni li tordna miżuri provviżorji ta' protezzjoni tittieħed fl-assenza tal-konvenut jew ta' xi parti interessata oħra, huma għandhom jiġu nnotifikati bid-deċiżjoni mhux aktar tard mill-eżekuzzjoni tas-sentenza.

Jekk il-qorti jew l-imħallef jilqa' rikors sabiex it-talba tiġi garantita qabel ma titressaq it-talba nfisha, il-qorti jew l-imħallef jista' jitlob lir-rikorrent biex jagħti garanzija għal kull telf li jista' jiġi kkaġunat lill-konvenut jew lill-fornituri tas-servizzi minħabba l-miżuri provviżorji ta' protezzjoni, billi jiddepożita somma speċifika ta' flus f'kont ta' depożitu ta' bailiff jew jipprovdi garanzija ekwivalenti.

B'rikors tar-rikorrent, il-qorti tista' tissosstitwixxi l-miżuri provviżorji ta' protezzjoni li tkun diġà ordnat ma' miżuri oħra.

Il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jistgħu jiġu mħassra mill-istess qorti fuq rikors ta' parti interessata.

Jekk il-qorti tiċħad it-talba, is-sentenza tagħha tħassar il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni. Il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jibqgħu fis-seħħ sal-ġurnata meta tidħol fis-seħħ is-sentenza.

Jekk ma tingħata l-ebda deċiżjoni fuq it-talba jew jintemmu l-proċedimenti, id-deċiżjoni tal-qorti tħassar il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni. Il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jibqgħu fis-seħħ sal-ġurnata meta tidħol fis-seħħ is-sentenza.

Jekk id-deċiżjoni li tilqa' l-miżuri provviżorji ta' protezzjoni tittieħed qabel it-talba nfisha tasal quddiem il-qorti, u t-talba ma titressaqx quddiem il-qorti fiż-żmien speċifikat mill-qorti, l-imħallef jista' jiddeċiedi li jħassar il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni fuq rikors tar-rikorrent jew parti interessata oħra jew il-konvenut prospettiv.

Jekk ir-rikors għall-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jsir flimkien mat-talba nfisha, deċiżjoni li tilqa' l-miżuri provviżorji ta' protezzjoni trid tiġi eżegwita fi żmien 30 ġurnata mid-data tad-deċiżjoni. Il-fatt li ġiet ippreżentata oġġezzjoni anċillari (blakus sūdzība) kontra d-deċiżjoni mhix ta' xkiel għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

Deċiżjoni li tilqa' l-miżuri provviżorji ta' protezzjoni minħabba li d-dewmien jista' jikkaġuna ħsara irreparabbli lid-detentur ta' dritt ta' proprjetà intellettwali trid tiġi eżegwita wara li r-rikorrent ikun ħallas is-somma speċifikata mill-qorti jew imħallef fil-kont ta' depożitu tal-bailiff jew ikun ipprovda garanzija ekwivalenti. Id-dokument ta' eżekuzzjoni jiġi nnotifikat wara l-irċevuta tal-pagament tas-somma speċifikata jew il-garanzija ekwivalenti.

Deċiżjoni li tordna protezzjoni provviżorja permezz tal-qbid tal-proprjetà mobbli li permezz tagħha qiegħdin allegatament jiġu miksura drittijiet ta' propjetà intellettwali għandha tiġi eżegwita skont il-proċedura mniżżla fl-Att dwar il-Proċedura Ċivili rigward il-qbid tal-proprjetà mobbli.

Deċiżjoni li tordna protezzjoni provviżorja fejn tipprojibixxi ċerti atti jew obbligu biex jissejħu lura oġġetti li minħabba fihom qegħdin allegatament jiġu miksura drittijiet ta' proprjetà intellettwali għandha tiġi eżegwita minn bailiff, u notifikata lill-konvenut jew xi parti interessata oħra permezz ta' firma jew ittra reġistrata.

Jekk tiġi mħassra l-miżura provviżorja, il-kanċellament jiġi eżegwit mill-bailiff li eżegwixxa l-ordni oriġinali li impona l-miżura.

Jekk tiġi mħassra l-miżura provviżorja, il-kanċellament jiġi eżegwit mill-bailiff li eżegwixxa l-ordni oriġinali li impona l-miżura.

Il-Kapitolu 30.5 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili jipprovdi wkoll għall-protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza.

Il-protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza tista' tingħata b'rabta mal-kawża għad-divorzju jew annullament taż-żwieġ; kawżi minħabba korriment personali; kawżi għall-irkupru tal-manteniment; kawżi minħabba d-diviżjoni tad-dar matrimonjali, jew kif se tintuża d-dar matrimonjali, jekk il-partijiet jgħixu taħt l-istess saqaf; u kwistjonijiet ta' trusteeship u drittijiet ta' aċċess.

Rikors għal protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza jista' jitressaq mill-konjuġi jew l-ekskonjuġi; minn persuni li fejn waħda minnhom hija l-ġenitur u l-oħra hija l-wild; persuni marbuta bi trusteeeship jew kull relazzjoni oħra ta' kura mhux familjari; persuni li bejniethom hemm rabta ta' parentela jew affinità; persuni li jgħixu jew għexu taħt l-istess saqaf; persuni li għandhom jew qed jistennew tarbija, irrispettivament minn jekk humiex miżżewwġin jew jgħixu flimkien; jew bejn persuni li bejniethom hemm jew kien hemm relazzjoni personali mill-qrib jew intima.

Jistgħu jiġu imposti simultanjament diversi miżuri biex tingħata l-protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza.

Jekk il-vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika tkun seħħet bejn konjuġi jew ekskonjuġi jew persuni relatati mill-qrib mod ieħor, irrispettivament jekk il-parti responsabbli għall-vjolenza tgħix jew kienet tgħix fl-istess dar mal-vittma, qorti jew imħallef jistgħu jordnaw protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza bi tweġiba għar-rikors dettaljat tal-persuna jew permezz ta' rikors ippreżentat lill-pulizija.

Huma disponibbli miżuri simili jekk persuna tbati kontroll abbużiv, jiġifieri att jew diversi atti, inkluż il-fastidju, l-aggressjoni sesswali, it-theddid, l-umiljazzjoni, l-intimidazzjoni jew atti abbużivi oħra, li għandhom l-għan li jikkaġunaw ħsara, jippenalizzaw jew jintimidaw lill-vittma.

Il-protezzjoni provviżorja tista' tiġi mitluba f'kull stadju tal-proċedimenti, u anki qabel ma tiġi mressqa l-kawża l-qorti.

Il-kisba tal-provi

Jekk persuna jkollha raġunijiet biex temmenli l-preżentazzjoni ta' provi meħtieġa tista' tkun impossibbli jew diffiċli, hija tista' titlob għal garanzija fuq dawn il-provi. Ir-rikor sabiex il-ġbir tal-provi jkun garantit jista' jiġi ppreżentat f'kull stadju tal-proċedimenti, u anki qabel ma tiġi mressqa l-kawża l-qorti.

Rikors għall-garanzija tal-provi jinstema' f'seduta tal-qorti fejn jiġu msejħa jattendu r-rikorrent u l-partijiet interessati. Madankollu, il-qorti tista' tqis ir-rikors anki jekk il-partijiet ma jidhrux.

Meta jsir rikors għall-ġbir tal-provi qabel ma titressaq il-kawża, il-qorti jew l-imħallef jieħdu deċiżjoni fuq ir-rikors fi żmien għaxart ijiem mill-wasla tiegħu.

Il-provi jistgħu jiġu garantiti fin-nuqqas tal-partijiet interessati potenzjali f'każijiet urġenti biss, inklużi vjolazzjonijiet jew vjolazzjonijiet potenzjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew każijiet fejn ma jistax jiġi stabbilit min huma l-partijiet interessati.

Jekk id-deċiżjoni li tordna miżuri provviżorji ta' protezzjoni tittieħed fl-assenza tal-konvenut jew ta' xi parti interessata oħra, huma għandhom jiġu nnotifikati bid-deċiżjoni mhux aktar tard mill-eżekuzzjoni tas-sentenza.

Jekk l-imħallef jilqa' rikors għall-garanzija tal-provi qabel ma titressaq il-kawża l-qorti, huma jiffissa żmien għall-preżentata tat-talba, li ma jistax jaqbeż it-30 jum.

Jekk l-imħallef jilqa' rikors sabiex it-talba tiġi garantita qabel ma titressaq it-talba nfisha, l-imħallef jista' jitlob lir-rikorrent biex jagħti garanzija għal kull telf li jista' jiġi kkaġunat lill-konvenut minħabba l-miżura ta' garanzija tal-provi, billi jiddepożita somma speċifika ta' flus f'kont ta' depożitu ta' bailiff jew jipprovdi garanzija ekwivalenti.

Il-minuti tas-seduta tal-qorti u d-dokumenti miġbura matul il-ġbir tal-provi jinżammu kemm ikun meħtieġ mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali.

Jekk il-qorti li tkun qed tittratta kawża ma tkunx tista' tiġbor provi li jinsabu f'belt jew distrett ieħor, il-qorti jew l-imħallef jistaqsu lill-qorti rilevanti biex tieħu l-passi proċedurali speċifiċi f'isem l-ewwel qorti.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jistgħu jittieħdu biss jekk ikun hemm raġuni għalfejn wieħed jista' jaħsebli l-eżekuzzjoni ta' sentenza tal-qorti f'tilwima dwar proprjetà tista' ssir problematika jew impossibbli; jew li d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tad-detentur tagħhom qegħdin jiġu miksura jew jistgħu jiġu miksura; jew li l-preżentazzjoni tal-provi meħtieġa tista' ssir impossibbli jew problematika.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

Rikors għall-protezzjoni provviżorja tal-proprjetà intellettwali jrid jindika l-miżura ta' protezzjoni provviżorja mixtieqa.

Il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni disponibbli huma:

  • il-qbid ta' proprjetà immobbli li minħabba fih qed jiġi allegat li qed jinkisru drittijiet ta' proprjetà intellettwali;
  • obbligu biex jiġu ritornati oġġetti li minħabba fihom qed jiġi allegat li qed jinkisru drittijiet ta' proprjetà intellettwali;
  • projbizzjoni fuq il-prestazzjoni ta' atti speċifiċi mill-konvenut, jew minn persuni li jipprovdu servizzi li jintużaw sabiex jinkisru drittijiet ta' proprjetà intellettwali, jew minn persuni li jiffaċilitaw it-twettiq ta' dan il-ksur.

Rikors għall-garanzija tat-talba jrid jindika l-mezz li bih tixtieq issir il-garanzija tat-talba.

Il-miżuri disponibbli għall-garanzija tat-talba huma:

  • qbid ta' proprjetà mobbli jew fondi tal-konvenut;
  • ir-reġistrazzjoni ta' caution li tindika projbizzjoni (aizlieguma atzīme) f'reġistru ta' proprjetà mobbli jew xi reġistru pubbliku ieħor;
  • ir-reġistrazzjoni ta' caution fir-rigward tal-garanzija ta' talba fir-reġistru tal-artijiet jew tal-bastimenti;
  • il-qbid ta' bastiment b'rabta ma' talba navali;
  • projbizzjoni li żżomm lill-konvenut milli jwettaq ċerti atti;
  • is-sekwestru ta' pagamenti dovuti minn terzi, inklużi l-fondi miżmuma minn istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra;
  • il-posponiment tal-eżekuzzjoni (li tinkludi l-projbizzjoni tal-bailiffs milli jittrasferixxu flus jew proprjetà lill-parti li favuriha tkun inqatgħet is-sentenza jew lid-debitur, jew is-sospensjoni tal-bejgħ tal-proprjetà).

Rikors għall-protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza jrid jindika l-miżura ta' protezzjoni provviżorja mixtieqa.

Għal protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza huma disponibbli l-miżuri li ġejjin:

  • il-konvenut jista' jiġi ordnat jitlaq mid-dar fejn huwa abitalwent residenti r-rikorrent, u ma jerġax jirritorna jew jibqa' hemm;
  • il-konvenut jista' jiġi ordnat iżomm distanza speċifika mid-dar fejn huwa abitwalment residenti r-rikorrenti;
  • il-konvenut jista' jiġi projbit milli jersaq lejn ċerti nħawi;
  • il-konvenut jista' jiġi projbit milli jiltaqa' mar-rikorrent u milli jkollu kuntatt fiżiku jew mill-bogħod miegħu;
  • il-konvenut jista' jiġi projbit milli jkollu kull tip ta' komunikazzjoni mar-rikorrent;
  • il-konvenut jista' jiġi projbit milli jiltaqa' mar-rikorrent permezz ta' ftehim ma persuni oħra jew li jkollu komunikazzjoni mar-rikorrent;
  • il-konvenut jista' jiġi projbit milli juża d-dejta personali tar-rikorrent;
  • il-qorti jew l-imħallef jistgħu jimponu aktar projbizzjonijiet u obbligi fuq il-konvenut sabiex jagħtu protezzjoni provviżorja lir-rikorrent kontra l-vjolenza.

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Il-proprjetà mobbli u immobbli inklużi l-bastimenti, flus kontanti u fondi f'istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Il-proprjetà immobbli tad-debitur tinqabad permezz ta' inventarju tal-proprjetà, l-issiġġillar tagħha (b'indikazzjoni ta' min huwa responsabbli mill-qbid tagħha u kif) u t-tqegħid tagħha taħt sorveljanza. Il-proprjetà ma hemmx għalfejn tiġi siġillata jekk dan jista' jikkawżalha ħsara jew jaffettwa b'mod sinifikanti l-valur tagħha.

Il-bailiff iqiegħed il-proprjetà maqbuda f'idejn persuna fiżika, li tiffirma l-irċevuta. Id-debitur jew il-membri tal-familja tiegħu xorta jista' jużaw il-proprjetà jekk, minħabba l-karatteristiċi tagħha, l-użu minnha ma jeqridhiex jew inaqqsilha sostanzjalment mill-valur tagħha.

Jekk ir-rikors għall-garanzija tat-talba jiġi milqugħ, il-qorti jew imħallef jistgħu jitolbu lir-rikorrent biex jagħti garanzija għal kull telf li jista' jġarrab il-konvenut minħabba l-miżura ta' garanzija tat-talba, billi jiddepożita somma ta' flus speċifika f'kont ta' depożitu ta' bailiff. Id-depożiti u garanziji oħra tad-debitur miżmuma f'istituzzjonijiet ta' kreditu jew x'imkien ieħor jistgħu jinqabdu biss permezz ta' dokument ta' eżekuzzjoni maħruġ minn qorti, jew mandat tal-bailiff, jew mandat tal-prosekutur pubbliku.

Caution fir-reġistru tal-proprjetà immobbli li jindika l-irkupru jew il-garanzija ta' talba jwaqqaf kull reġistrazzjoni volontarja min-naħa tas-sid.

Jekk ir-rikors għall-garanzija tat-talba qabel titressaq il-kawża jiġi milqugħ, l-imħallef jista' jitlob lir-rikorrent biex jagħti garanzija għal kull telf li jista' jġarrab il-konvenut minħabba l-miżura ta' garanzija tat-talba, billi jiddepożita somma ta' flus speċifika f'kont ta' depożitu ta' bailiff jew jagħti garanzija ekwivalenti.

Il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jippermettu lir-rikorrent jitlob lill-qorti tiggarantixxi talba ċivili anki jekk hija ma tkunx tirrigwarda proprjetà, u b'hekk inaqqas in-numru ta' vjolazzjonijiet potenzjali ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-firxa tat-telf imġarrab mir-rikorrent. Dawn il-miżuri jippermettu l-prevenzjoni ta' vjolazzjonijiet ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali u r-restawr tad-drittijiet u interessi legali tar-rikorrent li qegħdin jiġu miksura mill-vjolazzjoni.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Il-miżuri li jiggarantixxu t-talba jibqgħu fis-seħħ sal-ġurnata tad-dħul fis-seħħ tas-sentenza jew it-tmiem tal-proċedimenti, jew sakemm imħallef iħassar il-miżura, jew jissostitwiha b'miżura oħra.

Il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jibqgħu fis-seħħ sal-ġurnata meta tidħol fis-seħħ is-sentenza.

Il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jistgħu jiġu mħassra mill-istess qorti fuq rikors ta' parti interessata. Jekk il-qorti tiċħad it-talba, is-sentenza tagħha tħassar il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni. Jekk ma tingħata l-ebda deċiżjoni fuq it-talba jew jintemmu l-proċedimenti, id-deċiżjoni tal-qorti tħassar il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni. Il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jibqgħu fis-seħħ sal-ġurnata meta tidħol fis-seħħ is-sentenza.

Jekk id-deċiżjoni li tilqa' l-miżuri provviżorji ta' protezzjoni tittieħed qabel it-talba nfisha tasal quddiem il-qorti, u t-talba ma titressaqx quddiem il-qorti fiż-żmien speċifikat mill-qorti, l-imħallef jista' jiddeċiedi li jħassar il-miżura fuq il-ġbir ta’ provi fuq rikors tar-rikorrent jew parti interessata oħra jew il-konvenut prospettiv.

Jekk id-deċiżjoni li tiggarantixxi t-talba tittieħed qabel it-talba nfisha tasal quddiem il-qorti, u t-talba ma titressaqx quddiem il-qorti fiż-żmien speċifikat mill-qorti, l-imħallef jista' jiddeċiedi li jħassar il-miżura li tiggarantixxi l-provi fuq rikors tar-rikorrent jew konvenut prospettiv.

Il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni kontra l-vjolenza jibqgħu fis-seħħ sal-ġurnata tad-dħul fis-seħħ tas-sentenza. F'ċerti każijiet, qorti tista' tispeċifika fis-sentenza tagħhali l-protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza se tibqa' fis-seħħ wara d-dħul fis-seħħ tas-sentenza, iżda għal mhux aktar minn sena minn dik id-data. Jekk il-protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza ġiet ordnata kontra konvenut li kien abitwalment residenti fl-istess dar bħar-rikorrent, pereżempju fejn il-konvenut jiġi ordnat jitlaq mid-dar fejn jirrisjedi abitwalment ir-rikorrent u ġie projbit milli jmur lura jew jgħix hemmhekk, jew fejn il-konvenut ġie ordnat iżomm ċerta distanza mid-dar fejn huwa residenti abitwalment ir-rikorrent, qorti tista' tispeċifikali l-protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza għandha tibqa' fis-seħħ għal mhux aktar minn 30 jum wara d-dħul fis-seħħ tas-sentenza.

Il-miżuri ta' protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza jibqgħu fis-seħħ sal-jum meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-imħallef li tħassar il-miżuri jew id-deċiżjoni li tissostitwixxi l-miżura ta' protezzjoni provviżorja b'miżura oħra.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Il-garanzija ta' talba

Bi tweġiba għal rikors bir-raġunijiet, miżura li tiggarantixxi talba tista' tiġi mħassra mill-istess qorti li ordnat dik l-istess miżura, jew minn qorti li se tisma' l-mertu tal-kawża.

Oġġezzjoni anċillari (blakus sūdzība) tista' tiġi preżentata fi żmien għaxart ijiem kontra deċiżjoni tal-qorti biex tiġi sostitwita miżura ta' garanzija b'oħra, kontra deċiżjoni li tiċħad ir-rikors għall-garanzija tat-talba, jew kontra deċiżjoni li ċaħdet rikors għat-tħassir ta' miżura li tiggarantixxi t-talba.

Jekk ir-rikors għall-garanzija tat-talba jiġi milqugħ, ir-rikorrent jista' jippreżenta oġġezzjoni anċillari kontra parti mid-deċiżjoni tal-qorti li tordna lir-rikorrent biex jagħti garanzija għal kull telf li jista' jseħħ minħabba l-miżura li tiggarantixxi t-talba tar-rikorrent.

Jekk id-deċiżjoni għall-garanzija tat-talba tittieħed fin-nuqqas ta' parti interessata, il-perjodu ta' għaxart ijiem għall-preżentazzjoni ta' oġġezzjoni anċillari jibda jgħodd minn meta l-parti tirċievi d-deċiżjoni.

Miżuri provviżorji ta' protezzjoni

Il-miżuri provviżorji ta' protezzjoni jistgħu jiġu mħassra mill-istess qorti fuq rikors ta' parti interessata.

Oġġezzjoni anċillari tista' tiġi ppreżentata kontra deċiżjoni fuq rikors tar-rikorrent biex tiġi sostitwita miżura provviżorja ta' protezzjoni ordnata qabel b'miżura oħra, kontra deċiżjoni li tiċħad rikors għal miżura provviżorja ta' protezzjoni, jew kontra deċiżjoni li tiċħad rikors għat-tħassir ta' miżura provviżorja ta' protezzjoni.

Jekk id-deċiżjoni li tordna miżura provviżorja ta' protezzjoni tittieħed fin-nuqqas ta' parti interessata, il-perjodu ta' għaxart ijiem għall-preżentazzjoni ta' oġġezzjoni anċillari jibda jgħodd minn meta ssir in-notifika tad-deċiżjoni.

Il-kisba tal-provi

Deċiżjoni li tilqa' rikors għall-garanzija tal-provi ma tistax tiġi kontestata. Madankollu,il-konvenut jista' jitlob kumpens għat-telf li jkun ġarrab minħabba tal-miżura li tiggarantixxi l-provi fejn:

  • il-provi jiġu garantiti qabel ma ssir il-kawża, u l-kawża ma ssirx fiż-żmien stabbilit mill-qorti;
  • it-talba miġjuba kontra l-konvenut tiġi miċħuda;
  • ma tingħatax deċiżjoni dwar it-talba;
  • il-proċedimenti jintemmu għaliex it-talba tkun tressqet minn persuna li ma kellhiex locus standi jew għaliex ir-rikorrent irtira t-talba.

Oġġezzjoni anċillari tista' tiġi preżentata kontra d-deċiżjoni ta' mħallef li ċaħdet rikors għall-garanzija tal-provi, jew kontra deċiżjoni li ngħatat fin-nuqqas tal-partijiet prospettivi. Jekk id-deċiżjoni dwar il-garanzija tal-provi tittieħed fin-nuqqas ta' parti interessata, il-perjodu ta' għaxart ijiem għall-preżentazzjoni ta' oġġezzjoni anċillari jibda jgħodd minn meta ssir in-notifika tad-deċiżjoni.

Il-protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza

Bi tweġiba għal rikors bir-raġunijiet, miżura ta' protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza tista' tiġi sostitwita b'miżura oħra mill-istess qorti li ordnat dik l-istess miżura, jew minn qorti li se tisma' l-mertu tal-kawża.

Bi tweġiba għal rikors bir-raġunijiet, miżura ta' protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza tista' tiġi mħassra mill-istess qorti li ordnat dik l-istess miżura, jew minn qorti li se tisma' l-mertu tal-kawża.

Oġġezzjoni anċillari tista' tiġi preżentata fi żmien għaxart ijiem kontra deċiżjoni tal-qorti biex tiġi sostitwita miżura ta' protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza b'oħra, kontra deċiżjoni li tiċħad ir-rikors għal miżura ta' protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza jew kontra deċiżjoni li ċaħdet rikors għat-tħassir ta' miżura ta' protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza. Jekk id-deċiżjoni tittieħed fin-nuqqas ta' parti interessata, il-perjodu ta' għaxart ijiem għall-preżentazzjoni ta' oġġezzjoni anċillari jibda jgħodd minn meta ssir in-notifika tad-deċiżjoni.

L-aħħar aġġornament: 05/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.