Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Fil-Finlandja, il-kredituri u rikorrenti oħrajn fi proċedimenti ċivili jew kummerċjali jistgħu jiksbu miżuri kawtelatorji favorihom. L-iskop tal-miżuri kawtelatorji huwa li jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni mogħtija fi stadju aktar tard rigward il-merti tal-każ, tkun tista' tiġi eżegwita. Il-Kapitolu 7 tal-Kodiċi dwar il-Proċedura Ġudizzjarja (oikeudenkäymiskaari) jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-mandat ta' miżuri kawtelatorji u l-Kapitolu 8 tal-Kodiċi dwar l-Eżekuzzjoni (ulosottokaari) jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi. Hemm tliet tipi ta' miżuri kawtelatorji:

  • qbid biex jiġi garantit xi dejn dovut,
  • qbid biex jiġi garantit id-dritt ta' sjieda jew l-hekk imsejjaħ jedd ta' preferenza, u
  • miżuri kawtelatorji oħrajn (miżuri kawtelatorji ġenerali).

Dawn il-miżuri kawtelatorji, li jistgħu jintużaw fi kwistjonijiet ċivili ta' kwalunkwe tip, huma deskritti hawn taħt. Hemm ukoll miżuri kawtelatorji li jintużaw f'ċerti tipi ta' tilwim, abbażi ta' leġiżlazzjoni speċjali. Bħala eżempji nsibu l-miżura kawtelatorja biex tiġi garantita l-evidenza f'kawżi ċivili li jirrigwardaw id-drittijiet industrijali u d-drittijiet tal-awtur. Fil-kawżi kriminali jista' jiġi applikat l-Att dwar il-Miżuri Koersivi (pakkokeinolaki). Il-miżuri koersivi previsti fl-Att jinkludu l-mandat ta' qbid, il-mandat ta' deskrizzjoni u l-mandat ta' sekwestru.

Hemm distinzjoni bejn il-miżuri kawtelatorji u l-eżekuzzjoni preliminari (provviżorja) tas-sentenzi f'kawżi ċivili. Din tal-aħħar tirreferi għall-eżekuzzjoni ta' sentenza qabel ma tkun saret definittiva u ma tkunx tista' tiġi appellata aktar. Sentenza f'kawża ċivili li tkun għadha mhux definittiva hija direttament eżegwibbli skont il-liġi, iżda normalment ma tkunx tista' tiġi eżegwita fl-integralità tagħha. Pereżempju, skont sentenza mhux definittiva mogħtija minn Qorti tal-prim'istanza fir-rigward ta' djun dovuti, il-beni tad-debitur jistgħu jiġu kkonfiskati jekk dan ma jagħtix xi garanzija għal dawn id-djun. Min-naħa l-oħra, il-beni kkonfiskati ma jistgħux jiġu aljenati u r-rikavati mill-bejgħ tagħhom ma jkunux jistgħu jingħataw lill-kreditur jekk dan tal-aħħar ma jagħtix xi garanzija. Għall-kuntrarju ta' dan, is-sentenzi f'kontumaċja huma eżegwibbli fl-integralità tagħhom immedjatament.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Id-deċiżjonijiet biex jiġu ordnati t-tipi ta' miżuri kawtelatorji msemmija hawn fuq jittieħdu mill-Qrati Ġenerali, waqt li l-Qrati Distrettwali (käräjäoikeus) jieħdu r-rwol ta' Qrati tal-prim'istanza. Il-miżuri kawtelatorji ordnati mill-qorti jiġu eżegwiti mill-bailiffs. It-talbiet għall-miżuri kawtelatorji jitressqu quddiem il-qorti fejn ikunu għadhom għaddejjin il-proċedimenti legali dwar il-merti tal-każ. Jekk il-proċedimenti jkunu għadhom ma nbdewx, it-talba għall-miżuri kawtelatorji trid tiġi indirizzata lill-Qorti Distrettwali li quddiemha jkunu jridu jitressqu wkoll il-proċedimenti ewlenin dwar il-merti tal-każ.

Il-qorti ma tistax tapprova definittivament talba għall-miżuri kawtelatorji mingħajr ma toffri lill-intimat il-possibbiltà li jinstema'. Madankollu, il-qorti tista' tilqa' t-talba tar-rikorrent għal miżuri kawtelatorji provviżorji mingħajr ma tisma' lill-parti l-oħra, jekk l-iskop ta' dawn il-miżuri kawtelatorji jkun qed jirriskja li jiġi kompromess. Fil-prattika, il-miżuri kawtelatorji jistgħu jinkisbu b'mod rapidu ħafna. Id-deċiżjonijiet provviżorji jibqgħu validi sakemm ma tingħatax deċiżjoni li tistabbilixxi l-kuntrarju.

Jekk ir-rikorrent diġà jkollu raġuni għall-eżekuzzjoni, iżda ma jkunx possibbli li din titwettaq immedjatament, il-bailiff jista', soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jordna direttament miżuri kawtelatorji fuq bażi temporanja. Hawn taħt se jiġu deskritti biss il-miżuri kawtelatorji ordnati mill-qrati.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Ir-rekwiżiti għall-mandat ta' qbid biex jiġi garantit dejn dovut jew jedd ta' preferenza huma dawn li ġejjin:

  • Ir-rikorrent irid juri b'mod adegwat li, fil-konfront tal-intimat, ikollu dejn dovut li jista' jkun suġġett ta' mandat jew jedd ta' preferenza għal proprjetà partikolari; u
  • Irid ikun hemm ir-riskju li l-intimat ikun qed jaġixxi b'tali mod li jipperikola d-dejn dovut jew id-dritt tar-rikorrent.

Bl-istess mod, il-miżuri kawtelatorji l-oħrajn jirrikjedu evidenza prima facie ta' dritt ieħor u tar-riskju li l-intimat jista' jipperikola dak id-dritt.

Qabel ma l-miżuri kawtelatorji jkunu jistgħu jiġu eżegwiti, ir-rikorrent irid jippreżenta garanzija lill-bailiff.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Kwalunkwe tip ta' proprjetà tista' tkun soġġetta għall-miżuri kawtelatorji. Jekk il-qbid ikollu l-iskop li jiggarantixxi dejn dovut, il-qorti tordna li l-proprjetà mobbli jew dik immobbli tal-intimat tinqabad għall-valur li jiggarantixxi d-dejn dovut fil-konfront tar-rikorrent. Imbagħad il-bailiff jiddeċiedi liema oġġetti mill-proprjetà tal-intimat għandhom jinqabdu. Jekk il-qbid ikollu l-iskop li jiggarantixxi jedd ta' preferenza, il-qorti tordna li tinqabad il-proprjetà li tkun soġġetta għall-jedd, u l-bailiff imbagħad jeżegwixxi l-mandat fuq dik il-proprjetà.

Permezz ta' miżuri kawtelatorji oħrajn, il-qorti tista'

  • tipprojbixxi lill-intimat, b'theddida ta' piena, milli jagħmel xi ħaġa jew milli jinvolvi ruħu f'xi ħaġa;
  • tordna lill-intimat, b'theddida ta' piena, biex jagħmel xi ħaġa;
  • tawtorizza lir-rikorrent biex jagħmel xi ħaġa jew biex iqabbad lil xi ħadd jagħmel xi ħaġa;
  • tordna biex il-proprjetà tal-intimat tiġi fil-pussess jew fil-kustodja ta' rappreżentant; jew
  • tordna xi miżura kawtelatorja oħra li tkun meħtieġa sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tar-rikorrent.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Meta l-mandat ta' qbid jiġi implimentat, id-debitur jitlef il-kontroll tiegħu fuq il-proprjetà kkonċernata. L-aljenazzjoni ta' proprjetà li tkun soġġetta għal mandat ta' qbid titqies bħala reat kriminali. Meta l-mandat ikun ta' sekwestru ta' fondi fil-kont bankarju ta' debitur, il-bank ma jkun jista' jirrilaxxa dawn il-fondi lil ħadd ħlief il-bailiff. Madankollu, mandat ta' qbid jew ta' sekwestru ma jikkonferixxix lill-persuna li tkun applikat għalih jedd ta' preferenza fuq il-fondi kkonfiskati, fir-rigward tal-kredituri l-oħra.

L-effetti tal-miżuri kawtelatorji l-oħra jiddependu min-natura tagħhom.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Fi żmien xahar minn meta tittieħed id-deċiżjoni li tordna l-miżuri kawtelatorji, ir-rikorrent irid iressaq kawża dwar il-merti tal-każ quddiem il-qorti, jew inkella jagħti bidu għal proċedura oħra li tkun tista' twassal għal deċiżjoni eżegwibbli, bħall-arbitraġġ. Jekk hu jonqos milli jagħmel dan, il-miżuri kawtelatorji jiġu rtirati. Il-miżuri kawtelatorji jiġu rtirati wkoll jekk għal xi raġuni oħra, dawn ma jibqgħux iġġustifikati. Meta l-qorti tagħti sentenza dwar il-merti tal-każ, fl-istess ħin trid tieħu deċiżjoni dwar il-miżuri kawtelatorji.

L-ispejjeż imġarrba minħabba l-miżuri kawtelatorji, primarjament jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tar-rikorrent. Jekk jinstab li l-miżuri kawtelatorji ma jkunux iġġustifikati, ir-rikorrent ikollu jikkumpensa lill-intimat għad-dannu li jkun ġarrab, irrispettivament minn jekk kienx minħabba negliġenza jew le. Sabiex ikopri din l-eventwalità, ir-rikorrent irid jagħti garanzija qabel l-eżekuzzjoni tal-miżuri kawtelatorji. Min-naħa tiegħu, l-intimat jista' ġeneralment jevita l-eżekuzzjoni ta' miżuri kawtelatorji billi jagħti garanzija.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Id-deċiżjonijiet ta' qrati li jordnaw miżuri kawtelatorji jistgħu jiġu appellati quddiem qorti superjuri, jiġifieri l-Qorti tal-Appell (hovioikeus) jew il-Qorti Suprema (korkein oikeus). L-appell ma jissospendix l-eżekuzzjoni tal-mandat, sakemm il-Qorti tal-Appell ma tiddeċidix mod ieħor. Madankollu, mhux possibbli li wieħed jappella kontra deċiżjoni dwar miżuri kawtelatorji provviżorji.

L-appelli kontra miżuri jew deċiżjonijiet meħuda minn bailiff fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta' miżuri kawtelatorji, jiġu ttrattati mill-Qrati Distrettwali. Id-dritt għall-appell japplika wkoll għall-partijiet terzi li jqisu li l-proprjetà maqbuda minħabba d-dejn tad-debitur tkun tappartjeni lilhom.

L-aħħar aġġornament: 06/09/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna