Taking of evidence

If you initiate legal proceedings, it is usually crucial to present evidence to the court in order to prove your claim.

Please select the relevant country's flag to obtain detailed national information.

Taking of evidence in civil proceedings is not restricted to the boundaries of a Member State. Sometimes, it may be necessary to take evidence in a Member State other than the one in which you are resident. For example, it may be necessary to hear witnesses or experts in other Member States, or the court may have to visit a scene of occurrence situated in another Member State. With regard to cross-border taking of evidence within the European Union, judicial cooperation between the courts of the Member States in the taking of evidence in civil or commercial matters is regulated by Regulation (EC) No 1206/2001 of 28 May 2001.

Related links

Taking evidence – notifications of the Member States and a search tool helping to identify competent court(s)/authority(ies)

Taking evidence by videoconferencing

Practice guide for the application of the Regulation on the Taking of Evidence PDF (74 Kb) en

Practical guide on using videoconferencing to obtain evidence in civil and commercial matters PDF (724 Kb) en

Last update: 21/01/2019

This page is maintained by the European Commission. The information on this page does not necessarily reflect the official position of the European Commission. The Commission accepts no responsibility or liability whatsoever with regard to any information or data contained or referred to in this document. Please refer to the legal notice with regard to copyright rules for European pages.

Smigħ ta' xhieda - Belġju

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Is-sistema legali Belġjana tiddistingwi bejn il-liġi ċivili u l-liġi kummerċjali. Il-liġi kummerċjali hija l-liġi speċifika li tapplika għan-negozjanti, filwaqt li l-liġi ċivili hija l-liġi ordinarja.

Ir-regoli dwar l-evidenza skont il-liġi ċivili jinsabu fl-Artikolu 1315 et seq. tal-Kodiċi Ċivili (Code civil/Burgerlijk Wetboek). Din hija sistema magħluqa, fejn il-forom ta’ evidenza huma regolati b’mod strett (ara l-mistoqsija 5a hawn taħt għal aktar dettalji).

Ir-regoli dwar l-evidenza skont il-liġi kummerċjali jinsabu fl-Artikolu 25 tal-Kodiċi Kummerċjali (Code de commerce/Wetboek van Koophandel). Il-karatteristiċi prinċipali tagħhom huma l-ftuħ tas-sistema u l-libertà relattiva fir-rigward tal-forom ta’ evidenza fi kwistjonijiet kummerċjali. L-Artikolu 25 tal-Kodiċi Kummerċjali jistipula: “Flimkien mal-forom ta’ evidenza permessi skont il-liġi ċivili, l-impenji kummerċjali jistgħu jiġu ppruvati b’evidenza ta’ xhieda fil-każijiet kollha fejn il-qorti tqis li dan għandu jkun permess, soġġett għall-eċċezzjonijiet magħmula għal każijiet speċifiċi. Ix-xiri u l-bejgħ jistgħu jiġu ppruvati permezz ta’ fattura aċċettata, mingħajr preġudizzju għal forom oħra ta’ evidenza permessi skont il-liġi kummerċjali”.

L-aspetti proċedurali u tekniċi tal-evidenza fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali huma regolati mill-Artikolu 870 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju (Code judiciaire/Gerechtelijk Wetboek). L-Artikolu 876 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jeħtieġ li l-qorti tiġġudika t-tilwima quddiemha skont ir-regoli dwar l-evidenza li japplikaw għat-tip ta’ tilwima. It-tilwima hija ċivili jew kummerċjali.

L-evidenza ta’ fatt, premessa jew allegazzjoni trid tiġi sottomessa mill-parti li tibbaża fuqha. Il-parti li titlob it-twettiq ta’ obbligu għandha tipprovdi evidenza ta’ dak l-obbligu. Għall-kuntrarju, il-parti li titlob li tiġi meħlusa minn obbligu għandha tissottometti evidenza tal-ħlas jew tal-att li jtemm l-obbligu (l-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili). Fi proċedimenti legali, kull parti għandha tissottometti l-evidenza tal-fatti li hija tallega (l-Artikolu 870 tal-Kodiċi Ġudizzjarju: “actori incumbit probatio”). Imbagħad hija l-parti opposta li trid tikkonfuta l-valur probatorju ta’ dawn il-fatti, fejn dan huwa possibbli u permess.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Sakemm ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, tista’ tiġi ppreżentata evidenza għal kwalunkwe fatti materjali. Madankollu, hemm tliet restrizzjonijiet fuq id-dritt li tiġi ppreżentata evidenza matul il-proċedimenti. L-ewwel nett, il-fatt li għandu jiġi ppruvat għandu jkun rilevanti għall-każ. It-tieni, il-fatt għandu jkun konvinċenti, fi kliem ieħor għandu jkun tali li jissodisfa lill-qorti dwar id-deċiżjoni li għandha tittieħed. It-tielet, l-evidenza tal-fatt trid tkun legalment ammissibbli: il-privatezza, il-kunfidenzjalità professjonali u l-kunfidenzjalità tal-korrispondenza m’għandhomx jinkisru.

Il-preżunzjonijiet jistgħu ġeneralment jiġu kkonfutati mill-parti opposta. Huma biss il-preżunzjonijiet inkonfutabbli (juris et de jure) li ma jistgħux jiġu kkontestati; fil-fatt huwa illegali li tiġi ppreżentata evidenza biex jiġu kkonfutati. Il-preżunzjonijiet konfutabbli (“juris tantum”) jistgħu jiġu kkontestati b’evidenza li turi l-kuntrarju. Il-forom ta’ evidenza li huma aċċettabbli f’dan il-każ huma regolati mil-liġi ċivili, iżda mhux skont il-liġi kummerċjali.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-qorti trid tkun sodisfatta bl-evidenza ppreżentata mill-partijiet fuq il-bażi tal-valur u l-kredibbiltà tagħha. Jekk il-qorti tasal għall-konklużjoni li l-evidenza ppreżentata tista’ tgħin biex tissolva t-tilwima u li tirrifletti b’mod affidabbli l-verità tal-kwistjoni, hija tassenjalha valur probatorju. Huwa biss ladarba l-qorti tkun assenjatilha valur probatorju li l-evidenza tista’ titqies kif xieraq bħala prova.

Il-valur probatorju (valeur probante/bewijswaarde) huwa kemmxejn suġġettiv, filwaqt li l-istatus tal-prova mogħti lil klassi ta’ evidenza (force probante/bewijskracht) huwa strettament oġġettiv. L-istatus tal-prova jkun ġej mil-livell ta’ affidabbiltà li jista’ jkun mistenni minn dik il-klassi ta’ evidenza. Il-liġi tagħti l-istatus tal-prova lil ċerta evidenza, imma biss meta tikkunsidra li l-klassi ta’ evidenza għandha livell suffiċjenti ta’ affidabbiltà, minħabba li billi tagħmel hekk, tkun qed tneħħi d-diskrezzjoni tal-qorti. Dan huwa l-każ tal-evidenza dokumentata. Jekk il-qorti tinterpreta l-kontenut ta’ dokument miksub legalment b’mod inkompatibbli mal-kliem attwali tiegħu, tkun qed tikser l-istatus tal-prova li għandha l-evidenza dokumentata. Il-parti milquta tista’ tuża dan il-ksur biex tappella fuq punti ta’ liġi quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation/Hof van Cassatie).

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-parti li tagħmel l-allegazzjoni għandha tkun tista’ tipprova dan. F’xi każijiet, il-qorti tista’ tordna lil parti biex tipproduċi evidenza, pereżempju billi tqiegħed persuna taħt ġurament (l-Artikolu 1366 tal-Kodiċi Ċivili). Soġġett għal kundizzjonijiet stretti, il-qorti tista’ titlob lil parti biex tagħti dikjarazzjoni ġuramentata, minħabba li l-eżitu tal-każ jiddependi fuqha jew sempliċement biex tiddetermina l-ammont tal-għotja.

Il-qorti tista’ tinterroga lill-partijiet u tordna lix-xhieda jiġu interrogati, ħlief fejn dan huwa pprojbit bil-liġi (l-Artikolu 916 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Tista’ wkoll tordna lill-esperti biex jagħmlu sejbiet ta’ fatt jew jagħtu opinjoni teknika (l-Artikolu 962 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Ir-rikorsi għall-ġbir tal-evidenza jridu isiru minn waħda mill-partijiet fir-rikors prinċipali tagħhom jew f’rikors addizzjonali matul il-proċedimenti. Il-qorti tista’ tapprova jew tiċħad r-rikors, billi tagħti r-raġunijiet tagħha.

Meta dokument irid jiġi vverifikat (l-Artikolu 883 tal-Kodiċi Ġudizzjarju) jew jiġi ddikjarat li dokument huwa falz (l-Artikolu 895 tal-Kodiċi Ġudizzjarju), il-qorti tordna lill-partijiet biex jidhru quddiemha, b’rappreżentanza legali jew mingħajrha, u biex jipproduċu kwalunkwe dokument u karta biex jitqabblu, jew id-dokument li ġie allegat li huwa falz. Il-qorti tista’ tisma’ u tiddeċiedi dwar il-kwistjoni minnufih jew tordna li d-dokument jiġi ppreżentat lir-reġistru, biex wara hija stess tkun tista’ tordna miżuri ta’ inkjesta jew titlob li jitwettqu minn esperti. Il-qorti mbagħad tiddeċiedi dwar il-verifika tad-dokumenti jew l-allegazzjoni tal-falsità.

Meta parti tipproponi li tipprovdi evidenza ta’ fatt permezz ta’ xhieda waħda jew aktar, il-qorti tista’ tippermetti li din l-evidenza tittieħed fejn tkun ammissibbli (l-Artikolu 915 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Ħlief fejn il-liġi tipprojbiha, il-qorti tista’ tordna lix-xhieda jiġu interrogati. Ix-xhieda jissejħu mill-iskrivan tal-qorti mill-inqas tmint ijiem qabel id-data tas-smigħ tagħhom. Huma għandhom jieħdu ġurament u jiġu interrogati individwalment mill-imħallef. L-imħallef jista’ jagħmel mistoqsijiet lix-xhieda fuq inizjattiva tiegħu jew tagħha stess jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet. Ix-xhieda titniżżel bil-miktub, tinqara, tiġi kkoreġuta u miżjuda jekk ikun hemm bżonn, u s-smigħ tax-xhud imbagħad jingħalaq.

Il-qorti tista’ tordna rapport ta’ espert sabiex issolvi jew tevita tilwima. Ir-rapport ta’ espert għandu jillimita ruħu għas-sejbiet tal-fatti u għall-opinjonijiet tekniċi (l-Artikolu 962 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-espert iwettaq ix-xogħol tiegħu jew tagħha taħt is-superviżjoni tal-qorti. Il-partijiet jipprovdu lill-espert bid-dokumenti kollha meħtieġa u jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha tal-espert. Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat sad-data stabbilita bl-ordni tal-qorti. Jekk il-qorti tkun sodisfatta għall-kuntrarju, mhijiex obbligata tosserva l-opinjoni tal-espert.

Fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba tal-partijiet, il-qorti tista’ tordna spezzjoni ta’ post imsemmi fil-proċedimenti (l-Artikolu 1007 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Din l-ispezzjoni, li tista’ titwettaq jew ma titwettaqx fil-preżenza tal-partijiet, titmexxa mill-imħallef li jkun ordnaha jew minn persuna maħtura uffiċjalment għal dan il-għan. Jiġi mħejji u notifikat lill-partijiet rekord uffiċjali tal-azzjonijiet kollha meħuda u tas-sejbiet li jkunu saru.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti m’għandha l-ebda obbligu li tilqa’ ir-rikors ta’ parti għat-teħid tal-evidenza. Madankollu, jekk qorti tintalab tieħu miżura ta’ inkjesta minn awtorità ġudizzjarja oħra hija għandha tagħmel hekk (l-Artikolu 873 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Hemm ħames tipi ta’ evidenza skont il-liġi ċivili ordinarja: evidenza dokumentata, evidenza tax-xhieda, preżunzjonijiet, ammissjonijiet mill-partijiet, u dikjarazzjonijiet ġuramentati (l-Artikolu 1366 tal-Kodiċi Ċivili).

L-evidenza dokumentata (l-Artikolu 1317 tal-Kodiċi Ċivili) tista’ tieħu l-forma ta’ dokument pubbliku (acte authentique/authentieke akte) jew dokument privat (acte sous seing privé/onderhandse akte). Dokument pubbliku huwa dokument imfassal fil-forma preskritta minn uffiċjal pubbliku awtorizzat għal dan il-għan (pereżempju nutar jew reġistratur) u jikkostitwixxi prova sħiħa, bejn il-partijiet u fir-rigward ta’ partijiet terzi, tal-ftehim li jkun fih. Dokument privat li huwa rikonoxxut u ffirmat mill-partijiet kollha kkonċernati, f’numru ta’ kopji daqs kemm hemm partijiet, jikkostitwixxi prova sħiħa bejn il-partijiet. Irid jitfassal dokument pubbliku jew privat għall-kwistjonijiet kollha li jinvolvu somma jew valur ta’ aktar minn EUR 375 (l-Artikolu 1341 tal-Kodiċi Ċivili).

L-evidenza tax-xhieda (l-Artikolu 1341 tal-Kodiċi Ċivili) li tikkontradixxi jew iżżid mal-kontenut tad-dokumenti formali hija inammissibbli. Madankollu, fejn hemm biss evidenza rudimentali bil-miktub jew fejn l-evidenza dokumentata ma tistax tiġi ppreżentata, l-evidenza tax-xhieda hija ammissibbli.

Il-preżunzjonijiet (l-Artikolu 1349 tal-Kodiċi Ċivili) huma konklużjonijiet li permezz tagħhom il-liġi jew il-qorti tiddeduċi fatt mhux magħruf minn fatt magħruf. Il-preżunzjonijiet ma jistgħux iżidu mal-kontenut tad-dokumenti, iżda jistgħu, bħall-evidenza tax-xhieda, jiffurmaw evidenza prima facie li għandha tkun issupplimentata b’evidenza bil-miktub u tissostitwixxi dokumenti li ma jistgħux jiġu ppreżentati.

L-ammissjonijiet mill-partijiet (l-Artikolu 1354 tal-Kodiċi Ċivili) huma ġudizzjarji jew extraġudizzjarji. L-ammissjoni ġudizzjarja (aveu judiciaire/gerechtelijke bekentenis) hija dikjarazzjoni magħmula quddiem il-qorti minn parti jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha, u tikkostitwixxi prova sħiħa kontra l-persuna li tagħmilha. L-ammissjoni extraġudizzjarja (aveu extrajudiciaire/buitengerechtelijke bekentenis), madankollu, mhijiex soġġetta għal xi rekwiżiti formali.

Parti waħda tista’ tintalab mill-oħra biex tieħu ġurament (“ġurament deċiżiv” (serment décisoire / beslissende eed)) (l-Artikolu 1357 tal-Kodiċi Ċivili), jew tista’ tiġi ordnata tagħmel hekk mill-qorti. Fil-każ ta’ ġurament deċiżiv, id-dikjarazzjoni hija evidenza konklużiva biss favur jew kontra l-persuna li tagħmilha.

L-evidenza f’materji kummerċjali mhix regolata (l-Artikolu 25 tal-Kodiċi Kummerċjali), imma hemm forma waħda ta’ evidenza speċifika għal kwistjonijiet kummerċjali, jiġifieri l-fattura aċċettata fil-każ ta’ kuntratti ta’ bejgħ. In-negozjant jista’ dejjem juża fattura aċċettata bħala evidenza valida, filwaqt li d-dokumenti bil-miktub l-oħra kollha jistgħu jservu bħala evidenza biss jekk joħorġu mill-parti opposta.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

L-evidenza tax-xhieda hija meqjusa bħala forma ta’ evidenza indipendenti mill-Kodiċi Ċivili. L-aspetti proċedurali u tekniċi huma regolati mill-Kodiċi Ġudizzjarju. Ir-rapport ta’ espert huwa biss forma waħda ta’ evidenza fost l-oħrajn u huwa regolat mill-Kodiċi Ġudizzjarju. Il-partijiet jistgħu jitolbu lill-qorti biex tissejjaħ xhieda, iżda ma jistgħux jaħtru esperti fuq inizjattiva tagħhom stess; il-qorti biss tista’ tagħmel dan.

L-evidenza dokumentata għandha l-istatus tal-prova, u l-qorti għandha tirrispetta l-kontenut tagħha, iżda l-istess ma japplikax għal rapporti u opinjonijiet ta’ esperti. Jekk il-qorti tkun sodisfatta għall-kuntrarju, din ma tkunx marbuta bis-sejbiet ta’ rapport jew opinjoni (l-Artikolu 962 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Hemm ġerarkija fost il-forom regolati ta’ evidenza. L-ammissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet ġuramentati huma l-ogħla. Id-dokumenti bil-miktub dejjem jikklassifikaw ogħla mill-evidenza tax-xhieda u mill-preżunzjonijiet. Id-dokumenti pubbliċi jikkostitwixxu prova sħiħa bejn il-partijiet u fir-rigward ta’ partijiet terzi, filwaqt li dokument privat rikonoxxut jikkostitwixxi prova sħiħa bejn il-partijiet. L-evidenza tax-xhieda u l-preżunzjonijiet jistgħu jiġu invokati biss jekk l-evidenza dokumentata ma tkunx kompluta jew jekk ma tkunx tista’ tiġi ppreżentata l-evidenza dokumentata tal-ftehim li għandu jiġi ppruvat.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Skont jekk il-każ huwiex wieħed ċivili jew kummerċjali, il-forom ammissibbli ta’ evidenza huma regolati jew mhux regolati. Skont il-liġi ċivili, dokument pubbliku jew privat għandu jitfassal għall-kwistjonijiet kollha li jinvolvu somma jew valur ta’ aktar minn EUR 375 (l-Artikolu 1341 tal-Kodiċi Ċivili). Dawk id-dokumenti biss jistgħu jservu bħala evidenza; l-evidenza tax-xhieda u l-preżunzjonijiet mhumiex ammissibbli. F’materji kummerċjali, b’kuntrast, l-evidenza tax-xhieda u l-preżunzjonijiet li jikkontradixxu jew iżidu mal-kontenut tad-dokumenti huma ammissibbli.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Ix-xhieda jinstemgħu fuq talba tal-partijiet jew b’ordni tal-qorti (l-Artikoli 915 u 916 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Id-dehra tax-xhieda hija regolata mill-Artikolu 923 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Jekk xhud jissejjaħ biex jidher, imma jiddikjara li hemm raġuni leġittima biex jiġi/tiġi skużat/a, il-qorti tiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Raġuni waħda leġittima, pereżempju, tista’ tkun li x-xhud huwa marbut b’obbligu ta’ kunfidenzjalità professjonali (l-Artikolu 929 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Il-persuna msejħa bħala xhieda hija obbligata li tidher. Jekk hu jew hi tonqos milli tidher, il-qorti tista’ fuq talba ta’ waħda mill-partijiet tordna lix-xhud jiġi mħarrek permezz ta’ avviż notifikat minn uffiċjal ġudizzjarju (huissier de justice/gerechtsdeurwaarder) (l-Artikolu 925 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Ix-xhud li jkun ġie mħarrek u jonqos milli jidher jista’ jeħel multa kriminali (l-Artikolu 926 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

L-evidenza tax-xhieda mhix valida meta tingħata minn xi ħadd li ma jkunx legalment kapaċi li jixhed (l-Artikolu 961(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Minuri taħt l-età ta’ 15-il sena ma jistax jixhed taħt ġurament. Kwalunkwe dikjarazzjoni li jagħmlu tista’ sservi biss bħala informazzjoni (l-Artikolu 931, l-ewwel paragrafu, tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Il-minuri għandhom id-dritt li jinstemgħu minn qorti fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, l-arranġamenti tal-għajxien u d-drittijiet ta’ aċċess. Meta l-qorti tiddeċiedi li tisma’ minuri, il-minuri jista’ jirrifjuta li jixhed (l-Artikolu 1004/1 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

It-tfal u qraba oħra fil-linja dixxendenti ma jistgħux jixhdu f’każijiet fejn il-ġenituri jew il-qraba tagħhom fil-linja axxendenti għandhom interessi opposti (l-Artikolu 931, it-tieni paragrafu, tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-partijiet ma jistgħux jinterrompu lix-xhieda matul ix-xhieda tagħhom jew jinterrogawhom direttament, imma għandhom dejjem jindirizzaw lill-imħallef (l-Artikolu 936 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-imħallef jista’, ex officio jew fuq talba ta’ parti, jagħmel kwalunkwe mistoqsija lix-xhieda li tista’ tiċċara jew tissupplimenta x-xhieda tax-xhieda (l-Artikolu 938 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

L-evidenza fuq kliem ħaddieħor hija ammissibbli; mhijiex ipprojbita minn xi dispożizzjoni jew prinċipju legali. Barra minn hekk, l-Artikolu 924 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jawtorizza qorti biex tiddeċiedi li jekk xhud jista’ juri li ma jistgħux jidhru personalment l-evidenza tagħhom tista’ tittieħed kull fejn ikunu.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

L-evidenza li nkisbet illegalment ma tistax tintuża fi proċedimenti legali. Fid-deċiżjoni tagħha, għalhekk, il-qorti għandha tinjora tali evidenza. L-evidenza miksuba b’mod li jikkostitwixxi ksur tal-privatezza, tal-kunfidenzjalità professjonali jew tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza hija illegali u inammissibbli.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Id-dokumenti maħruġa minn parti ma jistgħux jintużaw bħala evidenza favur dik il-parti. Taħt il-liġi kummerċjali, madankollu, fattura għal tranżazzjoni kummerċjali li kienet maħruġa minn negozjant imma aċċettata mill-klijent tista’ tintuża bħala evidenza valida min-negozjant biex tipprova l-fatti rilevanti. Il-kontijiet miżmuma kif xieraq jistgħu jiġu aċċettati mill-qorti bħala evidenza ta’ tranżazzjonijiet bejn in-negozjanti.

L-ammissjoni ġudizzjarja hija dikjarazzjoni magħmula quddiem il-qorti minn parti jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha, u tikkostitwixxi prova sħiħa kontra l-persuna li tagħmel dik l-ammissjoni.

L-aħħar aġġornament: 29/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Bulgarija

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Sabiex dikjarazzjoni li ssir minn litigant tkun rikonoxxuta mill-qorti, trid tiġi ppruvata mill-parti li tagħmel referenza għaliha b’kull mezz ammissibbli ta’ prova previst mil-liġi. Dan ifisser li hemm numru ta’ azzjonijiet proċedurali ta’ tipi differenti, miġbura f’kategoriji skont l-istadju tal-proċedimenti ġudizzjarji.

L-Artikolu 153 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (GPK) jirrikjedi li l-fatti kollha ta’ rilevanza disputibbli biex tingħata deċiżjoni dwar tilwima u r-rabtiet bejniethom jiġu ppruvati, u l-Artikolu 154 tal-GPK jirrikjedi li kull parti tistabbilixxi l-fatti li fuqhom ikunu bbażati l-pretensjonijiet u l-oġġezzjonijiet tagħha.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Skont il-liġi nazzjonali attwali, il-fatti li għalihom preżunzjoni legali tkun ġiet stabbilita bil-liġi huma eżentati mill-oneru tal-provi. Evidenza prodotta sabiex tagħti prova li preżunzjoni legali speċifika ma tkunx valida hija ammissibbli fil-każijiet kollha, ħlief meta pprojbita mil-liġi (l-Artikolu 154(2) tal-GPK).

Barra minn hekk, l-eżenzjoni mill-oneru tal-provi tapplika għal fatti li huma magħrufa sew mill-pubbliku u mill-qorti fuq bażi ex officio li dwarha l-qorti trid tinforma lill-partijiet (l-Artikolu 155 tal-GPK).

B’rabta ma’ dan, mal-bidu tal-proċedimenti l-qorti trid tfassal lista li tiddettalja l-fatti li għandhom jiġu ppruvati, u tindika l-partijiet li jridu jippruvawhom u fuq min jinsab l-oneru tal-provi. Il-qorti tiddeċiedi wkoll dwar l-applikazzjonijiet għall-evidenza ppreżentata mill-partijiet u taċċetta evidenza li tikkostitwixxi prova pertinenti, ammissibbli u neċessarja (l-Artikolu 146 tal-GPK).

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-fatti li għalihom il-partijiet jagħmlu referenza biex isostnu l-pretensjonijiet tagħhom iridu jkunu sostanzjati bil-mezzi relevanti ta’ prova preskritti mil-liġi. Il-qorti trid tikkunsidra kull evidenza sabiex tiddetermina l-piż tagħha fil-każ (jiġifieri d-differenza bejn dokument uffiċjali u wieħed privat).

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

L-evidenza f’kawża tittieħed fuq il-bażi ta’ applikazzjoni bil-miktub mill-parti rilevanti jew fuq mozzjoni magħmula verbalment f’seduta skont ir-regoli għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ dispożizzjoni libera.

Madankollu, meta l-qorti ssib li ċerti provi jkunu rilevanti għal tilwima, din tista’ tordna li dawk il-provi jittieħdu ex officio.

Fl-applikazzjoni tagħha għall-evidenza, il-parti tindika l-fatti u l-mezzi ta’ prova li tkun se tuża biex tissostanzja dawk il-fatti.

Fl-applikazzjoni li tkun qed tfittex permess biex tintervista xhud il-parti trid tindika l-mistoqsijiet li jkunu se jitressqu quddiem ix-xhud, l-isem sħiħ u l-indirizz tax-xhud, u d-data li fiha l-parti tkun tixtieq li x-xhud jiġi mħarrek.

L-applikazzjoni biex tagħmel mistoqsijiet lill-parti li tkun qegħda topponi trid tinkludi l-mistoqsijiet li l-parti tkun se tintalab tirrispondi.

L-applikazzjoni għall-ammissjoni ta’ xhieda ta’ esperti trid tindika l-qasam ta’ għarfien espert speċjali, is-suġġett tal-opinjoni esperta u x-xogħol tax-xhud espert.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Meta l-qorti tagħti l-mozzjoni ta’ evidenza, toħroġ deċiżjoni li tistabbilixxi perjodu għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda. Il-perjodu jibda fiż-żmien tas-seduta tal-qorti li jkun ġie stabbilit fiha, inkluż għal parti li ma tkunx dehret fil-qorti minkejja li tkun ġiet imħarrka.

Skont l-Artikoli 131(1) u 127(2) tal-GPK, il-partijiet għandhom jindikaw l-evidenza u ċ-ċirkostanzi konkreti ssostanzjati b’dik l-evidenza u jippreżentaw l-evidenza bil-miktub kollha disponibbli għalihom fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni u fil-ħin tal-wasla tal-kontroreplika tal-konvenut.

Skont l-Artikolu 158 tal-GPK, meta l-ġbir ta’ ċerti elementi ta’ evidenza jkun dubjuż jew jippreżenta sfida partikolari, il-qorti tista’ tistabbilixxi perjodu għall-ġbir ta’ evidenza u tipproċedi biex tisma’ l-każ mingħajr l-evidenza inkwistjoni, jekk din ma tingħatax fil-perjodu speċifikat. L-evidenza tista’ tittieħed aktar tard fil-proċedimenti, sakemm ma tikkawżax dewmien mhux raġonevoli fil-proċedimenti.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tista’ tirrifjuta l-applikazzjonijiet biex tikseb evidenza b’deċiżjoni speċifika jekk il-fatti li l-parti tixtieq tipprova ma jkollhomx effett fuq il-każ u jekk l-applikazzjonijiet għall-kisba ta’ evidenza ma jkunux ġew ippreżentati fil-ħin. Meta parti titlob li jinstemgħu bosta xhieda sabiex jiġi stabbilit fatt, il-qorti tista’ taċċetta biss uħud mix-xhieda proposti. Jekk il-fatt inkwistjoni ma jkunx stabbilit, jissejħu x-xhieda l-oħra (l-Artikolu 159 tal-GPK).

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi għall-mezzi ta’ evidenza li ġejjin:

  • dikjarazzjonijiet ta’ xhieda, li huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 163 sa 174;
  • spjegazzjonijiet tal-partijiet:
    • li jirrikonoxxu fatt speċifiku;
    • ipprovduti bi tweġiba għal mistoqsijiet speċifiċi;
    • id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli minn 175 sa 177 tal-GPK;
  • evidenza bil-miktub, li hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli minn 178 sa 194 tal-GPK:
    • dokumenti uffiċjali;
    • dokumenti privati.

Tista’ tiġi ppreżentata evidenza bil-miktub miż-żewġ partijiet, iżda tista’ wkoll tkun meħtieġa mill-qorti. L-evidenza bil-miktub tista’ tiġi ppreżentata fuq karta jew f’forma elettronika. Fl-aħħar każ, minbarra verżjoni stampata, il-qorti tista’ titlob li d-dokument jiġi sottomess f’forma elettronika. Jekk parti tippreżenta kopja ta’ dokument, tista’ tingħata struzzjonijiet biex tippreżenta wkoll il-verżjoni oriġinali tad-dokument (l-Artikolu 183 tal-GPK).

Id-dokumenti normalment jiġu ppreżentati bil-Bulgaru. Meta jiġu ppreżentati b’lingwa barranija, id-dokumenti jridu jkunu akkumpanjati minn traduzzjoni preċiża bil-Bulgaru, li l-parti tkun iċċertifikat.

Skont l-Artikolu 187 tal-GPK, jekk il-qorti tkun tista’ tikseb materjal stampat mingħajr diffikultà, huwa biżżejjed li tindika l-post fejn ikun ippubblikat il-materjal.

Il-qorti tista’ tordna li tiġi pprovduta evidenza bil-miktub mill-partijiet jew partijiet terzi mhux involuti fil-każ. Skont l-Artikoli 190 u 192 tal-GPK, kull parti tista’ titlob lill-qorti biex tagħmel dan, u l-qorti tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-evidenza kollha disponibbli għaliha. Sabiex tikseb evidenza bil-miktub minn parti barranija, għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni speċifika bil-miktub lill-qorti. Kopja tal-applikazzjoni tkun disponibbli għall-parti terza inkwistjoni.

Għalkemm il-partijiet għandhom obbligu legali li jippreżentaw l-evidenza, huma jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu dan jekk dokument ikun jikkonċerna l-ħajja personali tagħhom jew dik ta’ membru tal-familja tagħhom, jew jekk il-preżentazzjoni tal-evidenza tesponihom għal opprobru jew prosekuzzjoni kriminali. F’dan il-każ, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, il-qorti tista’ tagħti struzzjonijiet lill-parti biex tippreżenta siltiet mid-dokument.

Skont il-liġi nazzjonali, il-partijiet jistgħu jikkontestaw l-awtentiċità ta’ dokument bil-miktub ippreżentat mill-parti li tkun qegħda topponi iżda iridu jagħmlu hekk sa meta tasal tweġiba għall-preżentazzjoni tagħhom. Jekk id-dokument jiġi ppreżentat waqt seduta, għandu jiġi kkontestat qabel it-tmiem tas-seduta. Jekk il-parti li tkun qed topponi tkun tixtieq tuża d-dokument ikkontestat, il-qorti tordna investigazzjoni dwar l-awtentiċità tiegħu. L-oneru tal-provi huwa fuq il-parti li tikkontesta l-awtentiċità tad-dokument. Jekk id-dokument ikkontestat ma jkollux il-firma tal-parti li tikkontesta l-awtentiċità tiegħu, l-oneru tal-provi jkun fuq il-parti li tkun ippreżentat id-dokument. Wara li tkun wettqet investigazzjoni biex tivverifika l-awtentiċità tad-dokument ikkontestat, il-qorti tiddeċiedi jekk ikunx ġenwin jew falz. Il-qorti tista’ tinkorpora din id-determinazzjoni fis-sentenza tagħha fil-każ (l-Artikoli 193 u 194 tal-GPK).

  • Ir-regoli dwar l-esperti huma stabbiliti fl-Artikoli 195 sa 203 tal-GPK.

L-esperti jinħatru fuq talba tal-partijiet jew mill-qorti li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess. L-esperti jippreżentaw ir-rapporti tagħhom mill-inqas ġimgħa qabel id-data skedata tas-seduta li fiha jrid jiġi ammess ir-rapport.

Jekk il-konklużjoni tax-xhud espert tiġi kkontestata, il-qorti tista’ taħtar xhud espert wieħed jew aktar. Il-qorti tista’ titlob ukoll li x-xhud espert jirrevedi jew jipprovdi t-tieni opinjoni dwar il-kwistjoni.

  • Ir-regoli għall-ispezzjoni viżiva u ċ-ċertifikazzjoni huma stabbiliti fl-Artikoli minn 204 sa 206 tal-GPK.

Fuq talba tal-partijiet jew b’diskrezzjoni tagħha stess, il-qorti tista’ tordna li l-proprjetà mobbli jew immobbli tiġi spezzjonata viżwalment jew li persuna tiġi ċċertifikata bl-involviment jew mingħajru ta’ xhieda u esperti maħtura mill-qorti.

L-ispezzjonijiet viżivi u ċ-ċertifikazzjoni huma metodi għall-ġbir u l-verifika tal-evidenza. Huma jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti kollha u jistgħu jiġu delegati lil membru tal-qorti jew lil qorti oħra.

Il-qorti tgħarraf lill-partijiet bid-data u l-post tal-ispezzjoni viżiva. Jitfassal rekord tal-ispezzjoni viżiva li jagħti dettalji dwar is-sejbiet tal-ispezzjoni, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-esperti u d-dikjarazzjonijiet magħmula mix-xhieda intervistati fis-sit tal-ispezzjoni.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

L-evidenza mix-xhieda tinkiseb permezz ta’ intervisti tax-xhieda. Id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda mressqa bil-miktub huma inammissibbli. Il-konklużjonijiet tal-esperti jiġu ppreżentati bil-miktub mill-inqas ġimgħa qabel id-data skedata tas-seduta u wara jinstemgħu fil-qorti u jiġu ammessi bħala evidenza. Il-qorti u l-partijiet jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lill-esperti.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-liġi proċedurali nazzjonali ma tagħtix piż akbar lil xi tipi ta’ evidenza minn oħrajn. L-evidenza tiġi kkunsidrata fuq il-mertu tagħha stess u fl-intier tagħha dakinhar tal-valutazzjoni tal-fatti ppruvati, li jiddeterminaw il-kawża tar-rikors.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

F’ċerti każijiet espressament stipulati bil-liġi, pereżempju l-validazzjoni ta’ tranżazzjonijiet legali li għalihom huwa meħtieġ att bil-miktub, hija permissibbli biss evidenza bil-miktub. Id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda huma inammissibbli fil-każijiet li ġejjin: rifjut tal-kontenut ta’ dokument uffiċjali; aċċertament ta’ ċirkostanzi li għalihom trid tingħata evidenza fil-forma ta’ att bil-miktub; validazzjoni ta’ kuntratti ta’ valur li jaqbeż BGN 5000, sakemm il-kuntratt ma jkunx ġie konkluż bejn il-konjuġi, axxendenti jew dixxendenti fil-linja diretta, qraba sar-raba’ grad ta’ parentela mid-demm jew qraba biż-żwieġ sa u inkluż il-tieni grad ta’ affinità; ħlas ta’ obbligazzjonijiet monetarji stabbiliti b’deċiżjoni bil-miktub; validazzjoni ta’ ftehimiet bil-miktub li jkun parti għalihom il-litigant li jkun qed ifittex l-ammissjoni ta’ xhud jkun parti jew il-modifika jew tħassir ta’ dawn il-ftehimiet; rifjut tal-kontenut ta’ dokument privat li joriġinaw mill-parti.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Ħadd ma jista’ jirrifjuta li jagħti xhieda sakemm ma jkunx espressament eżentat milli jagħmel hekk mil-liġi.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Minbarra l-avukati tal-partijiet jew il-medjaturi fit-tilwima, il-partijiet li ġejjin jistgħu jirrifjutaw li jixhdu: l-axxendenti jew id-dixxendenti tal-partijiet fil-linja diretta tal-parentela, l-aħwa tagħhom, qraba biż-żwieġ fl-ewwel grad ta’ affinità, konjuġi, ex konjuġi jew sħab tal-liġi komuni (l-Artikolu 166 tal-GPK). Il-qorti tivvaluta d-dikjarazzjoni tax-xhud fid-dawl tal-informazzjoni l-oħra kollha disponibbli fil-każ, filwaqt li tqis kwalunkwe interess personali li x-xhud jista’ jkollu fil-każ.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Skont l-Artikolu 163 tal-GPK, ix-xhieda għandhom jidhru fil-qorti u jixhdu. Jekk xhud ikollu raġunijiet validi biex ma jixhedx jew iwieġeb ċerti mistoqsijiet, huwa irid jiddikjara dawn ir-raġunijiet quddiem il-qorti bil-miktub qabel is-seduta li fiha jkollu jixhed, filwaqt li jipprovdi l-evidenza ta’ sostenn meħtieġa. (l-Artikolu 167 tal-GPK). In-nuqqas ta’ konformità ma’ taħrika u preżenza fil-qorti jwassal għal multa u l-qorti tista’ tordna wkoll li x-xhud jitressaq quddiem il-qorti mill-pulizija ġudizzjarja.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

L-evidenza tista’ tinkiseb mill-partijiet kollha minbarra dawk imniżżla fil-punt 6B, anke jekk dawn ikunu inabilitati jew ma jkollhom l-ebda interess fl-eżitu tat-tilwima. Il-qorti tivvaluta d-dikjarazzjoni tax-xhud billi tqis l-inabbiltà jew l-interess personali tax-xhud.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Ix-xhieda jiġu ammessi fuq talba tal-partijiet jew mill-qorti li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess. It-taħrika tax-xhieda tiġi nnotifikata fl-indirizz mogħti mill-parti li tkun qed titlob għax-xhud. Jekk l-indirizz ma jkunx korrett, il-qorti tistabbilixxi skadenza sa meta dik il-parti trid tindika indirizz ġdid.

Kull xhud li jkun ġie debitament mħarrek u jidher fil-qorti jiġi intervistat separatament fil-preżenza tal-partijiet. Ix-xhud jista’ jiġi intervistat aktar minn darba. Il-qorti tivvaluta d-dikjarazzjoni tax-xhud fid-dawl tal-evidenza l-oħra kollha miġbura f’dan il-każ. Skont l-Artikolu 170 tal-GPK, qabel is-smigħ ta’ xhud, il-qorti tgħarrafhom dwar l-obbligazzjoni għal ġurament falz u tieħu d-dettalji personali tagħhom. Meta l-qorti jkollha raġuni qawwija biżżejjed biex tagħmel dan, tista’ tisma’ x-xhud qabel id-data skedata tas-seduta jew twettaq l-eżami barra mill-qorti. Il-partijiet jiġu mħarrka biex jattendu l-eżami. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għall-eżami ta’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew mezzi tekniċi oħra. Meta tkun trid tinġabar evidenza f’distrett ġudizzjarju ieħor, il-qorti tista’ tiddelega dan il-kompitu lill-qorti tad-distrett lokali (rayonen sad) (l-Artikolu 25 tal-GPK).

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

L-evidenza miksuba illegalment jew li tkun ġiet ippruvata bħala falza wara kontestazzjoni mressqa kontriha skont il-proċedura għall-kontestazzjoni ta’ dokumenti bil-miktub tiġi injorata fid-deliberazzjoni tas-sentenza. Evidenza bħal din tista’ tiġi eskluża mill-każ. L-istess proċedura tapplika għall-evidenza ppreżentata li tinstab li tkun irrilevanti għat-tilwima.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Dikjarazzjoni magħmula minn parti tista’ tiddaħħal bħala evidenza jekk tingħata skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 176 tal-GPK, jiġifieri meta l-qorti tkun ordnat lill-parti biex tidher personalment u tipprovdi spjegazzjonijiet rilevanti għaċ-ċirkostanzi tal-każ.

L-aħħar aġġornament: 18/12/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Repubblika Ċeka

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

L-oneru tal-provi jirriżulta mill-"piż ta’ allegazzjoni", li essenzjalment jiġi determinat mid-dispożizzjoni legali li fuq il-bażi tagħha d-dritt għandu jiġi infurzat quddiem qorti; b’mod partikolari, huwa l-ġabra ta’ fatti li jridu jintalbu f’każ speċifiku. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li kull parti hija meħtieġa tagħti prova tal-affermazzjonijiet tagħha billi tispeċifika l-evidenza rilevanti - dan l-obbligu huwa magħruf bħala "l-oneru tal-provi". Bħala regola ġenerali, il-persuni kollha li jagħmlu affermazzjoni li tkun rilevanti għal każ partikolari huma soġġetti għall-oneru tal-provi.

Il-partijiet kollha jridu jissodisfaw l-obbligi tal-piżijiet ta’ allegazzjoni u tal-provi għall-affermazzjonijiet tagħhom. Jekk il-fatti mitluba minn parti u l-evidenza proposta ma jkunux kompluti, il-qorti hija obbligata li tgħarraf lill-parti dwar dan il-fatt.

Jekk il-qorti ssostni li l-fatti mitluba minn xi waħda mill-partijiet ma jkunux ġewx ippruvati fi proċedimenti kontenzjużi, huwa meħtieġ li tgħarraf lil dik il-parti li l-evidenza trid tkun proposta b’sostenn għall-affermazzjonijiet kollha u li jekk il-parti tonqos milli tissodisfa dan l-obbligu tista’ titlef il-każ. Madankollu, il-qorti hija meħtieġa tgħarraf b’dan waqt is-seduti biss, mhux f’dokumenti tal-qorti mibgħuta lill-partijiet (eż. f’ċitazzjoni).

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

M’hemmx għalfejn tinħareġ evidenza għal fatti li ġeneralment ikunu magħrufa (jiġifieri fatti magħrufa għal grupp kbir ta’ nies f’post partikolari u f’ħin partikolari) jew ikunu magħrufa mill-qorti mill-attivitajiet tagħha, kif ukoll minn leġiżlazzjoni ppubblikata jew notifikata fil-Ġabra ta’ Liġijiet tar-Repubblika Ċeka. Il-qorti tista’ ssir taf bil-liġi barranija permezz tal-istudju tagħha stess, permezz ta’ dikjarazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja fuq talba tal-qorti jew permezz ta’ opinjoni esperta, jew permezz ta’ talba skont it-trattati internazzjonali. Dawn il-fatti kollha jistgħu jiġu konfutati bil-proposta tal-evidenza.

Għal ċerti kategoriji ta’ fatti, il-liġi tista’ tistabbilixxi preżunzjoni. Jista’ jkun hemm preżunzjonijiet konfutabbli li jammettu evidenza kuntrarja u, eċċezzjonalment, suppożizzjonijiet mhux konfutabbli li ma jammettux evidenza kuntrarja. Fil-każ ta’ preżunzjoni konfutabbli, il-qorti għandha tikkunsidraha ppruvata jekk l-ebda waħda mill-partijiet ma tipproponi evidenza biex tirribatti l-preżunzjoni u b’hekk tipprova fatti kuntrarji fil-proċedimenti. B’xi preżunzjonijiet konfutabbli, il-kuntrarju jista’ jiġi ppruvat biss f’limitu ta’ żmien statutorju.

Il-qorti hija marbuta bid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti li reat, offiża jew ksur amministrattiv ieħor li jkunu twettqu jkunu punibbli skont regolamenti speċjali, u deċiżjonijiet għal min ikun wettaqhom. Il-qorti hija wkoll marbuta bid-deċiżjonijiet dwar l-istatus personali. Madankollu, il-qorti mhijiex marbuta b’deċiżjoni rigward reat li jkun twettaq jew b’deċiżjoni dwar min wettqu jekk id-deċiżjoni tkun saret fi proċedimenti fuq il-post. Ebda verdett ieħor taħt sentenza kriminali jew deċiżjonijiet dwar delitti amministrattivi ma jorbot lill-qorti.

Tip speċjali ta’ preżunzjoni konfutabbli hija fatti li jallegaw li parti kienet direttament jew indirettament soġġetta għal diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ sess, razza, fidi jew ċirkostanzi oħra. L-oneru tal-provi mbagħad jitħallas mill-kontroparti, li hija meħtieġa li tagħti prova li l-parti ma ġietx diskriminata.

L-istrumenti maħruġa mill-qrati tar-Repubblika Ċeka jew minn awtoritajiet oħra tal-Istat fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza u l-istrumenti tagħhom iddikjarati pubbliċi bil-leġiżlazzjoni jikkonfermaw li jikkostitwixxu regolament jew dikjarazzjoni tal-awtorità li tkun ħarġet l-istrument (sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor), u jikkonfermaw ukoll il-veraċità tal-fatti ċċertifikati jew ikkonfermati fihom. Meta l-fatti jiġu ppruvati minn strumenti pubbliċi, l-oneru tal-provi jitħallas mill-parti li tkun trid tirrifjuta l-awtentiċità ta’ dawn l-istrumenti. B’kuntrast, meta jkunu involuti strumenti privati, l-oneru tal-provi jitħallas mill-parti li tinvokahom. Jekk parti tissostanzja l-affermazzjonijiet tagħha bi strument privat u l-kontroparti tikkontesta l-awtentiċità jew il-korrettezza tiegħu, l-oneru tal-provi jgħaddi lura għand il-parti fit-tilwima li tkun ipproponiet din l-evidenza, li mbagħad trid tissostanzja l-affermazzjonijiet tagħha b’xi mod ieħor.

Bħala regola, affermazzjonijiet identiċi mill-partijiet m’għandhomx għalfejn jiġu ppruvati u l-qorti tqishom bħala s-sejbiet tagħha.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-prinċipju ta’ evalwazzjoni ħielsa tal-evidenza huwa applikat fi proċedimenti ġudizzjarji, jiġifieri l-liġi ma tipprovdix il-limiti preċiżi li jiddeterminaw meta qorti għandha taċċetta fatt kif ippruvat jew le. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi li "l-qorti tevalwa evidenza fid-diskrezzjoni tagħha, kull xhieda separata u l-evidenza kollha fil-kuntest reċiproku tagħha; il-qorti għandha tqis dak kollu li joħroġ fid-deher fi proċedimenti, inklużi l-fatti ppreżentati mill-partijiet".

Il-qorti taqta’ s-sentenza fuq il-bażi tas-sejbiet tagħha. Is-sejbiet jirrappreżentaw sitwazzjoni li fir-rigward tagħha ma jkun hemm l-ebda dubju raġonevoli jew leġittimu.

B’mod ġenerali, jekk il-kunsiderazzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-evidenza jwasslu għall-konklużjoni li l-veraċità tal-affermazzjonijiet ma tkunx tista’ tiġi kkonfermata jew miċħuda, is-sentenza ma tkunx favorevoli għall-parti li kellha tagħti prova tal-veraċità tal-affermazzjonijiet tagħha.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Fi proċedimenti kontenzjużi, il-prinċipju ġenerali huwa li l-qorti tieħu biss evidenza proposta mill-partijiet. Madankollu, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ċerta evidenza ma titteħiedx – tipikament jekk tqis li l-fatt inkwistjoni jkun ġie ppruvat. Il-qorti tista’ wkoll tieħu evidenza għajr dik proposta mill-partijiet f’każijiet fejn ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti l-fatti u jekk tirriżulta mill-kontenut tal-fajl. Jekk il-partijiet ma jidentifikawx l-evidenza meħtieġa biex jissostanzjaw l-affermazzjonijiet tagħhom, il-qorti għandha tibbaża l-eżami tagħha tal-fatti fuq l-evidenza li tkun ittieħdet. Il-qorti tista’ wkoll tikkunsidra affermazzjonijiet identiċi mill-partijiet skont is-sejbiet tagħha.

Għall-kuntrarju, fi proċedimenti mhux kontenzjużi, jiġifieri fi kwistjonijiet li fihom il-proċedimenti jkunu jistgħu jinbdew ex officio, kif ukoll f’ċerti proċedimenti oħra, il-qorti hija obbligata wkoll li tieħu l-evidenza meħtieġa biex tistabbilixxi l-fatti għajr dik proposta mill-partijiet.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-qorti tieħu l-evidenza matul is-seduti ta’ smigħ. Jekk ikun prattiku, qorti oħra tista’ tintalab tieħu l-evidenza, jew l-imħallef li jippresjedi, bil-mandat tal-kamra, jista’ jieħu l-evidenza barra mis-seduti ta’ smigħ (dan jiddependi wkoll mit-tip ta’ evidenza, eċċ.). Il-partijiet għandhom id-dritt li jkunu preżenti meta tittieħed l-evidenza. Ir-riżultati tat-teħid tal-evidenza jridu dejjem jiġu kkomunikati wara s-seduta ta’ smigħ. Il-partijiet għandhom id-dritt li jikkummentaw dwar kwalunkwe evidenza li tkun ittieħdet.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Liema evidenza tieħu l-qorti jiddependi minnha stess. Id-deċiżjoni tal-qorti li ma tieħux l-evidenza proposta partikolari trid tkun debitament sostanzjata. Ġeneralment, il-qorti ma tieħux evidenza li, fl-opinjoni tal-qorti, ma tkunx tista’ tgħin biex jiġi ċċarat il-każ (jiġifieri biex tevita li tieħu evidenza bla bżonn), u l-qorti ma tieħu lanqas evidenza li tkun tirrikjedi spejjeż sproporzjonati għall-ammont tal-pretensjoni li tkun is-suġġett tat-tilwima, jew jekk l-ammont tal-pretensjoni ma jkunx jista’ jiġi stabbilit għalkollox. Sabiex il-qorti tevalwa b’mod ċar liema evidenza għandha tieħu, il-partijiet huma obbligati jipproponu evidenza speċifika, jiġifieri jispeċifikaw ix-xhieda bl-isem u l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni oħra, u li jiddikjaraw l-affermazzjonijiet li dwarhom ikun se jixhed ix-xhud propost; il-partijiet huma wkoll obbligati jispeċifikaw evidenza dokumentarja jew jiddikjaraw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwistjoni li għandu jindirizzaha espert b’opinjoni esperta.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-mezzi kollha li jistgħu jintużaw biex jiddeterminaw il-fatti ta’ każ jistgħu jintużaw bħala evidenza. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-intervisti tax-xhieda, opinjonijiet esperti, rapporti u dikjarazzjonijiet ta’ awtoritajiet u persuni fiżiċi u ġuridiċi, reġistri ta’ uffiċjal notarili u ta’ infurzar u strumenti oħra, eżami u intervisti tal-partijiet.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Kull persuna fiżika li ma tkunx parti għall-proċedimenti hija obbligata tidher fil-qorti jekk tiġi mħarrka, u li tidher bħala xhud. Xhud jagħti xhieda dwar dak li jkun esperjenza u osserva. Irid jgħid il-verità u ma jaħbi xejn. Ix-xhieda jistgħu jirrifjutaw li jixhdu biss f’każijiet fejn tali xhieda tirriżulta fir-riskju ta’ prosekuzzjoni kriminali għalihom jew għall-persuni qrib tagħhom; il-qorti tiddeċiedi jekk ir-raġunijiet għar-rifjut li tingħata xhieda humiex ġustifikati. Fil-bidu tal-eżaminazzjoni, trid tiġi determinata l-identità tax-xhud flimkien ma’ ċirkostanzi li jistgħu jaffettwaw il-kredibbiltà tiegħu. Jenħtieġ li x-xhieda jiġu mgħarrfa wkoll dwar is-sinifikat tax-xhieda tagħhom, dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u dwar il-konsegwenzi kriminali ta’ xhieda falza. L-imħallef li jippresjedi jitlob lix-xhieda jiddeskrivu kull ma jafu dwar is-suġġett taħt eżami. L-Imħallef imbagħad jistaqsi l-mistoqsijiet meħtieġa li jissupplimentaw u jiċċaraw ix-xhieda tagħhom. Jistgħu jsiru mistoqsijiet ukoll mill-membri tal-kamra u, bil-permess tal-imħallef li jippresjedi, mill-partijiet u l-esperti.

Il-preżentazzjoni tal-evidenza mill-esperti hija differenti prinċipalment minħabba li f’ħafna każijiet l-esperti jħejju opinjoni esperta bil-miktub imbagħad tipikament jipprovdu kummenti bil-fomm dwar din l-opinjoni. Tittieħed evidenza permezz ta’ opinjoni esperta fil-każijiet fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġu evalwati ċirkostanzi li jkunu jirrikjedu għarfien espert. Opinjoni esperta għandha tliet partijiet: is-sejba, fejn l-espert jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi li jkun eżamina; l-opinjoni, li jkun fiha l-valutazzjoni esperta (il-konklużjonijiet tal-espert), u l-klawsola tal-espert. Bħala regola, l-esperti jindirizzaw mistoqsijiet speċifiċi definiti mill-qorti, sakemm opinjoni ma tkunx soġġetta għal rekwiżiti statutorji (speċjalment fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji). L-esperti jinħatru mill-qorti li tagħżilhom minn reġistru ta’ esperti u interpreti (miżmuma mill-qrati reġjonali). L-esperti huma intitolati għal kumpens finanzjarju għat-tħejjija ta’ valutazzjoni esperta jew opinjoni esperta, jekk dan ikun stipulat mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

L-imħallef li jippresjedi jista’ jordna li parti jew persuna oħra tidher quddiem espert, tippreżentalu l-oġġetti meħtieġa, tagħtih l-ispjegazzjonijiet meħtieġa, tgħaddi minn eżami mediku jew test tad-demm, jew tagħmel jew iġġarrab xi ħaġa jekk dan ikun meħtieġ għas-sottomissjoni ta’ opinjoni esperta.

Tista’ tiġi sottomessa wkoll opinjoni esperta minn parti għall-proċedimenti. Jekk opinjoni esperta sottomessa minn parti għall-proċedimenti jkollha l-elementi statutorji kollha u tkun tinkludi klawsola ta’ espert li tiddikjara li jkun konxju mill-konsegwenzi ta’ opinjoni esperta deliberatament falza, l-evidenza għandha tittieħed daqs li kieku kienet opinjoni esperta mitluba mill-qorti. Il-qorti għandha tippermetti espert li waħda mill-partijiet tkun talbitu opinjoni esperta biex jikkonsulta l-fajl jew inkella tippermettilu jsir familjari mat-tagħrif meħtieġ biex ifassal l-opinjoni esperta.

Ix-xhieda jagħtu xhieda dwar il-fatti li jkunu nnutaw direttament, filwaqt li l-esperti jesprimu opinjonijiet biss f’oqsma fejn il-valutazzjoni tal-fatti tkun tiddependi fuq għarfien espert. Il-konklużjonijiet milħuqa minn espert mhumiex soġġetti għal evalwazzjoni tal-qorti f’termini tal-korrettezza tagħhom; il-qorti tevalwa l-persważività tal-opinjoni fir-rigward tal-kompletezza tagħha fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti, il-konsistenza interna u l-konformità ma’ evidenza oħra li tkun ittieħdet.

L-evidenza dokumentarja tittieħed b’tali mod li d-dokument jew parti minnu tinqara, jew il-kontenut jiġi kkomunikat, waqt is-seduta ta’ smigħ mill-imħallef li jippresjedi. L-imħallef li jippresjedi jista’ jitlob li parti li jkollha strument li jkun meħtieġ bħala evidenza tippreżenta dan l-istrument, jew jista’ jikseb dan l-istrument minn qorti oħra, awtorità jew persuna ġuridika.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

M’hemm l-ebda preferenza f’termini tal-metodi applikati, għalkemm xi mezzi ta’ evidenza jistgħu jiġu applikati biss wara li t-teħid ta’ evidenza statutorja jsir impossibbli (bħala regola, diversi atti f’forma obbligatorja bil-miktub – biss jekk, pereżempju, jiġu meqruda, tkun tista’ tinkiseb evidenza b’mezzi oħra, eż. billi jiġu eżaminati x-xhieda). L-evidenza miksuba mill-eżaminar ta’ parti fuq l-affermazzjonijiet tagħha tista’ tiġi ordnata f’każijiet kontenzjużi biss jekk il-fatt inkwistjoni ma jkunx jista’ jiġi ppruvat b’mezzi oħra (ħlief għal kunsens għal eżami). Għalhekk evidenza oħra tieħu preċedenza.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

F’xi każijiet, il-liġi tista’ tistipula liema evidenza tenħtieġ li tinkiseb; dan jiddependi fuq it-tilwima speċifika (eż. fi proċedimenti dwar il-permess għal żwieġ, iż-żewġ għarajjes għandhom jiġu eżaminati).

Ċerti fatti jistgħu jiġu ppruvati biss b’mod partikolari, eż. kont jew ordni ta’ kont jistgħu jinħarġu biss mal-produzzjoni tal-kont oriġinali, deċiżjoni dwar il-ħlas lura tal-kont jew strument ieħor; mandat ta’ eżekuzzjoni jista’ jiġi infurzat biss mal-produzzjoni ta ’deċiżjoni infurzabbli jew titolu ta’ eżekuzzjoni eċċ.).

Għall-istabbiliment ta’ ċerti obbligi jew drittijiet in-rem (speċjalment fir-rigward ta’ proprjetà), il-liġi tirrikjedi kuntratt bil-miktub - il-metodu ta’ preżentazzjoni ta’ evidenza mbagħad jiġi minn dan ir-rekwiżit.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Iva, il-persuni kollha huma rikjesti bil-liġi li jidhru quddiem qorti bħala xhud jekk jiġu mħarrka, u li jixhdu; ma jistgħux ikunu irrappreżentati minn persuna oħra. Ix-xhieda li jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jixhdu huma intitolati għal "indennizz tax-xhieda" (ir-rimborż ta’ spejjeż fi flus u qligħ mitluf).

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Ix-xhieda jistgħu jirrifjutaw li jixhdu f’każijiet fejn tali xhieda tkun tista’ twassal għar-riskju ta’ prosekuzzjoni kriminali tax-xhud jew persuni viċin tiegħu; il-qorti tiddeċiedi jekk ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ xhieda jkunux ġustifikati. Il-qorti għandha wkoll tirrispetta l-obbligu statutorju tax-xhieda li jżommu kunfidenzjalità ta’ informazzjoni klassifikata protetta minn liġi speċjali u obbligi oħra ta’ kunfidenzjalità pprovduti mil-liġi jew rikonoxxuti mill-Istat (eż. fatti speċifikati fid-dokumentazzjoni tas-saħħa ta’ pazjent – "sigrieti mediċi"; sigrieti bankarji; eċċ.). F’dawn il-każijiet, persuna tista’ tiġi eżaminata biss jekk l-eżaminatur ikun inħeles minn dak l-obbligu mill-awtorità kompetenti jew mill-persuna li fl-interess tagħha jkun jeżisti dak l-obbligu.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

L-issodisfar tal-obbligu tax-xhieda jista’ jiġi infurzat billi l-persuna titressaq quddiem il-qorti mill-Pulizija tar-Repubblika Ċeka jew, f’każijiet estremi, billi teħel multa.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

B’mod ġenerali, m’hemmx kategoriji ta’ persuni li jistgħu ma jkunux rikjesti jagħtu xhieda; madankollu, hemm tipi ta’ fatti li ċerti persuni ma jistgħux jixhdu dwarhom (ara l-mistoqsija 2.9).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Huwa biss imħallef (l-imħallef li jippresjedi) li għandu d-dritt li jeżamina xhud u jmexxi l-eżami. Membri oħra tal-kamra u partijiet jew esperti oħra jistgħu jagħmlu aktar mistoqsijiet lix-xhud biss bil-permess tal-imħallef li jippresjedi; l-imħallef li jippresjedi jista’ jirrifjuta mistoqsija speċifika li, pereżempju, tkun mistoqsija li twassal għal tweġiba unika, waħda li tkun intenzjonata li tpoġġi lil dak li jkun dahru mal-ħajt, jew mistoqsija li ma tkunx xierqa jew prattika.

L-użu ta’ teknoloġiji moderni (inkluż il-vidjokonferenzjar) li jippermetti eżami mill-bogħod attwalment huwa permess f’dawk il-qrati li għandhom it-tagħmir tekniku meħtieġ.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Iva. Jekk parti tipproponi evidenza biex tagħti prova għall-pretensjonijiet tagħha li jkunu inkisbu jew ġew akkwistati mill-parti bi ksur ta’ leġiżlazzjoni ġeneralment vinkolanti, u l-kisba jew l-akkwist tal-evidenza jkunu rriżultaw fi ksur tad-drittijiet ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra, il-qorti ma għandhiex tieħu tali evidenza minħabba l-inammissibbiltà tagħha.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Il-qorti tista’ tordna li evidenza tittieħed billi jiġu eżaminati l-partijiet jekk il-fatt inkwistjoni ma jkunx jista’ jiġi ppruvat mod ieħor u jekk il-parti li tkun se tiġi eżaminata taqbel ma’ dan kollu. Din ir-regola ma għandhiex tapplika fi proċedimenti mhux kontenzjużi, jiġifieri fi proċedimenti li jistgħu jinbdew ex officio (ara l-paragrafu 2.1), u fi proċedimenti ta’ divorzju jew proċedimenti dwar ix-xoljiment, l-invalidazzjoni jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ sħubija. L-eżami tal-partijiet li l-qorti tkun ordnat separatament bħala evidenza proċedurali biex tingħata prova għall-fatti ddikjarati biss jitqies bħala mezz ta’ evidenza.

L-aħħar aġġornament: 27/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Irlanda

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

L-oneru tal-provi ta’ dikjarazzjoni partikolari ġeneralment jaqa’ fuq il-parti li tagħmel l-asserzjoni jew id-dikjarazzjoni inkwistjoni. Pereżempju, f’kawża ta’ negliġenza, l-onus għall-wiri bil-provi tan-negliġenza jaqa’ fuq ir-rikorrent u l-oneru tal-provi tan-negliġenza kontributorja jaqa’ fuq il-konvenut. Ġeneralment, prova tal-fatti neċessarji biex tiġi stabbilita raġuni għal kawża taqa’ taħt ir-responsabbiltà tar-rikorrent filwaqt li prova ta’ difiża għall-azzjoni taqa’ taħt il-konvenut u jekk il-konvenut jagħmel kontrotalba, il-konvenut iġarrab l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ dik it-talba. Madankollu, ċertu rekwiżit statutorju kultant jixħet l-onus tal-provi fuq konvenut. Pereżempju, f’talbiet dwar sensja inġusta, l-oneru tal-provi jaqa’ fuq l-impjegatur konvenut, jiġifieri l-impjegatur irid juri li kien hemm raġunijiet sostanzjali li jiġġustifikaw l-għoti tas-sensja. [Ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAtt dwar is-Sensji Inġusti 1977 kif emendat].

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Ma hemmx bżonn li jingħataw provi ta’ fatti li jkunu ammessi. L-imħallfin jistgħu jibbażaw irwieħom fuq l-għarfien ġenerali tagħhom jew jieħdu nota ġudizzjarja tal-fatti li jkunu stabbiliti biċ-ċar jew magħrufa sew jew parti mill-għarfien komuni, u għalhekk ma jkunx hemm bżonn ta’ evidenza tat-tali fatti. Il-liġi tagħmel ċerti preżunzjonijiet li jistgħu jitwaqqgħu b’evidenza li turi bil-kontra. Dawn jinkludu preżunzjonijiet dwar il-leġittimità tat-tfal, il-validità taż-żwiġijiet, il-kapaċità mentali tal-adulti u l-preżunzjoni tal-mewt meta persuna tkun ilha ma tidher jew tinstema’ għal aktar minn 7 snin minkejja li jkunu saru l-inkjesti xierqa kollha. Ir-regola ta’ res ipsa loquitur tapplika meta preżunzjoni ta’ negliġenza ssir f’ċirkustanzi li fihom jintwera li l-kawża tal-aċċident kienet taħt il-kontroll tal-konvenut jew tal-ħaddiema jew tal-aġenti tiegħu fil-mument tal-aċċident u l-aċċident kien tali li fil-perkors normali tal-avvenimenti ma kienx iseħħ li kieku dawk fil-kontroll kienu attenti kif suppost. Meta tiġi invokata l-massima ta’ res ipsa loquitur , din taqleb jew tmexxi l-oneru tal-provi għall-konvenut u dan imbagħad ikun irid juri li hu ma kienx negliġenti. Madankollu, l-oneru tal-provi dwar il-kawżazzjoni jibqa’ fuq ir-rikorrent. Ta’ min jinnota l-fatt li d-duttrina res ipsa loquitur m’għandhiex bżonn tintalab jew tiġi stabbilita fit-talba tar-rikorrent biex rikorrent ikun jista’ jibbaża fuqha matul is-smigħ tal-kawża jekk il-fatti juru li jkun ċar li d-duttrina hi applikabbli.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

F’kawża ċivili, parti tirnexxi fi kwistjoni jekk hi tissodisfa lill-qorti b’rabta ma’ dik il-kwistjoni fuq il-bilanċ tal-probabbiltajiet. B’hekk, jekk parti tonqos milli tissodisfa lill-qorti li l-verżjoni tagħha tal-avvenimenti hi aktar probabbli mill-verżjoni tal-opponent tagħha, din titlef il-kawża. Dan hu standard flessibbli u l-qrati ġeneralment ikunu jeħtieġu aktar provi f’ċerti każijiet, bħal f’każijiet li jinvolvu dikjarazzjoni ta’ frodi, minħabba s-serjetà tal-allegazzjoni.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

L-evidenza tinkiseb fi proċedimenti ċivili permezz tal-iżvelar ta’ dokumenti, permezz tad-divulgazzjoni u permezz tax-xhieda.

Żvelar: F’kawżi quddiem il-Qorti Superjuri, l-iżvelar jinkiseb b’applikazzjoni minn parti għall-oħra bil-miktub li titlob li l-iżvelar isir b’mod volontarju. Il-qorti tordna l-iżvelar biss meta l-parti l-oħra tonqos jew tiċħad milli tagħmel l-iżvelar b’mod volontarju jew tinjora t-talba għall-iżvelar. [Ara r-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaRegoli tal-Qrati Superjuri, Ord. 31, r. 12 kif emendata]. Kwalunkwe żvelar imfittex irid ikun rilevanti u neċessarju għall-fatti inkwistjoni fil-kawża. Hu possibbli wkoll li jintalab l-iżvelar ta’ dokumenti mingħand entità li mhix parti għall-azzjoni.

Divulgazzjoni: Kwalunkwe parti għal kawża dwar danni personali trid tiddivulga lill-parti l-oħra, mingħajr il-ħtieġa ta’ xi applikazzjoni quddiem il-qorti, kwalunkwe rapport mediku mħejji minn esperti li jintalbu jixhdu fil-proċess. [Ara r-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaRegoli tal-Qrati Superjuri, Ord. 39, r. 46 kif emendata].Iż-żewġ partijiet iridu jiskambjaw ukoll il-listi tal-ismijiet u l-indirizzi tax-xhieda kollha li jkollhom l-għan li jsejħu biex jidhru u r-rikorrent irid jipprovdi dikjarazzjoni sħiħa tal-elementi kollha tad-danni speċjali jew tal-ispejjeż li ħallas minn butu assoċjati mat-telf jew mad-dannu li jkun is-suġġett tat-talba.

Xhieda tal-Fatt: Il-partijiet m’għandhomx bżonn il-permess tal-qorti biex iġibu evidenza tax-xhieda b’appoġġ tal-kawżi tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ proċedimenti fil-Lista Kummerċjali tal-Qorti Superjuri, fejn parti li titlob li tibbaża fuq l-evidenza ta’ xhud trid tinnotifika dikjarazzjoni lix-xhud iffirmata mix-xhud li tistabbilixxi l-evidenza tax-xhud u trid tistieden lix-xhud biex jagħti l-evidenza orali fil-proċess. Jekk parti tonqos milli tipprovdi dikjarazzjoni tax-xhud qabel il-proċess fil-Lista Kummerċjali tal-Qorti Superjuri, dik il-parti ma tistax issejjaħ lix-xhud mingħajr il-permess tal-qorti. Il-qorti għandha wkoll setgħat estensivi biex tikkontrolla l-evidenza li tiġi ammessa u tista’ teskludi evidenza li normalment tkun ammissibbli jew tillimita l-kontroeżami ta’ xhud. F’ċerti ċirkustanzi, parti tista’ tapplika wkoll għal ordni mill-qorti biex din tippermetti lil xhud jagħti l-evidenza f’xhieda taħt ġurament meħuda minn eżaminatur maħtur mill-qorti qabel is-smigħ tal-kawża. B’mod ġenerali, xogħol l-imħallef hu li jisma’ l-evidenza kollha miġjuba mill-partijiet u ma jwettaqx missjoni ta’ sejbien tal-fatti. Ġeneralment, imħallef ma jkollu ebda dritt li jsejjaħ lil xhud biex jidher mingħajr il-kunsens tal-partijiet, għad li jista’ jagħmel dan f’każijiet ta’ disprezz ċivili jew f’ċerti proċedimenti dwar il-kura tat-tfal. Imħallef għandu wkoll is-setgħa li jsejjaħ lil xhud li jkun issejjaħ preċedentement minn parti.

Xhieda Esperti: Il-partijiet ġeneralment ma jkollhomx bżonn il-permess tal-qorti biex iġibu evidenza minn esperti b’appoġġ tal-kawżi tagħhom. Meta tkun se tinġieb evidenza minn esperti, il-partijiet għandhom jiskambjaw kwalunkwe perizja minn qabel il-proċess. Fi proċedimenti fil-Lista Kummerċjali tal-Qorti Superjuri, imħallef, bħala parti mill-proċedura ta’ qabel il-proċess, jista’ jordna lix-xhieda esperta biex jikkonsultaw ma’ xulxin għall-finijiet ta’ identifikazzjoni tal-kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom ikun biħsiebhom jixhdu, jilħqu ftehim dwar dak li biħsiebhom jixhdu fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet u jikkunsidraw kwalunkwe materja li l-imħallef jista’ jordnalhom jikkunsidraw. It-tali xhieda esperti jistgħu jiġu ordnati mill-qorti biex iħejju memorandum li jrid jiġi ppreżentat b’mod konġunt minnhom lir-Reġistrar u notifikat minnhom lill-partijiet, li jkun fih l-eżitu tal-laqgħat u tal-konsultazzjonijiet tagħhom. Kwalunkwe eżitu bħal dan tal-konsultazzjonijiet tax-xhieda esperti ma jkunx vinkolanti fuq il-partijiet. [Ara r-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaRegoli tal-Qrati Superjuri, Ord. 63A, r. 6(1)(ix)].

Fuq inizjattiva tagħha stess, il-qorti tista’ taħtar espert bħala assessur biex jassisti lill-qorti b’rabta mal-kwistjoni li tkun se tiġi proċessata. Il-qorti tista’ tordna lill-assessur iħejji rapport, li kopji tiegħu jiġu pprovduti lill-partijiet, u jattendi l-proċess biex jagħti pariri jew assistenza lill-qorti.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Żvelar: Ordni għal żvelar issir minn qorti biss meta l-parti li minnha qed jintalab l-iżvelar tkun naqset jew ċaħdet milli twettaq l-iżvelar jew injorat talba biex isir dan l-iżvelar mixtieq fuq bażi volontarja. Għaldaqstant, jekk il-qorti tordna l-iżvelar, il-parti li titlob l-iżvelar normalment tingħata kumpens għall-ispejjeż talli ppreżentat ir-rikors. Jekk parti għal kawża tiġi ordnata tiżvela ċerti dokumenti fis-setgħa jew fil-pussess tagħha, din trid tagħmel kopji ta’ dawk id-dokumenti disponibbli għall-parti l-oħra. Ordni għal żvelar tiġi rrispettata bil-ġurament ta’ affidavit tal-iżvelar li jistabbilixxi d-dokumenti rilevanti permezz ta’ esibiti għall-affidavit. Nuqqas ta’ rispett ta’ ordni għal żvelar jista’ jwassal biex il-kawża tiġi miċħuda jew biex id-difiża titwaqqa’ bl-għan li jiġi żgurat li l-partijiet għal-litigazzjoni jirrispettaw l-ordnijiet għal żvelar.

Xhieda tal-fatt: Il-partijiet ma għandhomx bżonn il-permess tal-qorti biex iġibu evidenza tax-xhieda b’appoġġ għall-kawżi tagħhom. F’ċirkustanzi li fihom il-qorti tordna li evidenza ta’ xhud tiġi kkumpilata f’xhieda, ix-xhud jixhed oralment quddiem eżaminatur maħtur mill-qorti. L-eżami jsir bħallikieku kien proċess, b’opportunità sħiħa li jsir kontroeżami tax-xhud u bi traskrizzjoni tal-evidenza li tiġi prodotta.

Xhieda Esperti: Il-partijiet ġeneralment ma jkollhomx bżonn il-permess tal-qorti biex iġibu evidenza minn esperti b’appoġġ tal-kawżi tagħhom. L-esperti jistgħu jħejju rapporti bil-miktub fejn huma jistabbilixxu s-sejbiet tagħhom u jagħtu l-opinjoni esperta u imparzjali tagħhom. Meta jitħejjew il-perizji, dawn għandhom jiġu skambjati minn qabel il-proċess. Id-dmir prevalenti tal-espert hu lejn il-qorti u mhux lejn xi waħda mill-partijiet tal-proċedimenti, għad li l-espert jitħallas mill-parti li taħtru.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tista’ tiċħad rikors ta’ parti li tfittex li tikseb jew iġġib ċerta evidenza jekk il-qorti tkun tal-fehma li l-evidenza hi irrilevanti, żejda jew inammissibbli. Skont ir-“regola dwar l-aħjar evidenza”, l-aħjar evidenza u l-aktar evidenza diretta ta’ fatt trid tinġieb jew jekk l-aħjar evidenza ma tkunx disponibbli, in-nuqqas ta’ din irid jiġi spjegat. Pereżempju, l-aħjar evidenza għall-kontenut ta’ ittra partikolari tkun il-produzzjoni tal-ittra nfisha, minflok ma tingħata evidenza orali tal-kontenut tagħha. B’mod ġenerali, l-evidenza kollha rilevanti għal kwalunkwe wieħed mill-fatti inkwistjoni tkun ammissibbli. Madankollu, ċerta evidenza tkun inammissibbli bħal komunikazzjoni privileġġata (pereżempju evidenza ta’ komunikazzjoni kunfidenzjali bejn klijent u avukat). Għaldaqstant, l-ammissibbiltà tal-evidenza tiġi deċiża f’kull każ mill-imħallef.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-fatti jistgħu jintwerew bil-provi permezz ta’ evidenza, ta’ preżunzjonijiet u ta’ inferenzi li jirriżultaw mill-evidenza, u mill-qorti li tieħu nota ġudizzjarja ta’ ċerti fatti magħrufa. It-tipi ta’ evidenza li fuqhom jista’ jiġi bbażat fi proċedimenti ċivili huma testimonjanza tax-xhieda, dokumenti u evidenza reali. Id-dokumenti jistgħu jinkludu dokumenti fuq karti, rekords tal-kompjuter, ritratti, u reġistrazzjonijiet vidjo u awdjo.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Fil-prinċipju, xhieda tal-fatt jixhdu oralment fil-proċess fejn jintalbu jikkonfermaw il-verità u l-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet tagħhom.

Ix-xhieda esperti jixhdu fir-rapporti miktubin sakemm il-qorti ma tordnax xi mod ieħor. Perizja trid tistabbilixxi l-konklużjonijiet, il-fatti u s-suppożizzjonijiet tagħha li fuqhom tkun ibbażata, u s-sustanza tal-istruzzjonijiet tal-espert. Il-qorti tiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn ukoll li espert jattendi l-proċess biex jixhed oralment.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-qorti għandha diskrezzjoni estensiva rigward l-importanza jew il-kredibbiltà li għandha tingħata lil kwalunkwe biċċa evidenza. Pereżempju, evidenza bbażata fuq għajdut, filwaqt li tista’ tkun ammissibbli fi proċedimenti ċivili, spiss iġġorr importanza inferjuri minn testimonjanza diretta, b’mod partikolari jekk min jagħmel id-dikjarazzjoni seta’ jissejjaħ biex jixhed hu stess.

Ċerti dokumenti u rekords jiġu aċċettati bħala awtentiċi. Pereżempju, ir-rekords tan-negozji u tal-awtoritajiet pubbliċi jiġu aċċettati bħala awtentiċi jekk ikunu ċċertifikati bħala tali minn uffiċjali tan-negozju jew tal-awtorità pubblika u diversi tipi ta’ dokumenti uffiċjali (bħal leġiżlazzjoni, ordinamenti, ordnijiet, trattati u rekords tal-qorti) jistgħu jintwerew bil-provi permezz ta’ kopji stampati jew iċċertifikati mingħajr ebda prova ulterjuri.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Ċerti tranżazzjonijiet iridu jsiru bil-miktub u, għaldaqstant, l-evidenza bil-miktub u dokumentarja tkun meħtieġa għall-prova tat-tali tranżazzjonijiet. L-eżempji jinkludu kuntratti għall-bejgħ tal-art.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Bħala regola ġenerali, jekk xhud ikun kompetenti, hu jista’ jintalab jitla’ l-qorti u jixhed. Parti li tixtieq tiggarantixxi l-attendenza ta’ xhud fi proċess tħejji taħrika tax-xhud li teħtieġ li x-xhud jitla’ l-qorti biex jixhed. Ladarba tinħareġ mill-qorti u tiġi notifikata kif xieraq, it-taħrika torbot lix-xhud biex jattendi għas-seduta. Persuna li ma tobdix taħrika għal xhud tkun ħatja ta’ disprezz lejn il-qorti.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Ir-regola ġenerali li x-xhieda kompetenti jistgħu jintalbu jixhdu ma tapplikax għal sovrani barranin u għall-familji tagħhom, għal aġenti diplomatiċi barranin u għal uffiċjali konsulari, għal rappreżentanti ta’ ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali u għal imħallfin u għal ġurati, b’rabta mal-attivitajiet tagħhom f’dawk il-kapaċitajiet. Konjuġi u qraba tal-partijiet jistgħu jintalbu jixhdu fi proċedimenti ċivili. Xhud jiġi obbligat iwieġeb mistoqsija ħlief fiċ-ċirkustanzi li fihom ikun jitlef il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni. Fi kliem ieħor, xhud hu obbligat iwieġeb mistoqsija sakemm ma jkunx jista’ jistabbilixxi li hemm motivazzjonijiet raġonevoli biex jibża’ li t-tweġiba ser ikollha tendenza li tinkriminah.

Ix-xhieda li ġeneralment jistgħu jkunu meħtieġa jixhdu xorta waħda jkunu intitolati jipprevjenu ċerti dokumenti milli jiġu spezzjonati u jiċħdu milli jwieġbu ċerti mistoqsijiet fuq il-bażi tal-privileġġ. It-tipi ewlenin ta’ privileġġ huma privileġġ professjonali legali, komunikazzjoni “mingħajr preġudizzju”, u, kif intqal aktar ’il fuq, il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni.

L-evidenza tista’ titrażżan ukoll fuq il-bażi tar-raġunijiet ta’ immunità għall-interess pubbliku jekk il-produzzjoni tagħha tmur kontra l-interess pubbliku. L-evidenza li tista’ tkun koperta mill-immunità tinkludi evidenza relatata mas-sigurtà nazzjonali, ma’ relazzjonijiet diplomatiċi, mal-ħidma tal-gvern ċentrali, mal-benessri tat-tfal, mal-investigazzjoni ta’ reat u mal-protezzjoni ta’ kollaboraturi. Barra minn hekk, il-ġurnalisti mhumiex meħtieġa jiddivulgaw is-sorsi tagħhom sakemm id-divulgazzjoni ma tkunx neċessarja fl-interessi tal-ġustizzja jew tas-sigurtà nazzjonali jew għall-prevenzjoni ta’ disturb jew ta’ reat.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhud li jiċħad milli jixhed, wara li jkun ġie notifikat b’taħrika għax-xhieda, jista’ jintbagħat il-ħabs għal disprezz tal-qorti sakemm ma jpattix għad-disprezz tiegħu, jew inkella jista’ jkun meħtieġ iħallas multa. Nuqqas ta’ konformità ma’ taħrika għax-xhieda fil-fatt hu nuqqas ta’ konformità ma’ ordni tal-qorti u, b’hekk, kwalunkwe ċaħda ta’ għoti tax-xhieda tista’ tkun disprezz tal-qorti.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

L-adulti mhumiex kompetenti biex jidhru fi proċedimenti ċivili jekk ma jkunux kapaċi jifhmu l-ħalfa jew ma jkunux kapaċi jagħtu testimonjanza razzjonali. Xhud minorenni jaf ma jkunx kompetenti biex jixhed jekk hu ma jkunx jifhem id-dmir li jgħid il-verità jew ma jkollux biżżejjed għarfien biex jiġġustifika s-smigħ tal-evidenza tiegħu u jkun f’idejn l-imħallef partikolari tal-proċess li jiddeċiedi fuq din il-kwistjoni.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Ix-xhieda għall-ewwel jagħtu x-xhieda ewlenija tagħhom u mbagħad jiġu kontroeżaminati mill-avukat tal-parti opposta. Matul il-kontroeżami, jistgħu jsiru mistoqsijiet li jwasslu għal tweġibiet ippjanati lix-xhud. Kultant, ix-xhud jerġa’ jiġi eżaminat mill-parti li tkun sejħitlu biex jixhed inizjalment wara li jintemm il-kontroeżami. L-imħallef ukoll jista’ jagħmel mistoqsija lix-xhud, pereżempju biex jirċievi kjarifika fuq ċerti materji.

Hu possibbli li x-xhieda jixhdu b’xandira televiżiva diretta f’ċerti każijiet. Fi proċedimenti li jikkonċernaw il-benessri ta’ minorenni jew ta’ persuna b’diżabbiltà mentali, il-qorti tista’ tisma’ x-xhieda ta’ minorenni permezz ta’ xandira televiżiva diretta u l-mistoqsijiet lill-minorenni jistgħu jsiru permezz ta’ intermedjarju. L-evidenza b’xandira televiżiva diretta tista’ tiġi riċevuta wkoll meta x-xhud inkwistjoni jkun jgħix barra mill-ġurisdizzjoni tal-Irlanda.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Evidenza miksuba b’mod illegali mhux bilfors tkun inammissibbli. Tkun ammissibbli jekk tkun rilevanti iżda l-imħallef tal-proċess għandu diskrezzjoni biex jeskludiha. Jekk l-imħallef tal-proċess jidhirlu li l-ordni pubbliku jeħtieġ li l-evidenza tiġi eskluża, anki jekk tkun rilevanti għall-fatti inkwistjoni, l-evidenza ma tiġix ammessa.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Dikjarazzjonijiet tax-xhieda mogħtija mill-partijiet għall-proċedimenti huma ammissibbli bħala evidenza daqs dikjarazzjonijiet mogħtija minn entitajiet li ma jkunux partijiet.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.courts.ie/

L-aħħar aġġornament: 13/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Greċja

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Fi kwistjonijiet ta’ prova, il-liġi Griega ssegwi l-prinċipju ta’ prosekuzzjoni tal-parti (archí tis diáthesis). Dan ifisser li l-qorti taġixxi biss fuq ir-rikors ta’ parti u tiddeċiedi fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet fattwali li jsiru u jintwerew mill-partijiet u tar-rikorsi li jippreżentaw. Il-passi proċedurali jittieħdu wara r-rikors ta’ parti, sakemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor. Kull parti tkun meħtieġa turi biss il-fatti li jkollhom importanza għas-sentenza finali tal-kawża u li jkunu neċessarji biex isostnu t-talba jew il-kontrotalba indipendenti tagħha. Rikors li ma jkunx sostnut bil-provi jiġi miċħud.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Meta l-liġi tkun teħtieġ evidenza għall-eżistenza ta’ fatt, kontroprova tkun awtorizzata sakemm ma jkunx hemm regola li tgħid bil-kontra. Fatti li tant ikunu magħrufa sew li ma jkun hemm ebda dubju raġonevoli li huma veri, jew li jkunu magħrufa mill-qorti minħabba proċedimenti ġudizzjarji oħra, jiġu kkunsidrati b’mod awtomatiku, u m’hemmx bżonn li jingħataw provi tagħhom. Il-qorti tieħu f’kunsiderazzjoni b’mod awtomatiku t-tagħlimiet mill-esperjenza komuni, bla ma tkun teħtieġ evidenza. Bl-istess mod, il-qorti tieħu nota tal-liġijiet, tad-drawwiet u tal-użanzi f’pajjiżi oħra fuq inizjattiva tagħha stess, għad li jaf tkun teħtieġ l-evidenza jekk ma tkunx midħla tagħhom.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-qorti tiġġudika l-evidenza liberament u tiddeċiedi bid-diskrezzjoni tagħha stess jekk id-dikjarazzjonijiet li jsiru humiex veri. Fid-deċiżjoni tagħha din tistabbilixxi r-raġunijiet li wassluha biex tikkonkludi b’ċertu mod. Meta l-liġi tistabbilixxi li l-kawża tista’ tiġi determinata fuq il-bilanċ tal-probabbiltajiet biss, eż. fuq applikazzjoni għal miżuri provviżorji (asfalistiká métra), il-qorti mhix obbligata tapplika r-regoli li jirregolaw il-kumpilazzjoni ta’ xhieda, il-forom ammissibbli ta’ evidenza u l-forza tal-evidenza li tista’ tiġi ppreżentata, iżda tista’ tieħu f’kunsiderazzjoni kwalunkwe ħaġa li hi tqis li tkun xierqa biex tasal għal opinjoni rigward il-fatti.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-prinċipju bażiku hu li l-evidenza tiġi proposta u pprovduta mill-partijiet. Madankollu, il-qorti tista’ fuq inizjattiva tagħha stess tordna l-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe evidenza awtorizzata bil-liġi, anki jekk ma tkunx inġiebet minn parti.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Wara l-kumpilazzjoni ta’ xhieda, il-qorti tiddeċiedi dwar is-sustanza tal-kawża, sakemm ma ssibx li l-evidenza kienet insuffiċjenti, f’liema każ tista’ tordna l-preżentazzjoni ta’ evidenza addizzjonali ġdida.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Jekk din issib li l-evidenza eżistenti hi suffiċjenti jew jekk il-parti ma rnexxilhiex tippreżentaha sal-iskadenza legali.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

L-evidenza, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Kódika Politikís Dikonomías) tinkludi ammissjonijiet, spezzjonijiet, perizji, evidenza dokumentarja, is-smigħ tal-partijiet, dikjarazzjonijiet tax-xhieda, preżunzjonijiet tal-fatt u affidavits.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ix-xhieda esperti (pragmatognómones) jassistu lill-qorti billi jagħtu opinjoni dwar mistoqsijiet li jsirulhom mill-qorti. Jekk ikun hemm bżonn, il-qorti teħtieġ li x-xhieda esperti jkunu preżenti meta jitwettqu l-passi ġudizzjarji kollha jew uħud minnhom. Kull qorti żżomm lista ta’ xhieda esperti. Ordnijiet maħruġa fuq proposta mill-Ministru għall-Ġustizzja jistabbilixxu kif jitfasslu u jinżammu l-listi. Il-qorti li tisma' l-kawża tagħti lix-xhieda esperti l-istruzzjonijiet neċessarji dwar kif għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom, u tistabbilixxi b’mod partikolari (a) jekk hi tqisx li hemm bżonn li dawn ikunu preżenti fi kwalunkwe stadju fil-proċedimenti ġudizzjarji, u (b) jekk il-perizja għandhiex tingħata lill-qorti jew titfassal mix-xhieda esperti waħedhom. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor mill-qorti li tisma' l-kawża, l-istess setgħat jistgħu jiġu eżerċitati minn qorti oħra li taġixxi fuq talba jew fuq referenza biex tieħu xi pass ġudizzjarju b’rabta mal-perizja, jew minn imħallef delegat (entetalménos dikastís). Jekk tiġi ordnata opinjoni bil-miktub, il-qorti tistabbilixxi terminu perentorju li sa dan ix‑xhieda esperti jridu jagħtu l-opinjoni tagħhom. L-imħallef jew, fil-każ ta’ diversi mħallfin, il-President tal-qorti, jista’ jestendi t-terminu perentorju fuq it-talba tax-xhieda esperti u mingħajr ma l-partijiet ikunu ġew imħarrka qabel, jekk ix-xhieda esperti jqisu li ż-żmien permess ma jkunx adegwat għat-tħejjija tal-opinjoni. Jekk ikun hemm aktar minn xhud espert wieħed, dawn iwettqu l-azzjonijiet meħtieġa kollha għat-tħejjija ta’ perizja u jfasslu l-opinjoni tagħhom bil-miktub b’mod konġunt. Dawn jiltaqgħu wara l-istedina ta’ kwalunkwe wieħed minnhom. Opinjoni bil-miktub trid tiddikjara l-azzjonijiet li huma wettqu u tagħti l-fehmiet ta’ kull wieħed minnhom, bir-raġunijiet, u trid tkun iffirmata minnhom. Jekk kwalunkwe wieħed mix-xhieda esperti ma jkunx preżenti meta titfassal l-opinjoni, jew jiċħad milli jiffirmaha, dan jiġi ddikjarat fl-opinjoni. Ix-xhieda esperti jew persuna awtorizzata minnhom għal dan l-għan jippreżentaw l-opinjoni bil-miktub lir-reġistru tal-qorti li taħtarhom u l-fatt jiġi reġistrat. Jekk l-opinjoni tiġi ppreżentata lir-reġistru ta’ qorti fuq talba jew fuq referneza mill-qorti tal-imħallef delegat, ir-rapport jingħadda minnufih lir-reġistru tal-qorti li tipproċessa l-kawża. Il-qorti dejjem tivvaluta l-opinjoni tax-xhieda esperti liberament.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Ammissjoni orali jew bil-miktub (omología) li ssir minn parti f’qorti jew quddiem l-imħallef delegat tikkostitwixxi prova sħiħa kontra l-persuna li tagħmilha; ammissjonijiet li jsiru barra mill-qorti, bħal kull evidenza oħra, jiġu vvalutati liberament.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Kuntratti u atti ta’ natura kollettiva ma jistgħux jintwerew bil-provi b’evidenza tax-xhieda jekk il-valur tat-tranżazzjoni jkun ogħla minn EUR 20 000, u l-evidenza tax-xhieda ma tkunx permessa kontra l-kontenut tal-evidenza dokumentarja anki jekk il-valur tat-tranżazzjoni jkun anqas minn GRD 2 miljun jew EUR 20 000. Iżda l-evidenza tax-xhieda xorta waħda tiġi ammessa fil-każijiet li ġejjin: (a) meta jkun hemm evidenza bażika pprovduta minn dokument b’valur probatorju li jagħmilha tidher anqas probabbli li t-tranżazzjoni tabilħaqq twettqet (il-“bidu tal-evidenza bil-miktub”, archí éngrafis apódeixis); (b) jew jekk ikun hemm raġuni fiżika jew morali għaliex id-dokument ma jistax jiġi prodott; (c) jekk jintwera li dokument tfassal iżda ntilef b’mod aċċidentali; (d) jekk l-evidenza tax-xhieda tkun ġustifikata min-natura tat-tranżazzjoni jew mill-kundizzjonijiet speċjali li skont dawn saret, u speċjalment jekk tikkonċerna negozjati kummerċjali.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Kull min jintalab jidher biex jiġi eżaminat bħala xhud irid jidher u jiddikjara l-fatti li jaf bihom. Jekk il-persuna tonqos milli tidher, mingħajr ġustifikazzjoni, il-qorti tordnalu jħallas l-ispejjeż ikkawżati mill-assenza tiegħu, u tista’ timponi multa wkoll.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Il-persuni li ġejjin għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jiġu eżaminati bħala xhieda: (1) membri tal-kleru, avukati, nutara, tobba, spiżjara, infirmiera, qwiebel, l-assistenti tagħhom, u l-avukat tal-parti, fir-rigward ta’ fatti li jsiru jafu bihom meta jipprattikaw il-professjoni tagħhom; (2) il-persuni relatati mal-partijiet bid-demm, biż-żwieġ jew b’adozzjoni sat-tielet grad ta’ parentela, f’linja diretta jew f’linja kollaterali, sakemm ma jkunux relatati bl-istess mod mal-partijiet kollha, u konjuġi, eks konjuġi, u persuni għarajjes li se jiżżewġu. Barra minn hekk, xhud ma jkunx obbligat jixhed dwar (1) fatti li jistgħu jwasslu għall-prosekuzzjoni ta’ reat imwettaq mix-xhud jew minn persuna li tiġi minnu skont it-tifsira tal-Artikolu 401(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jew li jistgħu jirriflettu fuq l-unur tax-xhud jew fuq l-unur ta’ persuna bħal din, (2) fatti li jikkostitwixxu sigriet professjonali.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhud li jidher iżda li jiċħad milli jixhed, anki meta jkun meħtieġ jagħmel dan, jista’ jiġi ordnat iħallas multa mill-qorti.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu eżaminati bħala xhieda:

  1. qassisin, fir-rigward ta’ kull ħaġa li jsiru jafu biha matul is-sigriet tal-qrar;
  2. persuni li, fiż-żmien tal-avvenimenti inkwistjoni, ma kellhomx il-kapaċità mentali li jifhmuhom jew mhumiex kapaċi jikkomunikaw dak li jipperċepixxu;
  3. persuni li, fiż-żmien tal-avvenimenti inkwistjoni, kienu fi stat ta’ disturb mentali li effettivament illimita l-operat tas-sentenza tagħhom u r-rieda tagħhom jew li huma fi stat tali meta jkunu se jiġu eżaminati;
  4. avukati, nutara, tobba, spiżjara, infirmiera, qwiebel, l-assistenti tagħhom, u l-avukat tal-parti, fir-rigward ta’ fatti li ntqalu lilhom b’mod kunfidenzjali jew li saru jafu bihom matul it-twettiq tal-professjoni tagħhom li għalihom għandhom dmir ta’ kunfidenzjalità, sakemm il-persuna li tkun qaltilhom b’kunfidenzjalità u li lilha huma dovuti jħarsu d-dmir ta’ kunfidenzjalità ma tippermettilhomx jixhdu;
  5. impjegati taċ-ċivil u persunal li jservi fil-militar fir-rigward ta’ fatti li għalihom għandhom dmir ta’ kunfidenzjalità, sakemm il-ministru responsabbli ma jippermettilhomx li jiġu eżaminati;
  6. persuni li jista’ jkollhom interess fl-eżitu tal-proċess.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Qabel ma jiġi eżaminat, xhud irid jieħu l-ġurament (billi jaħlef ħalfa reliġjuża jew billi jagħmel affermazzjoni). Ix-xhieda jiġu eżaminati b’mod separat u biss jekk jitqies li jkun essenzjali li dawn jiġu kkonfrontati ma’ xhieda oħra jew mal-partijiet. Ix-xhieda jagħtu l-evidenza tagħhom oralment. Ix-xhieda jridu jiddikjaraw kif l-evidenza li jkunu qed jagħtu saru jafu biha, u fil-każ ta’ evidenza minn għajdut, dawn iridu jiddikjaraw min hi l-persuna li wasslitilhom l-informazzjoni. Il-qorti tista’ tipprojbixxi mistoqsijiet li jsiru lil xhieda minn partijiet jew mill-avukat tagħhom jekk ikun ċar li jkunu inutli jew irrilevanti, u tiddikjara l-eżami ta’ xhud bħala mitmuma meta hi tqis li jkun iddikjara dak kollu li jaf dwar il-fatti li jridu jiġu pprovati. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li għandha ssir vidjokonferenza f’kawża speċifika, fuq inizjattiva tagħha stess jew wara applikazzjoni minn parti. Il-qorti tiddeċiedi jekk taċċettax applikazzjoni bħal din wara li tistabbilixxi jekk l-użu tat-teknoloġija huwiex neċessarju għat-tmexxija effettiva tal-proċedimenti. B’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-qorti tista’ tilqa’ applikazzjoni għal vidjokonferenza filwaqt li tesiġi garanziji addizzjonali għat-tmexxija xierqa tal-proċedimenti. L-imħallef, ir-reġistrar u l-persuni l-oħra li jieħdu sehem fil-vidjokonferenza jridu jkunu preżenti fil-kmamar rispettivi qabel il-ħin skedat tal-konnessjoni. Il-qorti tikkunsidra fuq bażi ta’ każ b’każ jekk għandux ikun hemm imħallef involut fil-post imbiegħed. It-tagħmir jiġi mmaniġġjat mill-imħallef jew minn persunal awtorizzat tal-qorti. Fil-każ ta’ awtorità konsulari, it-tagħmir jiġi mmanġġjat minn persuna awtorizzata mill-kap tad-delegazzjoni. Smigħ b’vidjokonferenza jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili li jirregolaw il-pass ġudizzjarju kkonċernat. L-imħallef jiddetermina n-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu preżenti fil-kmamar. Dan imexxi s-seduta ta' smigħ u jipprovdi l-gwida neċessarja lill-persuni li jkunu preżenti fiż-żewġ postijiet. Kull membru tal-qorti jew parteċipant fil-proċess huwa intitolat, bil-permess tal-imħallef li jmexxi s-seduta ta' smigħ, li jagħmel mistoqsijiet lill-partijiet, lix-xhieda u lix-xhieda esperti preżenti. Biex tiġi stabbilita l-identità tal-persuna fil-kamra mbiegħda, l-imħallef jiġi assistit mir-reġistratur jew minn persuna fil-post imbiegħed li tkun ġiet awtorizzata mill-avukat. L-imħallef li jmexxi s-seduta jiddeċiedi meta l-vidjokonferenza tkun waslet fi tmiemha. Is-smigħ tax-xhieda, tax-xhieda esperti u tal-partijiet b’vidjokonferenza jitqies li jkun seħħ quddiem il-qorti u jkollu l-istess saħħa evidenzjali bħal seduta f’qorti miftuħa.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Il-qorti tista’ tikkunsidra evidenza legali biss. Il-kunċett ta’ evidenza “legali” (nómima endeiktiká mésa) jinkludi l-mezzi li bihom tinkiseb l-evidenza. Evidenza miksuba illegalment hi illegali, u ma tiġix ikkunsidrata.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Iva, l-eżami tal-partijiet jiġi aċċettat bħala evidenza.

L-aħħar aġġornament: 14/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Spanja

1 L-oneru tal-provi

Biex dritt jiġi rikonoxxut quddiem qorti, trid tiġi pprovduta l-evidenza tal-fatti li jkunu qed jiġu allegati. Dan jinvolvi t-twettiq ta’ attività proċedurali, li l-istadji u t-tempestività tagħha huma regolati.

Il-partijiet li jieħdu sehem fil-proċedimenti jridu juru bil-provi l-fatti li qed jallegaw u li fuqhom huma bbażati t-talbiet tagħhom. Għaldaqstant, ir-rikorrent irid jipprovdi evidenza tal-fatti fir-rikors tiegħu, filwaqt li l-konvenut irid ikun kapaċi juri bil-provi fatti li jipprevjenu, iħassru jew idgħajfu l-effettività legali tal-fatti fir-rikors.

Il-parti bl-oneru tal-provi ġġarrab il-konsegwenzi preġudizzjarji ta’ nuqqas ta’ provi. B'hekk, jekk meta jasal il-waqt biex tinqata’ s-sentenza jew deċiżjoni simili, il-parti ma tkunx uriet bil-provi l-fatti li hi tkun qed tallega, il-qorti tiċħad it-talbiet. Biex tattribwixxi nuqqas ta’ prova ta’ ċertu fatt lil waħda mill-partijiet, il-qorti tqis il-faċilità li biha parti tista’ turi provi ta’ dak il-fatt.

Hu essenzjali li l-persuni kollha li jixtiequ jirrikorru għall-qrati janalizzaw minn qabel il-possibbiltajiet tagħhom li jirnexxilhom juru bil-provi dak li qed jallegaw biex jevitaw milli jaħlu żmien u flus (spejjeż legali) jekk ma jirnexxilhomx jagħmlu dan. Għal dan l-għan, hemm bżonn li wieħed ikollu xi għarfien, anki jekk ferm ġenerali u bażiku, dwar ir-regoli li jirregolaw l-istadju evidenzjali tal-proċedimenti.

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

L-istadju evidenzjali fil-liġi Spanjola hu regolat mill-Kapitoli V u VI tat-Titolu I, Volum II (Artikoli 281 sa 386) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil) (Liġi 1/2000 tas-7 ta’ Jannar 2000). Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili fih kummenti ġenerali dwar l-evidenza fit-Taqsima XI tal-introduzzjoni (teknikament magħrufa bħala l-preambolu) li jistgħu jkunu ta’ interess għal kull min jixtieq isir jaf kif il-leġiżlatur Spanjol jara l-istadju evidenzjali tal-proċedimenti.

Ċerti proċedimenti għandhom regoli speċjali dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda li jbiddlu r-regoli ġenerali, bħall-proċedimenti li jinvolvu lil minorenni jew lil familji. L-evidenza tista’ tiġi kkumpilata wkoll fil-Qorti tat-Tieni Istanza (Juzgado de Segunda Instancia). Normalment din tkun evidenza li ma setgħetx tiġi kkumpilata fil-Qorti Ġenerali (Juzgado de Primera Instancia) għal raġunijiet li ma jkunux attribwibbli għar-rikorrent.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Tradizzjonalment issir distinzjoni fil-livell teoriku bejn provi tal-fatti u provi tal-liġi, għad li fil-verità l-liġi mhix kwistjoni li trid tintwera bil-provi peress li trid tkun magħrufa mill-imħallef. Eċċezzjoni għal din hi l-liġi barranija, li jaf ikollha bżonn tintwera bil-provi. L-għoti ta' prova ta’ liġi barranija hu regolat mil-Liġi dwar il-kooperazzjoni legali internazzjonali f’materja ċivili (Ley de cooperación jurídica internacional en materia civil), li skont din l-imħallef jista’ jitlob rapporti dwar materja relatata ma’ liġi barranija, normalment permezz tal-awtorità ċentrali Spanjola. Jekk il-liġi barranija ma tintweriex bil-provi, tista’ tiġi applikata l-liġi Spanjola, għad li l-imħallef juża din is-setgħa f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss.

Ma hemmx bżonn li jintwerew bil-provi fatti li jkunu magħrufa fis-sħuħija tagħhom u b’mod ġenerali jew fatti li fuqhom il-partijiet jaqblu, ħlief f’każijiet li fihom is-suġġett tal-proċedimenti jkun barra mill-kontroll tal-partijiet; fi kliem ieħor, il-proċedimenti dwar il-kapaċità ġuridika tal-persuni, il-parentela, iż-żwieġ u minorenni.

Il-preżunzjonijiet stabbiliti bil-liġi jeżentaw lill-parti li tibbenefika mill-preżunzjoni milli tipprovdi prova tal-fatt preżunt. Fil-każ ta’ preżunzjonijiet bħal dawn, evidenza li turi bil-kontra tiġi ammessa sakemm ma tkunx projbita b’mod espliċitu mil-liġi. Preżunzjonijiet stabbiliti bil-liġi jinkludu s-sjieda konġunta ta’ proprjetà u ta’ flus miksuba minn wieħed mill-konjuġi jew mit-tnejn wara ż-żwieġ, ħlief meta jkun jista’ jintwera bil-provi li dawn ikunu jappartjenu b’mod esklużiv għal wieħed/waħda minnhom, il-preżunzjoni li l-konjuġi jgħixu flimkien, u l-preżunzjoni li persuna nieqsa kienet ħajja sal-mument meta ġiet dikjarata mejta.

Bħala regola ġenerali, in-nuqqas ta’ tweġiba mill-konvenut għar-rikors u nuqqas milli jidher ma jeżentawx lill-konvenut mill-oneru tal-provi tal-fatti biex isostni d-dikjarazzjonijiet tiegħu. Madankollu, hemm eċċezzjonijiet li fihom nuqqas ta’ oġġezzjonijiet mill-konvenut iwassal biex l-imħallef joħroġ sentenza li ssostni t-talbiet tar-rikorrent. Dan hu l-każ, pereżempju, fi proċedimenti ta’ talbiet żgħar u fi proċedimenti għat-tkeċċija mid-dar minħabba nuqqas ta’ ħlas.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-fatti allegati mill-partijiet fid-dikjarazzjonijiet tat-talba u tad-difiża tagħhom iridu jintwerew bil-provi, u l-qorti trid twettaq l-evalwazzjoni tagħha fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, filwaqt li tikkunsidra l-evidenza kollha kkumpilata u n-natura ta’ din (pereżempju, dokument pubbliku ma jkollux l-istess valur bħal dikjarazzjoni minn waħda mill-partijiet). L-evalwazzjoni tal-evidenza u r-raġunijiet għaliex l-imħallef jasal għal ċerti konklużjonijiet iridu jiġu stabbiliti fis-sentenza. Minbarra l-evidenza diretta, hemm ukoll evidenza indiretta, li tfisser li ladarba fatt jiġi ammess jew muri bil-provi fis-sħuħija tiegħu, il-qorti tista’ tippreżumi li fatti ieħor hu minnu dment li jkun hemm rabta preċiża u diretta bejn iż-żewġ fatti. Il-qorti trid tistabbilixxi fid-deċiżjoni r-raġunijiet li wasluha mill-fatt muri bil-provi għall-fatt preżunt.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Skont il-prinċipju li l-qorti trid tiġġudika biss fuq il-kwistjonijiet ippreżentati lilha (principio dispositvo) li jirregola l-proċedimenti ċivili, il-partijiet iridu jipproponu lill-qorti l-evidenza li biħsiebhom jippreżentaw matul il-proċedimenti. Madankollu, il-qorti tista’ tiddeċiedi minn jeddha li ċerta evidenza tista’ tiġi kkumpilata biss fil-każijiet stabbiliti bil-liġi. B’hekk, matul is-seduta preliminari fil-proċedimenti ċivili ordinarji, jekk l-imħallef iqis li l-evidenza proposta mill-partijiet ma tkunx suffiċjenti biex jiġu ċċarati l-fatti kkontestati, dan jista’ jinforma lill-partijiet bil-fatt li jista’ jkun affettwat mill-insuffiċjenza tal-evidenza, u jindika wkoll l-evidenza li l-partijiet jistgħu jipproponu.

Fi proċedimenti li jikkonċernaw il-kapaċità legali tal-persuni, il-parentela, iż-żwieġ u minorenni, l-imħallef jista’, indipendentement mill-evidenza li l-partijiet jew is-servizz tal-prosekuzzjoni jitolbu, jikkumpila kwalunkwe xhieda li hu jqis neċessarja biex jiddeċiedi l-proċedimenti skont it-tip ta’ proċedimenti inkwistjoni.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Fil-proċedimenti orali (talbiet sa €6 000), wara l-proposta u l-ammissjoni tal-evidenza matul is-seduta, l-imħallef jipproċedi biex jikkumpila x-xhieda fil-proċedimenti propji.

Fil-proċedimenti ordinarji (talbiet li jisbqu s-€6 000), wara l-ammissjoni tal-evidenza fis-seduta preliminari (li fiha jiġu solvuti l-kwistjonijiet proċedurali wkoll), tiġi stabbilita data għall-proċedimenti u l-kumpilazzjoni ta’ xhieda tiġi posposta għal dak iż-żmien. Il-partijiet jiġu mħarrka biex jagħmlu dikjarazzjonijiet, ix-xhieda li l-partijiet stess ma setgħux iġibu magħhom quddiem il-qorti jiġu mħarrka, l-esperti jiġu mħarrka meta l-partijiet ikunu jixtiequ jiksbu kjarifika jew spjegazzjonijiet rigward l-opinjonijiet espressi, u l-istituzzjonijiet li jkunu fil-pussess tad-dokumenti li l-partijiet ma setgħux jiddivulgaw mat-talba u mad-difiża jiġu kkuntattjati, dment li l-partijiet ikunu indikaw l-arkivji fejn jinsabu d-dokumenti. Kwalunkwe xhieda li ma jkollhiex bżonn tiġi kkumpilata matul il-proċedimenti (bħal żjarat f’ċerti postijiet) tiġi kkumpilata qabel il-proċedimenti. F’każ li l-unika evidenza ammessa fis-seduta preliminari tkun fil-forma ta’ dokumenti, u dawn ma jkunux ġew ikkontestati, jew meta tiġi prodotta perizja u ebda parti ma titlob il-preżenza tal-espert fis-seduta preliminari, il-qorti toħroġ sentenza wara s-seduta preliminari, mingħajr ma tistabbilixxi data għall-proċedimenti.

Ir-regola ġenerali hi li l-evidenza tiġi kkumpilata mill-istess imħallef jew qorti li jisimgħu l-kawża, anki meta x-xhud ma jkunx resident fid-distrett u jkollu jivvjaġġa għall-awla tal-qorti dakinhar li jiġi mħarrek (għad li bid-dritt li jitlob il-kumpens korrispondenti mingħand il-parti li tipproponih kif stipulat mill-iskrivan tal-qorti u mingħajr ħsara għad-dritt sussegwenti ta’ dik il-parti li titlob kumpens mingħand il-parti l-oħra jekk tirbaħ l-ispejjeż legali). Hu biss f’każijiet eċċezzjonali, bħad-distanza konsiderevoli li tkun involuta, li tkun tista’ tintalab assistenza ġudizzjarja biex tiġi riċevuta d-dikjarazzjoni fil-qorti tal-posta ta’ residenza tax-xhud. F’dan il-każ, ittra ta’ talba tiġi indirizzata lill-qorti l-oħra (fil-livell nazzjonali) jew jintuża mekkaniżmu stabbilit permezz tar-regoli dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, skont fejn tkun trid tiġi riċevuta d-dikjarazzjoni. F’dan l-aħħar każ, il-partijiet iridu jgħaddu l-mistoqsijiet li jridu jsiru bil-miktub. Il-vidjokonferenza qed tintuża dejjem aktar u, f’dawn il-każijiet, ma jkunx hemm bżonn li l-mistoqsijiet jiġu fformulati minn qabel. Hu biżżejjed li tintalab vidjokonferenza mingħand il-qorti tal-post fejn tkun ser issir.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Evidenza ta’ fatti inkontestabbli jew evidenza li ma tkunx rilevanti għas-suġġett tal-proċedimenti ma tiġix ammessa, u lanqas evidenza li, skont regoli u kriterji raġonevoli u partikolari, ma tikkontribwixxix biex jiġu ċċarati l-fatti kkontestati. Fl-ebda każ il-qorti ma tammetti evidenza li tinkiseb b’mod illegali, li tmur kontra d-drittijiet fundamentali jew li tfittex l-assistenza tal-qorti biex jinkisbu dokumenti disponibbli għall-partijiet.

B’mod ġenerali, l-evidenza trid tiġi proposta fil-proċedimenti orali jew fis-seduta preliminari. L-evidenza proposta barra miż-żmien allokat ma tiġix ammessa.

Fi proċedimenti li jinvolvu l-kapaċità legali, il-familja u minorenni, jistgħu jiġu introdotti fatti ġodda wara t-talba u d-difiża, u b’mod partikolari fil-Qorti tat-Tieni Istanza meta jiġi ppreżentat appell kontra s-sentenza jew l-appell jiġi kkontestat. Evidenza ġdida tista’ tiġi proposta f’każijiet bħal dawn, dment li l-perjodu għall-qtugħ tas-sentenza ma jkunx beda. Fi proċedimenti oħra, meta l-perjodu għall-preżentazzjoni tal-argumenti jkun intemm u jinstab fatt sinifikanti ġdid, il-partijiet jistgħu jgħarrfu lill-qorti bil-miktub u jitolbu wkoll il-kumpilazzjoni ta’ xhieda jekk il-parti l-oħra ma tagħrafx il-fatt bħala veru.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-mezzi ta’ prova li jistgħu jintużaw fil-proċedimenti huma: eżaminazzjoni tal-partijiet; dokumenti pubbliċi; dokumenti privati; perizji; eżami ġudizzjarju; eżami tax-xhieda; u mezzi ta’ riproduzzjoni ta’ kliem, ta’ ħsejjes u ta’ immaġnijiet, kif ukoll strumenti li jippermettu l-ħżin, is-sejbien u r-riproduzzjoni ta’ kliem, ta’ data, ta’ ċifri u ta’ operazzjonijiet matematiċi mwettqa għal finijiet kontabilistiċi jew għal finijiet oħra li jkunu rilevanti għall-proċedimenti.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

TESTIMONJANZA TAX-XHIEDA: m’hemm ebda bżonn li jissemmew ix-xhieda fit-talba jew fid-difiża, peress li fi proċedimenti orali, kull parti trid tidher fid-data indikata għas-seduta mal-persuni li jkunu se jixhdu fil-proċedimenti. Il-partijiet iridu jitolbu lill-qorti tħarrek lix-xhieda li huma ma rnexxilhomx iġibu magħhom il-qorti, filwaqt li tordnalhom jidhru fi żmien tliet ijiem mir-riċevuta tat-taħrika. Fi proċedimenti ordinarji, ix-xhieda jiġu identifikati fis-seduta preliminari, meta, minbarra kwistjonijiet proċedurali, jiġu ddeterminati l-fatti kkontestati tal-kawża u tiġi proposta u ammessa l-evidenza relatata magħhom.

It-testimonjanza tax-xhieda dejjem tkun orali u tingħata dakinhar tal-proċedimenti (hekk ukoll il-kjarifiki meqjusa li għandhom jintalbu mingħand l-esperti). Madankollu, hemm eċċezzjoni waħda għal din ir-regola ta’ smigħ tax-xhieda: meta jkun hemm bżonn li l-persuni ġuridiċi jew l-entitajiet pubbliċi jipprovdu informazzjoni dwar il-fatti sinifikanti tal-proċedimenti, iżda ma jkunx neċessarju li l-persuni fiżiċi jinstemgħu b’mod individwali. F’dan il-każ, minflok dikjarazzjoni orali, tiġi ppreżentata lill-entità lista ta’ mistoqsijiet li l-partijiet jixtiequ li jitwieġbu u li l-imħallef iqis bħala pertinenti. It-tweġiba ssir bil-miktub.

TESTIMONJANZA TAL-ESPERTI: il-perizji dejjem jingħataw bil-miktub. Wara li jippreżentawhom u jinqraw dawk tan-naħa l-oħra, il-partijiet iridu jiddeċiedu jekk hemmx bżonn li l-espert jieħu sehem fil-proċedimenti biex jipprovdi kwalunkwe kjarifika jew spjegazzjoni li tista’ tkun neċessarja.

Jekk il-partijiet jixtiequ jagħmlu użu mit-testimonjanza ta’ espert, il-perizja li fuqha jkunu bbażati d-dikjarazzjonijiet tagħhom trid tiġi ppreżentata mat-talba jew mad-difiża, ħlief meta dan ma jkunx possibbli, f’liema każ dawn iridu jindikaw l-opinjonijiet li jkun biħsiebhom jużaw. Barra minn hekk, dawn iridu jipproduċu l-opinjonijiet malli jkunu disponibbli, u fi kwalunkwe każ, ħamest ijiem qabel ma tibda s-seduta preliminari fil-proċedimenti ordinarji, jew ħamest ijiem qabel is-seduta fil-proċedimenti orali. Minkejja dan, il-partijiet jistgħu jitolbu li jinħatar espert mill-qorti meta jippreżentaw it-talba jew id-difiża, f’liema każ l-opinjoni tinħareġ b’mod sussegwenti (normalment fil-perjodu bejn is-seduta preliminari u l-proċedimenti, iżda b’biżżejjed żmien minn qabel biex il-partijiet ikunu jistgħu jistudjawha qabel is-seduta).

Figura intermedjarja bejn ix-xhud u l-espert hu x-xhud espert, li jkun xhud li kapaċi jipprovdi informazzjoni dwar kwistjonijiet tekniċi relatati mal-proċedimenti. Normalment, ix-xhieda esperti jkunu awturi ta’ rapporti ppreżentati mat-talba jew mad-difiża bħala evidenza dokumentarja, u ma jagħtux testimonjanzi esperti.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Iva. Dokumenti pubbliċi jipprovdu prova sħiħa tal-fatt, tal-att jew tal-istat kurrenti li jkunu qed jiddeskrivu, kif ukoll id-data li fiha ġiet prodotta d-dokumentazzjoni u l-identità tan-nutara u tal-persuni involuti fil-produzzjoni tagħhom. Jekk l-awtentiċità ta’ dokument pubbliku tiġi kkontestata, dan jiġi verifikat u jitqabbel mal-oriġinali, ikun fejn ikun. Minkejja dan, dawn li ġejjin jipprovdu prova legali sħiħa mingħajr ebda bżonn ta’ verifika jew ta’ tqabbil, ħlief jekk ikun hemm evidenza li turi bil-kontra jew tqabbil tal-kitba bl-idejn, fejn possibbli: dokumenti pubbliċi antiki li ma jkollhomx protokoll ta’ nutar u kwalunkwe dokument pubbliku li għalih ikun nieqes l-oriġinali jew li għalih ma jkun hemm ebda rekord għall-fini ta’ verifika jew ta’ tqabbil.

Dokumenti privati jipprovdu wkoll prova sħiħa fil-proċedimenti meta ma jiġux ikkontestati mill-parti li għalihom ikunu preġudizzjarji. Jekk dokument privat jiġi kkontestat, il-parti li tipproduċih tista’ titlob tqabbil tal-kitba bl-idejn jew kwalunkwe mezz ieħor ta’ prova li jkun jivverifika l-awtentiċità ta’ dan. Jekk ma jkunx possibbli li tintwera prova tal-awtentiċità tad-dokument privat, dan jiġi evalwat f’konformità mar-regoli ta’ kritika solida, li jiġu segwiti wkoll meta tiġi evalwata l-bqija tal-evidenza kkumpilata. Jekk, wara kontestazzjoni, jirriżulta li d-dokument ikun awtentiku, il-parti li tikkontestah tista’ tiġi ordnata tħallas mhux biss għall-ispejjeż involuti, iżda anki multa.

Finalment, jekk il-bqija tal-evidenza ma turix xi mod ieħor, is-sentenza tikkunsidra bħala veru kwalunkwe fatt li parti tkun għarfet bħala tali fid-dikjarazzjonijiet tal-partijiet jekk dik il-parti tkun ħadet sehem b’mod personali fihom u l-istabbiliment tagħhom bħala veri jkun preġudizzjarju għalkollox għaliha.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Fil-prinċipju, ma hemm ebda regola li tindika liema evidenza trid tintuża biex jintwerew provi ta’ ċerti fatti, iżda hu loġiku li, pereżempju, fil-każ ta’ talba għal ammont ta’ flus li tirriżulta minn relazzjonijiet kummerċjali bejn il-partijiet, l-eżistenza jew is-saldu tad-dejn bażikament jiġu ddeterminati permezz ta’ evidenza dokumentarja. It-testimonjanza esperta tkun meħtieġa meta jkun hemm bżonn ta’ għarfien xjentifiku, artistiku, tekniku jew prattiku biex jiġu evalwati l-fatti jew iċ-ċirkustanzi li jkunu rilevanti għall-kwistjoni jew biex tinkiseb ċertezza akbar dwarhom.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Xhieda li jiġu mħarrka huma obbligati jidhru fil-proċedimenti jew fis-seduta indikata. Jekk jonqsu milli jagħmlu hekk, dawn jeħlu multa ta’ €180 sa €600, soġġetti għal perjodu ta’ ħamest ijiem li matulu jistgħu jinstemgħu. Jekk ix-xhud ma jidhirx meta jiġi mħarrek għat-tieni darba, is-sanzjoni ma tibqax sempliċi multa: imbagħad ix-xhud jiġi qed juri disprezz lejn il-qorti, xi ħaġa li x-xhieda jiġu mwissija dwarha fil-bidu nett.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Il-prinċipju ġenerali li jobbliga lix-xhieda jixhdu ma japplikax għal xhieda li, minħabba l-istatus jew il-professjoni tagħhom, għandhom dmir li jżommu sigrieti l-fatti li jkunu qed jiġu interrogati dwarhom, f’liema każ dawn iridu jiddikjaraw hekk, filwaqt li jagħtu raġunijiet, u l-qorti, b’kunsiderazzjoni tar-raġunijiet għaċ-ċaħda milli jixhdu, tiddeċiedi x’għandu jiġri fir-rigward tal-eżami tagħhom, u tista’ teħlishom mill-obbligu li jwieġbu. Jekk ix-xhud jinħeles mill-obbligu li jwieġeb, dan irid jiġi reġistrat.

Jekk jiġi allegat mix-xhud li l-fatti li dwarhom qed isirulu mistoqsijiet huma relatati ma’ kwistjoni li ġiet dikjarata jew klassifikata legalment bħala kunfidenzjali, il-qorti, fil-każijiet li tqis li dan ikun neċessarju fl-interessi tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, titlob mingħand il-korp kompetenti fuq inizjattiva tagħha stess dokument uffiċjal li jikkonferma dan. Ladarba l-qorti tivverifika li l-allegazzjoni ta’ kunfidenzjalità tkun korretta, hi tordna li d-dokument jitqiegħed fir-rekords, inklużi l-mistoqsijiet koperti mis-segretezza uffiċjali.

Barra minn hekk, qabel id-dikjarazzjonijiet tagħhom, ix-xhieda jridu jsirulhom mistoqsijiet mill-qorti rigward iċ-ċirkustanzi personali tagħhom (rabtiet familjari jew ħbiberija mal-partijiet jew mibegħda lejn dawn, interess personali fil-kwistjoni, eċċ.), u fid-dawl tat-tweġibiet tagħhom, il-partijiet jistgħu jippreżentaw kummenti lill-qorti rigward l-imparzjalità tagħhom.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Ix-xhieda huma obbligati jidhru jekk jiġu mħarrka mill-qorti u huma obbligati jaħilfu jew iwiegħdu li se jgħidu l-verità, filwaqt li jiġu mwissija dwar is-sanzjonijiet stabbiliti għar-reat ta’ ksur tal-ġurament fil-proċedimenti ċivili. Ix-xhieda huma obbligati jixhdu bil-mod stabbilit fl-Artikolu 366 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Jekk xhud jiċħad milli jixhed, dan għandu jitqies li qed juri disprezz lejn il-qorti, u jkun soġġett għal multa, jew, skont is-serjetà ta’ din, iċ-ċaħda tista’ potenzjalment tikkostitwixxi reat.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Kulħadd jista’ jkun xhud, ħlief dawk imċaħħda b’mod permanenti mir-raġuni jew mill-użu tas-sensi tagħhom (dawl, smigħ, eċċ.) fir-rigward tal-fatti li jistgħu jkunu jafu bihom biss billi jużaw dawn is-sensi.

Minorenni taħt l-età ta’ erbatax-il sena jistgħu jaġixxu bħala xhieda jekk, fl-opinjoni tal-qorti, dawn ikollhom il-livell neċessarju ta’ maturità biex ikunu jafu u jgħidu l-verità.

Skont il-liġi ta’ Spanja, il-kunċett tradizzjonali ta’ xhud jirreferi għal persuni fiżiċi, iżda dan ma jżommx lir-rappreżentanti legali tal-persuni ġuridiċi milli jidhru bħala xhieda biex jipprovdu informazzjoni dwar fatti li huma midħla tagħhom minħabba l-kariga tagħhom. Fil-każ ta’ persuni ġuridiċi u ta’ entitajiet pubbliċi, il-possibbiltà li jinformaw lill-qorti bil-miktub hi prevista b’mod espliċitu, kif diġà ntqal aktar ’il fuq (l-Artikolu 381 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-mistoqsijiet li jiġu ammessi mill-qorti jsiru b’mod dirett mill-avukati tal-partijiet, billi tibda l-parti li tkun ipproponiet lix-xhud. Ladarba jitwieġbu l-mistoqsijiet li jsiru mill-avukat tal-parti li tkun ipproponiet it-testimonjanza tax-xhud, l-avukati ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet l-oħra jistgħu jagħmlu lix-xhud kwalunkwe mistoqsija ġdida li huma jqisu li hi siewja biex jiċċaraw il-fatti. L-imħallef jista’ jagħmel ukoll mistoqsija lix-xhud biex jikseb kjarifiki u informazzjoni addizzjonali.

Fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet, il-qorti tista’ tippermetti lil xhud li jkun għamel dikjarazzjoni li tikkontradixxi serjament dik ta’ xhud ieħor jew ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet eżaminati preċedentement biex jiġi kkonfrontat ma’ dak ix-xhud jew ma’ dik il-parti.

Ix-xhud jista’ jiġi eżaminat b’vidjokonferenza jekk jintalab hekk u jekk il-qorti taqbel. Dan ikun il-każ meta d-dikjarazzjoni b’vidjokoneferenza tkun l-aktar mod xieraq u proporzjonat biex tiġi kkumpilata l-evidenza fid-dawl taċ-ċirkustanzi involuti (bażikament, distanza konsiderevoli bejn ir-residenza tax-xhud u l-awla tal-qorti), filwaqt li dejjem jiġu żgurati l-prinċipju tal-kuntradittorju u d-dritt tad-difiża tal-partijiet.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

Din hi l-attività li biha l-imħallef jiddetermina l-effikaċja tal-evidenza kkumpilata b’mod ġenerali, skont ir-regoli ta’ kritika solida. Madankollu, kif indikat aktar ’il fuq, hemm ċerti tipi ta’ evidenza li l-evalwazzjoni tagħhom hi stabbilita bil-liġi; pereżempju, fir-rigward ta’ dokumenti pubbliċi u privati u tal-eżami tal-partijiet, f’ċerti każijiet.

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Evidenza li tinkiseb b’mod illegali ma tistax tiġi ammessa. Barra minn hekk, evidenza miksuba b’mod dirett jew indirett bi ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet fundamentali ma jkollha ebda effett. Għaldaqstant, evidenza bħal din tiġi injorata mill-qorti meta tiddeċiedi dwar il-kawża.

Jekk waħda mill-partijiet temmen li nkisru d-drittijiet fundamentali meta nkisbet jew instabet kwalunkwe evidenza li ġiet ammessa, din trid tiddikjara dan minnufih, filwaqt li tinnotifika lill-partijiet l-oħra fejn dan ikun xieraq. Imbagħad l-imħallef jiddeċiedi dwar il-legalità ta’ din l-evidenza.

Jekk l-imħallef stess jemmen li nkiser dritt fundamentali meta nkisbet l-evidenza, dan jiċħad l-evidenza ex officio.

Din il-kwistjoni, li tista’ titqajjem ukoll mill-qorti fuq inizjattiva tagħha stess, tiġi solvuta fil-proċedimenti jew, fil-każ ta’ proċedimenti orali, fil-bidu tas-seduta, qabel ma tibda tiġi kkumpilata l-evidenza.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Jekk parti tintalab tixhed mill-parti l-oħra, l-evalwazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni tiddependi mill-kontenut tat-tweġibiet mogħtija. B’hekk, jekk il-bqija tal-evidenza ma turix xi mod ieħor, is-sentenza tikkunsidra bħala veru kwalunkwe fatt li parti tkun għarfet bħala tali jekk dik il-parti tkun ħadet sehem b’mod personali fihom u l-istabbiliment tagħhom bħala veri jkun ta' preġudizzju għalkollox għaliha. F’kull aspett ieħor, il-qorti tevalwa l-kontenut tad-dikjarazzjoni skont ir-regoli ta’ kritika solida.

Bl-istess mod, il-qorti tista’ taċċetta bħala veri fatti personali dwar il-partijiet jekk dawn ma jidhrux biex jixhdu jew, wara li jidhru, jiċħdu milli jixhdu jew jaħarbu mill-mistoqsijiet, dment li dawn ikunu fatti li fihom il-parti li tkun qed tiġi eżaminata tkun ħadet sehem personalment u l-istabbiliment tagħhom bħala veri jkun ta’ preġudizzju sħiħ jew parzjali għalihom. Barra minn hekk, kwalunkwe parti li ma tidhirx tkun soġġetta għal multa ta’ bejn EUR 180 u EUR 600.

L-aħħar aġġornament: 29/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Franza

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Skont il-Kodiċi Ċivili (Code civil), il-persuna li titlob l-eżekuzzjoni ta’ obbligu trid turi bil-provi l-eżistenza ta’ dan. Għall-kuntrarju, persuna li titlob il-ħelsien tagħha trid tiġġustifika t-tneħħija tal-obbligu.

Għalhekk, fil-prinċipju, kull waħda mill-partijiet fil-kawża trid tipprovdi prova tal-fatti allegati. Pereżempju, l-Artikolu 9 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili “Code de procédure civile” jistabbilixxi li: “Kull parti trid turi bil-provi, skont il-liġi, il-fatti neċessarji għas-suċċess tat-talba tagħha.”

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

F’ċerti każijiet, ikun hemm preżunzjonijiet li jagħtu eżenzjoni mill-obbligu tal-għoti ta’ provi ta’ fatt li jkun impossibbli jew diffiċli li jiġi stabbilit.

B’ċertu mod, il-preżunzjonijiet legali jdawru bil-kontra l-oneru tal-provi inkombenti fuq il-persuna li trid tagħti prova tal-eżistenza tal-fatt allegat. B’mod ġenerali, jingħad li l-preżunzjonijiet huma “sempliċi”: imbagħad tista’ tiġi pprovduta evidenza li tiċħadhom. Pereżempju, meta tarbija titwieled fiż-żwieġ, ir-raġel tal-omm jiġi preżunt li hu l-missier, iżda tista’ tinfetaħ kawża li tikkontesta l-paternità.

F’każijiet aktar rari, il-preżunzjonijiet jiġu ddikjarati juris et de jure: f’dan il-każ, ebda evidenza li turi bil-kontra ma tkun ammissibbli.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-qorti tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq fatti murija bil-provi jew mhux ikkontestati.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Inkjesti preparatorji jistgħu jiġu ordnati mill-imħallef fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, iżda l-imħallef jista’ jieħu l-inizjattiva wkoll.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Jekk l-imħallef jordna inkjesti preparatorji fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, l-uffiċċju tal-qorti jinforma lit-tekniku maħtur bl-ambitu tal-missjoni tiegħu; dan tal-aħħar imbagħad jistieden lill-partijiet biex ikunu preżenti f’kull operazzjoni sussegwenti. Jekk tkun meħtieġa testimonjanza esperta, din ma tibdiex sakemm il-parti rilevanti tgħaddi somma flus (kapparra) li trid tiġi deċiża mill-imħallef, li tiggarantixxi l-ħlas għall-espert. L-inkjesti preparatorji kollha jitwettqu fil-preżenza tal-partijiet.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

L-imħallef jista’ jiċħad talba għal inkjesti preparatorji fuq il-bażi li din ikollha l-effett li tikkumpensa għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-parti li ġġarrab l-oneru tal-provi jew li mhix neċessarja.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Id-dritt ċivili ta’ Franza jagħmel distinzjoni. Għal fatti legali (pereżempju aċċident), prova tkun diskrezzjonarja u, għalhekk, tista’ tiġi pprovduta bi kwalunkwe mezz (dokumenti, testimonjanza mix-xhieda, eċċ.). Għal atti legali (kuntratt, donazzjoni, eċċ.), fil-prinċipju tkun meħtieġa evidenza bil-miktub, iżda l-liġi tippermetti eċċezzjonijiet (pereżempju, għal atti relatati ma’ somma anqas minn ċertu ammont, definit mid-digriet, jew jekk ikun impossibbli li jiġi prodott dokument bil-miktub). Ta’ min jiġi nnotat li bejn in-negozjanti, tapplika r-regola tal-evidenza bi kwalunkwe mezz, inkluż għal atti legali.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

It-testimonjanza tax-xhieda tista’ tiġi kkumpilata b’żewġ forom separati: b’mod orali, permezz ta’ proċedura investigattiva, jew bil-miktub, fil-forma ta’ dikjarazzjonijiet li jridu jirrispettaw ċertu grad ta’ formalità. Id-dikjarazzjoni bil-miktub trid issemmi b’mod partikolari l-identità tax-xhud u, jekk applikabbli, ir-relazzjoni tal-familja tiegħu jew ir-relazzjoni permezz ta’ żwieġ, ta’ subordinazzjoni, ta’ kollaborazzjoni jew ta’ komunità ta’ interess tiegħu ma’ waħda mill-partijiet. Id-dikjarazzjoni tindika wkoll li din tfasslet għall-użu fi proċedimenti legali u li l-awtur tagħha hu konxju li testimonjanza falza tinvolvi r-riskju ta’ sanzjonijiet kriminali. Hu possibbli wkoll li tinġabar testimonjanza fil-forma ta’ affidavits. (Dawn huma dokumenti mfassla minn imħallef jew minn uffiċjal pubbliku li jkun fihom id-dikjarazzjonijiet li jsiru minn diversi xhieda dwar il-fatti li jridu jintwerew bil-provi).

Perizja tvarja minn testimonjanza ta’ xhud peress li hi inkjesta preparatorja li tikkonsisti fl-inkarigu lil persuna partikolarment kompetenti bil-kompitu li tagħti opinjoni purament teknika, wara li l-partijiet ikunu ġew mistiedna jipprovdu spjegazzjonijiet. L-esperti jagħti opinjoni, b’mod orali jew bil-miktub. L-opinjonijiet bil-miktub jitfasslu fil-forma ta’ rapport li jkun fih b’mod partikolari l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet. L-imħallef mhuwiex marbut bil-perizja.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Att awtentikat, imfassal minn uffiċjal pubbliku (nutar, bailiff) matul il-qadi ta’ dmirijietu, jitqies li hu awtentiku sakemm ma tiddaħħalx eċċezzjoni ta’ falsifikazzjoni.

Ftehim privat (dokument imfassal mingħajr l-intervent ta’ uffiċjal pubbliku, mill-partijiet infushom u bil-firem tagħhom biss) jitqies li hu awtentiku fin-nuqqas ta’ evidenza li turi bil-kontra.

It-testimonjanza tax-xhieda, kif ukoll mezzi oħra ta’ prova, taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-imħallef.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Kif stipulat taħt il-punt 2.4, prova bil-miktub hi neċessarja biex jitfassal dokument legali b’valur li jisboq l-EUR 1 500. Għall-kuntrarju, il-forma ta’ evidenza ta’ fatt hi diskrezzjonarja.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Kull persuna hi obbligata tikkoopera fil-proċedimenti legali bl-għan li tinstab il-verità.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Persuni fil-pussess ta’ informazzjoni miġbura fit-twettiq tal-professjoni tagħhom u koperti minn segretezza professjonali jridu jiċħdu milli jixhdu, għaliex jekk ma jagħmlux dan jistgħu jkunu soġġetti għal sanzjoni kriminali. Barra minn hekk, ix-xhieda jistgħu jiċħdu b’mod selettiv milli jixhdu jekk ikunu jistgħu juru bil-provi impediment ġust (pereżempju: impossibbiltà ta’ vvjaġġar, mard, raġunijiet professjonali, eċċ.). L-imħallef jivvaluta l-leġittimità ta’ dan l-impediment.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhieda kontumaċi u dawk li, mingħajr raġuni leġittima, jiċħdu milli jixhdu jew milli jaħilfu jistgħu jiġu ordnati jħallsu multa ċivili li tasal sa EUR 3 000.

Irid jiġi indikat ukoll li ksur tal-ġurament hu punibbli bħala reat kriminali.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Kwalunkwe persuna tista’ tinstema’ bħala xhud, ħlief għal persuni li ma jistgħux jixhdu fil-qorti, u din l-eċċezzjoni tkopri lil dawk bi skwalifiki ċivili (minorenni u adulti protetti) jew b’ċerti kundanni kriminali (tiċħid tad-drittijiet ċivili). Madankollu, l-imħallef jista’ jinterrogahom għall-finijiet informattivi, mingħajr ma jkunu taħt ġurament. Barra minn hekk, id-dixxendenti tal-konjuġi qatt ma jistgħu jinstemgħu jew jixhdu fi proċedimenti ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni legali.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

L-imħallef imexxi l-eżami tax-xhieda u jagħmlilhom mistoqsijiet. Filwaqt li jkunu preżenti, il-partijiet ma jistgħux itellfu lix-xhieda jew jindirizzawhom b’mod dirett ħalli ma jinfluwenzawhomx. Jekk l-imħallef iqis li hu meħtieġ li jsir hekk, l-imħallef jagħmel il-mistoqsijiet li l-partijiet jixtiequ jagħmlu lix-xhieda.

Ma hemm xejn xi jżomm lill-imħallef milli jagħmel reġistrazzjoni awdjo, vidjo jew awdjoviżiva tal-inkjesti preparatorji, meta ċ-ċirkustanzi jitolbu hekk (bħal fil-każ ta’ separazzjoni ġeografika).

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

L-imħallef ma jaċċettax evidenza miksuba b’mezzi frawdolenti (kamera moħbija, reġistrazzjoni ta’ konverżazzjoni fuq it-telefown mingħajr l-għarfien tal-kelliem, eċċ.) jew b’mod li ma jirrispettax il-privatezza.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet għall-kawża ma jkollhomx l-istatus ta’ evidenza.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSit web ta’ Legifrance

L-aħħar aġġornament: 14/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - il-Kroazja

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Ir-regoli dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda u l-preżentazzjoni, l-għażla, il-ġbir, l-eżaminar u l-valutazzjoni tal-elementi tal-evidenza fil-proċedimenti ċivili huma stabbiliti fl-Artikoli 219 sa 276 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (Narodne novine (NN; Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 53/91, 91/92, 112/99, 129/00, 88/01, 117/03, 88/05, 2/07, 96/08, 84/08, 123/08, 57/11, 25/13 u 89/14 (ZPP)).

Ir-regola ġenerali hi li kull parti trid tistabbilixxi l-fatti u tippreżenta l-evidenza li fuqhom hi bbażata d-dikjarazzjoni tagħhom, jew li bihom tikkontesta d-dikjarazzjonijiet u l-evidenza tal-parti opposta, li tfisser li fil-liġi proċedurali (ċivili) tal-Kroazja, il-prinċipju tad-dritt li tinstema’ jippredomina fil-ġbir tal-fatti u fil-preżentazzjoni tal-evidenza.

Għaldaqstant, kull parti trid turi bil-provi l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ fatti li huma favorevoli għaliha, li fuqhom huma bbażati d-dikjarazzjonijiet (u l-oġġezzjonijiet) tagħhom, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi.

Bħala regola, il-qorti hi awtorizzata tistabbilixxi biss il-fatti li l-partijiet stabbilixxew u tikkumpila biss ix-xhieda li l-partijiet ippreżentaw. Bħala eċċezzjoni, il-qorti hi awtorizzata (u obbligata) tistabbilixxi l-fatti li l-partijiet ma jkunux stabbilixxew u li tikkumpila xhieda li l-partijiet ma ppreżentawx biss jekk hi tissuspetta li l-partijiet ikun biħsiebhom jasserixxu dikjarazzjonijiet li mhumiex awtorizzati jasserixxu.

Jekk, fuq il-bażi tal-evidenza prodotta (l-Artikolu 8 taz-ZPP), il-qorti ma tistax tistabbilixxi fatt b’ċertezza, din tiddeċiedi dwar l-eżistenza tal-fatt billi tapplika r-regoli dwar l-oneru tal-provi.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

L-evidenza tinkludi l-fatti kollha ta’ importanza biex tinħareġ deċiżjoni.

Mhuwiex neċessarju li jintwerew provi tal-fatti li l-parti tirrikonoxxi quddiem il-qorti matul il-proċedimenti, iżda l-qorti tista’ wkoll tordna l-preżentazzjoni ta’ evidenza għal dawn il-fatti jekk hi tqis li, meta rrikonoxxiethom, il-parti kellha l-għan li tirrinunzja talba li mhix permessa tirrinunzja (l-Artikolu 3 taz-ZPP).

Barra minn hekk, ir-regoli legali huma eżentati minn evidenza għaliex għandha tapplika r-regola li l-qorti titqies li taf il-liġi (iura novit curia).

Ma hemmx bżonn li jingħataw provi ta’ fatti li jkunu għarfien komuni. Madankollu, hu ammissibbli li tintwera prova li fatt partikolari mhuwiex għarfien komuni.

Fatti li l-eżistenza tagħhom hi supponuta mil-liġi m’għandhomx bżonn jintwerew bil-provi, iżda jista’ jintwera bil-provi li ma jeżistux, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi. Għalhekk, ir-regoli dwar il-preżunzjonijiet konfutabbli (praesumptiones iuris) jiffaċilitaw l-evidenza għaliex il-parti li tibbaża fuq fatt legalment rilevanti mhix meħtieġa turi bil-provi l-eżistenza ta’ tali fatt b’mod dirett; hu biżżejjed li din tibbaża fuq regola legali ġenerali inkluża fi preżunzjoni konfutabbli, u parti li tiddikjara li r-regola ġenerali inkluża fil-preżunzjoni konfutabbli ma tistax tiġi applikata għal kawża partikolari trid tagħti prova ta’ dan.

Madankollu, hemm każijiet li fihom il-liġi ma tippermettix l-ineżistenza ta’ fatti preżunti mil-liġi bħala murija bil-provi (praesumptiones iuris et de iure) meta l-qorti tkun obbligata tikkonkludi li l-fatt legalment rilevanti inkwistjoni jeżisti.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-kompitu tal-qorti hu li tikkonvinċi lilha nfisha bl-eżistenza jew bl-ineżistenza tal-fatti li fuqhom tibbaża l-applikazzjoni tal-liġi. Iz-ZPP ma jinkludix dispożizzjonijiet espliċiti dwar il-probabbiltà, iżda l-grad ta’ probabbiltà għandu jiżdied b’mod proporzjonat għall-importanza tal-azzjoni li għandha tittieħed, b’kunsiderazzjoni tal-istadju tal-proċedimenti li fih tiġi diskussa u deċiża kwistjoni proċedurali partikolari u l-konsegwenzi proċedurali li jsegwu jekk jinstab li ċerti fatti jeżistu jew ma jeżistux.

Skont ir-regola ġenerali dwar il-valutazzjoni libera tal-evidenza, il-qorti tiddeċiedi bil-konvinzjoni tagħha stess liema fatti hi ssib li jkunu murija bil-provi, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni approfondita u bir-reqqa tal-evidenza kollha, preżentata b’mod individwali u fis-sħuħija tagħha, u b’kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-proċeduri sħaħ.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Kif ġie ddikjarat aktar ’il fuq, il-proċedura (ċivili) Kroata hi fil-parti l-kbira tagħha inter partes, u dan ifisser li l-partijiet jistgħu jiġbru fatti u jikkumpilaw evidenza minn jeddhom, u l-qorti hi awtorizzata tistabbilixxi fatti mhux stabbiliti mill-partijiet u tikkumpila evidenza biss jekk hi tissuspetta li l-partijiet biħsiebhom jasserixxu dikjarazzjonijiet li mhumiex permessi jasserixxu (l-Artikolu 3(2) taz-ZPP).

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-qorti tiddeċiedi liema elementi tal-evidenza ppreżentati għandhom jiġu kkumpilati biex jiġu stabbiliti l-fatti deċiżivi.

Jekk il-qorti taċċetta l-offerta tal-evidenza mingħand il-parti, hi, bħala regola, tibda bil-kumpilazzjoni ta’ dik ix-xhieda.

F’tilwimiet li jinstemgħu f’awla (vijeće), ix-xhieda tiġi kkumpilata fis-seduta ewlenija quddiem l-awla, iżda l-awla tista’, għal raġunijiet importanti, tiddeċiedi li ċerta xhieda għandha tiġi kkumpilata quddiem il-President tal-awla jew l-imħallef tal-qorti mitluba (l-imħallef mitlub). F’dan il-każ, jinqara rekord tal-evidenza matul is-seduta ewlenija.

L-imħallef uniku, jew il-President tal-awla, imexxi s-seduta ewlenija, jinterroga lill-partijiet u jikkumpila x-xhieda, iżda l-qorti mhix marbuta bid-deċiżjoni dwar it-tmexxija tas-seduta, jiġifieri, fost l-oħrajn, hi mhix marbuta bid-deċiżjoni li tilqa’ jew tiċħad l-offerti ta’ evidenza ppreżentati mill-partijiet.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Iz-ZPP jispeċifika li, l-qorti għandha tiċħad evidenza prodotta li hi ma tqisx rilevanti u tiddikjara r-raġuni għaċ-ċaħda fid-deċiżjoni.

Iz-ZPP ma fihx dispożizzjonijiet speċjali dwar il-possibbiltà ta’ ċaħda ta’ evidenza inammissibbli jew ta’ xhieda li ma tistax tiġi kkumpilata b’mod kosteffettiv. Madankollu, f’tilwimiet quddiem qorti muniċipali (općinski sud) b’valur li ma jaqbiżx l-10 000 kuna Kroata u f’tilwimiet quddiem qorti kummerċjali (trgovački sud) b’valur li ma jaqbiżx il-50 000 kuna Kroata, u jekk il-qorti ssib li l-istabbiliment ta’ fatti li jkunu importanti għas-soluzzjoni ta’ tilwim ikun iwassal għal diffikultajiet u għal spejjeż sproporzjonati, iz-ZPP jawtorizza lill-qorti li tiddeċiedi dwar l-eżistenza tat-tali fatti fuq il-bażi ta’ valutazzjoni libera, b’kunsiderazzjoni tad-dokumenti li l-partijiet ikunu ssottomettew u x-xhieda tagħhom jekk il-qorti ġġib l-evidenza bis-smigħ tal-partijiet.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet taz-ZPP jipprovdu għal terminu biex il-partijiet jistabbilixxu l-fatti kollha u jippreżentaw offerti tal-evidenza. Matul proċedimenti ċivili ordinarji, kull parti, fl-applikazzjoni u fit-tweġiba għall-applikazzjoni, sa mhux aktar tard mis-seduta preparatorja, trid tistabbilixxi l-fatti kollha li jissostanzjaw it-talba tagħhom, jippreżentaw l-evidenza neċessarja biex jistabbilixxu l-fatti li huma ppreżentaw u jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar id-dikjarazzjonijiet tal-fatti u l-evidenza mill-parti opposta. Matul is-seduta ewlenija, il-partijiet jistgħu jippreżentaw fatti u evidenza ġodda biss jekk, għal raġuni li ma tkunx it-tort tagħhom, dawn ma setgħux jipprovduhom jew jippreżentawhom qabel ma ġew konklużi l-proċedimenti preċedenti.

Il-qorti ma tqisx fatti u evidenza ġodda li, minħabba raġuni li tkun it-tort tagħhom, il-partijiet jipprovdu jew jippreżentaw matul is-seduta ewlenija.

Għal aktar informazzjoni dwar l-evidenza u l-kumpilazzjoni ta’ xhieda fi proċedura ta’ tabiet żgħar, ara l-iskeda ta’ informazzjoni intitolata “Talbiet żgħar – Ir-Repubblika tal-Kroazja“.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Iz-ZPP jipprovdi għall-elementi tal-evidenza li ġejjin: spezzjoni ġudizzjarja, evidenza dokumentarja, xhieda, esperti u smigħ tal-partijiet.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Xhud hu kwalunkwe persuna fiżika li kapaċi tagħti informazzjoni dwar il-fatti li jkunu qed jiġu pprovati. Ix-xhieda jinstemgħu b’mod individwali u mingħajr il-preżenza ta’ xhieda oħra li jkunu se jinstemgħu aktar tard, u huma obbligati jagħtu t-tweġibiet tagħhom oralment.

Ix-xhud l-ewwel jiġi avżat li hu obbligat jgħid il-verità u li ma jista’ jħalli xejn barra. Wara, dan jitwissa bil-konsegwenzi jekk jixhed falz. Barra minn hekk, xhud għandu dejjem jiġi mistoqsi dwar kif jaf il-fatti li jkun qed jixhed dwarhom.

Min-naħa l-oħra, xhud espert irid ikollu l-istess kwalitajiet ta’ xhud, jiġifieri, irid ikun kapaċi josserva, jiftakar u jirriproduċi, u, barra minn hekk, irid ikollu għarfien espert professjonali wkoll.

Ċerti xhieda esperti li jitħarrku mill-qorti kif xieraq jridu jobdu t-taħrikiet u jippreżentaw is-sejbiet u opinjoni tagħhom.

Għalhekk, il-kompitu ta’ xhud espert jimplika l-istabbiliment ta’ sejbiet u ta’ opinjoni. Il-qorti tistabbilixxi jekk ix-xhud espert jippreżentax biss is-sejbiet u opinjoni tiegħu b’mod orali matul is-seduta jew inkella jekk għandux jippreżentahom ukoll bil-miktub qabel is-seduta. Il-qorti għandha tistabbilixxi terminu għall-preżentazzjoni tas-sejbiet u tal-opinjoni bil-miktub li ma jistax jaqbeż is-60 jum.

Ix-xhud espert dejjem irid jispjega l-opinjoni tiegħu.

Il-qorti tibgħat lill-partijiet is-sejbiet u l-opinjoni bil-miktub mhux aktar minn 15-il jum qabel is-seduta li fiha jkunu jridu jinstemgħu.

Iz-ZPP ma jagħmilx distinzjoni bejn il-proċeduri għas-smigħ tax-xhieda u s-smigħ ta’ xhieda esperti u, għalhekk, ma jistabbilixxi ebda dispożizzjoni proċedurali speċjali.

B’rabta mal-evidenza bil-miktub, il-partijiet stess iridu jippreżentaw id-dokument li fuqu jibbażaw bħala prova tad-dikjarazzjoni tagħhom.

Dokument li nħareġ fil-forma stipulata minn awtorità tal-Istat fi ħdan l-isfera tar-responsabbiltà tagħha u dokument maħruġ minn persuna ġuridika jew fiżika f’dik il-forma, li taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħha, assenjati lilha mil-liġi jew minn regolament fuq il-bażi tal-liġi (dokument pubbliku) hu meqjus li jagħti prova tal-veraċità ta’ dak li jiċċertifika jew jirregola.

Dokumenti oħra jkollhom l-istess valur probatorju jekk, skont regolamenti speċjali, il-valur probatorju tagħhom ikun ekwivalenti għal dak ta’ dokumenti pubbliċi.

Hu ammissibbli li jintwerew provi li l-fatti ddikjarati fid-dokumenti pubbliċi huma foloz jew li d-dokument tfassal b’mod skorrett.

Jekk il-qorti tiddubita mill-awtentiċità tad-dokument, din tista’ titlob lill-awtorità li minnha suppost li oriġina biex tesprimi opinjoni dwaru.

Sakemm ma jkunx speċifikat b’mod ieħor fi ftehim internazzjonali, dokumenti pubbliċi barranin li huma awtentikati kif xieraq għandhom, soġġetti għall-kundizzjoni ta’ reċiproċità, l-istess valur probatorju bħad-dokumenti pubbliċi domestiċi.

Iz-ZPP jistabbilixxi wkoll regoli dwar l-obbligu li jiġu pprovduti dokumenti skont jekk id-dokument ikunx fil-pussess tal-parti li tiġi mħarrka, il-parti opposta, awtorità pubblika jew organizzazzjoni li teżerċita awtorità pubblika jew persuna terza (persuna fiżika jew ġuridika).

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Skont ir-regola ġenerali dwar il-valutazzjoni libera tal-evidenza applikata fil-liġi proċedurali (ċivili) tal-Kroazja, il-qorti tiddeċiedi, bil-konvinzjoni tagħha stess, liema fatti hi ssib li jkunu murija bil-provi, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni approfondita u bir-reqqa tal-evidenza kollha, preżentata b’mod individwali u fis-sħuħija tagħha, u b’kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-proċeduri sħaħ

Għalhekk, ma hemm ebda regola li tispeċifika li ċerti elementi tal-evidenza għandhom saħħa jew importanza akbar minn oħrajn, għad li, fil-prattika, id-dokumenti jitqiesu aktar affidabbli (iżda mhux aktar importanti) minn evidenza oħra (xhieda, seduti).

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Le, iz-ZPP ma jistabbilixxix li ċerti mezzi tal-evidenza jitqiesu li huma obbligatorji għall-istabbiliment ta’ ċerti fatti. F’konformità mal-prinċipju inter partes, il-partijiet huma awtorizzati jippreżentaw evidenza u l-qorti tivvaluta liema elementi tal-evidenza ppreżentati hi tikkunsidra għall-fini ta’ stabbiliment tal-fatti rilevanti.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Kull persuna mħarrka bħala xhud hi obbligata tobdi t-taħrikiet u, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor miz-ZPP, hi meħtieġa tixhed. Għaldaqstant, it-testimonjanza, li timplika dmir ta’ attendenza fil-qorti, ix-xhieda u d-dikjarazzjoni tal-verità, huma obbligu ġenerali ta’ kull persuna. Xhieda li minħabba xjuħija, mard jew indebolimenti fiżiċi serji ma jistgħux jobdu t-taħrika jinistemgħu f’darhom stess.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Persuna li, bit-testimonjanza tagħha, tkun tikser l-obbligu ta’ kunfidenzjalità fir-rigward ta’ sigrieti uffiċjali jew militari ma tistax tinstema’ bħala xhud sakemm l-awtorità kompetenti teħlishom mit-tali responsabbiltà.

Xhud ma jistax jiċħad milli jixhed:

• dwar xi ħaġa li l-parti stqarritilu bħala rappreżentant awtorizzat tagħha;

• dwar xi ħaġa li l-parti jew persuna oħra stqarret lix-xhud f’kariga reliġjuża matul qrara;

• dwar il-fatti li x-xhud sar jaf bihom bħala avukat, tabib, jew fit-twettiq

ta’ kwalunkwe sejħa jew attività oħra, jekk ikun jeżisti obbligu li jinżamm kunfidenzjali

dak li jsir magħruf matul l-eżerċitar ta’ dik is-sejħa jew l-attività.

L-imħallef uniku jew il-President tal-awla jinforma lil dawn il-persuni bil-possibbiltà li jiċħdu milli jixhdu.

Xhud jista’ jiċħad milli jwieġeb mistoqsijiet individwali minħabba raġunijiet validi, b’mod partikolari, jekk billi jwieġeb għat-tali mistoqsija, dan ikun qed jesponi lilu nnifsu, jew il-qarib tiegħu li jiġu minnu bid-demm sa kwalunkwe grad, jew lil qarib kollaterali li jiġi minnu bid-demm sat-tielet grad, inklużi l-konjuġi tiegħu, jew lil qraba biż-żwieġ sat-tieni grad – anki jekk iż-żwieġ ikun intemm – u lill-kustodju jew lit-tutur tagħhom, lil ġenitur adottiv jew lil tfal adottati, għal dannu reputazzjonali serju, għal ħsara materjali sinifikanti jew għal prosekuzzjoni kriminali.

L-imħallef uniku jew il-President tal-awla jgħarraf lix-xhud li hu jista’ jiċħad milli jwieġeb il-mistoqsijiet li jsirulu.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Iva, dan hu possibbli. Jekk xhud li jiġi mħarrek kif xieraq jonqos milli jattendi mingħajr spjegazzjoni, jew jekk tali xhud jitlaq mill-post fejn għandu jinstema’ mingħajr permess jew xi raġuni ġustifikata, il-qorti tista’ tordna li jinġieb lura bil-forza, bl-ispejjeż kontrih, u tista’ timponi wkoll multa monetarja li tvarja bejn 500 sa 10 000 kuna Kroata.

Jekk ix-xhud jidher u jiċħad milli jixhed jew iwieġeb għal ċerti mistoqsijiet wara li jiġi informat bil-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan, u l-qorti tqis li r-raġunijiet tiegħu għaċ-ċaħda tat-tweġib ma jkunux ġustifikati, din tista’ timponi multa monetarja li tvarja minn 500 sa 10 000 kuna Kroata; jekk ix-xhud jibqa’ jirrifjuta milli jixhed, il-qorti tista’ żżommu taħt detenzjoni. Ix-xhud jinżamm f’detenzjoni sakemm jaqbel li jixhed jew sakemm it-testimonjanza tiegħu ssir żejda, iżda mhux għal aktar minn xahar.

Jekk ix-xhud wara jipprovdi spjegazzjoni dwar l-assenza tiegħu, il-qorti twaqqa’ d-deċiżjoni tagħha dwar il-multa, u hi tista’ teħles lix-xhud mill-ħlas tal-ispejjeż fis-sħuħija jew f’parti minnhom. Il-qorti tista’ twaqqa’ wkoll id-deċiżjoni tagħha dwar multa jekk ix-xhud wara jaqbel li jixhed.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Għal informazzjoni dwar l-eżenzjoni mid-dmir ġenerali ta’ xhieda fir-rigward ta’ sigrieti uffiċjali jew militari, jiġifieri dwar id-dritt tal-persuni li jwettqu attivitajiet speċifiċi li jiċħdu milli jixhdu u d-dritt li jiċħdu milli jwieġbu mistoqsijiet speċifiċi, ara l-punt 9).

Bħala regola ġenerali, huma biss il-persuni li kapaċi jipprovdu informazzjoni dwar il-fatti li jkunu qed jiġu pprovati li jistgħu jinstemgħu bħala xhieda, u l-qorti tiddeċiedi dwar il-ħila ta’ persuna li tixhed fuq bażi ta’ każ b’każ.

Persuna ma tistax tkun xhud jekk tkun involuta b’mod dirett fil-proċedimenti, bħala parti jew bħala r-rappreżentant legali ta’ parti, filwaqt li rappreżentant awtorizzat tal-parti jista’ jinstema’ bħala xhud.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Kull xhud irid jiġi eżaminat b’mod individwali, u mhux fil-preżenza ta’ xhieda li jkunu jridu jinstemgħu b’mod sussegwenti. Ix-xhud hu obbligat jagħti t-tweġibiet tiegħu b’mod orali.

Xhud l-ewwel jiġi avżat li hu obbligat jgħid il-verità u li ma jista’ jħalli xejn barra. Wara, dan jitwissa bil-konsegwenzi jekk jixhed falz.

Imbagħad ix-xhud jintalab jiddikjara ismu, kunjomu, in-numru tal-ID personali tiegħu, isem missieru, l-okkupazzjoni, l-indirizz, il-post tat-twelid, l-età u r-relazzjoni tiegħu mal-parti.

Wara dawn il-mistoqsijiet ġenerali, ix-xhud jintalab jiddikjara dak kollu li jaf dwar il-fatti li jkun se jixhed dwaru, u wara, jistgħu jsirulu mistoqsijiet għall-fini ta’ konferma, ta’ żieda jew ta’ spjegazzjoni. Mhuwiex permess li jsiru mistoqsijiet li diġà jkun fihom it-tweġiba għall-mistoqsija.

Ix-xhud dejjem jiġi mistoqsi dwar jekk jafx il-fatti li jkun qed jixhed dwarhom.

Ix-xhieda li t-testimonjanzi tagħhom jidħlu f’kunflitt fir-rigward ta’ fatti importanti jistgħu jiġu kkonfrontati wiċċ imb wiċċ ma’ xulxin. Dawn isirulhom mistoqsijiet b’mod individwali dwar kull ċirkustanza li għaliha jkun hemm kunflitt u t-tweġibiet tagħhom jiġu reġistrati fil-minuti.

Ir-Repubblika tal-Kroazja m’għandha l-ebda dispożizzjoni speċjali li tistipula l-kumpilazzjoni ta’ xhieda permezz tal-vidjokonferenzi. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 126a sa 126c taz-ZPP jirrappreżentaw bażi għal metodu bħal dan ta’ seduta, jiġifieri jista’ jiġi reġistrat l-awdjo tas-seduti tal-qorti. Id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni tittieħed mill-qorti fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ parti. Il-metodu ta’ ħżin u ta’ trażmissjoni ta’ reġistrazzjoni tal-awdjo, il-kundizzjonijiet tekniċi u l-mod tar-reġistazzjoni huma regolati mir-Regoli tal-Proċedura tal-qorti.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Iz-ZPP ma jistabbilixxix dispożizzjonijiet speċjali dwar evidenza miksuba b’mod illegali. Madankollu, il-bażi ġuridika tinsab fl-Artikolu 29 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (Ustav Republike Hrvatske) (NN Nri 56/90, 135/97, 8/98, 113/00, 124/00, 28/01, 41/01, 55/01, 76/10, 85/10, 05/14), li tistipula li evidenza miksuba b’mod illegali ma tistax tintuża fi proċedimenti fil-qorti.

Iz-ZPP jiddikjara biss li l-qorti ma tistax tikkunsidra l-mozzjonijiet tal-partijiet li jmorru kontra r-regolamenti u r-regoli obbligatorji tal-morali pubblika.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Il-partijiet għall-proċedimenti ma jistgħux jinstemgħu bħala xhieda; madankollu, id-dispożizzjonijiet taz-ZPP jipprovdu għas-smigħ tal-partijiet bħala wieħed mill-elementi tal-evidenza fin-nuqqas ta’ evidenza oħra jew jekk, minkejja l-evidenza l-oħra miġjuba, il-qorti tqis li dan ikun meħtieġ għall-istabbiliment ta’ fatti importanti.

Id-dispożizzjonijiet taż-ZPP dwar il-kumpilazzjoni mingħand ix-xhieda japplikaw għas-smigħ tal-partijiet sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-aħħar aġġornament: 19/12/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna it-Taljan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.

Smigħ ta' xhieda - Italja

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Fil-qasam tal-oneru tal-provi japplikaw il-prinċipji fl-Artikolu 2697 tal-Kodiċi Ċivili, li jgħidu li: "min jallega xi dritt quddiem il-qorti jrid jipprova l-fatti li fuqhom huwa bbażat dan id-dritt. Min jisħaq li dawn il-fatti mhux minnhom jiġifieri li d-dritt issa nbidel jew ma għadux fis-seħħ irid jipprova l-fatti li fuqhom hija bbażata l-eċċezzjoni tiegħu".

Abbażi ta' dawn il-prinċipji, għalhekk, ir-rikorrent irid jipprova l-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba tiegħu, jiġifieri dawk il-fatti li ġuridikament jippruvaw l-effetti li qed jallega. Il-konvenut min-naħa l-oħra jrid jipprova l-fatti li jostakolaw, jannullaw jew jimmodifikaw, li jistgħu jwasslu għaċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrent, u jġibu fix-xejn il-pretensjoni tiegħu.

Jekk ir-rikorrent ma jippruvax il-fatti kostitwenti tad-dritt tiegħu dan iwassal għaċ-ċaħda tat-talba tiegħu, indipendentament mill-produzzjoni jew le min-naħa tal-konvenut ta' eċċezzjonijiet fid-difiża tiegħu u mill-provi ta' dawn l-eċċezzjonijiet.

L-Artikolu 2698 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi n-nullità ta' kull ftehim li għandu l-għan li jikkontradixxi jew ibiddel l-oneru tal-prova, meta dan huwa marbut ma' drittijiet mhux disponibbli jew meta' dan il-ftehim jagħmilha diffiċli immens għal waħda mill-partijiet biex teżerċità d-drittijiet tagħha.

In-nuqqas ta' provi suffiċjenti jfisser żvantaġġ għall-parti, rikorrent jew konvenut, li jrid juri l-fatti kostitwenti jew l-eċċezzjonijiet għal dawn il-fatti, fis-sens li din l-insuffiċjenza titqies bħala prova   nieqsa.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

L-oneru tal-prova huwa inqas strett fil-każijiet li ġejjin:

  • F'każ ta' preżunzjonijiet, jiġifieri meta l-liġi tistabbilixxi, dwar il-produzzjoni tal-provi, l-effetti ġuridiċi ta' fatti speċifiċi, jew tħalli lill-ġudikant jaqbeż minn fatt magħruf għal wieħed injorat (l-Artikolu 2727 tal-Kodiċi Ċivili).

    Fir-rigward ta' preżunzjonijiet hemm differenza bejn:
  • preżunzjonijiet ġuridiċi, li jistgħu jkunu ta' żewġ tipi: “iuris tantum” għaliex jippermettu prova kuntrarja u  “iuris et de iure” għaliex jeskludu l-possibiltà li tiġi prodotta l-prova kuntrarja matul il-proċediment.
  • preżunzjonijiet sempliċi, mħollija għall-valutazzjoni diliġenti tal-ġudikant li jista' jisma' biss preżunzjonijiet gravi, preċiżi u li jaqblu bejniethom. Dawn mhumiex ammessi għal dawk il-fatti li għalihom il-liġi teskludi l-provi bix-xhieda (l-Artikolu 2729 tal-Kodiċi Ċivili);
  • F'każ ta' fatti magħrufa: dawk il-fatti li jaf bihom kulħadd fi żmien u fil-post fejn ingħatat is-sentenza u li dwarhom ma jista' jitqajjem l-ebda dubju (l-Artikolu 115 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • F'każ ta' fatti mhux kontestati jew milqugħa, jiġifieri għal dawk li ġew allegati miż-żewġ partijiet jiġifieri kien hemm ammissjoni, anki b'mod taċitu minn minnhom kellu interess jikkontestahom. (l-Artikolu 115, I co, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili )

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Id-deċiżjoni tal-ġudikant, kemm jekk jilqa' t-talba, kemm jekk eventwalment jilqa' l-eċċezzjonijiet, trid tkun ibbażata biss fuq fatti pruvati bis-sħiħ jew direttament jew bħala preżunzjoni.

Id-deċiżjoni tal-ġudikant ma  tistax tkun ibbażata fuq fatti mhux pruvati, anki meta dawn il-fatti huma possibbli jew probabbli ħafna (l-Artikolu 115, I co, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Fl-ordinament ġuridiku tagħna hemm stabbilit, f'dak li jikkonċerna l-produzzjoni tal-provi, il-"prinċipju dispożittiv", li jgħid li huma l-partijiet li jiddeterminaw is-suġġett tal-kawża fl-Artikolu 115, l-ewwel subparagrafu tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fejn il-ġudikant "ħlief għall-każijiet previsti mil-liġi" jrid jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-provi prodotti mill-partijiet.

Jeżistu madankollu xi eċċeżżjonijiet għal dan il-prinċipju, previsti mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u, aktar preċiżament, fl-Artikoli:

  • l-Artikolu 117: jistabbilixxi l-possibiltà li jsiru domandi b'mod mhux formali lill-partijiet;
  • l-Artikolu 118: jistabbilixxi l-possibiltà li tiġi ordnata spezzjoni tal-persuni u tal-oġġetti;
  • l-Artikoli 61 u 191: jistabbilixxi l-possibiltà li ġudikant jaħtar konsulent tekniku;
  • l-Artikolu 257: jistabbilixxi l-possibiltà ex officio ta' taħrika ta' xhud li għalih ikun irrefera xhud ieħor;
  • l-Artikolu 281(b): jagħti lill-ġudikant tat-tribunal iffurmat minn imħallef uniku s-setgħa li ex officio jisma' x-xhieda meta l-partijiet waqt it-trattazzjoni jkunu għamlu referenza għal persuni li kapaċi jafu l-verità.

Fil-kawżi dwar tilwim fil-post tax-xogħol, il-proċedura tista' tgħid li tiġi sostitwita minn sistema kkaratterizzata minn elementi ta' investigazzjoni, b'mod aktar preċiż fl-Artikoli:

  • l-Artikolu 420: jistabbilixxi interrogatorju liberu tal-partijiet waqt is-seduta ta' sottomissjonijiet orali;
  • l-Artikolu 421: jistabbilixxi li l-ġudikant jista' ex officio u f'kull ħin jilqa' kull mezz ta' produzzjoni tal-provi,  anki barra l-limiti stabbiliti mill-Kodiċi Ċivili.

Fil-kawżi ta' divorzju, limitatament għall-investigazzjonijiet dwar qligħ u fuq il-livell ta' għajxien tal-ħajja, l-imħallef inkwirenti jista' ex officio jieħu miżuri struttorji.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-prova tal-fatti, mitluba minn parti minnhom, tippermetti lill-parti l-oħra biex titlob li turi l-kuntrarju. F'dak il-każ il-ġudikant jilqa' ż-żewġ talbiet jekk jaħseb li l-fatti ppreżentati biex jappoġġaw it-talbiet tagħhom huma rilevanti għall-finijiet tas-sentenza.

Il-ġudikant, meta jilqa' l-provi, imbagħad jgħaddi għall-eżami tagħhom.

Wara l-għeluq tal-istadju tal-provi, il-kawża tiġi mħollija għas-sentenza.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

It-Tribunal jista' jiċħad il-produzzjoni tal-provi meta dawn ma jkunux rilevanti jew ammissibbli skont il-liġi (pereżempju l-prova ta' bejgħ ta' proprjetà immobbli permezz ta' xhieda), jiġifieri meta l-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba ma għandhomx effett fuq is-sentenza (pereżempju xhieda fuq fatt li ma għandux x'jaqsam mal-oġġett tal-kawża).

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Fl-ordinament ġuridiku Taljan il-mezzi tal-provi huma maqsuma f'mezzi dokumentarji u mhux dokumentarji.

Il-mezzi dokumentarji huma:

  • atti pubbliċi (l-Artikolu 2699 ss.);
  • skritturi privati  (l-Artikolu 2702 ss.);
  • telegrammi (l-Artikolu 2705 ss.);
  • karti u reġistri privati (l-Artikolu 2707);
  • rekords tal-kontijiet tan-negozjanti (l-Artikolu 2709);
  • reġistrazzjonijiet awdjoviżivi (l-Artikolu 2712);
  • kopji tal-iskritturi u l-atti (l-Artikolu 2714);

Huma mezzi ta' provi mhux dokumentarji:

  • ix-xhieda (l-Artikolu 2721 ss.);
  • l-ammissjoni (l-Artikolu 2730 ss.);
  • il-ġurament (l-Artikolu 2736 ss.);
  • l-ispezzjoni  (l-Artikolu 258 ss Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Barra minn hekk, hemm il-konsulenza teknika li toffri lill-ġudikant l-għarfien tekniku li huwa ma jkollux.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Il-provi permezz tax-xhieda huma ammessi b'ordni tal-ġudikant struttorju (l-Artikolu 245 tal-Kodiċi Ċivili) li jobbliga lix-xhud jitla' l-qorti fejn fin-nuqqas jittieħdu miżuri koerċittivi u sanzjonijiet finanzjarji.

Il-ġudikant jistabbilixxi ż-żmien, post u mod tad-dehra. L-uffiċjal ġudizzjarju, wara talba tal-parti interessata, javża lix-xhud biex jitla' l-qorti. Ix-xhud jieħu l-ġurament biex jgħid il-verità u jsirulu d-domandi mill-ġudikant (il-partijiet ma jistgħux isaqsu direttament lix-xhud).

Riċentement ġiet introdottta fl-ordinament il-possibiltà li l-ġudikant, bil-ftehim tal-partijiet, jista' jawtorizza li x-xhieda ssir bil-miktub (l-Artikolu 257 bis tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

F'dak li għandu x'jaqsam mal-konsulenza teknika, il-ġudikant jaħtar il-konsulenti, ifassal id-domandi u jistedinhom għas-seduta biex jieħdu l-ġurament. Bħala regola ġenerali l-konsulent ifassal rapport miktub iżda l-ġudikant jista' anki jitlob lill-konsulenti biex jirrispondu oralment waqt is-seduta (l-Artikolu 195 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

F'dak li jikkonċerna l-preżentata tal-provi bil-miktub, din issir parti mill-proċess bil-produzzjoni tagħhom, jiġifieri bl-inklużjoni tagħhom fil-fajl fil-mument tal-bidu tal-proċediment jew anke wara, iżda fi żmien stabbilit mil-liġi.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-provi l-aktar kredibbli fl-ordinament tagħna huma l-att pubbliku u l-preżunzjonijiet "iuris et de iure".

L-att pubbliku (l-Artikolu 2699 ss. cc) huwa d-dokument imfassal, bil-formalitajiet mitluba, minn nutar jew minn uffiċjali pubbliku ieħor awtorizzat jagħtih il-fidi pubblika fil-post fejn jiġi ffirmat l-att. L-att pubbliku huwa prova konklużiva sakemm ma jiġix iddikjarat falz, dan ifisser li għandu s-saħħa ta' prova assoluta u mingħajr kundizzjonijiet.

Il-preżunzjonijiet iuris et de iure (l-Artikolu 2727 cc) għandhom saħħa akbar, għaliex ma hemmx prova kuntrarja għalihom.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Il-liġi tipprovdi li ċerti fatti jistgħu jiġu ppruvati biss b'mezzi ta' prova determinati, f'xi każijiet b'att pubbliku biss, f'oħrajn b'att bil-miktub biss (pubbliku jew privat).

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Ix-xhieda għandhom l-obbligu li jixhdu, sakemm il-liġi ma tipprovdix xort'oħra. Hija prevista l-inkapaċità tax-xhud, il-projbizzjoni li wieħed jixhed u l-possibiltà li wieħed jagħżel li ma jixhidx. L-obbligu tax-xhud li jixhed jirriżulta indirettament mis-setgħat li jagħti l-Artikolu 255 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili lill-ġudikant sabiex, fin-nuqqas ta' dehra tax-xhud, jordna l-iskorta bil-pulizija u l-kundanna għal multa.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Fil-każijiet previsti mill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li għalih jagħmel referenza l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jindikaw is-suġġetti li jistgħu jiddeċiedu li ma jixhdux: dawk li huma  marbuta bis-sigriet professjonali, bis-sigriet uffiċjali u bis-sigriet statali.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

F'każ li xhud jitla' l-qorti u jirrifjuta li jixhed mingħajr raġuni ġustifikata jew inkella jikkonferma s-suspett li qed jixhed falz jew huwa eżitanti, l-Artikolu 256 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi li l-ġudikant struttorju jista' jirrappurtah lill-prosekutur pubbliku u jibgħatlu kopja tal-proċess verbali.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Ma tistax tixhed il-persuna li hija personalment interessata fil-kwistjoni pendenti l-qorti, għaliex l-interess tagħha jista' jikkostitwixxi raġuni leġittima biex issir parti mill-kawża (l-Artikolu 246 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-minuri li għandhom 14-il sena jistgħu jixhdu biss meta s-seduta ta' smigħ tagħhom issir neċessarja minħabba ċirkustanzi partikolari (l-Artikolu 248 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-ġudikant imexxi l-eżami tax-xhud, ipoġġilu d-domandi direttament huwa stess fuq il-fatti ammessi u dawk li eventwalment jiġi mistoqsi dwarhom, b'referenza għall-istess, mid-difensuri tal-partijiet matul l-interrogatorju.

Il-possibiltà ta' vidjokonferenzi, għalkemm mhux prevista espliċitament fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, mhix idea barranija għall-ordinament tagħna. L-Artikolu 202 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi li l-ġudikant struttorju, meta juża mezz ta' prova, "jiffissa ż-żmien, post u l-mod ta' kif tinġieb" u fost il-metodi l-ġudikant jista' jiġbor  il-provi struttorji anki permezz ta' vidjokonferenza.

Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Artikolu 261 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi li l-ġudikant jista' jkollu recording  bil-vidjow li jkun jeħtieġ mezzi, strumenti jew proċedimenti tekniċi.

Il-vidjokonferenza hija prevista espliċitament fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (pereżempju l-Artikolu 205(b)).

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Il-ġudikant ma jqisx il-provi mhux mitluba b'mod ġenerali iżda aċċettati.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Ma jgħoddux bħala prova favur tiegħi. Jgħoddu bħala prova favur tiegħi f'każ ta' ammissjoni li ssir matul interrogatorju formali.

L-aħħar aġġornament: 20/01/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Ċipru

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

B'mod ġenerali l-oneru tal-prova fi proċedimenti ċivili jaqa' fuq il-parti li fetħet il-kawża jiġifieri r-rikorrent jew l-attur, skont il-każ.

F'każijiet eċċezzjonali, l-oneru jista' jiġi trasferit lill-konvenut jew l-intimat. Eżempju tipiku huwa meta titressaq kawża minħabba negliġenza jekk jiġi ppruvat li r-rikorrent ma kienx jaf, jew ma kellux il-mezzi biex isir jaf kif seħħ l-inċident, id-dannu ġie kkawżat minn oġġett li kien taħt il-kontroll waħdieni tal-konvenut u d-dannu huwa marbut man-nuqqas tal-konvenut li jieħu ħsieb b'mod raġonevoli, f'liema każ japplika l-prinċipju ta' res ipsa loquitur (il-fatt jitkellem waħdu) fejn l-oneru tal-prova jiġi trasferit fuq il-konvenut.

B'mod ġenerali r-rikorrent jew l-attur irid jipprova billi jippreżenta provi rilevanti bix-xhieda l-fatti kollha meħtieġa biex jappoġġaw / ikunu l-bażi tat-talba tiegħu.

Il-qorti trid tevalwa l-provi u tagħti sentenza skont il-konklużjonijiet li tasal għalihom mill-fatti tal-każ. Jekk, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, il-qorti ma tkunx tista' tasal għal konklużjoni fuq ċertu fatt tal-każ li huwa importanti sabiex jiġi deċiż il-każ, it-talba mressqa mill-parti li hija bbażata fuq dak il-fatt għandha tiġi miċħuda.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Hemm ċerti fatti li ma hemmx għalfejn jiġu ppruvati mill-provi. Dawn jinkludu ċerti fatti li dwarhom ma hemmx dubji u huma ċari, li dwarhom il-qorti tista' titiqes li għandha "għarfien ġudizzjarju". Pereżempju, dawn jistgħu jinkludu fatti marbuta ma' unitajiet tal-kejl, kwistjonijiet ta' flus, il-kalendarju annwali u d-differenzi fil-ħin bejn il-pajjiżi. Eżempji oħra huma fatti li huma ta' għarfien komuni u huma preżunti li huma bbażati fuq l-esperjenza umana, bħaż-żieda fl-inċidenti tat-traffiku, il-problemi li jkollha taffaċċa armla bi tfal minuri eċċ. Bl-istess mod, fatti storiċi, xjentifiċi u ġeografiċi huma komunement magħrufa u ma hemmx bżonn jiġu ppruvati permezz ta' provi.

Barra minn hekk, hemm preżunzjonijiet f'ċerti każijiet. Preżunzjonijiet huma konklużjoni li tista' jew trid issir minħabba li ġew ippruvati ċerti fatti. Dawn il-preżunzjonijiet jistgħu ikunu konfutabbli jew mhux konfutabbli.

Il-preżunzjonijiet mhux konfutabbli huma dawk li jiġu stabbiliti mil-liġi u li ma jistgħux jiġu kkontestati permezz ta' provi li juru l-kuntrarju. Il-preżunzjonijiet mhux konfutabbli huwa rari. L-Artikolu 14 tal-Kodiċi Kriminali jagħti eżempju fejn jistabbilixxi li tifel taħt l-14-il sena huwa preżunt li ma għandux responsabbiltà kriminali għal kull azzjoni jew omissjoni tiegħu. Il-preżunzjonijiet konfutabbli huma ħafna aktar komuni. Dawn jistgħu jiġu rroftati permezz ta' provi li juru l-kuntrarju. Pereżempju tifel imwieled fiż-żwieġ huwa preżunt li huwa wild il-missier sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-livell tal-prova f'kawżi ċivili huwa l-"bilanċ ta' probabbiltajiet". Fi kliem ieħor, il-qorti tista' tiddeċiedi li fatt ġie stabbilit jekk tkun sodisfata mill-provi li l-fatt x'aktarx aktar seħħ milli le.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Fi proċedimenti ċivili l-partijiet fil-kawża jagħżlu liema provi bix-xhieda jippreżentaw il-qorti. Kull parti ssejjaħ dawk ix-xhieda li jitqiesu utli għall-kawża. Il-qorti ma għandhiex is-setgħa ssejjaħ ix-xhieda ex officio mingħajr il-kunsens tal-partijiet.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-proċedura hija sempliċi. Il-parti li tixtieq ittella' xhud titlob lill-qorti biex toħroġ taħrika. Il-qorti mbagħad toħroġ it-taħrika biex jiġi nnotifikat ix-xhud. Kull persuna li tiġi nnotifikata b'taħrika hija obbligata bil-liġi biex titla' l-qorti fid-data u fil-ħin imniżżla fit-taħrika.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

B'talba ta' parti fil-kawża, it-taħrika tinħareġ f'bosta mill-każijiet. It-talba għal taħrika minn parti tista' tiġi miċħuda f'każijiet rari u eċċezzjonali, jekk jiġi ppruvat li t-talba kienet frivola u tikkostitwixxi abbuż mill-proċedimenti tal-qorti.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Hemm żewġ tipi ta' provi: xhieda mogħtija oralment quddiem il-qorti, u provi bil-miktub jew f'forma ta' dokumenti ppreżentati l-qorti.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ma hemmx regoli stabbiliti li jirregolaw l-ghoti tax-xiehda minn xhieda esperti. Il-parti li tippreżenta l-provi għandha tiddeċiedi jekk ix-xhud espert għandux jagħtu x-xiehda tiegħu personalment jew bil-miktub.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Ma hemmx regola ġenerali li tindika li hemm ċertu tip ta' xhud li huwa aħjar minn jew iktar kredibbli minn ieħor jew aktar konvinċenti minn tipi oħra ta' provi. Il-provi kollha ppreżentati matul il-proċess jiġu evalwati mill-qorti fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Le, ma hemmx regoli dwar dan.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Jekk it-taħrika tiġi nnotifikata lil persuna sabiex hija tidher u tixhed il-qorti, hija għandha obbligu bil-liġi li tagħmel dan. In-nuqqas jew rifjut li tagħmel dan jikkostitwixxi disprezz lejn il-qorti u hemm piena għalih.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Ix-xhieda ma jistgħux jirrifjutaw li jixhdu. Madanakollu, ix-xhieda jistgħu, f'każijiet eċċezzjonali, jirrifjutaw li jwieġbu għal ċerti domandi jew ma jippreżentawx ċerti dokumenti minħabba raġunijiet ta' privileġġ, pereżempju minħabba s-sigriet professjonali.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Ara t-tweġiba għas-sottoparagrafu (a) msemmi hawn fuq.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Kulħadd huwa kompetenti biex jixhed fil-proċedimenti ċivili sakemm il-qorti ma tiddeċidix li, minħabba l-età żgħira, diżabbiltà mentali jew kawżi oħra simili, persuna mhix kapaċi tapprezza l-obbligu tagħha biex tgħid il-verità, jew tifhem id-domandi li jsirulha, jew tagħti tweġiba razzjonali għal dawn id-domandi (skont l-Artikolu 13 tal-Att dwar il-Provi).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Xhud jiġi eżaminat waqt l-eżami prinċipali mill-parti li sejjħitlu biex jixhed. Wara li tkun lest l-eżami prinċipali, isir il-kontro eżami tax-xhud mill-parti l-oħra. Fl-aħħar, il-qorti tista' tagħmel xi mistoqsijiet fejn ikun hemm bżonn aktar kjarifiki dwar ċerti kwistjonijiet.

Xhud jista' jagħti x-xiehda tiegħu permezz tat-telekonferenza jew mezzi tekniċi oħra jekk il-preżenza fiżika tiegħu quddiem il-qorti tkun impossibbli, sakemm ikun possibbli għall-qorti li tipprovdi dawn il-faċilitajiet tekniċi. Kull kundizzjoni speċifika mitluba tiddependi miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ preżenti.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Kull prova li tinġieb b'mod illegali, bi ksur ta' drittijiet imħarsa mill-Kostituzzjoni, tiġi eskluża mill-proċedimenti tal-qorti, u l-qorti ma tistax tibbaża ruħha fuq dawk il-provi. Eżempju tipiku ta' dan hija r-reġistrazzjoni illegali ta' konversazzjoni personali.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Dikjarazzjoni minn persuna li tkun parti fil-kawża tgħodd bħala prova. Il-fatt li din id-dikjarazzjoni saret minn persuna li għandha interess dirett fl-eżitu tal-kawża hija biss waħda minn numru ta' fatti li jitqiesu mill-qorti fl-evalwazzjoni jew l-eżami tal-provi kollha.

L-aħħar aġġornament: 13/05/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Latvja

1 L-oneru tal-provi

Parti f'kawża hija responsabbli biex tipprova l-fatti li fuqhom ibbażat it-talba jew l-eċċezzjonijiet tagħha. Ir-rikorrent irid jissostanzja t-talbiet tiegħu u l-konvenut irid jissostanzja l-eċċezzjonijiet tiegħu.

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Il-provi jiġu sottomessi mill-partijiet fil-kawża u minn partijiet interessati oħra. Jekk parti fil-kawża jew parti interessata oħra mhix kapaċi tippreżenta xi prova partikolari, u tagħmel talba dettaljata f''dan is-sens, il-qorti tista' titlob li jiġu prodotti dawn il-provi.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Jekk il-qorti tirrikonoxxili fatt huwa għarfien komuni, mhemmx bżonn ta' provi għalih.

Il-fatti stabbiliti f'sentenza li daħħlet fis-seħħ fir-rigward ta' kawża ċivili mhemmx bżonn jerġgħu jiġu ppruvati f'kawżi ċivili oħra bl-istess partijiet.

Sentenza tal-qorti li daħħlet fis-seħħ fir-rigward ta' kawża kriminali torbot lil qorti li qed tisma' kawża dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-persuna soġġetta għas-sentenza kriminali, iżda fir-rigward biss tal-kwistjoni dwar jekk seħħx att kriminali, jew ommissjoni, u l-kwistjoni dwar jekk seħħx jew ġiex permess minn dik il-persuna.

Il-fatti li jitqiesu li ġew stabbiliti mil-liġi mhemmx bżonn jiġu pruvati. Dawn il-preżunzjonijiet jistgħu jiġu kontestati skont il-proċedura ordinarja.

Parti ma għandhiex għalfejn turi l-fatti mhux kontestati mill-parti l-oħra skont il-proċeduri stabbiliti fil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Qorti trid tevalwa l-informazzjoni għas-sodisfazzjon tagħha stess, abbażi tal-provi li ġew eżaminati kompletament u oġġettivament fil-qorti, u skont approċċ ġudizzjarju bbażat fuq prinċipji loġiċi, sejbiet xjentifiċi u osservazzjonijiet mill-esperjenza tal-ħajja. Fis-sentenza tagħha l-qorti trid tispjega għalfejn tat preferenza lil prova u mhux oħra, u għalfejn sabet li ċerti fatti ġew pruvati u oħrajn le. L-ebda prova ma għandha effett predeterminat fuq il-qorti.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili tgħidli l-partijiet huma responsabbli biex jippreżentaw il-provi, iżda tipprovdi wkoll għal ċerti każijiet fejn il-qorti tista' teħtieġ xi provi ex officcio (pereżempju fejn huma involuti l-interessi tat-tfal). Jekk il-qorti ssibli ma ġew preżentati l-ebda provi biex jissostanzjaw fatt jew fatti li fuqhom huma bbażati t-talbiet jew l-eċċezzjonijiet tal-parti, tinnotifika lill-partijiet kif xieraq, u jekk ikun meħtieġ tistabbilixxi perjodu għall-preżentata tal-provi.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-provi miktuba u materjali jiġu ppreżentati lill-qorti mill-partijiet. Fejn il-partijiet jagżmlu referenza għal provi orali, il-qorti tistieden lix-xhieda indikati mill-partijiet għal seduta ta' smigħ biex tisma' x-xhieda tagħhom. Il-qorti mbagħad tinkludi dawn il-provi fl-atti tal-kawża.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tippermetti biss provi li huma stabbiliti mil-liġi u ta' rilevanza għall-kawża. Il-qorti tista' tirrifjuta li taċċetta provi sottomessi wara l-14-il jum qabel is-seduta ta' smigħ, sakemm l-imħallef ma jkunx stabbilixxa perjodu differenti għas-sottomissjoni tal-provi. Waqt li tkun qed tiġi mismugħa l-kawża, il-provi jistgħu jiġu ppreżentati b'talba dettaljata ta' parti fil-kawża jew parti interessata oħra, jekk dan ma jikkaġunax dewmien fis-smigħ tal-kawża, jew il-qorti tkun aċċettatli hemm raġunijiet validi għalfejn il-provi ma ġewx ippreżentati fil-ħin, jew il-provi jikkonċernaw fatti li nkixfu matul il-proċedimenti.

Ix-xhieda tax-xhud ibbażata fuq informazzjoni minn sorsi mhux magħrufa, jew informazzjoni miksuba minn persuni oħra, sakemm dawn il-persuni ma jkunux ġew eżaminati mill-qorti, mhumiex ammissibbli bħala provi.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

L-osservazzjonijiet sottomessi mill-partijiet fil-kawża u minn partijiet terzi interessati li jinkludu informazzjoni dwar fatti li fuqhom huma bbażati t-talbiet jew l-eċċezzjonijiet tagħhom, jekk sostanzjati minn provi oħra ivverifikati u eżaminati waqt seduta l-qorti;

ix-xiehda tax-xhieda u l-esperti;

il-provi miktuba, li jikkonsistu f'dokumenti jew testi oħra li l-informazzjoni li fihom dwar fatti li huma rilevanti għall-kwistjoni hija reġistrata permezz ta' ittri, numri u simboli miktuba oħra jew mezzi tekniċi oħra, u kull mezz ta' rikordjar simili (awdjo jew tejps tal-awdjo, disketts, eċċ.);

  • provi materjali;
  • rapporti tal-esperti;
  • opinjonijiet tal-esperti;
  • rapporti minn entitajiet pubbliċi.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Mhemmx differenza sostanzjali bejn: ix-xiehda tal-esperti u xhieda oħra jikkostitwixxu provi, u d-dikjarazzjonijiet bil-miktub mill-esperti wkoll huma provi. Xhud jew espert iridu jidhru l-qorti meta jiġu mħarrka mill-qorti biex jixhdu l-verità dwar iċ-ċirkostanzi li jafu bihom (xhieda) jew biex jagħtu opinjoni oġġettiva u personali dwar il-fatti xjentifiċi, tekniċi, artistiċi jew oħrajn li jkunu investigaw.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

L-ebda prova ma għandha effett predeterminat li jorbot lill-qorti, iżda fis-sentenza tagħha l-qorti trid tispjega għalfejn tat preferenza lil xi prova u mhux lil oħra, u għalfejn sabetli ċerti fatti ġew ippruvati u oħrajn le.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Iva. Il-fatti li bil-liġi jistgħu jiġu pruvati biss b'ċerti forom ta' provi ma jistgħux jiġu pruvati b'xi tip ta' prova oħra.

Il-qorti taċċetta biss it-tip ta' provi previsti mil-liġi.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Xhud li ġie mħarrek quddiem il-qorti ma għandux dritt jirrifjuta li jixhed ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Il-persuni li ġejjin jistgħu jirrifjutaw li jixhdu:

  • il-qraba fil-linja diretta u fl-ewwel jew it-tieni grad fil-linja kollaterali, il-konjuġi, il-qraba biż-żwieġ fl-ewwel grad, u membri tal-familja tal-partijiet;
  • il-kuraturi u t-trustees tal-partijiet, u l-persuni taħt guardianship jew trusteeship tal-partijiet;
  • il-persuni involuti f'litigazzjoni dwar kwistjoni oħra kontra waħda mill-partijiet.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhud li jkun għalaq l-14-il sena li jirrifjuta li jixhed għal raġunijiet li l-qorti tqis invalidi, jew li bi ħsieb jagħti xhieda falza, jikkommetti reat skont il-Liġi Kriminali.

Jekk ix-xhud, mingħajr raġuni ġusta, jonqos milli jidher wara li jkun ġie mħarrek għal dan il-għan mill-qorti jew mill-imħallef, il-qorti tista' timponi multa li ma taqbiżx l-EUR 60 jew tordna l-arrest tax-xhud biex jitla' jixhed.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Il-ministri tar-reliġjon ma għandhomx għalfejn jixhdu dwar fatti li saru jau dwarhom permezz tal-qrar, u persuni li minħabba l-professjoni jew pożizzjoni tagħhom ma jistgħux jagħtu ċerta informazzjoni afdata lilhom mhux meħtieġa jixhdu dwar din l-informazzjoni;

  • il-minuri mhux meħtieġa jixhdu dwar fatti li jikkostitwixxu provi kontra l-ġenituri, nanniet, jew ħuthom bniet u subien;
  • persuni li għandhom nuqqasijiet mentali jew fiżiċi li minħabba fihom ma jkunux kapaċi jevalwaw iċ-ċirkostanzi rilevanti għall-kawża ma għandhomx għalfejn jixhdu;
  • it-tfal taħt l-età ta' seba' snin ma għandhomx għalfejn jixhdu.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Persuna mħarrka bħala xhieda jridu jidhru l-qorti u jixhdu l-verità dwar kull fatt li jkunu jafu bih. Xhud irid iwieġeb għall-mistoqsijiet li jsirulu mill-qorti u mill-partijiet. Il-qorti tista' ssaqsi xhud dwar il-post ta' residenza tax-xhud, jekk ix-xhud ma jkunx jista' jattendi wara li jkun ġie mħarrek minħabba mard, età avvanzata jew invalidità jew għal xi raġuni valida oħra. Xhud jista' jiġi mistoqsi wkoll permezz ta' vidjokonferenza fil-qorti, skont fejn ikun jinsab ix-xhud, jew f'post b'tagħmir apposta għal dan il-għan.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Il-partijiet f'kawża jistgħu jikkontestaw il-veraċità tal-provi miktuba.

Il-provi miktuba ma jistgħux jiġu kontestati mill-persuna li ffirmathom hi stess. Din il-persuna tista' tikkontesta l-provi billi tiftaħ kawża separata, jekk il-firma tagħha tkun inkisbet bil-forza, theddid jew frodi.  Parti tista' tippreżenta wkoll rikors dettaljat fejn jallega l-falsifikazzjoni ta' provi miktuba. Jekk il-qorti ssibli l-provi ġew falsifikati, hija teskludi l-provi u tinnotifika prosekutur pubbliku dwar il-falsifikazzjoni. Sabiex teżamina rikors li jallega l-falsifikazzjoni ta' provi miktuba, il-qorti tista' tordna rapport mingħand espert jew teħtieġ aktar provi. Jekk il-qorti ssibli parti fetħet kawża dwar il-falsifikazzjoni ta' provi miktuba mingħajr raġuni ġusta, hija tista' twaħħlu multa.

Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili teħtieġli persuna mħarrka bħala xhieda tidher il-qorti u tixhed il-verità dwar kull fatt li tkun taf bih. Jekk parti fil-kawża tkun trid turi ċerti ċirkostanzi permezz ta' xhieda orali, fit-talba tagħha lill-qorti fejn titlob li teżamina xhud trid tindika liema se jkunu l-aspetti mportanti tal-kawża li x-xhud se jkun jista' jikkonferma.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

L-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fil-kawża u minn partijiet terzi interessati li jinkludu informazzjoni dwar fatti li fuqhom huma bbażati t-talbiet jew l-eċċezzjonijiet tagħhom, huma ammissibbli bħala provi jekk sostanzjati minn provi oħra vverifikati u eżaminati waqt seduta l-qorti. Jekk parti fil-kawża tammetti l-fatti li fuqhom huma bbażati t-talba jew l-eċċezzjonijiet tal-parti l-oħra, il-qorti tista' tqisli dawn il-fatti ġew pruvati, jekk il-qorti ma jkollhiex dubjuli l-ammissjoni ma kienetx riżultat ta' frodi, vjolenza, theddid jew żball, jew biex tinħeba l-verità.

L-aħħar aġġornament: 07/02/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Litwanja

1 L-oneru tal-provi

Il-partijiet iridu jipprovdu provi għall-fatti li jkunu l-bażi tad-dikjarazzjonijiet u tar-repliki tagħhom ħlief fil-każijiet li fihom ma jkollhomx bżonn provi (ara 1.2).

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja (Lietuvos Respublikos civilinio proceso kodeksas), l-oneru tal-provi jaqa’ fuq il-partijiet f’kawża. Dawn iridu jipprovdu provi għall-fatti li jkunu l-bażi tad-dikjarazzjonijiet u tar-repliki tagħhom ħlief fil-każijiet li fihom ma jkollhomx bżonn provi f’konformità mal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Il-qrati kollha jikkunsidraw il-kawżi ċivili skont il-prinċipju tal-kuntradittorju. Kull parti trid tipprovdi provi għall-fatti li jkunu l-bażi tad-dikjarazzjonijiet u tar-repliki tagħha ħlief fil-każijiet li fihom ma jkollhomx bżonn provi.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

L-Artikolu 182 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jelenka t-tipi li ġejjin ta’ fatti bħala eżentati mill-oneru tal-provi:

  • fatti rikonoxxuti mill-qorti bħala għarfien komuni;
  • fatti stabbiliti f’sentenzi effettivi fi proċedimenti ċivili jew amministrattivi oħra li fihom il-parteċipanti kienu l-istess persuni, ħlief f'każijiet li fihom sentenza tal-qorti ġġib magħha konsegwenzi legali għal persuni oħra li mhumiex involuti fil-proċedimenti (fatti preġudizzjarji);
  • il-konsegwenzi ta’ atti personali li jikkostitwixxu reat meta t-tali konsegwenzi jkunu ġew ġudikati f’sentenza effettiva fi proċedimenti kriminali (fatti preġudizzjarji);
  • fatti li jkunu preżumibbli skont il-liġi u ma jkunux ikkontestati skont il-proċedura ġenerali;
  • fatti ammessi mill-partijiet.

Parti għandha dritt li tammetti fatti li fuqhom tkun ibbażata dikjarazzjoni jew replika ta’ parti oħra. Il-qorti tista’ tikkunsidra fatt ammess bħala wieħed stabbilit jekk hi temmen li l-ammissjoni tkun konsistenti maċ-ċirkustanzi tal-każ u ma jkunx stipulat mill-parti għall-finijiet ta’ qerq, ta’ vjolenza jew ta’ theddid, jew ma jkunx sar bi żball jew biex tinħeba l-verità.

Ta’ min jinnota wkoll li t-tali ċirkustanzi jistgħu jiġu kkontestati billi tiġi ppreżentata evidenza skont il-proċedura ġenerali.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Jekk l-evidenza ppreżentata tippermetti lill-qorti tikkonkludi li hemm probabbiltà akbar li ċertu fatt kien jeżisti milli le, il-qorti tagħraf dak il-fatt bħala wieħed stabbilit.

2 Is-smigħ tal-provi

L-evidenza fi proċedimenti ċivili tfisser kwalunkwe data attwali li sservi bħala bażi biex il-qorti tiddetermina skont il-proċedura statutorja l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza tal-fatti li jissostanzjaw it-talbiet u l-kontrotalbiet tal-partijiet kif ukoll kwalunkwe fatt ieħor rilevanti biex tintlaħaq deċiżjoni ġusta fil-kawża. Data bħal din tista’ tiġi stabbilita bil-mezzi li ġejjin: dikjarazzjonijiet tal-partijiet jew ta’ terzi persuni (direttament jew permezz ta’ rappreżentant), testimonjanzi ta’ xhieda, evidenza bil-miktub, evidenza materjali, protokolli ta’ spezzjoni, rapporti tal-perit, ritratti u reġistrazzjonijiet b’vidjo u b’awdjo miksuba legalment u forom oħra ta’ provi.

Qorti tista’ titlob ukoll biex Stat Membru tal-UE jiġbor evidenza jew jippreżentaha b’mod dirett f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali biex titjieb, tiġi simplifikata u aċċellerata l-kooperazzjoni bejn il-qrati fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda.

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Skont l-Artikolu 179 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-partijiet u parteċipanti oħra fil-proċedimenti għandhom jippreżentaw l-evidenza. Meta l-evidenza ppreżentata ma tkunx biżżejjed, qorti tista’ titlob lill-partijiet u lil parteċipanti oħra fil-proċedimenti biex jipprovdu lill-qorti b’evidenza korroborattiva u tiffissa terminu għall-preżentazzjoni tagħha. Qorti hi intitolata wkoll li tiġbor evidenza fuq inizjattiva tagħha stess (ex officio), iżda biss fil-każijiet previsti mil-liġi.

Qorti hi intitolata skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili biex tikkumpila xhieda fuq inizjattiva tagħha stess waqt li tkun qed tisma’ kawżi relatati ma’ familji jew ma’ impjiegi jekk, fl-opinjoni tagħha, din tkun essenzjali biex tiddeċiedi kawża b’mod ġust (l-Artikoli 376 u 414).

Barra minn hekk, l-Artikolu 476 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li qorti li tħejji biex tisma’ kawżi li ijkkonċernaw id-dikjarazzjoni ta’ minorenni bħala li għandu kapaċità sħiħa (emanċipat) għandha:

  • taħtar istituzzjoni mill-istat għall-protezzjoni tal-minorenni fil-post ta’ residenza tal-minorenni biex tippreżenta l-konklużjoni tagħha dwar il-prontezza tal-minorenni biex jinfurza b’mod indipendenti d-drittijiet ċivili kollha jew iwettaq id-dmirijiet;
  • titlob data dwar jekk il-minorenni ġiex ikkundannat jew wettaqx xi ksur tal-liġi amministrattiva jew ta’ liġi oħra;
  • jekk ikun hemm bżonn tistabbilixxi l-livell ta’ żvilupp fiżiku, morali, spiritwali jew mentali tal-minorenni, tordna eżami forensiku, psikoloġiku u/jew psikjatriku u titlob kwalunkwe wieħed mid-dokumenti mediċi tal-minorenni jew kwalunkwe materjal neċessarju ieħor biex tagħmel l-eżami;
  • twettaq kwalunkwe azzjoni oħra neċessarja biex tħejji għas-smigħ tal-kawża.

L-Artikolu 582 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula wkoll li meta tkun qed tiġi kkunsidrata kwistjoni ta’ permess għat-trasferiment ta’ titolu lill-proprjetà tal-familja, ta’ ipoteka tal-proprjetà tal-familja jew ta’ aggravar b’xi mod ieħor tad-drittijiet għal dawn, qorti, filwaqt li tqis iċ-ċirkustanzi tal-kawża, ikollha dritt li titlob evidenza mingħand l-applikant dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-familja (introjtu, tfaddil, proprjetà oħra, obbligazzjonijiet), data dwar il-proprjetà tal-familja li tkun qed tiġi trasferita, data mis-servizz ta’ protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal dwar il-ġenituri tat-tfal, il-patti u l-kundizzjonijiet preliminari u l-prospetti ta’ eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni futura, il-prospetti tad-drittijiet ta’ minorenni li jkunu protetti jekk it-tranżazzjoni ma sseħħx u evidenza oħra.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Biex tikkumpila xhieda (f’konformità mal-Artikoli 199 u 206 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), qorti tista’ titlob lil persuna ġuridika jew fiżika biex tippreżenta evidenza bil-miktub jew materjali, li trid tiġi ppreżentata direttament lill-qorti fi ħdan termini fissi. Meta l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jkunux jistgħu jippreżentaw l-evidenza bil-miktub jew materjali mitluba jew ma jkunux jistgħu jagħmlu dan fi ħdan it-terminu ffissat, dawn iridu javżaw lill-qorti dwar hekk u jindikaw ir-raġunijiet. Qorti tista’ toħroġ għal persuna li titlob evidenza bil-miktub jew materjali ċertifikat li jintitola lill-persuna tikseb l-evidenza biex din tkun tista’ tiġi ppreżentata lill-qorti.

Matul it-tħejjijiet għal seduta tal-qorti, imħallef iwettaq ukoll attivitajiet proċedurali oħra li jkunu neċessarji għat-tħejjija kif xieraq ta’ kawża għal seduta l-qorti (jitlob evidenza li ma tistax tinkiseb mill-parteċipanti fil-proċedimenti, jikkumpila xhieda fuq inizjattiva tiegħu stess meta l-qorti tkun intitolata tagħmel hekk skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, eċċ.).

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Qorti tista’ tiċħad evidenza fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

  • meta din tkun inammissibbli;
  • meta l-evidenza ma tikkonfermax u lanqas ma tiċħad fatti rilevanti għall-kawża (Artikolu 180 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • meta l-evidenza tkun setgħet ġiet ippreżentata qabel u l-preżentazzjoni aktar tard tagħha twassal biex jittardjaw il-proċedimenti (l-Artikolu 181(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Kwalunkwe dokument jew evidenza oħra li fuqha l-attur ikun qed jibbaża d-dikjarazzjonijiet tiegħu, prova li tħallset miżata tal-qorti u applikazzjonijiet biex tintalab evidenza li r-rikorrent ma jistax jippreżenta, filwaqt li jiġu indikati r-raġunijiet dwar għaliex ma tistax tiġi ppreżentata l-evidenza, għandhom jiġu mehmuża mad-dikjarazzjoni tat-talba biex qorti tkun tista’ taċċettahom (l-Artikolu 135 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ta’ min jinnota wkoll li qorti tal-appell tiċħad milli taċċetta evidenza ġdida li setgħet ġiet ippreżentata quddiem qorti ġenerali ħlief f’każijiet li fihom qorti ġenerali tkun ċaħdet b’mod żbaljat milli taċċetta l-evidenza jew meta l-ħtieġa li tiġi ppreżentata tkun qamet wara (l-Artikolu 314 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Kif definit fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-evidenza fi proċedimenti ċivili tfisser kwalunkwe data attwali li sservi bħala bażi biex qorti ssib skont il-proċedura statutorja jekk jeżistux ċirkustanzi li jissostanzjaw id-dikjarazzjonijiet u r-repliki tal-partijiet kif ukoll kwalunkwe ċirkustanza oħra rilevanti biex tintlaħaq deċiżjoni ġusta fil-kawża. Din id-data tista’ tinkiseb kif ġej: dikjarazzjonijiet tal-partijiet jew ta’ partijiet terzi (b’mod dirett jew permezz ta’ rappreżentant), testimonjanzi ta’ xhieda, evidenza bil-miktub, evidenza materjali, protokolli ta’ spezzjoni u rapporti tal-perit.

Ritratti u reġistrazzjonijiet b’awdjo u b’vidjo miksuba legalment jistgħu jservu bħala evidenza wkoll.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

L-Artikoli 192 sa 217 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxu r-regoli li ġejjin li jirregolaw il-metodi għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda mingħand xhieda u xhieda esperti:

Il-proċedura ta’ eżami tax-xhieda

Kull xhud jitħarrek biex jidher f’awla tal-qorti u jiġi eżaminat b’mod individwali. Xhieda mhux eżaminati ma jistgħux jibqgħu fl-awla tal-qorti matul is-seduta. Ix-xhieda eżaminati jridu jibqgħu fl-awla tal-qorti sakemm tispiċċa s-seduta. Jekk ix-xhieda eżaminati jitolbu hekk, il-qorti tista’ tippermettilhom jitilqu mill-awla tal-qorti wara li jkunu nstemgħu l-opinjonijiet tal-parteċipanti fil-proċedimenti.

Xhud jista’ jiġi eżaminat in situ jekk ma jkunx jista’ jidher quddiem qorti wara li jiġi mħarrek minħabba mard, età kbira, diżabilità jew raġuni sostanzjali oħra rikonoxxuta minn qorti u parteċipant fil-proċedimenti li jniedi s-sejħa tax-xhud ma jkunx jista’ jiżgura d-dehra ta’ dak ix-xhud quddiem qorti.

Il-qorti trid tidentifika x-xhud u tispjega d-drittijiet u d-dmirijiet tax-xhud kif ukoll li hu jinżamm responsabbli jekk jigdeb taħt ġurament u ma jissodisfax jew ma jissodisfax kif xieraq kwalunkwe dmir ieħor tiegħu.

Qabel ma jiġi eżaminat, xhud għandu jaħlef billi jqiegħed idu fuq il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja (Lietuvos Respublikos Konstitucija) u jgħid: “Jien, (isem sħiħ), b’onestà u b’fidi naħlef li ngħid il-verità mingħajr ma naħbi, inżid jew inbiddel xi evidenza”. Xhud ġuramentat għandu jiffirma dawn il-kelmiet tal-ħalfa. Il-ħalfa ffirmata tithemeż mad-dokumenti tal-kawża.

Wara li tiddetermina r-relazzjoni tax-xhud mal-partijiet u ma’ persuni terzi u ċirkustanzi oħra rilevanti għall-evalwazzjoni tal-evidenza tiegħu (edukazzjoni, okkupazzjoni tax-xhud, eċċ.), il-qorti għandha tordna lix-xhud biex jgħid lill-qorti dak kollu li jaf dwar il-każ u jevita milli jiżvela informazzjoni jekk ix-xhud ma jkunx jista’ jispeċifika s-sors tiegħu.

Wara li jixhed, xhud jistgħu jsirulu mistoqsijiet. L-ewwel, xhud jiġi eżaminat mill-persuna li titlob li jiġi mħarrek u minn rappreżentant ta’ dik il-persuna. Imbagħad ix-xhud jiġi eżaminat minn parteċipanti oħra fil-proċedimenti. Xhud imħarrek fuq l-inizjattiva tal-qorti l-ewwel jiġi eżaminat mir-rikorrent. L-imħallef irid iwaqqaf mistoqsijiet qarrieqa u mistoqsijiet irrilevanti għall-kawża. L-imħallef hu intitolat jagħmel mistoqsijiet fi kwalunkwe waqt matul l-eżami tax-xhud.

Jekk ikun hemm bżonn, fuq it-talba ta’ parteċipant fil-proċedimenti jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-qorti tista’ tirrieżamina xhud fl-istess seduta, issejjaħ lix-xhud eżaminat għal seduta oħra tal-istess qorti jew tikkonfronta lix-xhieda kontra xulxin.

F’każijiet eċċezzjonali li fihom ikun impossibbli jew diffiċli li jiġi eżaminat xhud fil-qorti, il-qorti li tisma’ kawża tkun intitolata li teżamina testimonjanza bil-miktub jekk, fl-opinjoni tal-qorti u b’kunsiderazzjoni tal-identità tax-xhud u tas-sustanza taċ-ċirkustanzi li dwarhom għandha tingħata testimonjanza, dan ma jkunx ser ikollu effett ta’ detriment fuq l-istabbiliment tal-fatti essenzjali tal-kawża. Fuq l-inizjattiva tal-partijiet, xhud jista’ jiġi mħarrek għal eżami addizzjonali fil-qorti jekk dak ikun neċessarju biex jiġu stabbiliti l-fatti tal-kawża f’dettall akbar. Qabel ma jixhed, ix-xhud irid jiffirma l-kelmiet tal-ħalfa stipulati fl-Artikolu 192(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u jitwissa malli jiffirma l-konferma li l-għoti ta’ evidenza falza hu reat kriminali. It-testimonjanza bil-miktub trid tingħata fil-preżenza ta’ nutar u tiġi ċċertifikata min-nutar.

Eżami tal-esperti

Perizja tinqara għal kulħadd f’seduta tal-qorti. Qabel ma tinqara l-perizja, l-espert (l-esperti) li jagħti l-perizja u jieħu sehem fis-seduta tal-qorti jrid jaħlef billi jqiegħed idu fuq il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja u jgħid: “Jien, (isem sħiħ), naħlef li nwettaq id-dmirijiet ta’ espert fil-proċedimenti b’onestà u li nipproduċi perizja imparzjali u motivata fuq il-bażi tal-għarfien espert tiegħi”. Jekk eżami jsir barra minn seduta tal-qorti, il-kelmiet tal-ħalfa ffirmata mill-espert jikkostitwixxu parti integrali mir-rapport tal-perit. L-esperti inklużi fil-Lista ta’ Esperti tal-Qorti tar-Repubblika tal-Litwanja (Lietuvos Respublikos teismo ekspertų sąrašas) li ħalfu fiż-żmien li ddaħħlu f’dik il-Lista m’għandhomx bżonn jaħilfu fil-qorti u jitqiesu li twissew li jinżammu responsabbli f’każ li jaqsmu opinjoni u dikjarazzjonijiet foloz.

Qorti hi intitolata li titlob lil espert jispjega l-opinjoni tiegħu b’mod orali. L-ispjegazzjoni orali ta’ perizja tiġi inkluża fil-minuti tas-seduta tal-qorti.

L-esperti jistgħu jsirulhom mistoqsijiet biex jispjegaw jew jissupplimentaw il-perizja. Il-persuna li titlob il-ħatra tagħhom ikollha l-ewwel opportunità li tagħmel mistoqsijiet. Imbagħad espert jistgħu jsirulu mistoqsijiet minn parteċipanti oħra fil-proċedimenti. Jekk espert jinħatar mill-qorti fuq inizjattiva tagħha stess, ir-rikorrent ikollu l-ewwel opportunità li jagħmel mistoqsijiet lil espert.

L-imħallfin huma intitolati li jagħmlu mistoqsijiet lil espert fi kwalunkwe waqt matul l-eżami tagħhom.

Il-perizja tiġi pprovduta biss fuq it-talba ta’ qorti (u trid tiġi ppreżentata bil-miktub fil-forma ta’ rapport tal-perit). Rapport tal-perit irid jinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-investigazzjoni mwettqa, il-konklużjonijiet maħruġa fuq il-bażi tas-sejbiet, u tweġibiet motivati għall-mistoqsijiet li tagħmel il-qorti.

Jekk qorti titlob perizja mingħajr rapport tal-perit, il-perizja titqies li hi evidenza bil-miktub ippreżentata minn espert (simili għal parteċipanti oħra fil-proċedimenti) jew li hi mitluba mill-qorti taħt il-proċedura stabbilita bil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

L-Artikolu 198 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi r-regoli li ġejjin għall-preżentazzjoni tal-evidenza bil-miktub:

L-evidenza bil-miktub tista’ tiġi ppreżentata mill-parteċipanti fil-proċedimenti jew tintalab minn qorti f’konformità mal-proċedura stipulata mill-Kodiċi.

L-evidenza bil-miktub trid tiġi ppreżentata fil-forma stipulata mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili: parteċipant fil-proċedimenti li jissostanzja l-kontenut ta’ dokument proċedurali b’evidenza bil-miktub irid jehmeż l-oriġinali jew il-kopji (kopji diġitali) ta’ dan, kif iċċertifikati minn qorti, minn nutar (jew persuna oħra awtorizzata twettaq dmirijiet notarili), minn avukat li jieħu sehem fil-proċedimenti jew mill-persuna li toħroġ (tirċievi) id-dokument. Qorti tista’ titlob, b'inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ parteċipant fil-proċedimenti, li jiġu ppreżentati d-dokumenti oriġinali. Talba minn parteċipant fil-proċedimenti għal dokumenti oriġinali li għandhom jiġu sottomessi għandha tiġi ppreżentata mat-talba, mal-kontrotalba, mad-dikjarazzjoni tad-difiża jew ma’ dokumenti proċedurali oħra tal-parteċipanti fil-proċedimenti. Il-parteċipanti fil-proċedimenti jistgħu jippreżentaw talba bħal din f’data aktar tard meta l-qorti tagħraf li r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ talba aktar kmieni huma validi jew meta l-ilqugħ tat-talba inkwistjoni ma jittardjax ir-riżoluzzjoni tal-kawża. F’każijiet li fihom parti biss minn dokument tkun relatata mal-kontenut tad-dokumenti proċedurali, il-partijiet rilevanti biss (siltiet, estratti) jistgħu jiġu ppreżentati lill-qorti.

Id-dokumenti proċedurali kollha u l-appendiċijiet għal dawn iridu jiġu ppreżentati lill-qorti bil-Litwan ħlief fil-każ ta’ ċerti eċċezzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni. Meta l-parteċpanti fil-proċedimenti li lilhom iridu jiġu notifikati d-dokumenti proċedurali ma jkunux jifhmu bil-Litwan, it-traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti f’lingwa li huma jifhmu trid tiġi ppreżentata lill-qorti. Meta d-dokumenti li jkunu jridu jiġu ppreżentati jkunu meħtieġa skont il-Kodiċi li jiġu tradotti f’lingwa barranija, il-parteċipanti fil-proċedimetni jridu jippreżentaw traduzzjonijiet iċċertifikati ta’ dawn lill-qorti f’konformità mal-proċedura legali stabbilita.

Id-dokumenti oriġinali f’fajl tal-kawża jistgħu jiġu ritornati fuq it-talba ta’ dawk li jippreżentawhom. F’dak il-każ, il-kopji tad-dokumenti li jridu jiġu ritornati, iċċertifikati f’konformità mal-proċedura stipulata mill-Kodiċi, iridu jinżammu fil-fajl.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Skont l-Artikolu 197 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, id-dokumenti maħruġa minn awtoritajiet tal-istat u muniċipali li jkunu ġew approvati minn persuni awtorizzati mill-istat fi ħdan il-limiti tal-kompetenza tagħhom u f’konformità mar-rekwiżiti applikati għall-forma ta’ dokumenti partikolari jistgħu jiġu kkunsidrati li huma evidenza uffiċjali bil-miktub u għandu jkollhom effett evidenzjarju msaħħaħ. Fatti indikati fl-evidenza uffiċjali bil-miktub jitqiesu li huma pprovati għalkollox sakemm ma jintweriex bil-kontra permezz ta’ evidenza oħra fil-proċedimenti, ħlief għal evidenza tax-xhieda. Projbizzjoni tal-użu tal-evidenza tax-xhieda ma tapplikax meta din tkun tmur kontra l-prinċipji ta’ rieda tajba, ta’ ġustizzja u ta’ raġonevolezza. Il-valur probatorju tal-evidenza uffiċjali bil-miktub jista’ jingħata wkoll lil dokumenti oħra kif ukoll minn atti leġiżlattivi.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Iċ-ċirkustanzi ta’ kawża li jkunu meħtieġa mil-liġi biex jintwerew bil-provi permezz ta’ mezzi ta’ evidenza ma jistgħux jintwerew bil-provi b’xi mezz ieħor ta’ evidenza (l-Artikolu 177(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Persuna mħarrka bħala xhud trid tidher quddiem il-qorti u tixhed b’mod veritier. Persuna mħarrka bħala xhud tinżamm responsabbli skont il-liġi jekk tonqos milli tissodisfa d-dmirijiet ta’ xhud (l-Artikolu 191), jiġifieri tista’ tiġi imposta fuqhom multa.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Xhud jista’ jiċħad milli jixhed meta t-tali evidenza tkun tikkostitwixxi evidenza kontrih stess, kontra membri tal-familja tiegħu jew kontra qraba li jiġu minnu mill-viċin.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Meta x-xhieda, l-esperti jew l-interpreti jonqsu milli jidhru f’seduta, il-qorti titlob lill-persuni li jieħdu sehem fil-proċedimenti jekk il-kawża tagħhom tistax tinstema’ fin-nuqqas ta’ xhieda, ta’ esperti jew ta’ interpreti u tiddeċiedi li s-seduta tal-qorti se tissokta jew tiġi differita. Meta xhud, espert jew interpretu mħarrek jonqos milli jidher quddiem il-qorti mingħajr raġuni valida, dan jista’ jkun soġġett għal multa li tasal sa elf lita. Xhud jista’ jiġi mġiegħel jidher quddiem qorti wkoll fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-qorti (l-Artikolu 248 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Il-persuni li ġejjin ma jistgħux jiġu eżaminati bħala xhieda:

  • rappreżentanti fi proċedimenti ċivili u amministrattivi jew avukat difensur fi proċedimenti kriminali, dwar ċirkustanzi li jsiru jafu bihom fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentant jew avukat difensur;
  • persuni li mhumiex kapaċi jifhmu ċ-ċirkustanzi rilevanti għall-kawża jew jixhdu ġustament minħabba diżabbiltajiet fiżiċi jew mentali;
  • qassisin, dwar ċirkustanzi miksuba fi qrara;
  • il-professjoni medika, dwar ċirkustanzi koperti mis-segretezza professjonali;
  • medjaturi, dwar ċirkustanzi li huma saru jafu bihom matul proċedura ta’ medjazzjoni konċiljatorja.

Il-liġi tista’ tiddefinixxi persuni oħra wkoll.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Wara li tiċċara r-relazzjoni tax-xhud mal-partijiet, ma’ persuni terzi u ma’ ċirkustanzi oħra rilevanti għall-evalwazzjoni tax-xhieda (l-edukazzjoni, l-okkupazzjoni tax-xhud, eċċ.), il-qorti tistieden lix-xhud biex jgħid lill-qorti dak kollu li jaf rigward il-każ u jevita kwalunkwe informazzjoni jekk ix-xhud ma jkunx jista’ jispeċifika s-sors tiegħu.

Wara li jixhed, xhud jistgħu jsirulu mistoqsijiet. L-ewwel, xhud jiġi eżaminat mill-persuna li titlob li x-xhud jiġi mħarrek u minn rappreżentant ta’ dik il-persuna, u mbagħad minn parteċipanti oħra fil-proċedimenti. Xhud imħarrek fuq l-inizjattiva tal-qorti l-ewwel jiġi eżaminat mir-rikorrent. L-imħallef irid iwaqqaf mistoqsijiet qarrieqa u mistoqsijiet irrilevanti għall-kawża. L-imħallef hu intitolat jagħmel mistoqsijiet fi kwalunkwe waqt matul l-eżami tax-xhud. Jekk ikun hemm bżonn, fuq it-talba ta’ parteċipant fil-proċedimenti jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-qorti tista’ tirrieżamina xhud fl-istess seduta, issejjaħ lix-xhud eżaminat għal seduta oħra tal-istess qorti jew tikkonfronta lix-xhieda kontra xulxin.

F’każijiet eċċezzjonali li fihom ikun impossibbli jew diffiċli li jiġi eżaminat xhud fil-qorti, il-qorti li tisma’ kawża tkun intitolata li teżamina testimonjanza bil-miktub meta, fl-opinjoni tal-qorti u b’kunsiderazzjoni tal-identità tax-xhud u tas-sustanza taċ-ċirkustanzi li dwarhom għandha tingħata testimonjanza, dan ma jkunx ser ikollu effett ta’ detriment fuq l-istabbiliment tal-fatti essenzjali tal-kawża. Fuq l-inizjattiva tal-partijiet, xhud jista’ jiġi mħarrek għal eżami addizzjonali fil-qorti meta dak ikun neċessarju biex jiġu stabbiliti l-fatti tal-kawża f’dettall akbar. Qabel ma jixhed, xhud irid jiffirma l-kelmiet predeterminati tal-ħalfa u jitwissa malli jiffirma l-konferma li l-għoti ta’ evidenza falza hu reat kriminali. It-testimonjanza bil-miktub trid tingħata fil-preżenza ta’ nutar u tiġi ċċertifikata min-nutar.

Il-parteċipazzjoni f’seduti tal-qorti mill-parteċipanti fil-proċedimenti u fl-eżami tax-xhieda in situ tista’ tiġi żgurata permezz ta’ teknoloġiji ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni elettronika (permezz ta’ vidjokonferenzi, telekonferenzi, eċċ.). Meta jintużaw teknoloġiji bħal dawn f’konformità mal-proċedura stabbilita mill-Ministeru tal-Ġustizzja, irid jiġi żgurat li l-parteċipanti fil-proċedimenti jiġu identifikati b’mod affidabbli u li d-data (l-evidenza) tiġi reġistrata u ppreżentata b’mod oġġettiv.

Barra minn hekk, l-Artikolu 803 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi għall-possibbiltà li l-qrati tar-Repubblika tal-Litwanja jitolbu lil qorti ta’ stat ieħor biex tuża teknoloġiji tal-komunikazzjoni (vidjokonferenzi, telekonferenzi, eċċ.) waqt li tikkumpila x-xhieda.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

Qorti tevalwa l-evidenza fil-proċedimenti f’konformità mal-konvinzjoni tagħha stess fuq il-bażi tal-eżami komprensiv u mingħajr preġudizzju tal-fatti ppreżentati fil-proċedimenti u f’konformità mal-liġi.

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Id-data fattwali tiġi stabbilita bil-mezzi li ġejjin: dikjarazzjonijiet mill-partijiet u minn persuni terzi (direttament jew permezz ta’ rappreżentant), testimonjanzi ta’ xhieda, evidenza bil-miktub, evidenza materjali, protokolli ta’ spezzjoni, konklużjonijiet ta’ esperti, ritratti u reġistrazzjonijiet b’vidjo u b’awdjo miksuba legalment u biċċiet oħra ta’ evidenza. Data fattwali li tikkostitwixxi sigriet statali jew professjonali normalment ma tkunx tista’ sservi bħala evidenza fil-proċedimenti ċivili sakemm ma tiġix deklassifikata f’konformità mal-proċedura statutorja. Data riċevuta matul proċedura ta’ medjazzjoni konċiljatorja ma tistax isservi bħala evidenza fil-proċedimenti ċivili ħlief fil-każijiet previsti mil-Liġi dwar il-Medjazzjoni Konċiljatorja f’Tilwimiet Ċivili.

Ta’ min jinnota wkoll li f’konformità mal-Artikolu 185 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, qorti trid tevalwa l-evidenza fil-proċedimenti f’konformità mal-konvinzjoni tagħha stess fuq il-bażi tal-eżami komprensiv u mingħajr preġudizzju tal-fatti ppreżentati fil-proċedimenti u f’konformità mal-liġi. L-ebda evidenza m’għandu jkollha xi effett predefinit fuq qorti, ħlief meta dan ikun previst fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Iva (ara l-punt 2.4).

L-aħħar aġġornament: 21/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Lussemburgu

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Fil-liġi Lussemburgiża, il-prinċipju huwa li dak li jitlob l-eżekuzzjoni ta' obbligu jrid jippruvah. Min-naħa l-oħra, min isostni li jkun illiberat mill-obbligu, irid jipprova li sar il-ħlas jew sar il-fatt li temm l-obbligu tiegħu.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

F'ċerti każijiet, il-liġi Lussemburgiża tipprevedi preżunzjonijiet li jilliberaw persuna milli jkollha tipprova affarijiet impossibbli jew li jkunu diffiċli li tistabbilihom. Il-preżunzjonijiet huma konsegwenzi li l-liġi jew l-imħallef joħorġu minn fatt magħruf dwar fatt mhux magħruf.

Il-liġi tiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta' preżunzjonijiet: Minn naħa, il-preżunzjoni legali li tkun marbuta ma' ċerti atti jew fatti minn liġi speċjali. Min-naħa l-oħra, il-preżunzjonijiet mhux stabbiliti mil-liġi, li jitħallew fid-diskrezzjoni tal-imħallef li jaċċetta biss preżunzjonijiet serji, preċiżi u konsistenti.

B'mod ġenerali, huwa possibbli li tinġab prova kuntrarja għall-preżunzjoni. Pereżempju, tifel imwieled fi żwieġ huwa preżunt li jkun bin ir-raġel t'ommu. Madankollu, tista' tinfetaħ kawża li tikkontesta l-paternità.

F'każijiet iktar rari, il-preżunzjonijiet huma irrifjutabbli. Dan ifisser li ma tistax tinġab prova kuntrarja.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

L-apprezzament tal-fatti jitħalla fid-diskrezzjoni assoluta tal-imħallef. F'każ ta' dubju, l-imħallef jivverifika hemmx provi serji, preċiżi u konsistenti u jilqa' jew jiċħad il-provi skont kemm ikunu plawżibbli l-fatti allegati.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-ġbir tal-provi jista' jiġi ordnat minn imħallef fuq talba ta' parti minnhom. Madankollu, f’ċerti każijiet, l-imħallef jista' jiġbor provi fuq inizjattiva tiegħu stess.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

L-imħallef jgħarraf lill-espert maħtur bin-natura tal-kompitu tiegħu. Il-partijiet għall-kawża u l-partijiet terzi li jridu jassistu l-investigazzjoni jitħarrku mill-espert. Skont il-prinċipju tal-kawżi ta' tilwim ix-xhieda tinstema' fil-preżenza tal-partijiet.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-ġbir tal-provi tista' tiġi ordnata kull meta mħallef ma jkollux biżżejjed informazzjoni biex jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuqha.

Il-ġbir tal-provi fir-rigward ta' fatt allegat jista' jiġi ordnat biss jekk il-parti li qed tallega ma jkollhiex biżżejjed evidenza biex tipprova l-allegazzjoni. Fl-ebda każ ma jista' jiġi ordnat il-ġbir tal-provi biex jikkumpensa għan-negliġenza tal-parti fil-ġbir tal-provi favuriha.

L-imħallef irid jillimita wkoll l-għażla ta' din il-miżura għal dak li jkun biżżejjed biex jaqta' l-kawża u jrid jagħżel l-eħfef u l-irħas soluzzjoni.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-mezzi differenti ta' provi huma l-prova dokumentata, ix-xhieda, il-preżunzjonijiet, l-ammissjoni u l-ġuramenti.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

  • Metodi użati għall-ġbir tal-provi minn xhieda u minn xhieda esperti:

Meta x-xhieda tkun ammissibbli, l-imħallef jista' jirċievi dikjarazzjonijiet mingħand terzi li, minħabba l-għarfien personali tal-fatti kkonċernati, jistgħu jkunu jistgħu jiċċarawhom. Dawn id-dikjarazzjonijiet isiru f'forma ta' stqarrijiet jew jinġabru permezz ta' inkjesta skont ikunux saru bil-miktub jew oralment.

L-imħallef jista' jistaqsi lil min irid biex jiċċaralu l-fatti permezz ta' stqarrija, konsultazzjoni, jew opinjoni esperta dwar kwistjoni ta' fatti li teħtieġ li tiġi ċċarata minn espert. Jekk l-opinjoni ma jkunx hemm bżonn li ssir bil-miktub, l-imħallef jista' jippermetti li xhieda esperti jagħtu l-opinjoni tagħhom oralment fis-seduta; imbagħad jitfassal procès-verbal li jiġi ffirmat mill-imħallef u mill-iskrivan tal-qorti

  • Regoli applikabbli għall-preżentazzjoni tal-provi bil-miktub u tal-preżentazzjoni ta' rapporti u opinjonijiet tal-esperti bil-miktub:

Provi bil-miktub:

Parti li qed tibbaża l-kawża tagħha fuq dokument trid tikkomunikah lil kull parti oħra minnufih. Il-komunikazzjoni ssir bi rċevuta jew b'depożitu fir-reġistru tal-qorti. Il-komunikazzjoni tad-dokumenti trid tkun spontanja.

Rapporti jew opinjonijiet tal-esperti bil-miktub:

L-esperti jiddepożitaw ir-rapport mar-reġistru tal-qorti. Anke jekk ikun hemm bosta esperti, ir-rapport ippreżentat ikun wieħed; f'każ ta' diverġenza, kull wieħed jindika l-opinjoni tiegħu. Jekk l-espert jitlob l-opinjoni ta' espert ieħor bi speċjalizzazzjoni differenti minn tiegħu, dik l-opinjoni tinhemeż, skont il-każ mal-procès-verbal tas-seduta jew mal-fajl.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Ċerti metodi ta' provi fihom iktar saħħa minn oħrajn:

  • Att awtentiku mfassal minn uffiċjal pubbliku (nutar, bailiff) waqt l-eżekuzzjoni ta' xogħlu. Dan huwa prova sakemm ma jiġix ippruvat li jkun falz.
  • Ftehim privat imfassal mill-partijiet stess u ffirmat minnhom, mingħajr l-involviment ta' uffiċjal pubbliku. Dan huwa prova sakemm ma tinġabx prova kuntrarja.
  • Ix-xhieda, kif ukoll metodi oħra ta' provi, jitħallew għad-diskrezzjoni libera tal-imħallef.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Biex jiġi stabbilit att ġuridiku (kuntratt) fejn il-valur jaqbeż l-EUR 2500 hemm bżonn ta' prova bil-miktub. Min-naħa l-oħra, il-prova ta' fatt (inċident ...) tista' tieħu kwalunkwe forma.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Il-liġi tobbliga x-xhieda biex jikkooperaw fil-proċedimenti ġudizzjarji biex tinkixef il-verità.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Min ikollu raġuni valida jista' jiġi eżentat milli jixhed. Il-ġenituri u l-qraba fil-linja diretta ta' waħda mill-partijiet kif ukoll il-konjuġi tagħha, anke jekk iddivorzjati, jistgħu jirrifjutaw li jixhdu.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhieda li ma jidhrux jistgħu jitħarrku u jkollhom iġorru l-ispejjeż tat-taħrika jekk ix-xhieda tagħhom tkun neċessarja. Xhieda li ma jidhrux u min jirrifjuta li jixhed jew li jieħu l-ġurament mingħajr raġuni valida jista' jkun ikkundannat għal ammenda ċivili ta' minn EUR 50 sa EUR 2 500.

Min ikollu ġustifikazzjoni għaliex ma setax jidher fil-jum stipulat jista' titneħħielu l-ammenda u l-obbligu li jħallas l-ispejjeż tat-taħrika.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Kulħadd jista' jittella' bħala xhud ħlief min hu meqjus inkapaċi li jixhed.

Min ma jistax jixhed jista' madankollu jinstema' taħt l-istess kundizzjonijiet imma mingħajr ma jieħu l-ġurament. Madankollu, id-dixxendenti qatt ma jistgħu jixhdu dwar fatti invokati minn konjuġi f'kawża għal divorzju jew separazzjoni.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

  • Ir-rwol tal-imħallef u l-partijiet waqt is-smigħ ta' xhieda

L-imħallef jisma' lix-xhieda separatament u fl-ordni li jagħżel hu fil-preżenza tal-partijiet jew wara li jkunu ssejħu l-partijiet. Ix-xhieda ma jistgħux jaqraw it-testimonjanza tagħhom.

L-imħallef jista' jisma' jew jinterroga lix-xhieda dwar il-fatti kollha meta l-prova tkun ammissibbli mil-liġi, anke jekk dawn il-fatti ma jkunux imsemmija fid-deċiżjoni li tiġi ordnata l-inkjesta. Huwa jista' jerġa' jisma' lix-xhieda, jikkonfrontahom ma' xulxin jew mal-partijiet u jekk ikun hemm bżonn, jisma' x-xhieda tagħhom fil-preżenza ta' espert tekniku.

Il-partijiet ma jistgħu la jinterrompu, la jinterpellaw, la jipprovaw jinfluwenzaw lix-xhieda waqt li jixhdu u lanqas jindirizzawhom direttament, bil-piena tal-esklużjoni. Wara l-interrogazzjoni, jekk iħoss li jkun hemm bżonn, l-imħallef jista' jistaqsi lix-xhieda mistoqsijiet li jkunu ssottomettewlu l-partijiet.

  • Vidjokonferenza jew mezzi tekniċi oħrajn

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali huwa maħsub biex itejjeb, jissemplifika u jaċċellera l-kooperazzjoni bejn il-ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Membri għall-ġbir u l-amministrazzjoni tal-provi. Fil-liġi Lussemburgiża ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika li tikkonċerna l-vidjokonferenzi. Dawn huma suġġetti għall-artikoli tal-Kodiċi l-ġdid tal-proċedura ċivili rigward is-smigħ tax-xhieda, il-verifika personali tal-imħallef u x-xhieda mogħtija personalment. Il-qrati huma attrezzati bit-tagħmir tekniku neċessarju. Fil-jum stipulat għall-vidjokonferenza jkun hemm preżenti mħallef, uffiċjal tar-reġistru, interpretu u espert.

L-imħallef jista' jordna l-awdjoreġistrazzjoni jew il-vidjoreġistrazzjoni tal-inkjesti preparatorji kollha jew parti minnhom. Ir-reġistrazzjoni tinżamm fir-reġistru tal-qorti. Kull parti tista' titlob kopja jew traskrizzjoni u ġġarrab l-ispejjeż ta' dan.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

It-tribunal ma jqisx il-provi miksuba illegalment, bħal pereżempju kamera moħbija jew reġistrazzjoni ta' telefonati li l-persuna ma tkunx taf bihom.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

L-istqarrijiet li jsiru minn parti fil-kawża stess waqt il-proċess, fil-prinċipju, ma għandhomx il-valur ta' prova.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.legilux.lu/

L-aħħar aġġornament: 30/04/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Malta

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

L-oneru tal-provi hija mitfugħa fuq min jallegga u dan jidher ċar fil-Kodiċi ta’ Origanizzazzjoni u Proċedura Ċivili fl-Artikolu 562: ‘l-obbligu tal-prova ta’ fatt imiss dejjem lil min jallegah’.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Iva hemm regoli u dawn huma regolati taħt l-Artikolu 627 et seq tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. L-Artikolu 627 isemmi dokumenti li jistgħu jinġibu bħala prova u li m’għandhomx jiġu ppruvati li huma awtentiċi, fosthom:

  • l-atti tal-Gvern ta’ Malta, iffirmati mill-Ministru jew mill-kap tad-dipartiment li minnu jkunu ħarġu, jew, fl-assenza ta’ dan, mid-deputat, assistent jew uffiċjal ieħor li jiġi warajh fil-grad, awtorizzat li jiffirma dawk l-atti;
  • ir-reġistri ta’ dipartiment tal-Gvern ta’ Malta;
  • l-atti pubbliċi kollha ffirmati mill-awtoritajiet kompetenti, u maħruġin fil-Gazzetta tal-Gvern;
  • l-atti tal-Gvern ta’ Malta, stampati bl-awtorità tal-Gvern u ppubblikati regolarment;
  • l-atti u r-reġistri tal-qrati tal-ġustizzja u tal-qrati ekkleżjastiċi ta’ Malta;
  • iċ-ċertifikati maħruġin mill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku u mir-Reġistratur tal-Artijiet;
  • it-testimonjal magħmul taħt l-awtorità tal-Qorti Ċivili, Prim'Awla;
  • dokumenti oħra msemmija fl-Att dwar il-Bastimenti Merkantili (fosthom ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li hi iffirmata mir-reġistratur jew minn uffiċjal xieraq ieħor u kull ħaġa mniżżla fuq ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li tidher li hi iffirmata mir-reġistratur jew minn uffiċjal xieraq ieħor).

Hemm dokumenti oħra li jistgħu jiġu ppreżentati u li l-kontenut tagħhom huwa eżentat mill-oneru tal-provu, iżda jrid jiġi ppruvat l-awtentiċita tiegħu u dawn jinkludu:

  • l-atti u r-reġistri ta’ stabbilimenti, jew korpi pubbliċi, awtorizzati jew magħrufa mil-liġi jew mill-Gvern;
  • l-atti u r-reġistri tal-parroċċi dwar twelid, żwieġ, u mewt, u d-disposizzjonijiet magħmula skont il-liġi quddiem kappillan;
  • l-atti u r-reġistri tan-nutara pubbliċi ta’ Malta;
  • il-kotba tal-kummerċjanti, miżmumin skont il-liġi, għall-prova biss tal-konvenzjonijiet jew ta’ operazzjonijiet kummerċjali oħra;
  • il-kotba tas-sensali pubbliċi miżmumin skont il-liġi, għall-prova ta’ dak li jkun għadda bejn il-kontraenti f’affarijiet kummerċjali.

Il-kontenut ta’ dawn diversi tipi ta’ dokumenti jista’ jiġi ppruvat kuntrarju.

Barra dawn id-dokumenti, hemm preżunżjoni oħra li hija regolata taħt il-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Kodiċi Ċivili, li tarbija mwielda fiż-żwieġ hija tar-raġel tal-mara. Dan jista’ jiġi ppruvat li l-preżunzjoni legali mhix valida billi jagħmel rikors ġuramentat quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) u jipprova li dik il-preżunzjoni mhix valida.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Fiċ-ċivil il-livell biex il-Qorti tkun sodisfata bil-provi mressqa u li tkun tista’ tingħata sentenza huwa dak ta bilanċ ta’ probabiltajiet.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Kull waħda mill-partijiet fil-kawża, ikun xi jkun l-interess tagħha, tista’ tixhed, sew b’talba tagħha nfisha, kemm b’talba ta’ waħda oħra mill-partijiet fil-kawża, inkella jekk imsejħa mill-qorti ex officio. Meta l-proċedura tinbeda permezz ta' rikors ġuramentat, huwa obbligatorju li ssir lista tax-xhieda.  L-istess jingħad għat-tweġiba u ċioe' illi fir-risposta ġuramentata trid tinkludi l-lista tax-xhieda.  Ikun biss jekk il-parti jkollha bżonn ix-xhieda ta' xhud mhux indikat li għandu jiġi preżentat rikors f'dan is-sens.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Wara li r-rikors għall-ġbir tal-provi tintlaqa’, ix-xhieda jiġu mħarrkin biex jidhru bil-mezz ta’ mandat maħruġ fuq rikors tal-parti li trid iġgibhom. It-talba għall-ħruġ ta’ dan il-mandat fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta), u fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fil-kompetenza tagħha inferjuri, tista’ ssir bil-fomm.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tista' tiċħad ir-rikors għall-ġbir tal-provi meta l-persuna mħarka tkun avukat, prokuratur legali u saċerdot. Barra minnhekk, bħala regola, ebda persuna preżenti waqt is-smigħ ta’ kawża ma tista’ tinġieb bħala xhud fl-istess kawża; iżda hu mħolli fid-diskrezzjoni tal-qorti li, għal raġuni tajba, tiddispensa minn din ir-regola, f’każijiet partikolari.  Hemm ukoll japplikaw liġijiet speċjali li jirregolaw is-segretezza uffiċjali u ma jippermettux żvelar ta’ informazzjoni sigrieta u kunfidenzjali.  Magħdud ma' dan, it-talba tista' tiġi miċħuda jekk il-Qorti jidhrilha li x-xhud mhux xhud pertinenti.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Hemm tlett tipi ta’ provi li jistgħu jitresqu u dawn huma: dokumenti, viva voce u affidavits.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ir-regola ġenerali hi li l-eżami tax-xhieda fis-smigħ tal-kawżi għandu jsir fil-qorti bil-miftuħ u viva voce. Iżda l-liġi tipprovdi modi ta’ ġbir ta’ provi oħra li jistgħu jiġu użati:

  • Xhieda tista tiġi pprezentata b’affidavit, kemm jekk ix-xhud jgħix Malta kif ukoll jekk jgħix barra minn Malta;
  • Persuna li tkun sejra titlaq minn Malta jew tkun marida jew imdaħħla fiż-żmien li tista’ tmut jew issir inkapaċi li tixhed qabel iż-żmien li fih għandha tinsama’ dik il-kawża, inkella ma tkunx tista’ tidher fis-smigħ tal-kawża, il-qorti tista’, tinkariga assistant ġudizzjarju biex jisma’ lil dik il-persuna, u f’dak il-każ, il-mistoqsijiet magħmulin lix-xhud, flimkien mat-tweġibiet li jagħti, għandhom jiġu mniżżla bil-miktub, u x-xhud għandu jiffirma x-xiehda jew jagħmel salib flok il-firma;
  • Il-Qorti tista' tinnomina wkoll Imħallef Supplenti sabiex jisma' xhud partikolari speċjalment f'każ ta' xhieda li ma jkunux jistgħu joħorġu minn darhom fuq raġunijiet ta' eta'.
  • Jekk xhud tkun qed tirrisjedi barra minn Malta, l-avukat permezz ta’ rikors jista jagħmel talba għas-smigħ (talba rogatorja) - il-parti li titlob is-smigħ ta’ dan ix-xhud għandha ġġib il-mistoqsijiet magħmulin bil-miktub, u tagħti l-isem u l-indirizz tal-persuna li għandha tidher għaliha waqt is-smigħ tax-xhud;
  • Il-qorti tista’ jekk tqis li jkun hekk xieraq, tippermetti l-irrekordjar fuq tejp jew fuq video ta’ xi xiehda meħtieġa minn xhud;
  • Il-qorti tista' tagħti inkarigu lill-periti, fejn tagħtihom is-setgħa li jisimgħu xhieda u li jagħtu l-ġurament

Meta perit jiġi inkarigat bil-ġbir ta’ provi, dan ta’ l-aħħar għandu l-istess mezzi bħal ma għandhom il-qrati.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-mezzi ta’ prova kollha miġjuba huma meqjusa ta’ importanza ugwali.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Le, iżda dejjem trid tinġieb l-aħjar prova.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Iva l-liġi tobbliga lil kull xhud li jiġi mħarrek biex jixhed iżda xhud ma jistax jiġi mġiegħel iwieġeb għal mistoqsijiet, meta t-tweġiba għalihom tkun tista’ tissuġġettah għal proċeduri kriminali.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Ir-raġel jew il-mara tal-parti f’kawża jistgħu jixhdu u jistgħu jkunu mġiegħla jixhdu f’dik il-kawża fuq talba ta’ kull min ikun mill-partijiet. Iżda ir-raġel ma jistax jkun imġiegħel jikxef xi ħaġa li l-mara tkun fdat miegħu matul iż-żwieġ, u vica versa, u anqas jista r-raġel jew il-mara jkunu mġiegħla jwieġbu għal mistoqsija meta t-tweġiba tista’ tissuġġetta lill-mara tiegħu jew lir-raġel tagħha għall-proċeduri kriminali.

Fatti oħra li huma eżenti jinkludu dawk il-fatti li jkunu ġew fdati lill-avukat u l-prokuratur legali u lis-saċerdot. Iżda jekk l-avukut jew l-prokuratur legali iġib il-kunsens tal-klijent u s-saċerdot iġib il-kunsens tal-persuna li tkun għamlet il-qrara, dawn jistgħu jiġu mistoqsija fuq ħwejjeġ li jkunu saru jafu (dejjem bil-kunsens), l-avukat jew il-prokuratur legali billi jkunu ġew fdati lilhom mill-klijent għall-finijiet tal-kawża, u s-saċerdot billi jkun ġie jafhom taħt is-sigriet tal-qrar jew bħala qrar.

Ħlief bl-ordni tal-qorti, ebda accountant, tabib jew ħaddiem soċjali, psikologu jew marriage counsellor ma jista’ jiġi mistoqsi fuq ħwejjeġ li jkun sar jaf mill-klijent tiegħu taħt sigriet professjonali jew li seta’ sar jaf bihom fil-kapaċità professjonali tiegħu. Dan il-privileġġ igħodd ukoll għall-interpretu li jkun ġie mqabbad sabiex jistgħu jsiru dawk il-ħwejjeġ sigrieti.

Xhud marbut bis-segretezza uffiċjali ma jistax jiżvela informazzjoni sigrieta u kunfidenzjali, ħlief f’ċertu ċirkostanzi skond il-liġi partikolari li tapplika f’dak il-każ.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Jekk xhud, imħarrek regolarment, ma jidhirx meta jiġi msejjaħ, huwa jsir ħati ta’ disprezz għall-awtorità tal-qorti u jiġi minnufih ikkundannat bħala ħati u jigi mmultat. Il-qorti tista’ wkoll, b’mandat ta’ skorta jew ta’ arrest, iġġiegħlu jidher biex jagħti x-xiehda tiegħu f'udjenza sussegwenti. Iżda il-qorti tista’, meta tinġieb raġuni tajba ta’ sodisfazzjon tagħħa, taħfer il-multa inflitta.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Kull min hu f’sensieh, meta ma jkun hemm ebda eċċezzjoni kontra l-kompetenza tiegħu, jista’ jinġieb bħala xhud. Tkun liema tkun l-età tax-xhud li sejjer jinġieb, hu jista’ jinġieb bħala xhud, basta jkun jaf li hija ħaġa ħażina li wieħed jixhed il-falz.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-qorti tista’, f’kull waqt tal-eżami jew tal-kontro-eżami, tagħmel lix-xhud dawk il-mistoqsijiet li jidhrilha meħtieġa jew spedjenti. Min-naħa l-oħra, kull waħda mill-partijiet fil-kawża, ikun xi jkun l-interess tagħha, tista’ tixhed, sew b’talba tagħha nfisha, kemm b’talba ta’ waħda oħra mill-partijiet fil-kawża, inkella jekk imsejħa mill-qorti ex officio.

Fi kwistjonijiet li jinvolvu minuri, ġeneralment l-imħallef jisma' lill-minuri in camera jew jiġi maħtur Avukat tat-Tfal sabiex jisma' lill-minuri.

Xhud jinstema b’vidjokonferenza meta jkun jgħix barra minna Malta.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Meta prova ma tkunx inkisbet b’mod illegali, il-qorti ma jkollix restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha. L-unika eċċezzjoni hija li bħala regola, il-qorti ma tiħux konjizzjoni ta’ xiehda dwar fatti li x-xhud igħid li ġie jafhom mingħand ħaddieħor jew li qalhom ħaddieħor li jista’ jinġieb biex jagħti xiehda fuq dawk il-fatti.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Iva dikjarazzjoni ta’ parti fil-kawża hija ammissibli.

L-aħħar aġġornament: 22/03/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Olandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Smigħ ta' xhieda - Olanda

1 L-oneru tal-provi

Il-liġi proċedurali Olandiża hi bbażata fuq il-prinċipju li “kull min jasserixxi fatt irid jagħti prova tiegħu”. Fi kliem ieħor, il-parti li tibbaża fuq il-fatti jew fuq id-drittijiet li tallega għall-finijiet legali ġġarrab l-oneru tal-provi ta’ dawk il-fatti jew id-drittijiet. Madankollu, f’ċerti okkażjonijiet l-oneru tal-provi jista’ jibbaża b’mod differenti fuq regoli statutorji speċifiċi jew fuq il-prinċipji ta’ raġonevolezza u ta’ ġustizzja.

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Ir-regoli statutorji dwar l-evidenza fl-Artikoli 149-207 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering) japplikaw fi proċedimenti b’taħrika u fi proċedimenti b’petizzjoni, sakemm in-natura tal-kawża ma tkunx tali li tipprekludihom. Dawn mhumiex obbligatorji fi proċedimenti interlokutorji, u f’kawżi ta’ arbitraġġ ir-regoli ordinarji tal-evidenza ma japplikawx b’mod awtomatiku lanqas. Madankollu, f’kawżi ta’ arbitraġġ, il-partijiet jistgħu jaqblu li japplikaw dawk ir-regoli.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Il-fatti li huma allegati minn waħda mill-partijiet u mhux micħuda (b’mod suffiċjenti) mill-parti opposta jridu jitqiesu mill-qorti bħala murija bil-provi. Madankollu, hemm eċċezzjoni, jiġifieri sitwazzjonijiet li fihom l-aċċettar ta’ dan ikun jinvolvi konsegwenzi legali li mhumiex liberament disponibbli għall-partijiet. F’dak il-każ, il-qorti tista’ titlob l-evidenza.

L-evidenza mhix meħtieġa għal fatti jew għal ċirkustanzi li jitqiesu li huma magħrufa b’mod universali jew għal regoli ta’ esperjenza ġenerali. Dawn jistgħu jintużaw mill-qorti kemm jekk ikunu allegati mill-partijiet kif ukoll jekk le. “Fatti jew ċirkustanzi li jitqiesu li huma magħrufa b’mod universali” tfisser fatti jew ċirkustanzi li kwalunkwe persuna normali taf jew tista’ tkun taf. “Regoli ta’ esperjenza ġenerali” tfisser relazzjonijiet kawżali li kulħadd jaf bihom. U ma hemm ebda bżonn li jintwerew bil-provi fatti li l-qorti stess issir taf bihom matul il-proċedimenti – magħrufa bħala fatti tal-proċess.

Kultant, il-liġi tipprovdi għal preżunzjoni. Ċerti fatti jew ċirkustanzi jitqiesu li tant ikunu probabbli li parti li tasserixxi li seħħu ma jkollhiex bżonn tipprovdi provi (ulterjuri) għalihom. Il-qorti tista’ tuża wkoll regoli ta’ esperjenza ġenerali biex tasal għal presuppożizzjoni fuq il-bażi ta’ ċerti fatti li jiġu asseriti quddiehma. F’dak il-każ, il-parti opposta jkollha l-possibbiltà ta’ replika kontra l-preżunzjoni. Japplikaw ukoll diversi każijiet speċjali. Bħala ftit eżempji: skont il-liġi tat-traffiku fit-triq, sewwieq li jtajjar ċiklist jew persuna miexja jrid jikkumpensa għall-korriment, sakemm ma tistax tiġi pprovduta prova li l-aċċident kien dovut għal force majeure. Eżempju ieħor hu fil-każ li fih ħaddiem jitlob kumpens għal korriment jekk jiġi stabbilit li dan seħħ filwaqt li hu kien qed jaħdem. F’dak il-każ, l-impjegatur ikun obbligat jikkumpensa lill-ħaddiem għat-tali korriment, sakemm ma tkunx tista’ tinġieb evidenza li ma kien hemm ebda nuqqas fil-kura meħtieġa jew li l-ħaddiem kien ħati ta’ azzjoni delibrata jew ta’ traskuraġni apposta.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-qorti hi libera li tevalwa l-evidenza quddiemha ħlief meta l-liġi tistabbilixxi b’mod ieħor. Din l-eċċezzjoni tikkonċerna r-regoli dwar il-valur probatorju konklużiv tal-evidenza. F’każijiet ta’ evidenza konklużiva, il-qorti tkun obbligata taċċetta bħala veri ċerti forom ta’ evidenza jew tal-anqas tagħraf il-valur tagħhom. Iżda, mill-ġdid, hawnhekk ikun hawn possibbiltà ta’ replika.

Il-qrati jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom biss fuq fatti li jikkonformaw b’mod adegwat mar-regoli tal-evidenza.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

F’ċerti każijiet (spezzjoni ta’ kontijiet, testimonjanza tax-xhieda), fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, il-qorti tixħet l-oneru tal-provi fuq il-parti l-oħra. Il-qorti tista’ tagħmel dan minn jeddha wkoll, jiġifieri fuq inizjattiva tagħha stess.

Bl-istess mod, fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet jew fuq inizjattiva tal-qorti stess, il-qorti tista’ tordna perizja jew żjara jew spezzjoni fil-bini. Hi l-qorti li taħtar lill-espert, filwaqt li l-espert li jirrapporta lill-qorti, u hi l-qorti li twettaq żjarat fil-bini. Il-partijiet huma obbligati jassistu fil-perizji.

Il-partijiet huma intitolati li jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom u jippreżentaw talbiet kemm fil-każ ta’ perizja kif ukoll ta’ żjara f’bini.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-parti awtorizzata mill-qorti biex tipprovdi evidenza jew li ġġarrab l-oneru tal-provi għandha d-dmir li tipprovdi l-evidenza tal-fatti u/jew taċ-ċirkustanzi allegati. Il-parti opposta dejjem tista’ tipprovdi evidenza li turi bil-kontra, sakemm il-liġi ma tipprekludihiex.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tiċħad milli tammetti evidenza jekk din l-evidenza ma tkunx rilevanti għall-kawża, ma tkunx speċifikata biżżejjed (vaga wisq), tkun barra mill-perjodu stabbilit (tard wisq) jew tkun frivola. L-evidenza ppreżentata ma tistax tiġi injorata fuq il-bażi tar-riżultat preżunt tagħha.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Fin-Netherlands tapplika r-regola dwar il-libertà tal-evidenza, jiġifieri fil-prinċipju l-evidenza tista’ tiġi pprovduta fi kwalunkwe forma xierqa, sakemm il-liġi ma tistabbilixxix mod ieħor. Il-liġi tispeċifika numru ta’ forom ta’ evidenza (mhux eżawrjenti):

  • atti u sentenzi;
  • spezzjoni ta’ kontijiet, ta’ rekords u ta’ dokumenti;
  • testimonjanza tax-xhieda;
  • rapporti formali jew orali minn esperti u
  • spezzjonijiet ta’ bini u żjarat f’dawn.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

L-evidenza tax-xhieda trid tkun awtorizzata bil-liġi u tingħata fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet jew tiġi imposta fuq waħda mill-partijiet fuq inizjattiva tal-qorti stess. Il-partijiet jistgħu jagħtu l-evidenza tagħhom bħala xhieda wkoll (ara l-punt 3 aktar ’il quddiem). Meta tkun trid tingħata l-evidenza tax-xhieda, ikunu l-partijiet li jsejħu lix-xhieda.

L-evidenza tax-xhieda tingħata fil-forma ta’ testimonjanza. Tittieħed meta tibda s-sessjoni tal-qorti fil-forma ta’ testimonjanza orali. Dikjarazzjoni bil-miktub tkun ammissibbli bħala evidenza biss jekk tkun relatata mal-fatti li dwarhom ix-xhud ikollu għarfien personali. Parti li titlob li titħalla tippreżenta evidenza tax-xhieda tiġi awtorizzata tagħmel dan jekk il-fatti li jkunu jridu jintwerew bil-provi jkunu lmentati u jistgħu jgħinu biex tiġi solvuta l-kawża.

Fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet jew fuq inizjattiva tal-qorti stess, l-esperti jistgħu jippreżentaw rapporti bil-miktub jew orali (l-Artikolu 194 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Fil-każ ta’ rapport bil-miktub, il-qorti tiffissa skadenza għall-preżentazzjoni. Fil-każ ta’ rapport orali, l-espert jagħti evidenza dwar id-data stabbilita għall-proċess.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Hemm distinzjoni bejn evidenza konklużiva u mhux konklużiva. Fil-każ ta’ evidenza konklużiva, il-qorti tkun meħtieġa taċċetta l-kontenut tal-evidenza bħala veritier jew tagħraf is-saħħa ta’ dik il-forma ta’ evidenza kif determinata mil-liġi. Tista’ tiġi offruta kontroprova wkoll fil-każ ta’ evidenza konklużiva, sakemm il-liġi ma tipprekludihiex. Atti awtentiċi u sentenzi mill-qrati kriminali huma eżempji ta’ evidenza konklużiva. Il-qorti hi ħielsa li tiddetermina l-valur probatorju ta’ evidenza mhux konklużiva.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

F’ċerti ċirkustanzi, dokument ikun jikkostitwixxi prova perfetta. F’ċerti ċirkustanzi, id-dokument ikun essenzjali wkoll biex jidħol fis-seħħ dritt speċifiku. Eżempju ta’ dan jista’ jkun ftehim ta’ qabel iż-żwieġ jew testment. Evidenza tal-eżistenza ta’ ftehim ta’ qabel iż-żwieġ jew ta’ testment imfassal minn nutar tiġi pprovduta bil-preżentazzjoni ta’ att notarili. Anki kodiċill jista’ jservi bħala prova. Kodiċill hu dokument miktub bl-idejn, datat u ffirmat li jistabbilixxi x-xewqat tat-testatur. Dawn ix-xewqat jistgħu jkunu relatati mat-tħollija bil-wirt ta’, fost l-oħrajn, ilbies, effetti personali, ġojjellerija u affarijiet speċifikati tad-dar u kotba speċifikati (l-Artikolu 97 tal-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek)). Kodiċill ma jeħtieġx li jkun validat b’att notarili.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Il-prinċipju bażiku hu li kull min jintalab bil-liġi biex jixhed ikollu d-dmir li jagħmel dan. Id-dmir hu li wieħed jidher fil-proċess u jagħmel id-dikjarazzjonijiet meħtieġa b’mod veritier fil-qorti.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

F’ċerti ċirkustanzi jkun possibbli li wieħed jinħeles mid-dmir li jixhed.

Eżenzjoni mid-dmir ta’ xhieda titgawda l-ewwel nett minn qraba li jiġu mill-partijiet mill-qrib. Dawn jinkludu (ex)konjuġi jew (ex)sħab reġistrati tal-parti, relazzjonijiet bid-demm jew żwieġ ta’ parti jew il-konjuġi jew is-sħab reġistrati ta’ dik il-persuna sa u inkluż it-tieni grad – ġenituri, tfal, nanniet, neputijiet u aħwa.

Ix-xhieda jistgħu jitolbu l-eżenzjoni wkoll meta jwieġbu mistoqsijiet speċifiċi jekk it-tweġiba tkun tesponi lix-xhud jew lil qarib bid-demm jew biż-żwieġ fil-linja axxendenti jew dixxendenti jew lil qarib kollaterali fit-tieni jew fit-tielet grad, jew lil (ex)konjuġi jew lil (ex)sħab ta’ dik il‑persuna għar-riskju ta’ prosekuzzjoni kriminali (l-Artikolu 165(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Hemm eżenzjoni fuq bażi funzjonali wkoll. Din hi disponibbli għal nies li, minħabba relazzjoni privileġġata fid-dawl tal-professjoni, l-okkupazzjoni jew status ieħor tagħhom (bħal membri tal-kleru, tobba, avukati u nutara), huma meħtieġa jżommu s-segretezza.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Jekk xhud jitħarrek biex jidher b’ittra reġistrata u jonqos milli jidher fil-proċess, il-qorti tista’ tiffissa data fuq it-talba tal-parti kkonċernata li fiha x-xhud jista’ jiġi mħarrek b’ċitazzjoni (notifika minn bailiff). Jekk ix-xhud xorta waħda jibqa’ ma jidhirx, il-qorti tista’ tordna li jinġieb quddiem il-qorti mill-pulizija. Jekk xhud jidher iżda jiċħad milli jagħmel dikjarazzjoni, il-parti rilevanti tista’ titlob lill-qorti biex dan jinżamm taħt kustodja għal disprezz tal-qorti. Il-parti rikjedenti mbagħad ikollha tħallas għall-ispejjeż taż-żamma taħt kustodja. Il-qorti toħroġ ordni ta’ kustodja biss jekk temmen li din tkun ġustifikata fid-dawl ta’ żgurar tal-verità.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Bażikament, kulħadd għandu d-dmir li jixhed, ħlief għal dawk li huma intitolati għall-eżenzjoni (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.9).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Ix-xhieda jinstemgħu u jiġu interrogati mill-qorti. Il-qorti tisma’ kull wieħed mix-xhieda fin-nuqqas tax-xhieda l-oħra mħarrka biex jidhru fl-istess sessjoni li ma jkunux għadhom taw it-testimonjanza tagħhom, ħlief fil-każ ta’ parti xhud. Il-partijiet u l-avukati tagħhom jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda wkoll. Il-qorti, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, tista’ tikkonfronta lix-xhieda ma’ xulxin u mal-partijiet. Wara li x-xhud jixhed, il-qorti tista’ tagħmel mistoqsijiet lill-partijiet u l-partijiet jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lil xulxin.

Ir-regoli tal-evidenza Olandiżi ma fihom ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-vidjokonferenzi. Il-liġi Olandiża ma teskludix din il-proċedura u ma hemm ebda diffikultà prattika fit-twettiq ta’ vidjokonferenzi. Hu f’idejn il-qorti li tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Evidenza illegali tista’ tiġi suddiviża f’evidenza miksuba b’mod illegali u evidenza użata b’mod illegali. Jekk l-evidenza nkisbet b’mod illegali, dan ma jfissirx li l-użu tagħha dejjem ikun illegali. Dejjem ikun għad-diskrezzjoni tal-qorti li tiddeċiedi jekk l-evidenza għandhiex titqies bħala illegali.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Il-partijiet jistgħu jinstemgħu bħala partijiet fil-kawża, iżda mbagħad id-dikjarazzjonijiet li jagħmlu ma jitqisux bħala evidenza favur il-parti li tinstema’ bħala xhud, sakemm it-testimonjanza ma sservix biex tiġi ċċarata evidenza inadegwata oħra (l-Artikolu 164(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-aħħar aġġornament: 01/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.

Smigħ ta' xhieda - Awstrija

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Fil-prinċipju, kull parti hija obbligata li telenka l-pretensjonijiet fattwali kollha li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tagħhom (piż persważiv – Behauptungslast) u li tipprovdi l-evidenza xierqa (it-Taqsimiet 226(1) u 239(1) tal-Kodiċi Awstrijak tal-Proċedura Ċivili (ZPO)). Jekk il-fatti tal-każ jibqgħu mhux ċari (sitwazzjoni “non liquet”), il-Qorti għandha madankollu tieħu deċiżjoni. F’dawn il-każijiet ir-regoli dwar l-oneru tal-provi jidħlu fis-seħħ. Kull parti ġġorr l-oneru tal-provi biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet kollha tar-regoli favorevoli għaliha jintlaħqu. Taħt ċirkostanzi normali, ir-rikorrenti għandhom jiddikjaraw il-fatti kollha bħala sostenn tal-pretensjoni tagħhom u l-intimati jridu jasserixxu l-fatt kollha b’appoġġ għall-oġġezzjonijiet tagħhom. Ir-rikorrent għandu l-oneru li jipprova wkoll li jintlaħqu r-rekwiżiti proċedurali.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Il-fatti li huma materjali għas-sentenza għandhom jiġu pprovati, sakemm ma jkunux eżentati mill-ħtieġa ta’ prova. Ma hemm l-ebda bżonn li jiġu pprovati l-fatti li ġew konċessi (Taqsimiet 266 u 267 ZPO), il-fatti ovvji (Taqsima 269 ZPO) jew il-fatti legalment preżunti (Taqsima 270 ZPO).

Fatt li ġie konċess huwa wieħed li parti taċċetta li jkun pretensjoni korretta mill-kontroparti. Il-Qorti hija, fil-prinċipju, obbligata li taċċetta fatt konċess bħala korrett u li tasal għad-deċiżjoni tagħha mingħajr eżami ulterjuri.

Fatt huwa ovvju jekk huwa magħruf (jiġifieri magħruf jew perċettibbli b’mod affidabbli f'kull ħin lil numru kbir ta’ persuni) jew magħruf lill-Qorti (lill-Qorti fejn ikun qed isir il-proċess fuq il-bażi tas-sejbiet uffiċjali tagħha jew sejbiet li jirriżultaw b’mod ċar mill-fajls).

Il-Qorti hija mitluba li tieħu inkunsiderazzjoni ex officio tal-fatti ovvji fid-deċiżjoni tagħha; dawn ma għandhomx għalfejn jintalbu jew jiġu pprovati.

Preżunzjoni legali tirriżulta direttament mil-liġi u għandha l-effett li taqleb l-oneru tal-provi. Il-kontroparti tal-parti li qed tibbenefika minn tali preżunzjoni għandha tipprovdi evidenza kuntrarja. Hi għandha tagħti prova li, minkejja li hemm bażi għal preżunzjoni legali, il-fatti allegati jew sitwazzjoni legali ma jeżistux.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

L-għan tal-proċedimenti tal-Qorti huwa li tikkonvinċi l-imħallef dwar fatt. B’mod ġenerali, “possibilità sostanzjali” għandha tiġi preżunta u mhijiex meħtieġa “ċertezza assoluta” sabiex tikkonvinċi l-imħallef.

Gradi tal-istandard ta’ prova huma stabbiliti permezz tal-każistika jew tal-liġi statutorja li jvarjaw minn “probabbiltà sinifikanti" (eż. it-Taqsima 138(1) jew it-Taqsima 163(1) tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali) għal “probabbiltà li tmiss iċ-ċertezza"”. Fl-ewwel każ, il-preżunzjoni jew ċertifikat huma biżżejjed bħala standard ta’ prova skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Taqsima 274). Evidenza prima facie twassal ukoll għal tnaqqis tal-istandard ta’ prova u għandha rwol li tegħleb id-diffikultajiet fil-provvediment ta' evidenza f’azzjonijiet ta' ħsara/għall-ħsara. Jekk ikun hemm sitwazzjoni tipika li għaliha l-esperjenza tal-ħajja tissuġġerixxi rabta kawżali speċifika jew difett speċifiku, dawn il-kondizzjonijiet jitqiesu li jiġi ppruvati fuq il-bażi ta’ prima facie anki f’każijiet individwali.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

L-evidenza tista’ tittieħed minn imħallfin fuq mozzjoni tagħhom stess jew wara l-applikazzjoni ta’ parti. Fi proċedimenti purament ta’ natura investigattiva (fejn il-Qorti hija meħtieġa li tistabbilixxi l-fatti deċiżivi tal-każ fuq il-mozzjoni tal-imħallef stess), ma hemm l-ebda ħtieġa għal applikazzjoni mill-partijiet. Fi proċedimenti Awstrijaċi standard skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-imħallef fuq inizjattiva tiegħu stess għandu s-setgħa li jieħu kull evidenza mistennija li tiċċara fatti materjali (Taqsima 183 ZPO). L-imħallef jista’ jordna lill-partijiet biex jipproduċu evidenza dokumentata, jitlob li titwettaq spezzjoni lokali jew jordna t-teħid ta’ evidenza fil-forma ta’ opinjonijiet esperti jew eżami tal-partijiet. Madankollu, evidenza dokumentata tista' tiġi ppreżentata biss jekk mill-inqas waħda mill-partijiet tkun irreferiet għaliha u l-evidenza dokumentata ma tistax tiġi ammessa jew ix-xhieda jinstemgħu jekk dan jiġi oppost miż-żewġ partijiet.  Fil-każijiet l-oħra kollha, l-evidenza tittieħed fuq applikazzjoni biex tinkiseb l-evidenza minn waħda mill-partijiet.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Fil-prinċipju, l-evidenza tittieħed fis-seduta ta’ smigħ orali. Matul il-laqgħa "preparatorja" (it-Taqsima 258 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), titfassal skeda għall-proċess b’mod konġunt mill-Qorti u l-partijiet u/jew ir-rappreżentanti tagħhom li jkun fiha wkoll skeda għall-ġbir ta’ evidenza. Fejn ikun hemm bżonn, madankollu, tista' ssir diskussjoni ulterjuri dwar il-progress tal-proċedimenti f'kull ħin. Ladarba l-evidenza tkun ittieħdet, ir-riżultat jiġi diskuss mal-partijiet (Taqsima 278 ZPO). L-evidenza trid tittieħed direttament mill-imħallef li jkun se jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. F’dawk il-kawżi koperti espressament mil-liġi, l-evidenza tista’ tittieħed ukoll matul il-proċedura ta’ assistenza reċiproka. Il-partijiet għandhom jiġu konvokati għall-kompilazzjoni ta’ evidenza u jkollhom diversi drittijiet biex jipparteċipaw, bħad-dritt li jinterrogaw lix-xhieda u lill-esperti. L-evidenza tittieħed dejjem mill-imħallfin stess, fil-prinċipju anki jekk, minkejja li jissejħu, il-partijiet ma jkunux preżenti

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Applikazzjoni minn parti biex tikseb l-evidenza għandha tiġi miċħuda jekk il-Qorti tqis li din hija irrilevanti (Taqsima 275(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) jew jekk tkun ippreżentata bl-intenzjoni li ddewwem il-proċedimenti (Taqsimiet 178(2), 179 u 27 (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Huwa possibbli wkoll li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għat-teħid ta’ evidenza li huwa probabbli li jdewwem il-proċedimenti (Taqsima 279(1) Ladarba dan ikun skada, l-applikazzjoni biex tittieħed l-evidenza tista’ tiġi miċħuda. Din tista’ wkoll tiġi miċħuda jekk ma tkunx neċessarja għax il-Qorti tkun diġà ġiet konvinta jew għax il-fatt ma għandux għalfejn jiġi ppruvat jew it-teħid ta’ evidenza huwa pprojbit. Fejn it-teħid ta’ evidenza jagħti lok għal spejjeż (eż. evidenza esperta), għandu jsir ħlas bil-quddiem mill-parti applikanti. Jekk dan ma jitħallasx fi żmien l-iskadenza stipulata, l-evidenza tista’ tingħata biss f’data aktar tard jekk dan ma jikkawżax dewmien fil-proċedimenti.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-Kodiċi Awstrijaka tal-Proċedura Ċivili jipprovdi għal ħames mezzi "klassiċi" ta' prova: evidenza dokumentata (it-Taqsimiet minn 292 sa 319), l-evidenza tax-xhieda (it-Taqsimiet minn 320 sa 350), evidenza esperta (it-Taqsimiet minn 351 sa 367), spezzjoni ġudizzjarja (it-taqsimiet minn 368 sa 370) u l-eżami tal-partijiet (it-Taqsimiet minn 371 sa 383). Fil-prinċipju kull sors ta’ informazzjoni jista' jiġi ammess bħala evidenza u se jiġi kklassifikat bħala wieħed mill-mezzi ta’ prova ta' hawn fuq skont il-forma li jieħu.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ix-xhieda jinstemgħu individwalment fl-assenza ta’ xhieda li jridu jinstemgħu sussegwentement. Dan iżommhom lura milli jinfluwenzaw ix-xhieda ta’ xulxin. Jekk l-evidenza tax-xhieda hija kontradittorja, huma jistgħu jiġu eżaminati flimkien. Eżami tax-xhieda jibda b’mistoqsijiet ġenerali biex jiġi stabbilit jekk ix-xhud ikunx skwalifikat milli jixhed għal xi raġuni, jekk għandux id-dritt li jibqa’ sieket jew jekk hemmx xi fatturi li jipprekluduh milli jieħu l-ġurament. Ladarba x-xhud jiġi mwissi li għandu jgħid il-verità u avżat dwar il-konsegwenzi skont il-liġi kriminali jekk jagħti xhieda falza, l-eżami konkret jibda billi x-xhieda jiġi mitlub jipprovdi d-dettalji personali tiegħu.  Ix-xhud imbagħad jiġi mistoqsi dwar il-każ innifsu. Il-partijiet jistgħu jieħdu sehem fl-eżami tax-xhieda u, jekk approvat mill-Qorti, jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda. L-imħallef jista’ jirrifjuta mistoqsijiet mhux xierqa. Fil-prinċipju, ix-xhieda għandhom jiġu eżaminati direttament qabel l-għoti tas-sentenza tal-Qorti, għalkemm huwa possibbli taħt ċerti ċirkostanzi li x-xhieda jiġu eżaminati permezz tal-mezzi ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka (Taqsima 328 ZPO).

Xhieda esperti huma meqjusa bħala li “jgħinu” l-Qorti. Filwaqt li x-xhieda jagħtu evidenza dwar il-fatti, l-esperti jipprovdi għarfien li l-imħallef ma jkollux. L-evidenza tal-esperti għandha fil-prinċipju tittieħed quddiem il-Qorti fejn isir il-proċess. Espert jista' jissejjaħ ukoll mingħajr restrizzjoni fuq mozzjoni mill-imħallef stess. Xhieda esperti għandhom jippreżentaw is-sejbiet tagħhom flimkien ma' rapport. Għandu jingħata rapport orali waqt is-seduta orali. Rapporti bil-miktub għandhom jiġu spjegati mill-espert matul is-seduta ta’ smigħ orali, jekk dan ikun mitlub mill-Partijiet. Is-sejbiet u r-rapport għandhom ikunu sostanzjati. Rapporti privati mhumiex ikkunsidrati bħala rapporti fis-sens tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u għandhom l-istatus ta’ dokumenti privati.

Il-liġi Awstrijaka ma tippermettix li l-proċedimenti jitwettqu kompletament bil-miktub. Madankollu, minħabba li l-mezzi ta’ prova ma huma bl-ebda mod limitati, teżisti l-possibbiltà tax-xhieda li jagħtu l-evidenza tagħhom bil-miktub. Madankollu, stqarrijiet ta' evidenza bil-miktub jiġu ttrattati bħala evidenza dokumentata u huma soġġetti għal valutazzjoni indipendenti mill-Qorti. Jekk il-Qorti tqis li jkun meħtieġ, ix-xhud għandu jidher quddiem il-Qorti, sakemm iż-żewġ partijiet ma joġġezzjonawx għall-eżami ta’ dan ix-xhud.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-prinċipju tal-“evalwazzjoni libera tal-provi” huwa stipulat fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Taqsima 272). L-evalwazzjoni tal-evidenza hija l-eżami tar-riżultati tal-evidenza meħuda mill-imħallef. Fit-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni, l-imħallef mhux marbut b’xi regoli statutorji dwar l-evidenza iżda għandu jiġġudika skont il-konvinzjoni personali tiegħu jekk ix-xhieda hijiex korretta jew le. Ma hemm l-ebda ġerarkija applikabbli għal metodi ta’ prova. L-evidenza bil-miktub titqies bħala prova dokumentata sakemm hija rapport ta’ espert. Dokumenti pubbliċi maħruġa fl-Awstrija huma preżunti li huma awtentiċi, jiġifieri huwa preżunt li dawn huma fil-fatt attribwibbli lill-emittent indikat. L-eżattezza tagħhom hija wkoll kompletament preżunta għall-finijiet ta’ evidenza. Sakemm ikunu ffirmati, dokumenti privati huma wkoll kompletament aċċettati bħala prova li d-dikjarazzjonijiet li fihom kienu magħmula mill-persuna li ffirmathom. L-eżattezza tagħhom hija dejjem suġġetta għal evalwazzjoni libera tal-evidenza.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Il-Kodiċi Awstrijaka ta’ Proċedura Ċivili ma jeħtieġx ċerti tipi ta’ evidenza biex jiġi kkunsidrati f’każijiet speċifiċi. L-ammont tal-pretensjoni ma għandu l-ebda effett fuq l-għażla tal-metodu ta’ prova.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Ix-xhieda huma obbligati jidhru fil-Qorti, biex jagħtu testimonjanza u, jekk mitlub, li jieħu ġurament. Jekk xhud debitament imsejjaħ jonqos milli jattendi għas-seduta ta’ smigħ mingħajr raġuni suffiċjenti, il-Qorti għandha l-ewwel timponi multa amministrattiva u, jekk huwa jonqos milli jattendi għat-tieni darba, tordna li jitressaq quddiem is-seduta bil-forza. Jekk ix-xhieda jirrifjutaw li jixhdu mingħajr ma jagħtu l-ebda raġuni jew li jagħtu raġuni mhux ġustifikata jistgħu jiġu mġiegħla jagħtu xhieda. Xhieda falza minn xhud quddiem il-Qorti tirriżulta fi proċedimenti kriminali.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Meta hemm raġunijiet biex jirrifjutaw li jagħtu evidenza (Taqsima 321 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), ix-xhud huwa intitolat li jirrifjuta li jwieġeb xi mistoqsija jew mistoqsijiet individwali. Ma hemm l-ebda d-dritt sħiħ li jirrifjuta li jagħti evidenza. Tali raġunijiet huma skandlu jew ir-riskju ta’ prosekuzzjoni kriminali ta’ xhud jew ta' persuna qrib tiegħu, żvantaġġ finanzjarju dirett għall-istess persuni, l-obbligi statali li jibqgħu siekta, l-iżvelar potenzjali ta' sigrieti artistiċi jew kummerċjali u l-użu ta’ dritt tal-vot li jkun ġie iddikjarat bħala sigriet permezz ta’ liġi. Il-Qorti għandha tagħti parir lix-xhieda dwar dawn ir-raġunijiet qabel ma jiġu eżaminati. Xhieda li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jibqgħu siekta għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Huwa f’idejn il-Qorti biex tiddeċiedi jekk ir-rifjut minn xhud biex jagħti evidenza huwiex legali. Xhieda li jirrifjutaw li jixhdu mingħajr ma jagħtu xi raġuni jew li jagħtu raġuni li l-Qorti tqis mhux ġustifikata jistgħu jiġu mġiegħla jagħtu xhieda (it-Taqsima 354 tal-Kodiċi għall-Infurzar - Exekutionsordnung). Ix-xhieda jistgħu jiġu mġiegħla jixhdu permezz ta’ multi u, sa ċertu punt, priġunerija u huma wkoll responsabbli vis-à-vis l-partijiet għal kwalunkwe dannu kkawżat bħala riżultat ta’ rifjut mhux ġustifikat biex jagħtu evidenza.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Ma tistax tinkiseb evidenza minn persuni li ma kinux jew li mhumiex kapaċi jagħtu xhieda tal-fatti li għandhom jiġu ppruvati jew li jikkomunikaw dak li esperjenzaw.  Dawn huma kkunsidrati li għandhom nuqqas ta' kapaċità fiżika “assoluta” li jixhdu (Taqsima 320(1) ZPO). Fil-każ ta’ minorenni jew persuni morda mentalment, il-Qorti trid tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ dwar jekk dawn ikunux jistgħu jagħtu evidenza. Hemm ukoll tliet każijiet ta’ inabbiltà “relattiva” biex wieħed jixhed (Taqsima 320 (2-4 ZPO), li japplikaw għal professjonisti reliġjużi fir-rigward tal-informazzjoni mogħtija lilhom matul konfessjoni jew inkella koperta bil-kunfidenzjalità li tirriżulta mill-pożizzjoni tagħhom, l-uffiċjali tal-Istat fir-rigward ta’ informazzjoni kunfidenzjali konnessa mal-uffiċċju tagħhom, sakemm ma tkunx saret eżenzjoni, u medjaturi fir-rigward ta’ informazzjoni fdata lilhom jew inkella miksuba minnhom matul il-kors ta’ medjazzjoni.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-Qorti għandha tistaqsi mistoqsijiet xerqa lix-xhieda dwar il-fatti li għandhom jiġu pprovati permezz tax-xhieda tagħhom u dwar iċ-ċirkustanzi li taħthom huma kisbu l-għarfien tagħhom. Il-Partijiet jistgħu jipparteċipaw fis-smigħ tax-xhieda u, b’kunsens tal-Qorti, jistaqsuhom mistoqsijiet biex jiċċaraw jew jikkompletaw ix-xhieda tagħhom. L-imħallef jista’ jirrifjuta mistoqsijiet mhux xierqa. It-testimonjanzi tax-xhieda għandhom jiġu rreġistrati fil-kontenut essenzjali tagħhom jew, jekk meħtieġ, jiġu rreġistrati kelma b'kelma,. Reġistraturi tal-vidjo u tal-awdjo u d-dejta maħżuna fihom ġeneralment jitqiesu bħala oġġetti ta’ spezzjoni. Evidenza ta’ spezzjoni hija r-riżultat tal-perċezzjoni sensorjali diretta ta’ karatteristiċi jew kondizzjonijiet tal-oġġetti mill-Qorti. Madankollu, fuq il-prinċipju li l-evidenza għandha tittieħed direttament, tali evidenza hija biss ammissibbli meta evidenza diretta (eż. xhud) ma tkunx disponibbli. Eżami tax-xhieda bl-użu tat-teknoloġija awdjoviżiva huwa fil-prinċipju possibbli u għandu jintuża minflok eżami meta jiġu esegwiti talbiet għal assistenza ġudizzjarja għal raġunijiet ta’ ekonomija ta’ proċedura. Il-qrati kollha huma mgħammra b’faċilitajiet ta’ vidjokonferenza mill-2011.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Jekk parti tikser obbligu kuntrattwali, dispożizzjoni ta’ liġi privata jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità sabiex tikseb evidenza, il-Qorti tista’ taċetta u tevalwa l-evidenza, iżda l-parti kkonċernata, madankollu, tkun responsabbli biex tħallas kumpens. Jekk, sabiex tikseb evidenza, il-parti tikser dispożizzjoni tal-liġi kriminali li tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi stabbiliti mill-Kostituzzjoni (eż. korriment fiżiku, ħtif, jew l-isfurzar ta’ xhud biex jagħti xhieda), l-evidenza miksuba permezz ta' dan hija inammissibbli u ma tistax tiġi aċċettata mill-Qorti. Jekk hemm dubju dwar jekk twettaqx att kriminali, il-Qorti tista’ tissospendi l-proċedimenti ċivili sakemm tingħata sentenza finali fil-proċedimenti kriminali. Jekk l-att kriminali li twettaq biex tinkiseb evidenza ma jiksirx id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi stabbiliti mill-Kostituzzjoni, il-parti inkwistjoni titqies kriminalment responsabbli, iżda l-evidenza mhijiex inammissibbli. Evidenza miksuba illegalment biss, li taffettwa b’mod ħażin id-dmir tal-Qorti li tistabbilixxi l-verità u b’hekk iddgħajjef il-garanzija li l-Qorti tagħti sentenza vera u preċiża, titqies bħala inammissibbli.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

L-eżami tal-partijiet jikkostitwixxi wkoll evidenza. Bħax-xhieda, il-Partijiet għandhom ukoll id-dmir li jattendu, jagħtu xhieda u jieħdu ġurament. Madankollu, il-partijiet ma jistgħux jiġu mġiegħla jidhru jew jixhdu fil-Qorti. Kwalunkwe nuqqas mhux ġustifikat minn parti li tattendi l-proċedimenti jew li tixhed fil-Qorti għandu jiġi ġġudikat mill-Qorti b’konsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkostanzi kollha. Fi proċedimenti tal-paternità u ta’ divorzju biss huwa possibbli li tintuża l-forza biex ikun żgurat li l-partijiet jidhru quddiem il-Qorti. In-nuqqas min-naħa ta' parti li tgħid il-verità (b’kuntrast ma’ xhieda), mhuwiex reat kriminali sakemm ma tingħatax stqarrija falza taħt ġurament. L-eżami tal-partijiet jista' jiġi ordnat mill-imħallfin fuq mozzjoni tagħhom stess.

L-aħħar aġġornament: 02/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Polonja

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Il-materji tal-evidenza u t-teħid ta’ evidenza huma regolati mill-Kodiċi Ċivili (kodeks cywilny, Artikolu 6) u mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (kodeks postępowania cywilnego, Artikoli 227 sa 315).

Skont l-Artikolu 6 tal-Kodiċi Ċivili, l-oneru tal-provi ta’ fatt trid iġġorru l-persuna li tasserixxi l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn dan il-fatt. L-oneru tal-prova ta’ ċerti fatti jkollu jġorru r-rikorrent, ta’ ċerti fatti oħra – flimkien mal-imputati.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

L-eżenzjonijiet mir-regola li l-oneru ta’ provi ta’ fatt trid iġġarrbu l-persuna li tasserixxi l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn dan il-fatt jridu jsegwu direttament minn att leġiżlattiv.

F’ċerti kawżi partikolari huwa possibbli li l-oneru tal-prova jimxi għand il-parti l-oħra, jiġifieri li l-oneru tal-provi jiġi invertit. Dan jista’ jseħħ jekk e.ż. tinqered l-evidenza jew jiġi impedut it-teħid ta’ evidenza. Fil-każistika ġiet adottata l-fehma li kull meta parti taġixxi b’tali mod li timpedixxi jew tfixkel serjament il-wiri tal-fatti mill-parti l-oħra li ġġorr l-oneru tal-provi, il-parti preċedenti trid tagħti prova li dawk il-fatti ma seħħewx.

Il-kwistjoni tal-oneru tal-provi hija marbua mill-qrib mal-istituzzjoni tal-preżunzjonijiet legali. Skont l-Artikolu 234 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili preżunzjoni legali hija vinkolanti għall-qorti. Bħalar regola ġenerali, huwa aċċettabbli li tirribatti preżunzjoni legali.

Preżunzjonijiet legali li jibdlu r-regoli ta’ evidenza jikkonċernaw e.ż. bona fide jew mala fede (l-Artikolu. 7 tal-Kodiċi Ċivili), il-preżunzjoni ta’ twelid ħaj (Arikolu 9 tal-Kodiċi Ċivili), l-illegalità (Artikolu 24(1) tal-Kodiċi Ċivili), l-ugwaljanza tal-ishma tal-ko-sidien (Artikolu 197 tal-Kodiċi Ċivili), id-debitur jaġixxi filwaqt li jkun konxju tad-detriment tal-kredituri (Artikoli 527(3) u 529 tal-Kodiċi Ċivili), il-valur ugwali tal-ishma tas-sħab fi sħubija tal-liġi ċivili (Artikolu 826(2) tal-Kodiċi Ċivili).

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

F’konformità mal-prinċipju tal-valutazzjoni libera tal-evidenza (Artikolu 233 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) il-qorti tivvaluta l-affidabbiltà u l-qawwa tal-evidenza għas-sodisfazzjon tagħha, abbażi ta’ eżami komprensiv tal-evidenza miġbura.

Il-qorti tista’ tibbaża l-konvinzjoni tagħha biss fuq evidenza meħudha kif xieraq, f’konformità mar-rekwiżiti fir-rigward tas-sorsi tal-evidenza u mal-prinċipju tal-adduzzjoni diretta tal-evidenza.

Barra minn hekk, il-perizji jiġu vvalutati liberament mill-qorti.

Barra minn hekk, l-Artikolu 243 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi għall-istituzzjoni tal-prova ta’ kredibbiltà. Il-prova ta’ kredibbiltà hija miżura alternattiva għall-evidenza fil-veru sens tal-kelma u ma tipprovdi l-ebda ċertezza iżda tagħti biss kredibbiltà lil dikjarazzjoni fir-rigward ta’ fatt. It-teħid ta’ evidenza formali huwa regola, filwaqt li tagħti prova li l-kredibbiltà hija eżenzjoni favur il-parti li tinvoka ċertu fatt. Fi kwistjonijiet inċidentali skont in-natura tagħhom u f’każijiet espressament speċifikati f’att leġiżlattiv il-prova ta’ kredibbiltà hija suffiċjenti.

2 Is-smigħ tal-provi

Kull dikjarazzjoni li saret kemm mir-rikorrent kif ukoll mill-imputat trid tkun ibbażata fuq l-evidenza.

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-qorti tista’ tilqa’ evidenza mhux invokata minn parti, iżda dik l-evidenza trid tikkonċerna biss id-dikjarazzjonijiet ta’ dik il-parti fir-rigward tal-materjal u l-fatti kkontestati jekk, fl-opinjoni tal-qorti, l-evidenza miġbura matul il-kawża ma tkunx biżżejjed biex issolviha (Artikolu 232 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Fil-prinċipju, il-qorti tilqa’ l-evidenza fuq talba tal-partijiet, minħabba li huwa l-obbligu tagħhom li jindikaw l-evidenza meħtieġa biex tissolva l-kawża. Madankollu, il-qorti teżamina jekk l-ammissjoni tal-evidenza evokata mill-partijiet hijiex utli jew neċessarja (Artikolu 236 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Jenħtieġ li l-qorti toħroġ deċiżjoni ta’ prova kull meta tieħu evidenza, anke meta tilqa’ evidenza ex officio.

Meta tiddeċiedi jekk tilqax evidenza sottomessa minn parti fil-proċedimenti, il-qorti jenħtieġ li teżamina:

  • jekk fatt partikolari huwiex rilevanti għall-kawża (Artikolu 227 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili),
  • jekk il-fatt jeħtieġx jiġi ppruvat (jista’, pereżempju, ikun materja ta’ għarfien komuni – Artikolu 228(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jew milqugħ mill-partijiet – Artikolu 229 tal-Kodiċi),
  • jekk l-evidenza mogħtija hix eskluża fil-kawża speċifika (e.ż. Artikoli 246 u 247 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili),
  • jekk il-fatt li għandu jintwera mill-evidenza s’issa ġiex iċċarat b’mod suffiċjenti jew jekk l-evidenza ġietx invokata sempliċiment biex jittawlu l-proċedimenti (Artikolu 217(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tirrifjuta r-rikors ta’ parti biex tikseb evidenza jekk dan ikun jikkonċerna fatti mhux rilevanti għall-kawża (Artikolu 227 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), fatti li huma ta’ għarfien komuni, fatti milqugħa matul il-proċedimenti mill-parti l-oħra, jekk l-ammissjoni ma tqajjimx dubji, kif ukoll fatti magħrufa mill-qorti ex officio, għalkemm jenħtieġ li l-qorti mbagħad tagħmel lill-partijiet konxji ta’ tali fatti matul is-smigħ (Artikoli 228 u 229 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Il-qorti tista’ tqis il-fatti rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kawża bħala stabbiliti jekk dik il-konklużjoni tista’ tinstilet minn fatti stabbiliti oħrajn (preżunzjoni fattwali, Artikolu 231 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

  • dokumenti (Artikoli minn 244 sa 257 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)

Dokumenti huma dikjarazzjonijiet bil-miktub; li jistgħu jkunu uffiċjali jew privati. Fil-każ ta dokumenti uffiċjali abbozzati f’forma xierqa mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti huwa preżunt li l-kontenut iċċertifikat b’mod uffiċjali tagħhom huwa preċiż u li tabilħaqq inħarġu mill-awtorità emittenti.

  • testimonjanza tax-xhieda (Artikoli 258 sa 277 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)

Ħadd ma jista’ jirrifjuta li jixhed bħala xhud, ħlief il-konjuġi tal-partijiet, il-qraba tagħhom f’linji axxendenti u dixxendenti, aħwa u qraba biż-żwieġ fl-istess l-linja u grad kif ukoll il-ġenituri adottivi jew it-tfal tagħhom. Id-dritt li tirrifjuta li tixhed ikompli wara t-terminazzjoni taż-żwieġ jew tar-relazzjoni tal-adozzjoni.

  • perizja (Artikoli 278 sa 291 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)

Perizja hija opinjoni dwar il-fatti, l-istati u l-avvenimenti li l-eżami u l-kjarifika tagħhom jitlob għarfien speċjalizzat partikolari, u li tgħin lill-qorti tivvaluta l-fatti kif xieraq u ssolvi l-kawża inkwistjoni.

  • spezzjoni (Artikoli 292 sa 298 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)

L-ispezzjoni hija l-eżami sensorju dirett tal-karatteristiċi jew l-istat ta’ persuni, post jew oġġett mill-qorti.

  • smigħ tal-partijiet (Artikoli 299 sa 304 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)

F’każ li l-evidenza tiġi eżawrita jew fl-assenza tagħha jibqgħu fatti mhux spjegati li jkunu rilevanti għall-kawża, il-qorti tordna s-smigħ tal-partijiet sabiex jiġu ċċarati tali fatti.

Meta persuna ġuridika tkun parti, il-qorti tisma’ lill-persuni inklużi f’korp intitolat biex jirrappreżenta lil dik il-parti.

Barra minn hekk, il-qorti tista’ tilqa’ evidenza fil-forma ta’ riżultati ta’ testijiet ta’ gruppi tad-demm, filmati fuq vidjow, filmati tat-televixin, fotokopji, ritratti, pjanti, tpinġijiet, diski jew tejps tal-awdjo u apparati oħrajn għar-reġistrazzjoni u l-ħżin ta’ immaġni u ħsejjes.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Skont l-Artikolu 266 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, qabel is-smigħ ix-xhud jiġi infurmat bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jixhed u bir-responsabbiltà penali għall-għoti ta’ xhieda falza. Ix-xhud li għandu jixhed jieħu ġurament quddiem il-qorti.

Skont l-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, it-testimonjanza tax-xhud hija orali. It-testimonjanza tax-xhud tinqara lix-xhud u tiġi ssupplimentata abbażi tal-kummenti tiegħu, jekk applikabbli.

Bħala regola, ix-xhieda li jkunu għadhom ma nstemgħux ma jistgħux ikunu preżenti fis-smigħ ta’ xhieda oħra (Artikolu 264 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), filwaqt li xhieda li jagħtu xhieda kontradittorja jistgħu jikkonfrontaw lil xulxin (Artikolu 272 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Il-qorti tista’ titlob lil espert wieħed jew aktar biex jipprovdu l-opinjonijiet tagħhom, filwaqt li tinfurmahom jekk l-opinjonijiet għandhomx jiġu ppreżentati b’mod orali jew bil-miktub (Artikolu 278 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). L-espert jista’ jirrifjuta li jixhed għall-istess raġunijiet tax-xhieda (Artikoli 280 u 261 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). L-espert jieħu wkoll ġurament sakemm il-partijiet ma jeħilsuhx minn dak l-obbligu. Kull opinjoni trid tinkludi dikjarazzjoni tar-raġunijiet (Artikolu 285 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). L-esperti jistgħu jitolbu kumpens għall-ħidma tagħhom (Artikolu 288 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Ma hemm l-ebda raġuni għaliex għandek taċċetta ġerarkija formali ta’ metodi ta’ provi mill-perspettiva tal-kredibbiltà tagħhom u l-qawwa fis-separazzjoni mill-fatti ta’ kawża speċifika. Bħala regola, il-qorti tivvaluta l-evidenza skont id-diskrezzjoni tagħha (Artikolu 233 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Jenħtieġ li l-valutazzjoni tagħha tqis il-prinċipju stabbilit fl-Artikoli 246 u 247 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili skont liema l-evidenza dokumentarja hija superjuri għat-testimonjanza tax-xhieda u tal-partijiet.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Ċerti atti legali jitolbu forma xierqa u r-rekwiżit għall-użu ta’ tali forma speċifika jista’ jiġi introdott permezz ta’ att leġiżlattiv jew ftehim bejn il-partijiet. Evidenza bil-miktub f’konformità mal-Artikolu 74(1) tal-Kodiċi Ċivili (ad probationem) tintuża’ sabiex jekk ir-rekwiżiti ta’ leġiżlattiva jew ftehim ma jiġux issodisfati, il-persuna li tonqos milli twettaq azzjoni fil-forma xierqa ġġarrab konsegwenzi proċedurali negattivi minħabba li l-kapaċità tagħha li tixhed tkun ristretta.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Bħala regola, ħadd mhu permess jirrifjuta li jixhed bħala xhud. Tabilħaqq, l-għoti ta’ xhieda huwa obbligu statutorju. Dak l-obbligu jinkludi tliet rekwiżiti:

  • li tidher quddiem il-qorti f’ħin speċifikat,
  • li tixhed,
  • li tieħu ġurament.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Madankollu, l-Att jipprevedi għal ċerti eċċezzjonijiet għar-regoli li ħadd ma jista’ jirrifjuta milli jixhed fl-Artikolu 261 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili skont liema, il-konjuġi tal-partijiet, il-qraba tagħhom fil-linji axxendenti u dixxendenti tagħhom, l-aħwa u l-qraba biż-żwieġ fl-istess linja u grad kif ukoll il-ġenituri adottivi jew l-ulied tagħhom jistgħu jirrifjutaw milli jixhdu. Id-dritt li tirrifjuta li tixhed ikompli wkoll wara t-terminazzjoni taż-żwieġ jew tar-relazzjoni tal-adozzjoni.

Ir-rifjut milli persuna tixhed mhux aċċettabbli f’kawżi ta’ status tal-familja, ħlief f’divorzji.

Jenħtieġ li l-qorti tinforma lix-xhud bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jixhed u li jirrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet qabel is-smigħ ta’ xhud. Ir-raġunijiet għar-rifjut li tingħata xhieda (sottomessa bil-miktub jew bil-fomm, b’referenza għal kawżi statutorji) huma vverifikati mill-qorti.

Dikjarazzjoni ta’ rifjut mill-għoti ta’ evidenza tista’ tiġi revokata. Madanakollu, wara l-għoti tal-evidenza, ix-xhud ma jistax juża d-dritt li jirrifjuta, sakemm, qabel dan, ma jkunx ġie infurmat li kellu tali dritt.

Ix-xhud jista’ jirrifjuta wkoll li jwieġeb mistoqsijiet jekk ix-xhud jista’ jikxef lilu jew lill-qraba tiegħu (il-konjuġi, il-qraba fil-linji axxendenti u dixxendenti, l-aħwa, il-qraba biż-żwieġ fl-istess linja u grad kif ukoll il-ġenituri adottivi jew l-ulied tagħhom) għal responsabbiltà kriminali, diżgrazzja jew ħsara finanzjarja serja jew diretta jew jekk din tinvolvi l-ksur ta’ sigriet tan-negozju materjali.

Il-fehma prevalenti hija li t-terminu “qraba” ma jinkorporax lil persuni li tabilħaqq jgħixu flimkien bħala koppja (koabitazzjoni).

Qassis jista’ jirrifjuta li jagħti evidenza fir-rigward tal-fatti fdati lilu waqt il-qrar.

Taħt ordni tal-qorti kulħadd għandu jissottometti, fil-post u fil-ħin speċifikat, kwalunkwe dokument tiegħu u jipprovdi fatt rilevanti tal-kawża, sakemm id-dokument ma jkunx fih informazzjoni kunfidenzjali. Persuni biss, li fir-rigward tal-fatti diskussi fid-dokument, jistgħu jirrifjutaw li jagħtu evidenza bħala xhieda jew li jħaddnu l-istess dokument f’isem persuna terza li għall-istess raġunijiet jistgħu joġġezzjonaw li jissottomettu d-dokument jistgħu jevitaw l-obbligu ta’ hawn fuq. Madankollu, anke f’dan il-każ rifjut ta’ sottomissjoni tad-dokument ikun inaċċettabbli jekk id-detentur tiegħu jew il-parti terza jkunu mitlubin jagħmlu dan b’referenza għal tal-anqas waħda mill-partijiet jew jekk id-dokument jinħareġ fl-interess tal-parti li titlob il-kumpilazzjoni ta’ xhieda. Barra minn hekk, persuna ma tistax tirrifjuta li tissottometti dokument jekk il-ħsara li l-persuna ġġarrab hija stessmeta tissottometti d-dokument tikkonsisti fit-telf tal-kawża (Artikolu 248 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Fil-każ ta’ rifjut mhux iġġustifikat li wieħed jixhed jew ta’ teħid ta’ ġurament fil-qorti, wara l-eżami tal-partijiet kollha preżenti fir-rigward tal-validità tar-rifjut, tiġi imposta multa fuq ix-xhud (Artikolu 274 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Irrispettivament mill-multa t’hawn fuq, il-qorti tista’ żżomm lix-xhud detenut għal mhux aktar minn ġimgħa. Il-qorti teħles lix-xhud mid-detenzjoni jekk dan jixhed jew jieħu ġurament jew jekk il-kawża tiegħu tinqata' minn qorti fejn intlaqgħet dik ix-xhieda (Artikolu 276 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Il-qorti, filwaqt li taġixxi ex officio, għandha timpedixxi milli ġġiegħel persuna li ma tkunx kapaċi tipperċepixxi jew tikkomunika dak li tipperċepixxi tixhed. Il-waqfien tal-kawżi ta’ dik in-nuqqas ta’ kapaċità jistgħu jwasslu biex titneħħa l-projbizzjoni fuq ix-xhieda. Trattament psikjatriku jew inkapaċità bħala tali ma jistgħux jagħmlu x-xhieda mhux affidabbli b’mod awtomatiku (Artikolu 259 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

L-Att ma jiddefinixxix kemm minuri jrid ikollu età biex jitqies bħala li kapaċi jipperċepixxi jew jikkomunika x’jipperċepixxi. Għalhekk, jekk minuri jkunx jista’ jiġi eżaminat jiddependi fuq il-kapaċitajiet individwali u l-grad ta’ żvilupp tiegħu. F’kawżi ta' żwieġ, l-Att jipprevedi għal-limitazzjonijiet fir-rigward ta' eżaminazzjoni ta' minuri ta’ taħt it-13-il sena u l-qraba tal-partijiet f’linja dixxendenti taħt is-17-il sena bħala xhieda (Artikolu 430 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

L-Artikolu 259 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jwassal għal regola ġenerali li ħadd ma jista’ jiġi eżaminat fl-istess kawża darba bħala xhud u darb’oħra bħala parti. Ir-rappreżentant statutorju ta’ parti jista’ għalhekk jiġi eżaminat waqt is-smigħ tal-partijiet. Min-naħa l-oħra, avukat tal-parti jista’ jiġi eżaminat bħala xhud, iżda dan imbagħad irid jirrinunzja l-prokura.

Barra minn hekk, intervenjent ma jistax ikun xhud (Artikolu 81 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Il-persunal militari u l-impjegati taċ-ċivil li jkunu għadhom ma nħelsux mid-dmir li jżommu informazzjoni sigrieta identifikata bħala “klassifikata” jew “kunfidenzjali”, jekk ix-xhieda tagħhom tkun tinvolvi l-ksur ta’ dik is-segretezza, ma għandhomx għalfejn jagħtu evidenza sakemm ma jiġux liberati mill-obbligu li jżommu s-segretezza professjonali.

Medjatur ma jistax ikun xhud fir-rigward tal-fatti li jsir konxju tagħhom matul il-medjazzjoni, sakemm il-partijiet ma jilliberawhx mill-obbligu li jżomm is-segretezza tal-medjazzjoni (Artikolu 2591 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Xhud jinstema’ mill-qorti. F’ċerti każijiet il-qorti tista’ tafda s-smigħ lil imħallef deżinjat (Artikolu 235 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Jekk in-natura tal-evidenza ma timpedixxix dan, il-qorti li tippresiedi tista’ tiddeċiedi li tagħmel is-smigħ bl-użu ta’ apparati tekniċi li jagħmluha possibbli li dan isir mill-bogħod.

Il-partijiet għandhom id-dritt li jkunu preżenti meta x-xhieda jiġu eżaminati u li jistaqsuhom il-mistoqsijiet.

Ix-xhieda jistgħu jiġu eżaminati bl-użu ta' vidjokonferenza u t-telefokonferenza (Artikolu 10(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali).

3 Il-valutazzjoni tal-provi

Bħala regola, dak kollu li jservi biex jiġu stabbiliti l-fatti rilevanti għall-kawża jista’ jkun evidenza. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ma tipprevedix għal projbizzjoni ġenerali kontra l-użu ta’ evidenza miksuba kontra l-liġi fi proċedimenti ċivili. Madankollu, analiżi tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, tad-dispożizzjonijiet differenti tal-Kodiċi Ċivili u tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-Att dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u ta’ trattati internazzjonali ratifikati mill-Polonja jagħti sustanza lit-teżi li l-użu ta’ evidenza miksuba kontra l-liġi fi proċedimenti ċivili mhuwiex aċċettabbli.

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Fi proċedimenti ċivili huwa inammissibbli li tintuża’ evidenza miksuba b’mod li rriżultat fi ksur u għalhekk iċċaħħad lil persuna mid-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb, għal-libertà tal-espressjoni, l-intimità u l-libertà personali. L-evidenza miksuba b’qerq jew b’wegħda li t-twettiq tagħha jikser il-liġi, eż. l-offerta ta’ benefiċċju fi flus għall-interċettazzjoni telefonika, hija meqjusa kontra l-liġi.

L-Artikolu 403(1)(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jistipula li sentenza miksuba permezz ta’ reat kriminali tista’ tiġi riveduta. It-talba prevista fl-Artikolu 403(1)(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili hija possibbli biss meta l-issodisfar tagħha jiġi kkonfermat minn konvinzjoni finali. Is-sentenza trid tkun finali sabiex tiġi żgurata l-persistenza tar-raġunijiet għar-reviżjoni. Mar-rikors għar-reviżjoni ta’ sentenza jenħtieġ li titwaħħal kopja tas-sentenza.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

F’każ li l-evidenza tintuża kollha, jew fl-assenza tagħha, jibqgħu fatti mhux spjegati li jkunu rilevanti għall-kawża, il-qorti tista’ tisma’ lill-partijiet (Artikolu 299 tal-Kodiċ ta’ Proċedura Ċivili).

L-aħħar aġġornament: 26/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Portugall

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Ir-regola li tirrigwarda l-oneru tal-provi hija li l-parti li għandha l-oneru trid turi li l-fatti allegati huma minnhom biex tkun tista' tiġi vvalutata l-validità tal-argumenti ppreżentati.

Fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-oneru tal-provi, jiġifieri liema parti għandu jkollha l-oneru tal-provi, l-Artikolu 342 tal-Kodiċi Ċivili tistipula r-regola fundamentali. Skont dan l-Artikolu, il-persuna li tinvoka dritt trid tipprova l-fatti li jikkostitwixxu d-dritt, u l-parti li d-dritt ikun invokat kontriha trid turi l-fatti li jimpedixxu, jimmodifikaw jew itemmu d-dritt. Fatti li jimpedixxu huma dawk li jkunu ta' ostakolu għall-istituzzjoni effettiva tad-dritt. Fatti li jimmodifikaw huma dawk li jalteraw l-ambitu tad-dritt li ġie stabbilit. Fatti li jtemmu huma dawk li, wara li d-dritt ġie stabbilit bħala validu, iwassluh fi tmiemu. F'każ ta' dubju, il-fatti jridu jitqiesu bħala kostituttivi.

Fil-każ ta' proċedimenti ta' valutazzjoni negattiva, fejn parti ma tkunx qed titlob sentenza kontra l-parti l-oħra imma tixtieq sempliċement li l-qorti tistabbilixxi n-noneżistenza ta' dritt jew fatt, huwa l-konvenut (il-parti li nfetħet il-kawża kontriha) li trid tipprova l-elementi li jikkostitwixxu d-dritt li qed jiġi allegat.

Fil-kawżi li jridu jinfetħu sa ċertu ammont ta' żmien wara dakinhar li l-attur (il-parti li tiftaħ il-kawża) ikun sar jaf b'ċertu fatt, huwa l-konvenut li jrid jipprova li t-terminu skada, sakemm ma jkunx hemm soluzzjoni oħra stabbilita mil-liġi.

Jekk id-dritt invokat mill-attur ikun suġġett għal kundizzjoni sospensiva (avveniment inċert fil-ġejjieni li l-partijiet għamlu l-effetti tat-tranżazzjoni ġuridika dipendenti minnu) jew għal data ta' skadenza inizjali (mument minn meta jibda jgħodd id-dritt), huwa l-attur li jrid jipprova li l-kundizzjoni ġiet issodisfata jew li l-iskadenza inizjali għaddiet. Jekk id-dritt ikun suġġett għal kundizzjoni riżoluttiva (avveniment inċert fil-ġejjieni li l-partijiet għamlu t-tmiem tal-effetti tat-tranżazzjoni ġuridika dipendenti minnu) jew għal data ta' skadenza finali (mument minn meta d-dritt ma jibqax jgħodd), huwa l-konvenut li jrid jipprova li l-kundizzjoni ġiet issodisfata jew li l-iskadenza finali għaddiet.

Ir-regoli ta' hawn fuq jinqalbu meta jkun hemm preżunzjoni legali (konsegwenza jew inferenza li l-liġi tiddeduċi minn fatt magħruf biex tistabbilixxi fatt mhux magħruf), eżenzjoni jew liberazzjoni mill-oneru tal-provi jew ftehim validu għal dak l-effett, u, b'mod ġenerali, fejn il-liġi tiddetermina hekk. L-oneru tal-provi jinqaleb ukoll jekk il-parti avversarja tkun għamlitha intenzjonalment impossibbli li jiġu ppreżentati l-provi mill-parti li għandha tipproduċihom.

Ftehim li jaqleb l-oneru tal-provi huwa invalidu meta jkun involut dritt inaljenabbli (dritt li ma jistax jiġi ċedut minn parti billi sempliċement tiddikjara li tixtieq iċċedih) jew meta jkun eċċessivament diffiċli biex wieħed mill-partijiet jeżerċita d-dritt. Bl-istess mod, ftehim biex jiġu esklużi kwalunkwe mezzi legali ta' prova jew li jippermetti mezzi ta' prova ħlief dawk previsti mil-liġi huma invalidi wkoll. Jekk id-deċiżjonijiet li jiġu mil-liġi relatata mal-provi jkunu bbażati fuq raġunijiet ta' ordni pubbliku, dan il-ftehim ikun invalidu f'kull ċirkostanza.

Meta l-evidenza tkun ippreżentata mill-parti li jkollha l-oneru tal-prova ta' fatt partikolari, il-parti avversarja tista' tippreżenta kontroprovi bil-ħsieb li tqajjem id-dubji. Jekk ikun hemm biżżejjed dubju, id-deċiżjoni trid tmur kontra l-parti li kellha l-obbligu li tipprova l-fatt ikkonċernat.

Provi legali sħaħ jistgħu jiġu kuntrarjati minn provi li juru li l-fatt li wasslu għalihom ma kinux reali, mingħajr preġudizzju għal restrizzjonijiet oħrajn iddeterminati speċifikatament mil-liġi.

Kull min jinvoka dritt lokal jew barrani ta' konswetudni jkun responsabbli li jipprova l-eżistenza u l-kontenut tagħha, imma l-qorti għandha tagħmel ħiltha biex tikseb l-għarfien rispettiv ex officio. Il-qorti hija responsabbli wkoll għall-għarfien ex officio kull meta jkollha tiddeċiedi abbażi tad-dritt lokali jew barrani tal-konswetudni u l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun invokatu, jew il-parti avversarja tkun għarfet l-eżistenza u l-kontenut tiegħu jew ma tkunx oġġezzjonat. Jekk ma tkunx tista' tiddetermina l-kontenuti tad-dritt applikabbli, il-qorti tuża r-regoli tad-dritt komuni Portugiż.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Iva, hemm regoli ta' dan it-tip.

Ma hemmx bżonn ta' provi għal fatti magħrufin sew, fi kliem ieħor dawk li jkunu għarfien pubbliku.

Lanqas ma hemm bżonn ta' provi għal fatti li l-qorti tkun taf bihom bis-saħħa tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha; meta l-qorti tuża dawn il-fatti, prova dokumentata tal-fatti tinhemeż mal-kawża.

Bl-istess mod, parti li jkollha preżunzjoni legali (definita fuq) favuriha ma jkollhiex għalfejn tipprova l-fatt preżunt.

Il-preżunzjonijiet legali jistgħu jkunu kkontestati bil-preżentazzjoni ta' kontroprovi, ħlief fil-każijiet fejn il-liġi ma tippermettihx.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-qorti tivvaluta liberament l-evidenza u l-imħallef jieħu d-deċiżjoni tiegħu skont il-konvinzjoni prudenti tiegħu rigward kull fatt.

Il-valutazzjoni libera tal-provi ma tkoprix il-fatti li l-liġi teħtieġ formalitajiet speċjali bħala prova għalihom, jew dawk li jistgħu jkunu ppruvati biss b'dokumenti jew huma ppruvati bis-sħiħ, jew b'dokumenti jew bi qbil jew b'konfessjoni tal-partijiet.

Il-qorti trid tqis il-provi kollha, sew jekk ġejja mill-parti li pproduċiethom u sew jekk le, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jiddikjaraw li provi ta' fatt huma irrilevanti jekk ma jkunux prodotti minn ċerta parti interessata.

Kull dubju dwar il-veraċità ta' fatt jew l-oneru tal-provi jissolva kontra l-parti li tibbenefika mill-fatt.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-liġi tippermetti li l-kompitu tal-ġbir tal-provi jsir b'inizjattiva tal-imħallef.

Hija r-responsabbiltà tal-imħallef li jwettaq jew jordna, inkluż ex officio, l-azzjonijiet kollha neċessarji għad-determinazzjoni tal-verità u n-natura reali tat-tilwima fir-rigward tal-fatti li għandhom ikunu magħrufin.

L-imħallef jista', f'kull stadju tal-proċedimenti, iħarrek lill-partijiet biex jidhru personalment biex jixhdu dwar il-fatti li jkunu ta' rilevanza għad-deċiżjoni kkonċernata.

Hija r-responsabbiltà tal-qorti, b'inizjattiva tagħha stess jew wara talba ta' kwalunkwe waħda mill-partijiet, li titlob informazzjoni, opinjonijiet tekniċi, pjanijiet, ritratti, tpinġijiet, oġġetti jew dokumenti oħrajn neċessarji biex tkun iċċarata l-verità. Talbiet bħal dawn jistgħu jsiru lil korpi uffiċjali, lill-partijiet fil-kawża jew lil partijiet terzi.

Il-qorti, kull meta tqis li jkun xieraq li jsir hekk, tista', b'inizjattiva tagħha stess jew wara talba minn kwalunkwe waħda mill-partijiet, tinvestiga affarijiet jew nies. Dan irid isir b'tali mod li jissalvagwardja l-intimità tal-ħajja privata jew familjari u d-dinjità tal-bniedem u għandu jkun immirat lejn il-kjarifikazzjoni ta' kwalunkwe fatt li jkun rilevanti għad-deċiżjoni kkonċernata. Il-qorti tista' twettaq żjara fil-post jew tordna li ssir rikostruzzjoni tal-avvenimenti, jekk tħoss li jkun meħtieġ.

Meta, matul kawża l-qorti, ikun hemm raġunijiet biex ikun preżunt li persuna li ma tkunx tħarrket biex tixhed tkun taf fatti li huma importanti biex tittieħed id-deċiżjoni t-tajba fil-kawża, l-imħallef għandu jordna li dik il-persuna titħarrek biex tixhed il-qorti.

L-imħallef jista', ex officio, jordna perizja.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-provi ġeneralment isir f'forma ta' artikoli. Fi tmiem it-talba, l-attur irid jibgħat il-lista tax-xhieda u jitlob forom oħra ta' provi; jekk il-konvenut jikkontesta, irid jibgħat lista ta' xhieda bit-tweġiba tagħhom u jitlob forom oħra ta' provi. L-attur jista' jibdel it-talba oriġinali għall-ksib tal-provi, u jista' jagħmel dan fir-replika tiegħu, fejn applikabbli, jew fi żmien għaxart ijiem minn meta jkun innotifikat bil-kontestazzjoni. Fil-każ li l-konvenut jibgħat kontrotalba u l-attur iwieġeb, il-konvenut ikun jista' jemenda t-talba oriġinali tiegħu għall-ksib tal-provi fi żmien għaxart ijiem minn meta jkun innotifikat bir-replika.

Bħala regola ġenerali, il-provi jinġabru fis-seduta finali. Fuq bażi eċċezzjonali l-provi jistgħu jinġabru fi stadju iktar bikri. Il-provi jistgħu jkunu x-xhieda ta' persuni, xhieda peritali jew provi miksuba permezz ta' eżami ġudizzjarju. Għall-preżentazzjoni bikrija ta' dawn il-provi, irid ikun hemm biża' fundata li jista' jkun impossibbli jew diffiċli ħafna li tinġabar ix-xhieda minn ċerti persuni matul il-kawża ġudizzjarja proprja jew li ċerti fatti jkunu jistgħu jiġu vverifikati b'perizja jew spezzjoni.

Wara li jkunu ammessi talbiet għall-ksib ta' provi matul is-seduta preliminari, fejn jistgħu jkunu emendati, jew jekk dan ma japplikax għall-ordni kompetenti, is-seduta finali tissejjaħ wara li jinstemgħu r-rappreżentanti legali.

Il-lista tax-xhieda tista' wkoll tinżdied jew tiġi emendata sa 20 jum qabel id-data ta' meta ssir is-seduta finali u l-parti l-oħra tkun innotifikata biex tuża din il-possibilità, jekk tkun tixtieq, fi żmien ħamest ijiem.

Ħlief f'każijiet meta ċ-ċirkostanzi jiġġustifikaw li l-imħallef jibdel l-ordni tal-avvenimenti legali, fis-seduta finali l-ġbir tal-provi jibda billi l-partijiet jagħmlu d-dikjarazzjonijiet tagħhom.

Imbagħad, jekk il-provi jkunu jinkludu vidjoreġistrazzjonijiet jew awdjoreġistrazzjonijiet, dawn ikunu eżibiti.

Dawn jistgħu mbagħad ikunu segwiti minn kjarifiki verbali minn periti li jkunu tħarrku biex jidhru l-qorti wara tal-partijiet jew mill-qorti stess, wara eżami tax-xhieda.

Wara li jkunu nġabru l-provi, jiġu diskussi l-fatti. F'dawn id-diskussjonijiet, l-avukati jistabbilixxu l-konklużjonijiet de facto u de jure, li jkunu wasslu għalihom bis-saħħa tal-provi eżibiti, b'kull avukat ikun jista' jirribatti darba.

Wara l-konklużjoni tas-seduta finali, il-kawża tiġi rinvijata lill-imħallef biex jagħti s-sentenza fi żmien 30 jum. Jekk l-imħallef iħoss li ma jkunx infurmat biżżejjed, jista' jmur lura fl-awla biex jisma' lil min jixtieq u jordna li jittieħdu l-passi neċċessarji biex tiġi ċċarata l-kwistjoni dubjuża.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

It-talba għall-ksib tal-provi tista' tkun miċħuda jekk tkun ippreżentata wara li jiskadi ż-żmien stipulat mil-liġi għal din il-fini.

Talba għall-ksib tal-provi tista' tiġi miċħuda kompletament jew parzjalment anke jekk tiġi ppreżentata fil-ħin, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin: l-għadd ta' xhieda għal ċertu tip ta' proċedura jinqabeż (dawk li jaqbżu l-limitu jridu jiġu miċħuda);  l-imħallef iħoss li talba għal perizja tkun irrilevanti jew dilatorja; xi ħadd li jista' jixhed bħala parti jiġi elenkat bħala xhud; jintalbu dikjarazzjonijiet ta' parti li jinvolvu fatti diżonesti jew kriminali li l-parti kkonċernata tkun akkużata li għamlet; jew il-parti tintalab tixhed dwar fatti li ma jinvolvux konfessjoni. Provi oħrajn li mhumiex aċċettabbli huma provi li jinvolvu l-kxif ta' sigriet Statali jew professjonali jew ta' sigriet kopert mis-segretezza li trid tiġi osservata mill-ħaddiema tas-servizz pubbliku, li, madankollu, jistgħu jkunu skużati skont it-termini stabbiliti mil-liġi.

Wara, waqt is-seduta finali u wara li x-xhud ikun ħa l-ġurament, l-imħallef iwettaq eżami preliminari, li jipprova jidentifika lix-xhud u jiskopri jekk jiġi minn wieħed mill-partijiet jew hux ħabib jew għadu tiegħu, jekk hux qiegħed f'relazzjoni dipendenti mal-partijiet ikkonċernati u jekk għandhomx xi interess, direttament jew indirettament, fil-kawża. Jekk it-tweġibiet juru li l-parti dikjaranti ma tistax taġixxi ta' xhud jew mhix il-persuna li kellha titħarrek, l-imħallef ma jaċċettahomx bħala xhieda. Huma biss dawk li ma jbatux minn anomalija psikika u li jkollhom l-attitudni fiżika u mentali li jixhdu dwar fatti li jridu jkunu ppruvati li jistgħu jkunu xhieda, u l-imħallef huwa responsabbli għall-valutazzjoni tal-kapaċità naturali tal-persuni elenkati bħala xhieda sabiex jivvaluta l-ammissibilità u l-kredibilità tal-evidenza tagħhom.

Mhix ammessa xhieda jekk id-dikjarazzjoni tan-negozju, bil-liġi jew kif stipulata mill-partijiet, trid tkun bil-miktub jew trid tkun ippruvata bil-miktub. Ma tiġix ammessa xhieda meta l-avveniment ikun ġie ppruvat bis-sħiħ b'dokumenti jew b'mezzi oħrajn b'valur probatorju sħiħ. Ix-xhieda mhix ammissibbli jekk tkun ibbażata fuq kwalunkwe ftehim li jmur kontra jew iżid mal-kontenut ta' dokumenti awtentiċi jew privati b'valur probatorju sħiħ, irrispettivament minn jekk il-ftehimiet ikunux saru qabel, wara jew fl-istess ħin tal-ħolqien tad-dokument.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Jeżistu l-mezzi ta' prova li ġejjin:

a)      Dokumenti;

b)      Prova ta' konfessjoni;

c)      Id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża;

d)     Ir-rapporti tal-periti;

e)      Spezzjoni ġudizzjarja;

f)       It-testimonjanza tax-xhieda;

g)      Prova bi preżentazzjoni ta' oġġetti;

h)      Preżunzjonijiet.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Id-differenzi fl-effikaċja dimostrattiva tal-mezzi ta' prova ma jiddependux minn jekk ikunux orali jew miktuba.

Il-qorti hija marbuta biss bi provi b'valur probatorju predeterminat mil-liġi, u skont it-termini u l-limiti speċifikati: prova b'dokumenti awtentiċi jew privati, li l-awtentiċità tagħhom tkun stabbilita b'mezzi rikonoxxuti (cf. l-Artikoli minn 362 sa 387 tal-Kodiċi Ċivili), konfessjoni (cf. l-Artikoli minn 352 sa 360 tal-Kodiċi Ċivili) u l-preżunzjonijiet legali (l-Artikoli minn 349 sa 350 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-valutazzjoni tal-provi l-oħrajn issir skont il-prinċipju tal-valutazzjoni libera tal-provi, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda regoli ħlief ir-regoli ta' esperjenza, jiġifieri, is-sentenzi ġenerali u astratti tas-suċċessjoni kawżali. Il-provi jitqiesu skont il-konvinzjoni li jkun ifforma l-imħallef dwar il-fatti, wara li jkun ikkunsidra dawn ir-regoli.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Effettivament, il-liġi tattribwixxi gradi differenti ta' effikaċja dimostrattiva lil mezzi ta' prova differenti.

Il-valutazzjoni libera tal-provi hija eskluża u xi mezzi ta' prova jieħdu preċedenza fuq oħrajn meta l-liġi tattribwixxi grad speċifiku ta' importanza lil mezz ta' prova partikolari jew meta titlob xi formalità speċjali għall-eżistenza jew il-prova ta' fatt ġuridiku. F'każijiet ta' provi legali negattivi, il-liġi ma tippermettix l-użu ta' ċertu tip ta' provi mill-imħallef biex jasal għad-deċiżjoni tiegħu.

Fir-rigward tal-ġbir tal-provi permezz tas-smigħ tat-testimonjanza ta' xhieda, is-smigħ verbali tal-periti (bħala regola ġenerali, il-periti jinstemgħu biss fis-seduta finali jekk ikun hemm bżonn li jipprovdu kjarifiki verbali, peress li r-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħhom jingħataw f'rapporti miktubin), spezzjonijiet ġudizzjarji, rapporti investigattivi u dokumenti mhux definit mil-liġi bħala li għandhom xi sinifikat speċjali, il-qorti tivvaluta liberament din l-evidenza kollha.

L-effikaċja dimostrattiva tat-testimonjanza tax-xhieda tiġi kkunsidrata liberament mill-imħallef. Madankollu, testimonjanza ta' xhud ma tistax tintuża biex tieħu post dokument meħtieġ skont il-liġi jew biex tikkuntrarja jew iżżid mal-kontenut ta' ċerti dokumenti.

Il-qawwa tal-provi mogħtija fit-tweġibiet tal-periti tkun ivvalutata liberament mill-qorti u l-istess japplika fir-rigward tar-riżultati tal-investigazzjonijiet ġudizzjarji.

Dokumenti awtentiċi (jiġifieri dawk miktubin minn awtorità pubblika kompetenti jew uffiċjal fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu) huma meqjusa li jippruvaw bis-sħiħ il-fatti li jsemmu bħala li twettqu minn dawn l-aġenti flimkien mal-fatti attestati minnhom fuq il-bażi tal-fehim tal-entità dokumentatriċi (jiġifieri, dawn id-dokumenti jirrappreżentaw turija ta' prova li tista' tiġi kkontestata biss bi prova kuntrarja). Dokumenti privati, fejn il-firem jew il-kitba, jew il-firma biss, jiġu rikonoxxuti jew ma jiġux ikkontestati mill-parti li d-dokument jiġi ppreżentat kontriha, jew meta, minkejja li l-firma u l-kitba jkunu ġew attribwiti lilhom, jiddikjaraw li ma jkunux jafu humiex tagħhom, jew jitqiesu li jkunu awtentiċi, kemm ġuridikament u kemm ġudizzjarjament, u dokumenti privati, fejn il-firem jew il-kitba tkun ġiet awtentikata minn nutar pubbliku tista' tintuża bħala prova tad-dikjarazzjonijiet attribwiti lil min kitibhom, imma dan ma jipprevjenix li jitressqu argumenti jew provi ta' falsità fir-rigward ta' dawn id-dokumenti. Il-fatti inklużi fid-dikjarazzjoni jitqiesu li jkunu ġew ippruvati sakemm ikunu kuntrarji għall-interessi tal-parti dikjaranti. Id-dikjarazzjoni trid, madankollu, titqies fl-intier tagħha. Dokumenti privati awtentikati skont il-liġi notarili għandhom il-qawwa ta' prova ta' dokumenti awtentiċi, imma ma jissostitwuhomx meta l-liġi tkun teħtieġ dawn id-dokumenti għall-validità tal-att.

Konfessjoni ġudizzjarja miktuba għandha valur probatorju sħiħ kontra l-persuna li tikkonfessa. Konfessjoni mhux ġudizzjarja, fil-forma ta' dokument awtentiku jew privat, titqies li tkun ippruvata skont it-termini applikabbli għal dawk id-dokumenti u, jekk tkun saret lill-parti l-oħra jew lir-rappreżentant tagħha, u titqies li għandha valur probatorju.

Konfessjoni mhux ġudizzjarja li ma tiħux il-forma ta' dokument ma tista' tkun ippruvata minn xhieda f'każijiet meta ma tkunx ammessa evidenza testimonjarja; meta din tkun ammessa, il-qorti tqis liberament il-valur probatorju tagħha.

Konfessjonijiet ġudizzjarji mhux miktuba u konfessjonijiet mhux ġudizzjarji lil parti terza jew li qegħdin f'testment jiġu kkunsidrati liberament mill-qorti.

Konfessjoni mhix prova kontra l-persuna li tikkonfessa: a) jekk tiġi dikjarata insuffiċjenti skont il-liġi jew tkun tiddependi minn fatti li r-rikonoxximent jew ir-riċerka tagħhom hija pprojbita mil-liġi; b) jekk tkun tiddependi minn fatti relatati ma' drittijiet inaljenabbli; c) jekk il-fatt ikkonfessat ikun impossibbli jew kjarament ineżistenti.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Iva, hekk hu skont il-liġi Portugiża.

Meta l-liġi titlob, bħala forma ta' dikjarazzjoni tan-negozju, dokument b'ċerta formalità, dak id-dokument ma jkunx jista' jiġi sostitwit minn mezz ieħor ta' prova jew minn dokument ieħor ħlief jekk ikollu valur probatorju ogħla.

Meta l-liġi titlob kwalunkwe formalità speċjali għall-eżistenza jew prova ta' fatt ġuridiku, dan ma jkunx jista' jiġi dispensat.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Il-persuni kollha, sew jekk ikunu partijiet fil-kawża u sew jekk le, huma meħtieġa jikkooperaw biex tinstab il-verità. Huma jridu jwieġbu l-mistoqsijiet li jsirulhom, jaċċettaw l-investigazzjonijiet neċessarji, jipprovdu dak li jintalbu, u jwettqu l-atti li se jkun hemm deċiżjoni dwarhom.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Ix-xhieda jistgħu jirrifjutaw li jixhdu, ħlief fi proċedimenti bl-għan li jivverifikaw it-twelid jew il-mewt ta' tfal:

  • Axxendenti f'kawżi li jinvolvu dixxendenti, u ġenituri adottivi f'kawżi li jinvolvu tfal adottati, u viċi versa;
  • Kunjatu jew kunjata f'kawżi li jinvolvu binhom tar-rispett jew binthom tar-rispett, u viċi versa;
  • Kwalunkwe konjuġi jew ekskonjuġi f'kawżi fejn waħda mill-partijiet hija l-konjuġi l-ieħor jew ekskonjuġi;
  • Kull min għex jew kien jgħix fi sħubija ċivili b'kundizzjonijiet simili għal dawk ta' konjuġi flimkien ma' kwalunkwe waħda mill-partijiet fil-kawża.

Hija r-responsabbiltà tal-imħallef li javża lin-nies imsemmija fuq li jistgħu jirrifjutaw li jixhdu.

Xhieda marbuta bis-sigriet professjonali, bis-sigriet tal-impjegati taċ-ċivil u b'sigrieti Statali jistgħu jirrifjutaw leġittimament li jixhdu fir-rigward ta' fatti koperti minn din is-segretezza.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

B'konformità mat-tweġiba preċedenti, persuni li jirrifjutaw li jixhdu ma jkunux sanzjonati jew meħtieġa jikkooperaw mal-qorti, peress li dan hu d-dritt legali tagħhom.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Iva, hemm persuni li ma tistax tinkiseb xhieda mingħandhom.

Dawn huma nies li ma jistgħux jixhdu minħabba anomalija psikika u dawk li mhumiex fiżikament jew mentalment b'saħħithom biżżejjed biex jixhdu dwar il-fatti li jridu jiġu ppruvati.

Hija r-responsabbiltà tal-imħallef li jivvaluta l-kompetenza tal-persuni mħarrka biex jixhdu bħala xhieda.

Persuni li jistgħu jixhdu bħala partijiet fil-kawża ma jistgħux jixhdu bħala xhieda.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Ix-xhieda jixhdu fis-seduta finali personalment jew b'vidjokonferenza, ħlief fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • Meta l-provi jinġabru fi stadju aktar bikri (dan jista' jsir meta jkun hemm biża' fundata li jista' jkun impossibbli jew diffiċli ħafna li tinstema' x-xhieda minn ċertu persuna);
  • Il-provi jinġabru b'ittri rogatorji mibgħuta lil konsulat Portugiż;
  • Il-provi jittieħdu fir-residenza ta' persuna jew il-kwartieri tas-servizz (prerogattiva konċessa mill-President tar-Repubblika u aġenti diplomatiċi barranin bil-kundizzjoni ta' reċiproċità);
  • Ikun impossibbli għalihom li jidhru l-qorti;
  • Tintuża l-prerogattiva li jixhdu bil-miktub.

Ix-xhud irid jixhed b'mod preċiż, li jindika r-raġuni u ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-għarfien minnu tal-fatti; kemm jista' jkun, ir-raġuni invokata għall-għarfien tkun stabbilita fid-dettall u tkun fundata.

L-eżami jsir mill-avukat tal-parti li ssejħet biex tixhed. L-avukat tal-parti l-oħra jista', fir-rigward tal-fatti koperti fit-testimonjanza, jinterroga lix-xhud biex jikkompleta jew jiċċara t-testimonjanza.

L-imħallef ma jridx iħalli lill-avukati jkunu maledukati max-xhieda jew jagħmlu mistoqsijiet jew kunsiderazzjonijiet li jkunu irrilevanti, suġġestivi, qarrieqa jew offensivi.

L-eżami u l-kontroeżami jsiru mir-rappreżentanti tal-partijiet, mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni mitluba mill-imħallef jew mill-fatt li l-imħallef jista' jagħmel il-mistoqsijiet li jħoss li jkunu xierqa għad-determinazzjoni tal-verità.

Fejn ikun hemm bżonn l-imħallef jagħmel l-eżami tax-xhieda hu stess biex jiżgura t-trankwillità tax-xhud jew biex itemm kontroeżami mhux xieraq.

Qabel ma x-xhud iwieġeb il-mistoqsijiet li jkunu sarulu jista' jikkonsulta l-att tal-kawża, jitlob li jintwera ċerti dokumenti li jifformaw parti mill-kawża, jew jippreżenta dokumenti bl-għan li jikkorroboraw it-testimonjanza tiegħu; huma biss dokumenti li l-parti rispettiva ma setgħetx toffri li jintlaqgħu u jiġu inklużi fl-atti tal-kawża.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Provi miksuba illegalment ma jistgħux jitqiesu mill-qorti.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Iva, flimkien mat-testimonjanza tal-parti msemmija fuq, id-dritt proċedurali Portugiż jagħti wkoll lill-partijiet l-għażla li jipprovdu dikjarazzjonijiet.

Il-partijiet jistgħu, sal-bidu tal-allegazzjonijiet orali fl-ewwel istanza, jitolbu l-awtorizzazzjoni biex jipprovdu dikjarazzjonijiet dwar il-fatti fejn kienu involuti personalment jew li għandhom għarfien dirett dwaru.

Il-qorti tikkunsidra liberament id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet, ħlief meta jkunu jinvolvu konfessjoni.

F'dan ir-rigward, ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.6

Aktar tagħrif

Il-leġiżlazzjoni applikabbli

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kodiċi Ċivili

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili

Aktar tagħrif

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Ministeru tal-Ġustizzja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Ġurnal Uffiċċjali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Bażi ta' Dejta tad-Dokumenti Ġuridiċi

L-aħħar aġġornament: 30/04/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Rumanija

1 L-oneru tal-provi

Il-bażi legali ewlenija hija pprovduta mill-:

Artikoli 249 sa 365 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Codul de procedură civilă).

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Allegazzjoni li ssir matul il-proċedimenti trid tiġi ppruvata mill-parti li tagħmilha, ħlief f’ċerti każijiet previsti espressament mil-liġi. Ir-rikorrent irid jagħti prova tal-każ tiegħu. Għal oġġezzjonijiet imressqa mill-konvenut, l-oneru tal-prova huwa tal-konvenut. Iżda jekk preżunzjoni tidħol fis-seħħ l-oneru tal-prova jista’ jaqleb mill-parti li altrimenti kellha dak l-oneru għall-parti opposta.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Ħadd mhu mitlub jipprova dak li l-qorti bilfors trid tkun taf.

Huwa preżunt li l-qorti għandha għarfien tal-liġi fis-seħħ fir-Rumanija. Iżda l-liġi li ma tiġix ippubblikata fil-gazzetta uffiċjali tar-Rumanija (Monitorul Oficial) jew b’xi mezzi oħra, konvenzjonijiet, trattati, u ftehimiet internazzjonali applikabbli fir-Rumanija iżda li ma ġewx inkorporati fil-leġiżlazzjoni, u d-dritt internazzjonali konswetudinarju jridu jiġu ppruvati mill-parti interessata. Ir-regoli stipulati f’dokumenti kklassifikati jridu jiġu ppruvati u kkonsultati dejjem skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi. Il-qorti, fuq mozzjoni tagħha, tista’ tieħu nota tal-liġi ta’ stat barrani dejjem jekk ġiet iċċatata quddiem il-qorti. Il-liġi barranija trid tiġi ppruvata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili (Codul civil) li jindirizzaw is-sustanza tal-liġi barranija.

Jekk fatt ikun magħruf b’mod ġenerali jew ma jiġix ikkontestat, il-qorti tista’ tiddeċiedi li fiċ-ċirkostanzi tal-każ ma hemmx għalfejn jiġu pprovat. Id-drawwiet, ir-regoli tal-kondotta u prattiki stabbiliti bejn il-partijiet iridu jiġu ppruvati mill-parti li tiddependi fuqhom. Ir-regoli u r-regolamenti lokali jridu jiġu ppruvati mill-parti li tiddependi fuqhom biss jekk il-qorti titlob dan.

Preżunzjoni hija konklużjoni li l-liġi jew il-qorti tasal għaliha minn fatt magħruf sabiex tistabbilixxi fatt mhux magħruf. Preżunzjoni legali (prezumţiă legală) teżenta lill-persuna li tibbenefika minnha mill-piż li tipprova l-fatt li l-liġi tqis bħala ppruvat. Preżunzjoni legali tista’ tiġi kkonfutata minn evidenza għall-kuntrarju, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

L-evidenza trid tkun ammissibbli u trid tkun rilevanti għall-eżitu tal-proċedimenti. Wara li l-qorti tkun ippermettiet evidenza għal fatti partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-fatti ntwerewx tiġi deċiża b’mod liberu mill-qorti, kif jidhrilha, ħlief meta l-liġi tiddetermina mod ieħor.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Ix-xhieda trid tiġi proposta mill-rikorrent fir-rikors tiegħu, u mill-imputat fid-difiża tiegħu, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor; inkella l-evidenza tista’ tiġi eskluża. Jekk l-evidenza proposta ma tkunx biżżejjed għal riżoluzzjoni sħiħa tal-kawża, il-qorti tordna lill-partijiet biex jissupplimentawha. Il-qorti, fuq mozzjoni tagħha, tista’ tiġbed l-attenzjoni tal-partijiet lejn il-ħtieġa għal aktar evidenza, u tista’ tordna biex tittieħed aktar evidenza jekk il-partijiet ma jaqblux.

Il-partijiet jistgħu japplikaw biex tittieħed l-evidenza li ġejja: dokumenti, perizji, testimonjanza tax-xhieda, aċċess fuq il-post, u mistoqsijiet ta’ parti jekk il-parti opposta titlob li dik il-parti tittella’ biex tixhed. Il-kodiċi l-ġdid ta’ proċedura ċivili jirregola wkoll l-evidenza fiżika; din tista’ tkun rilevanti f’ċerti kategoriji ta’ azzjonijiet ċivili (e.ż. azzjonijiet ta’ divorzju).

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-qorti l-ewwel tqis jekk l-evidenza proposta mill-partijiet hijiex ammissibbli, u mbagħad tagħmel ordni li tistabbilixxi l-fatti li jridu jiġu pppruvati, l-evidenza permessa, u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward tat-teħid tal-evidenza. Sa fejn possibbli, l-evidenza tittieħed fl-istess seduta li fiha tiġi permessa.

It-teħid ta’ evidenza huwa rregolat minn xi regoli essenzjali: l-evidenza tittieħed fl-ordni ddeterminata mill-qorti; sa fejn possibbli, l-evidenza għandha jenħtieġ li tittieħed fl-istess seduta; l-evidenza tittieħed qabel argument dwar il-merti; l-evidenza u l-kontroevidenza jittieħdu fl-istess ħin sakemm dan ikun possibbli.

L-evidenza tittieħed bil-magħluq (în camera de consiliu), fil-qorti fejn jitressqu l-provi tal-kawża, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor. Jekk, għal raġunijiet oġġettivi, l-evidenza tkun tista’ tittieħed biss minn post ieħor, din tista’ tittieħed abbażi ta’ ittri rogatorji minn qorti fl-istess livell, jew minn qorti inferjuri jekk ma jkun hemm l-ebda qorti ta’ livell simili f’dik il-lokalità.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Evidenza tista’ tintuża biss jekk tissodisfa ċerti kundizzjonijiet fir-rigward tal-legalità (legalitate), il-kredibbiltà (verosimilitate), ir-rilevanza (pertinenţă) u l-qawwa (concludenţă) tagħha. F’dak li jikkonċerna l-legalità, l-evidenza proposta trid tikkostitwixxi evidenza skont il-liġi u ma tistax tiġi pprojbita bil-liġi. F’termini ta’ kredibbiltà, l-evidenza mitluba ma tistax tmur kontra l-liġijiet naturali rikonoxxuti fuq livell universali. F’termini ta’ rilevanza, l-evidenza trid tkun relatata mas-suġġett tal-proċess kriminali, jiġifieri mal-fatti li għandhom jintwerew b’appoġġ għall-applikazzjoni jew id-difiża mressqa mill-partijiet. Sabiex tkun ammissibbli l-evidenza trid tkun ukoll kredibbli u twassal għal determinazzjoni tat-tilwima.

Il-qorti għandha tiċħad rikors biex jiġi ppreżentat dokument bħala evidenza meta l-kontenut tad-dokument ikun jikkonċerna affarijiet personali ħafna relatati mad-dinjità jew il-privatezza ta’ persuna; meta l-preżentata tad-dokument bħala evidenza ma tkunx konsistenti ma’ obbligu ta’ kunfidenzjalità; jew meta jwassal għal proċedimenti kriminali fir-rigward tal-parti, il-konjuġi tal-parti, jew kwalunkwe qarib mid-demm jew biż-żwieġ sa u inkluż it-tielet grad ta’ parentela.

L-evidenza tax-xhieda mhijiex ammissibbli biex jiġu ppruvati tranżazzjonijiet legali ta’ valur ’il fuq minn RON 250, li għalihom il-liġi teħtieġ evidenza bil-miktub. Barra minn hekk, l-evidenza tax-xhieda tkun inammissibbli jekk tmur kontra l-kontenut ta’ dokument formali.

L-evidenza tiġi proposta mill-rikorrent fir-rikors jew mill-konvenut fid-difiża. L-evidenza mhux proposta b’dan il-mod tista’ tintalab u tiġi permessa mill-qorti fi kwalunke waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet: il-ħtieġa għall-evidenza tirriżulta minn modifika tat-talba; il-ħtieġa għall-evidenza tirriżulta matul il-proċedimenti, u l-parti ma setgħetx tipprevediha; il-parti turi lill-qorti li, bir-raġun, ma kinitx kapaċi tiċċita bħala evidenza l-evidenza mitluba fil-ħin permess; it-teħid ta’ evidenza ma jwassalx għal differiment tal-proċess kriminali; il-partijiet kollha qablu espressament.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Tranżazzjoni legali jew fatt jista’ jiġi ppruvat minn dokumenti, xhieda, preżunzjonijiet, ammissjoni ta’ parti jew oħra (fuq inizjattiva tagħha jew bħala rispons għal mistoqsijiet), rapporti ta’ esperti, evidenza fiżika, spezzjoni in situ jew kwalunkwe forma oħra ta’ evidenza prevista mil-liġi.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ix-xhieda jiġu proposti mill-partijiet, jew mill-rikorrent fl-applikazzjoni jew mill-konvenut fid-difiża. Wara li tippermetti l-evidenza tax-xhieda, il-qorti tħarrek lix-xhieda biex jattendu s-smigħ.

Jekk il-qorti ssib li hija idea tajba li tikseb l-opinjoni ta’ speċjalisti sabiex tiċċara l-fatti, fuq talba tal-partijiet jew fuq mozzjoni tagħha, hija taħtar espert jew tlieta, u tagħmel ordni li tistabbilixxi l-aspetti li fir-rigward tagħhom dawn għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom u l-limitu ta’ żmien għall-ħidma tagħhom. Il-konklużjonijiet tal-esperti jiġu rreġistrati f’rapport tal-esperti. Jista’ jintalab rapport ġdid minn espert ieħor, li jagħti raġunijiet, fuq talba tal-partijiet jew tal-qorti.

Fir-rigward tal-evidenza dokumentarja, kull parti tista’ tissottometti d-dokumenti li tixtieq tuża matul il-proċess kriminali f’kopja debitament iċċertifikata. Il-parti jrid ikollha wkoll l-oriġinali magħha u tkun kapaċi tipproduċiha fil-qorti fuq talba, u jekk tonqos tagħmel dan id-dokument ma jiġix ikkunsidrat. Il-qorti tista’ tordna l-produzzjoni ta’ dokument fil-pussess ta’ parti jekk id-dokument ikun komuni għall-partijiet fil-proċess kriminali, jekk il-parti stess tkun għamlet referenza għad-dokument matul il-proċess kriminali, jew jekk il-parti tkun obbligata tippreżentah bħala evidenza. Jekk dokument ikun miżmum minn parti u ma jkunx jista’ jiġi ppreżentat fil-qorti, jista’ jiġi ddelegat imħallef li fil-preżenza tiegħu l-partijiet jistgħu jeżaminaw id-dokument fejn ikun jinsab. Jekk dokument jinżamm minn terza persuna, dik il-persuna tista’ titħarrek bħala xhud u tintalab iġġib id-dokument.

L-evidenza tittieħed b’kamera mill-qorti b’ġurisdizzjoni. Meta l-evidenza tittieħed f’post ieħor, din tittieħed minn qorti ddelegata tal-istess livell, jew minn qorti inferjuri jekk ma jkun hemm l-ebda qorti tal-istess livell f’dik il-lokalità. Jekk it-tip ta’ evidenza tippermetti dan u l-partijiet jaqblu, il-qorti li tieħu l-evidenza tista’ ma tħarrikx lill-partijiet.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-metodi ta’ prova għandhom l-istess qawwa, ħlief fil-każijiet espressament previsti mil-liġi.

Dokumenti f’forma awtentika (forma autentică) spiss jiġu aċċettati mill-partijiet minħabba fil-vantaġġi li għandhom, inkluża preżunzjoni ta’ awtentiċità, li jfisser li persuna li tiddependi fuq dokument awtentiku tinħeles mill-oneru tal-provi.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Bħala prova ta’ tranżazzjoni legali b’valur ta’ aktar minn RON 250 evidenza dokumentata biss hija permessa, iżda hemm ċerti eċċezzjonijiet fejn l-evidenza tax-xhieda hija aċċettata wkoll.

Sakemm ma jiġix iddikjarat falz, dokument f’forma awtentika jipprovdi prova konklużiva, f’negozjati ma’ kwalunkwe persuna, tal-konstatazzjonijiet fattwali li tkun għamlet il-persuna li tkun awtentikat id-dokument f’konformità mal-liġi. Iżda dikjarazzjonijiet li jkunu saru mill-partijiet u li jiġu rreġistrati f’dokument awtentiku jitqiesu bħala provi sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor.

Meta jkun hemm preżunzjonijiet li jitħallew għad-diskrezzjoni tal-qorti, il-qorti tista’ tiddependi fuqhom biss jekk dawn ikollhom il-valur u s-saħħa li jagħmlu l-fatt allegat probabbli; tali preżunzjonijiet jistgħu jiġu aċċettati biss meta l-liġi tirrikonoxxi l-evidenza tax-xhieda.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.11.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ma tistabbilixxix r-raġunijiet li abbażi tagħhom xhud jista’ jirrifjuta li jixhed, iżda sempliċiment tispeċifika l-persuni li ma jistgħux jinstemgħu bħala xhieda u l-persuni li huma eżenti milli jidhru bħala xhieda. Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2.11.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Il-qorti timmulta xhud li jonqos milli jidher jew jirrifjuta li jixhed. Meta xhud jonqos milli jidher b’rispons għall-ewwel taħrika, il-qorti tista’ toħroġ mandat ta’ arrest biex dik il-persuna tinġieb il-qorti (mandat de aducere). F’materji urġenti, il-qorti tista’ toħroġ tali mandat anke għall-ewwel smigħ.

Jekk persuna tonqos milli tidher jew tirrifjuta li twieġeb mistoqsijiet, il-qorti tista’ tqis dan bħala ammissjoni sħiħa jew evidenza inizjali biss favur il-parti li tkun ipproponiet li jissejjaħ ix-xhud.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Dawn li ġejjin ma jistgħux ikunu xhieda: qraba mid-demm u qraba biż-żwieġ sa u inkluż it-tielet grad ta’ parentela; konjuġi, eks-konjuġi, persuni li tgħarrsu biex jiżżewġu jew konkubini; persuni f’relazzjonijiet ta’ mibegħda jew f’relazzjonijiet ta’ interess ma’ kwalunkwe parti; persuni soġġetti għal ordni tal-qorti li ma tħallilhomx id-dritt li jimmaniġġjaw il-proprjetà tagħhom (sub interdicţie judecătorească); u persuni kkundannati għal ġurament falz. F’kawżi li jikkonċernaw il-filjazzjoni, id-divorzju u relazzjonijiet oħra tal-familja, il-qorti tista’ tisma’ l-qraba mid-demm u lill-qraba Superjuribiż-żwieġ, bl-eċċezzjoni tad-dixxendenti.

Dawn li ġejjin huma eżenti milli jidhru bħala xhieda:

  • ministri tar-reliġjon, prattikanti tal-kura tas-saħħa, spiżjara, avukati, nutara pubbliċi, marixxalli, medjaturi, qwiebel u infermiera, u kwalunkwe professjonisti oħra marbuta bil-liġi biex josservaw il-kunfidenzjalità jew is-segretezza professjonali fir-rigward ta’ fatti li jsiru jafu bihom waqt li jkunu qed iwettqu dmirijiethom jew il-prattika tal-professjoni tagħhom, anke wara li jkunu temmew l-attività tagħhom;
  • imħallfin, prosekuturi u uffiċjali pubbliċi, anke wara li jkunu temmew l-attività tagħhom, fir-rigward ta’ ċirkustanzi kunfidenzjali li jsiru jafu bihom matul il-mandat tagħhom;
  • persuni li permezz tat-tweġibiet tagħhom jesponu lilhom infushom, lill-qraba tagħhom, lill-konjuġi tagħhom, lill-eks-konjuġi eċċ. għal prosekuzzjoni kriminali jew għad-disprezz tal-pubbliku.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-qorti tħarrek lix-xhieda u tiddetermina l-ordni li fiha għandhom jinstemgħu. Qabel jinstema’ ix-xhud jiġi identifikat u mitlub jieħu ġurament. Kull xhud għandu jinstema’ b’mod separat. Ix-xhud l-ewwel iwieġeb il-mistoqsijiet mistoqsija mill-president tal-qorti, u mbagħad bil-permess tal-president, il-mistoqsijiet mistoqsija mill-parti li pproponietu u mill-parti opposta. Xhud li ma jistax jidher quddiem il-qorti jista’ jinstema’ fil-post fejn jinsab.

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tirregola r-reġistrazzjonijiet tas-smigħ jew tal-vidjo tax-xhud, iżda tali reġistrazzjonijiet huma ammissibbli. Dawn u mbagħad jistgħu jiġu traskritti fuq talba ta’ parti interessata li ssir f’konformità mal-liġi.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Jekk parti li tkun issottomettiet dokument tinsisti li tużah anke jekk jiġi allegat li huwa falz u dik l-allegazzjoni ma tkunx ġiet irtirata, u jekk ikun hemm indikazzjoni tal-awtur tal-falsifikazzjoni jew kompliċi, il-qorti tista’ tissospendi l-proċess kriminali u minnufih tgħaddi l-allegat dokument falz lill-uffiċċju tal-prosekutur responsabbli, b’rapport imfassal għal dan il-għan, sabiex din il-falsifikazzjoni tiġi investigata. Meta l-proċedimenti kriminali ma jkunux jistgħu jitressqu jew jitkomplew, l-inkjesta dwar il-falsifikazzjoni titwettaq mill-qorti ċivili nnifisha.

Min-naħa l-oħra, il-qorti timponi multa fuq l-awtur ta’ rikuża li ssir b’mala fede għall-kitba jew l-iffirmar ta’ dokument jew għall-awtentiċità ta’ reġistrazzjoni tas-smigħ jew tal-vidjo.

Fil-valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda, il-qorti tqis is-sinċerità tax-xhieda u ċ-ċirkustanzi li permezz tagħhom saru jafu bil-fatti li jiffurmaw ir-ratione materiae tad-dikjarazzjonijiet tagħhom. Jekk mill-proċedimenti l-qorti tissuspetta li xhud ikun ħa ġurament falz jew ġie mxaħħam, hija tfassal rapport u tirreferi l-materja lill-korp ta’ prosekuzzjoni responsabbli.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Jekk kwalunkwe parti tammetti fatt li l-parti opposta użat bħala raġuni għar-rikors jew għad-difiża tagħha, l-ammissjoni tkun evidenza. L-ammissjoni li ssir fil-qorti hija evidenza sħiħa kontra l-persuna li għamlitha; il-qorti trid tqis l-ammissjoni sħiħa, u ma tistax tissepara partijiet minnha sakemm dawn ma jkunux relatati ma’ fatti separati li ma għandhom l-ebda rabta ma’ xulxin. Ammissjonijiet barra mill-qorti jistgħu jiġu vvalutati liberament mill-qorti. Dawn huma soġġetti għar-rekwiżiti tal-ammissibbiltà u t-teħid ta’ evidenza li jirregolaw evidenza oħra taħt il-liġi ordinarja.

Il-qorti tista’ taqbel li tħarrek lil kwalunkwe parti sabiex tiġi mistoqsija rigward l-azzjonijiet tagħha jekk ikun rilevanti għal deċiżjoni fil-kawża.

Links rilevanti

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.just.ro/

L-aħħar aġġornament: 27/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Slovenja

1 L-oneru tal-provi

Ir-regoli dwar il-ġbir u l-preżentazzjoni tal-provi u l-metodi ta’ kif jinġabru l-provi fi proċedimenti ċivili huma rregolati mill-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku, ZPP).

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Ir-regola ġenerali hija li l-partijiet jridu jiddikjaraw il-fatti sottostanti kollha għat-talbiet u l-oġġezzjonijiet tagħhom, u jippreżentaw provi li juru dawk il-fatti (l-Artikoli 7 u 212 taz-ZPP).

Ir-rikorrenti jridu jippruvaw il-fatti li fuqhom huma bbażati t-talbiet tagħhom, filwaqt li l-konvenuti jridu jippruvaw il-fatti li fuqhom huma bbażati l-oġġezzjonijiet tagħhom. Il-liġi sostantiva tgħidilna liema parti trid tipprova u turi l-fatt. Il-konsegwenzi ta’ fatt mhux pruvat jaqgħu fuq dik il-parti li, skont in-normi tal-liġi sostantiva, trid tistabbilixxi u tipprova dak il-fatt (l-Artikoli 7 u 215 taz-ZPP).

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Il-proċedura ta’ ġbir ta’ provi tkopri l-fatti li fuqhom huma bbażati t-talbiet u l-oġġezzjonijiet, regoli xjentifiki u professjonali, u regoli bbażati fuq l-esperjenza. In-normi ġuridiċi ma għandhomx għalfejn jiġu ppruvati, għaliex ir-regola tagħhom tgħid li l-qorti jrid ikollha għarfien tagħhom ex officio (iura novit curia).

Ma hemmx bżonn li jiġu ppruvati l-fatti li jiġu rikonoxxuti minn parti waqt il-proċeduri quddiem il-qorti. Il-qorti tista’ tordna li jiġu ppruvati fatti rikonoxxuti jekk temmen li parti rrikonoxxiethom sabiex tressaq talba li ma tistax tressaq (l-Artikolu 3(3) taz-ZPP).

Il-fatti li parti ma tiċħadx jew tiċħad mingħajr ma tispjega għalfejn qed tiċħad, jiġu meqjusa rikonoxxuti, sakemm l-iskop taċ-ċaħda ta’ dawk il-fatti jkun ġej mid-dikjarazzjonijiet l-oħra tal-parti. Parti fil-kawża tista’ tevita l-konsegwenzi ta’ din il-preżunzjoni ta’ rikonoxximent billi tiddikjara li ma tafx bil-fatti; madankollu, dan japplika biss għal fatti li mhumiex marbuta mal-imġieba ta’ din il-parti jew perċezzjoni tagħha.

Ma hemmx għalfejn jiġu prodotti provi għal fatti li huma rikonoxxuti u magħrufa ġeneralment (l-Artikolu 214(1,6) taz-ZPP).

Il-qorti tilqa’ fatt rikonoxxut mingħajr ma tivverifika l-veraċità tiegħu (l-Artikolu 214(1) taz-ZPP), sakemm ma taħsibx li l-parti rrikonoxxiet il-fatt bil-ħsieb li tressaq talba li ma tistax tressaq (l-Artikolu 3(3) taz-ZPP).

Il-fatti li tippreżumi l-liġi ma għandomx bżonn jiġu ppruvati; madankollu, wieħed jista’ jgħid li dawn il-fatti ma jeżistux, sakemm il-liġi ma tistabbilixxix mod ieħor (l-Artikolu 214(5) taz-ZPP).

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tat-talba tar-rikorrent, hemm bżonn ta’ livell għoli ta’ verità (provi materjali) pereżempju, il-qorti trid tkun konvinta mill-fatti li huma rilevanti fil-liġi.

F’xi okkażjonijiet huwa biżżejjed li tintwera l-possibiltà biex tingħata deċiżjoni, b’mod partikolari għall-għotja ta’ ċerti deċiżjonijiet provviżorji ta’ proċedura li ma jġibux fi tmiemhom il-proċeduri u li permezz tagħhom il-qorti tiddeċiedi kwistjonijiet provviżorji ta’ proċedura. Biex l-imħallef japplika regola speċifika ta’ proċedura, il-fatti ġuridiċi rilevanti jridu jintwerew li huma possibbli. Madankollu, ma hemmx bżonn li l-imħallef ikun konvint mill-eżistenza tagħhom. Iz-ZPP ma jispjegax dawk il-fatti li jistgħu jintwerew li huma probabbli sabiex tiġi meqjusa norma partikolari.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Skont il-prinċipju stabbilit tal-kontradittorju, huma l-partijiet li jitolbu li jinġabru l-provi.

Il-qorti tista’ tiġbor ukoll provi ex officio (l-Artikolu 7(2) taz-ZPP) jekk tqis li l-partijiet beħsiebhom jagħmlu użu inammissibbli tat-talbiet tagħhom (l-Artikolu 3(3) taz-ZPP).

Il-qorti tiġbor provi ex officio f’tilwim bejn il-ġenituri, fejn mhix marbuta mat-talba u anki jekk għadha ma tressqitx talba; hija tista’ tiġbor provi wkoll anki jekk l-ebda waħda mill-partijiet ma ddikjarat li hemm provi u jekk il-ġbir huwa meħtieġ sabiex jitħarsu l-interessi tat-tfal (l-Artikolu 408 taz-ZPP).

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-qorti tiddeċiedi liema provi għandhom jinġabru sabiex jiġu stabbiliti l-fatti rilevanti (l-Artikolu 213(2) u l-Artikolu 287 taz-ZPP). Il-qorti tagħti deċiżjoni fuq il-provi fejn b’hekk tilqa’ jew tiċħad it-talbiet tal-partijiet, u tista’ tordna wkoll il-ġbir ta’ ċerti provi ex officio.

Jekk it-talba ta’ parti minnhom li tikkonċerna l-provi tintlaqa’ b’deċiżjoni tal-qorti, din tiġi implimentata u l-provi jinġabru. Il-qorti mhix marbuta bid-deċiżjoni tagħha dwar il-provi. Hija tista’ tbiddilha matul il-proċedimenti u tiġbor provi li minħabba fihom kienet ċaħdet talba preċedenti, u tista’ tiġbor ukoll provi ġodda (l-Artikolu 287(4) taz-ZPP).

Il-provi ġeneralment jinġabru waqt is-seduta prinċipali quddiem imħallef, li jagħti d-deċiżjoni finali (l-Artikolu 217(1) taz-ZPP). Jekk hemm raġunijiet validi, il-provi jistgħu jinġabru quddiem imħallef speċifiku maħtur fuq talba speċjali (l-Artikolu 217(1) taz-ZPP). F’każijiet eċċezzjonali, il-provi jistgħu jinġabru wkoll wara li titlesta s-seduta prinċipali, meta l-bord tal-imħallfin jiddeċiedi li s-seduta prinċipali għandha terġa tinfetaħ. Dan iseħħ, fejn meħtieġ, sabiex ikun hemm proċedimenti supplimentari jew biex jiġu kkjarifikati kwistjonijiet importanti speċifiċi (l-Artikolu 292 taz-ZPP).

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Iz-ZPP jispeċifika li l-ġbir tal-provi jista’ jiġi miċħud biss fejn il-provi huma irrilevanti għad-deċiżjoni (l-Artikolu 287 taz-ZPP); pereżempju l-provi ma jistabbilixxux il-fatti ġuridikament rilevanti. Madankollu, iz-ZPP ma għandux dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-possibiltà ta’ ċaħda ta’ provi inammissibbli, jew provi li ma jistgħux jinġiebu b’mod kost-effiċjenti jew b’mod fattibbli.

Parti fil-kawża trid, mhux aktar tard mill-ewwel seduta prinċipali, tiddikjara l-fatti kollha neċessarji biex tappoġġa l-mozzjoni tagħha, tipproduċi l-provi meħtieġa biex tiġi stabbilita l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet tagħha u tistqarr il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet u l-provi prodotti mill-parti l-oħra. Dan ifisser li l-qorti ma tqisx il-provi li l-parti tipproduċi tard wisq. Dan ifisser li l-qorti ma tqisx il-provi li l-parti tipproduċi tard wisq. Din il-parti tiġi ġeneralment projbita minn din il-mozzjoni (l-Artikolu 286 taz-ZPP). L-unika eċċezzjoni hija f’każi fejn il-parti tista’ turi li kienet imxekkla milli tippreżenta l-provi tagħha fl-ewwel seduta minħabba raġunijiet mhux fil-kontroll tagħha jew jekk l-ammissibiltà tal-provi ma kinitx, fl-opinjoni tal-qorti, se tikkawża dewmien fil-kawża (l-Artikolu 286(3) taz-ZPP).

Dwar provi inammissibbli u provi li ma jistgħux jinġiebu b’mod fattibbli, huwa importanti li wieħed iżomm mall-Artikolu 3(3) taz-ZPP, li jgħid li l-qorti ma tirrikonoxxiex il-mozzjonijiet tal-partijiet li jiksru regolamenti vinkolanti jew huma kontra r-regoli tal-morali.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Iz-ZPP jirrikonoxxi l-provi li ġejjin: l-ispezzjonijiet, id-dokumenti, is-smigħ tax-xhieda, is-smigħ ta’ xhieda esperti u l-partijiet.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ix-xhieda: Kull min jiġi mħarrek bħala xhud irid jattendi u, sakemm mhux speċifikat mod ieħor bil-liġi, irid jagħti x-xhieda tiegħu (l-Artikolu 229(1) taz-ZPP). Ix-xhieda jinstemgħu wara talba għal dan tal-parti, li trid tiddikjara fuq xiex se jixhed ix-xhud u tagħti d-dettalji personali tiegħu jew tagħha (l-Artikolu 236 taz-ZPP). Ix-xhieda jiġu mħarrka għas-seduta permezz ta’ taħrika speċjali; din it-taħrika jrid ikun fiha twissija lix-xhieda tal-obbligu li jixhdu, il-konsegwenzi ta’ assenza mhux ġustifikata, u d-dritt ta’ rifużjoni tal-ispejjeż tagħhom (l-Artikolu 237 taz-ZPP).

Ix-xhieda jinstemgħu waqt is-seduta prinċipali. Ix-xhieda li, minħabba raġunijiet ta’ età, mard jew diżabilità fiżika serja, ma jistgħux jikkonformaw mat-taħrika jistgħu jixhdu fir-residenza tagħhom (l-Artikolu 237(2) taz-ZPP). Kull xhud jinstema’ individwalment u mhux fil-preżenza ta’ xhieda oħra li jixhdu warajh (l-Artikolu 238(1) taz-ZPP). Il-qorti twissi lix-xhieda tal-obbligu li jgħidu l-verità u li ma jinsew jgħidu xejn; hija twissihom ukoll tal-konsegwenzi jekk jagħtu xhieda falza. Ix-xhud l-ewwel jgħid x’jaf jew ma jafx dwar il-każ; l-imħallef li jippresjedi l-awla jew il-membri tal-awla, il-partijiet u l-avukati u dawk bil-prokura mbagħad isaqsuhom mistoqsijiet sabiex jagħrblu d-dikjarazzjonijiet tax-xhieda jew biex iżidu magħhom jew biex jiċċarawhom. Jekk ix-xhieda jagħmlu dikjarazzjonijiet inkonsistenti, huma jistgħu jiġu mistoqsija dwar il-fatt (l-Artikolu 239(3) taz-ZPP). Iz-ZPP ma għadux jirrikonoxxi l-ħalfa li jieħdu x-xhieda.

Iz-ZPP ma jagħmilx distinzjoni bejn il-proċedura tas-smigħ ta’ xhieda ordinarji u dawk "esperti", u ma jistabbilixxi l-ebda dispożizzjonijiet ta’ proċedura speċjali f’dan ir-rigward. Ma hemmx differenza bejn il-proċeduri għas-smigħ tax-xhieda u ta’ xhieda esperti.

Dokumenti: Għalkemm iz-ZPP ma għandux klassifika tal-forom differenti ta’ provi, id-dokumenti huma meqjusa l-aktar kredibbli. Dawn jistgħu jinqasmu f’dokumenti pubbliċi u dokumenti privati. Id-dokumenti pubbliċi huma dawk maħruġa f’formola stabbilita minn qabel minn korp tal-Istat li jaġixxi fil-kompetenza tiegħu jew dokumenti maħruġa f’formola apposta minn komunità lokali awto-governattiva, kumpanija jew organizzazzjoni oħra jew individwu fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mogħtija lilhom bil-liġi (l-Artikolu 224(1) taz-ZPP). Id-dokumenti privati huma d-dokumenti kollha li mhumiex pubbliċi. F’dokument privat, firma tista’ tiġi awtentikata minn korp tal-Istat awtorizzat jew minn persuna fiżika jew ġuridika li għandha awtorità pubblika (pereżempju nutar pubbliku). Dawn il-klawżoli awtentifikati f’dokumenti privati għandhom importanza pubblika, u dik il-parti tad-dokument tista’ tiġi meqjusa wkoll bħala dokument pubbliku. Il-valur probatorju ta’ dokumenti pubbliċi huwa mfisser separatament fiz-ZPP. Dokument pubbliku huwa l-prova tal-fatti kkonfermati jew speċifikati fih (l-Artikolu 224(1) taz-ZPP). Filwaqt li z-ZPP jibda mill-preżunzjoni li l-kontenut ta’ dokument pubbliku huwa veru minnu, jista’ jiġi pruvat li l-fatti ġew imniżżla b’mod skorrett f’dokument pubbliku jew li d-dokument pubbliku ġie mfassal b’mod skorrett (l-Artikolu 224(4) taz-ZPP). Din hija l-unika regola dwar il-provi fil-proċedura ċivili Slovena.

Id-dokumenti pubbliċi barranin awtentikati skont regolamenti rilevanti għandhom l-istess valur probatorju bħad-dokumenti Sloveni, sakemm jiġu applikati l-arranġamenti ta’ reċiproċità, sakemm ftehim internazzjonali ma jistabbilixxix xort’oħra (l-Artikolu 225 taz-ZPP).

Iz-ZPP jistabbilixxi wkoll regoli dwar in-notifika tad-dokumenti (l-obbligu tan-notifika tad-dokumenti), li jiddependi fuq jekk dokument huwiex għand il-parti li qed tirreferi għalih, għand il-parti l-oħra, għand il-korp tal-Istat jew l-organizzazzjoni li teżerċità awtorità pubblika, jew ma’ terza peruna (persuna fiżika jew ġuridika).

Xhieda esperti: Il-qorti tisma’ x-xhieda mingħand xhud espert meta jkun meħtieġ għarfien tekniku biex jiġi stabbilit jew iċċarat fatt u dan l-għarfien mhux disponibbli lill-qorti (l-Artikolu 243 taz-ZPP). Il-qorti ċivili taħtar xhud espert b’deċiżjoni speċjali, u tista’ tagħti lill-partijiet iċ-ċans li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom fuq il-kwistjoni qabel il-ħatra. Xhud espert jista’ jiġi maħtur ukoll mill-imħallef li jippresjedi l-awla jew minn imħallef maħtur għal tal-apposta, jekk jistgħu jisimgħu din ix-xhieda (l-Artikolu 244 taz-ZPP). Ix-xhieda esperti ġeneralment jinħatru minn lista speċjali ta’ xhieda maħtura mill-qorti; dan id-dmir jista’ jiġi afdat ukoll lil istituzzjoni speċjalizzata. Persuni fiżiċi biss jistgħu jkunu xhieda esperti. Ix-xhieda esperti jridu jaċċettaw id-dmirijiet tagħhom u jippreżentaw il-konklużjonijiet u l-opinjoni tagħhom (l-Artikolu 246(1) taz-ZPP). Il-qorti tista’ twaħħal multa fuq xhud espert li ġie mħarrek skont il-proċedura u naqas milli jattendi mingħajr ġustifikazzjoni; xhud espert li ma jaċċettax li jwettaq dmiru mingħajr raġuni valida; xhud espert li jonqos milli jinnotifika lill-qorti immedjatament bir-raġunijiet li ma ħallewhx jaqdi dmirijietu (fil-ħin); u xhud espert li, mingħajr ma jagħti raġuni valida, jonqos milli jwettaq ix-xogħol espert tiegħu fil-ħin kif stabbilit mill-qorti (l-Artikolu 248(1) taz-ZPP). Ix-xhieda esperti jistgħu jinħelsu mid-dmirijiet tagħhom mill-qorti, wara talba tagħhom stess, u biss għar-raġunijiet li jistgħu jagħtu biex jirrifjutaw li jixhdu jew iwieġbu mistoqsija individwali. Il-qorti tista’ teħles lix-xhieda esperti mid-dmirijiet tagħhom, wara talba tagħhom stess, għal raġunijiet iġġustifikati oħra (pereżempju minħabba l-ammont ta’ xogħol li għandhom pendenti). Eżenzjoni għal din ir-raġuni tista’ tintalab ukoll minn impjegat awtorizzat tal-korp jew l-organizzazzjoni li magħha jaħdem ix-xhud espert (l-Artikolu 246(2) u (3) taz-ZPP). Xhud espert jista’ jiġi skwalifikat ukoll bl-istess mod bħal imħallef; l-unika eċċezzjoni f’dan il-każ hija meta xi ħadd li diġa kien instema’ bħala xhud jista’ joqgħod bħala xhud espert (l-Artikolu 247(1) taz-ZPP).

Ix-xogħol ta’ xhud espert jinvolvi sejbiet u l-opinjoni tiegħu. Il-qorti tiddeċiedi wkoll jekk xhud espert għandux jippreżenta s-sejbiet u l-opinjoni tiegħu biss oralment waqt is-seduta jew għandux jippreżentahom ukoll bil-miktub qabel is-seduta. Il-qorti tiffissa wkoll iż-żmien li fih ix-xhud espert irid jippreżenta s-sejbiet u l-opinjoni tiegħu. Jekk jiġi maħtur aktar minn xhud espert wieħed, dawn ix-xhieda jistgħu jippreżentaw is-sejbiet u l-opinjonijiet tagħhom flimkien, jekk ikun hemm qbil dwarhom. Jekk ma jaqblux, kull xhud espert jippreżenta s-sejbiet tiegħu separatament (l-Artikolu 254 taz-ZPP). Jekk joħorġu differenzi fundamentali bejn l-informazzjoni mogħtija minn xhieda esperti jew jekk is-sejbiet ta’ wieħed jew aktar xhieda esperti mhumiex ċari, mhux kompluti jew jikkontradixxu lilhom infushom, u dawn l-anomaliji ma jiġux korretti permezz ta’ seduta ta’ smigħ mill-ġdid tax-xhieda esperti, il-provi jerġgħu jinġabru mill-istess xhieda esperti jew oħrajn (l-Artikolu 254(2) taz-ZPP). Madankollu, jekk hemm kuntradizzjonijiet fl-opinjoni ta’ wieħed jew aktar xhieda esperti jew jekk l-opinjoni tagħhom fiha anomaliji jew jekk hemm dubju raġonevoli dwar il-korrettezza tal-opinjoni mogħtija, jiġu mitluba l-opinjonijiet ta’ xhieda esperti oħra (l-Artikolu 254(3) taz-ZPP). Ix-xhieda esperti għandhom dritt ta’ rimbors tal-ispejjeż tagħhom u d-dritt għal ħlas għax-xigħol tagħhom (l-Artikolu 249(1) taz-ZPP).

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-prinċipju applikat fl-eżami tal-provi huwa dak tal-eżami ħielsa tal-provi. Il-qorti, skont il-fehmiet propja tagħha, tiddeċiedi liema fatti hija tqis li ġew ippruvati, skont evalwazzjoni sħiħa u meqjusa ta’ kull prova separatament u tal-provi kollha f’daqqa, u dwar is-suċċess tal-proċedimenti b’mod ġenerali (l-Artikolu 8 taz-ZPP). Fil-proċedura ċivili Slovena għalhekk ma hemmx "regoli dwar il-provi", fejn il-leġiżlatur jistabbilixxi bil-quddiem b’mod astratt il-valur ta’ tipi speċifiċi ta’ provi. L-unika eċċezzjoni hija r-regola dwar il-valutazzjoni tad-dokumenti pubbliċi (ara l-punt 2.5).

Madankollu fil-prattika r-regola applikata hija li l-provi f’forma ta’ dokumenti, pereżempju, huma aktar kredibbli (iżda mhux aktar b’saħħithom) minn provi oħra, bħal pereżempju x-xhieda tax-xhieda jew tal-partijiet.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Iz-ZPP ma għandux dispożizzjonijiet dwar jekk ċerti oġġetti jew forom ta’ provi humiex obbligatorji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ċerti fatti.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Iva. Kull min jiġi mħarrek bħala xhud irid jattendi u, sakemm mhux speċifikat mod ieħor bil-liġi, irid jixhed (l-Artikolu 229(1) taz-ZPP).

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Persuna ma tistax tinstema’ bħala xhud jekk ix-xhieda tagħha tikser xi obbligu ta’ sigriet uffiċjali jew militari, sakemm l-awtorità kompetenti ma tagħtix il-permess tagħha biex tinħeles minn dan l-obbligu (l-Artikolu 230 taz-ZPP).

L-imħallef li jippresjedi l-awla jista’ b’mod eċċezzjonali jippermetti s-smigħ ta’ xhud li jikxef sigriet uffiċjali jew militari, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-iżvelar ta’ informazzjoni sigrieta waqt proċedimenti ġudizzjarji (skont l-importanza tal-informazzjoni u l-kontenut tad-dokumenti għall-proċedimenti; in-natura u s-sensittività tal-informazzjoni klassifikata; l-importanza u l-piż tad-drittijiet materjali kkonċernati; u jekk l-iżvelar tal-informazzjoni kklassifikata tikkompromettix il-funzjonament ta’ korp jew is-sigurtà nazzjonali).

Ix-xhieda jistgħu jirrifjutaw li jixhdu (l-Artikolu 231 taz-ZPP):

  • dwar kwistjonijiet li dwarhom fdathom persuna bħala r-rappreżentant awtorizzat tagħha;
  • dwar kwistjonijiet li l-persuna kkonċernata jew persuna oħra tkun stqarret magħhom bħala konfessur reliġjuż;
  • dwar fatti li huma skoprew bħala avukat jew tabib jew fl-eżerċizzju ta’ kull professjoni oħra jew xi attività oħra fejn huma marbuta bl-obbligu tas-sigriet professjonali dwar fatti li skoprew fl-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni jew attività.

Ix-xhieda jistgħu jirrifjutaw li jwieġbu mistoqsijiet individwali jekk ikollhom raġuni tajba, partikolarment jekk, bit-tweġiba, jikkawżaw diżunur serju, ħsara finanzjarja sinifikanti jew prosekuzzjoni kriminali fuqhom infushom jew lil qraba b’affinità fil-linja diretta f’kull grad, jew lil qraba miż-żwieġ sat-tielet grad, jew jekk jikkawżaw diżunur serju, ħsara finanzjarja sinifikanti jew prosekuzzjoni kriminali lill-konjuġi tagħhom jew qraba biż-żwieġ sa u inkluż it-tieni grad (anki jekk iż-żwieġ diġà inħall), jew lit-tutur tagħhom jew minuri, jew lill-ġenituri adottivi tagħhom jew tfal adottati (l-Artikolu 233(1) taz-ZPP).

Madankollu r-riskju ta’ ħsara finanzjarja ma jistax jintuża minn xhud bħala raġuni sabiex jirrifjuta li jixhed dwar tranżazzjonijiet legali li għalihom kien preżenti bħala xhud imħarrek, dwar kawżi li fihom kellu l-irwol, b’rabta ma’ tilwima, ta’ predeċessur legali jew rappreżentant ta’ xi waħda mill-partijiet, dwar fatti marbuta mal-proprjetà fil-familja jew miż-żwieġ, dwar fatti marbuta mat-twelid, żwieġ jew mewt, jew kull fejn, skont regolamenti speċjali, huma obbligati jressqu rikors jew jagħmlu dikarazzjoni (l-Artikolu 234 taz-ZPP). Xhud ma jistax jirrifjuta li jixhed ukoll minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ xi sigriet tan-negozju, jekk l-iżvelar ta’ ċerti fatti huwa meħtieġ sabiex minnu jgawdi l-pubbliku jew persuna oħra, sakemm dak il-benefiċċju jkun akbar mill-ħsara kkawżata mill-iżvelar ta’ dak is-sigriet (l-Artikolu 232 taz-ZPP).

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Iva. Jekk xhud li ġie mħarrek quddiem il-qorti skont il-proċedura jonqos li jidher u dan in-nuqqas mhux ġustifikat, jew jekk jitilqu minn fejn kellhom jixhdu mingħajr permess, il-qorti tista’ tordna li jinġiebu b’arrest, bi spejjeż tagħhom, u tista’ timponi wkoll multa sa massimu ta’ EUR 1 300). Il-qorti tista’ timponi din il-multa wkoll fuq xhud li jitla l-qorti iżda li, wara li jkun ġie mwissi bil-konsegwenzi, jirrifjuta li jixhed jew li jwieġeb mistoqsijiet speċifiċi għal raġunijiet li l-qorti tqis mhux ġustifikati. F’dan il-każ, il-qorti tista’, jekk ix-xhud ikun għadu qed jirrifjuta li jixhed, tibgħatu l-ħabs sakemm ikun lest biex jixhed, jew sakemm ma jkunx hemm bżonn li jinstema’, iżda għal perjodu ta’ mhux aktar minn xahar (l-Artikolu 241(1,2) taz-ZPP).

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Xhud jista’ jkun kull persuna li hija kapaċi tagħti informazzjoni dwar il-fatti li jridu jiġu ppruvati (l-Artikolu 229(2) taz-ZPP). L-eliġibbiltà biex wieħed ikun xhud ma tiddependix fuq il-kapaċità ġuridika. Minuri jew persuna li ġew iddikjarati parzjalment jew totalment interdetti jistgħu jkunu xhieda jekk huma kapaċi jagħtu informazzjoni dwar il-fatti ġuridikament rilevanti. Il-kwistjoni dwar jekk xhud huwiex kapaċi jixhed tiġi evalwata mill-qorti fuq bażi individwali.

Kull waħda mill-partijiet fil-kawża jew ir-rappreżentant legali tagħha ma jistgħux ikunu xhieda; madankollu, rappreżentant ordinarju (pooblaščenec) jew intervenut fil-kawża (stranski intervenient) jistgħu jkunu xhud.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Fir-rigward tas-smigħ tax-xhieda, ara r-risposta aktar ‘il fuq.

Is-sistema ta’ vidjokonferenza hija regolata mill-Artikolu 114a taz-ZPP, li jgħid li qorti tista’, bil-kunsens tal-partijiet, tippermetti li l-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom ikun f’post ieħor waqt is-smigħ u jmexxu atti proċedurali hemmhekk jekk ikun hemm trażmissjoni awdjo u tal-vidjow mill-post fejn tkun qed issir is-seduta lejn il-post fejn ikunu preżenti l-partijiet u/jew ir-rappreżentanti tagħhom. L-istess kundizzjonijiet japplikaw għal ġbir ta’ provi permezz ta’ spezzjonijiet, dokumenti, ix-xhieda mill-partijiet, ix-xhieda u x-xhieda esperti.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

B’mod ġenerali, il-provi miksuba illegalment (pereżempju permezz ta’ interċettazzjonijiet telefoniki illegali) ma jistgħux jintużaw fi proċedimenti ċivili. Madankollu, il-ġurisprudenza eċċezzjonalment tippermetti l-użu ta’ dawn il-provi jekk hemm raġunijiet sodi biex isir hekk jew jekk il-ġbir tal-provi għandu importanza speċjali għall-implimentazzjoni ta’ dritt protett mill-Kostituzzjoni. F’dan il-każ, minbarra li xi provi jista’ jkun inġiebu illegalment, ir-rwol deċiziv huwa dwar jekk il-provi prodotti f’proċedimenti ċivili jistgħux iwasslu għal ksur mill-ġdid tad-drittijiet tal-bniedem.

Dwar provi inammissibbli u provi li ma jistgħux jinġiebu b’mod fattibbli, l-Artikolu 3(3) taz-ZPP jgħid li l-qorti ma tirrikonoxxiex il-mozzjonijiet tal-partijiet li jiksru regolamenti vinkolanti jew huma kontra r-regoli tal-morali.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Jekk dikjarazzjoni tifforma parti minn kawża jew xi forma ta’ rikors, ma tgħoddx bħala prova, iżda jkollha l-istatus ta’ stqarrija reali minn dik il-parti, li għaliha jkollha tipproduċi provi xierqa. Jekk id-dikjarazzjoni qiegħda f’dokument sottomess bħala prova tal-istqarrijiet tal-parti, dik id-dikjarazzjoni jkollha l-istatus ta’ dokument.

Dikjarazzjoni mogħtija minn parti waqt is-seduta ta’ smigħ tgħodd ukoll bħala prova, għaliex iz-ZPP jirrikonoxxi wkoll is-smigħ tal-partijiet bħala provi (l-Artikolu 257 taz-ZPP).

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.pisrs.si/Pis.web/

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.uradni-list.si/

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.dz-rs.si/wps/portal/Home/deloDZ/zakonodaja/preciscenaBesedilaZakonov

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.sodisce.si/

L-aħħar aġġornament: 10/01/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Slovakkja

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Ir-regola li biha l-qorti tikkumpila l-evidenza matul is-seduti hija bbażata fuq l-Artikolu 48(2) tal-Kostituzzjoni.

Fejn xieraq, qorti differenti tista’ tintalab tikkumpila l-evidenza jew l-evidenza tista’ tiġi kkumpilata barra mis-smigħ. Il-qorti normalment tinnotifika lill-partijiet għall-proċedimenti tal-kumpilazzjoni ta’ evidenza, barra mis-smigħ, ħamest ijiem bil-quddiem. Il-partijiet għall-proċedimenti għandhom id-dritt jattendu tali teħid ta’ evidenza.

Il-partijiet huma mitluba jindikaw l-evidenza biex jagħtu prova tal-pretensjonijiet tagħhom. Il-qorti tiddeċiedi liema mill-biċċiet ta’ evidenza indikati se tikkumpila.

Il-qorti tista', b’mod eċċezzjonali, tikkumpila evidenza li ma tkunx l-evidenza proposta mill-partijiet jekk ikun meħtieġ biex tiddeċiedi fil-kawża.

Il-qorti tista’ tiddeċiedi li l-evidenza meħuda tiġi ssupplimentata jew ripetuta quddiemha.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Eċċezzjoni għall-kumpilazzjoni ta’ evidenza matul seduta hija meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għat-teħid ta’ deċiżjoni mingħajr smigħ orali. Dan ma jfissirx li f’każijiet bħal dawn, l-evidenza ma tiġix ikkumpilata, iżda pjuttost li l-evidenza tiġi kkumpilata barra minflok matul is-smigħ. Il-kumpilazzjoni ta’ evidenza hija simili b’mod kwalitattiv għall-wiri ta’ pretensjoni.

Dawn l-eċċezzjonijiet jinkludu dawn li ġejjin:

  • is-smigħ ta’ kawża fuq il-merti meta tkun involuta valutazzjoni legali sempliċi tal-materja;
  • il-fatti li jsostnu l-partijiet ma jiġux ikkontestati u l-valur tad-disputa, mingħajr inċidentali, ma jaqbiżx l-EUR 2 000;
  • abbażi tal-kunsens tal-partijiet; jekk tinħareġ ordni ta’ ħlas, sentenza mogħtija b’kontumaċja jew sentenza għar-rikonoxximent, u meta pretensjoni tiġi rrinunzjata.

Barra minn hekk, smigħ ma hemmx għalfejn jiġi ordnat fi proċedimenti dwar reviżjoni in abstracto f’każijiet tal-konsumaturi, meta tingħata sentenza mogħtija b’kontumaċja favur konsumatur, f’tilwim kontra d-diskriminazzjoni dejjem jekk il-pretendent jagħti l-kunsens tiegħu, f’tilwim tax-xogħol individwali, u fil-każ ta’ mozzjonijiet għall-ordni ta’ miżura urġenti.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Fil-prinċipju, meta tevalwa l-evidenza, il-qorti mhijiex ristretta mil-leġiżlazzoni dwar kif jenħtieġ li tevalwa biċċa ta’ evidenza partikolari f’termini ta’ veraċità. Għalhekk, jiġi applikat il-prinċipju tal-evalwazzjoni diskrezzjonali tal-evidenza. Huwa biss rarament li l-liġi timponi ċerti restrizzjonijiet fuq il-qorti fl-evalwazzjoni tal-evidenza; pereżempju, il-qorti trid taċċetta bħala pprovat kwalunkwe fatt li għalih il-liġi fiha suppożizzjoni konfutabbli, sakemm fil-proċedimenti ma tingħatax prova mod ieħor l-Artikolu 133 tal-Kodiċi Ċivili.

Il-qorti hija marbuta bid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija marbuta wkoll bid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali dwar jekk biċċa leġiżlazzjoni partikolari hijiex jew mhijiex f’kunflitt mal-Kostituzzjoni, liġi, jew trattat internazzjonali li huwa vinkolanti fuq ir-Repubblika Slovakka. Il-qorti hija wkoll marbuta bid-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward id-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem. Barra minn hekk, il-qorti hija marbuta bid-deċiżjonijiet minn korpi kompetenti li jkun twettaq reat kriminali jew reat minuri jew reat amministrattiv ieħor punibbli skont regolamenti speċifiċi; madankollu, il-qorti mhijiex marbuta b’deċiżjonijiet ta’ multa fuq il-post.

Barra minn hekk, il-qorti tista’ teżamina kwistjonijiet fil-kompetenza tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorità oħra. Jekk, madankollu, l-awtorità kompetenti tieħu deċiżjoni dwar tali kwistjoni, il-qorti tqis dik id-deċiżjoni u tinkorporaha fir-raġunijiet għas-sentenza tagħha (rispett għal deċiżjonijiet preċedenti).

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-partijiet tal-proċedimenti huma mitluba jindikaw l-evidenza biex jagħtu prova tal-pretensjonijiet tagħhom. Il-qorti tiddeċiedi liema mill-biċċiet ta’ evidenza indikati se tikkumpila. Il-qorti tista’ tikkumpila wkoll evidenza fuq inizjattiva tagħha stess fil-każ ta’ evidenza bbażata fuq reġistri u listi pubbliċi jekk tali reġistri u listi jindikaw li l-fatti li jsostnu l-partijiet ma jaqblux mar-realtà; il-qorti ma tieħu l-ebda evidenza oħra fuq inizjattiva tagħha stess.

Fuq inizjattiva tagħha, il-qorti tista’ tikkumpila evidenza biex tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet proċedurali jkunux ġew issodisfati jew jekk id-deċiżjoni proposta hijiex se tkun infurzabbli, u biex issir familjari mal-liġi barranija rilevanti.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-qorti tikkumpila evidenza matul is-smigħ, sakemm il-kundizzjonijiet għat-teħid ta’ deċiżjoni mingħajr smigħ orali ma jkunux ġew issodisfati.

Il-partijiet għandhom id-dritt li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar mozzjonijiet għall-evidenza u dwar kwalunkwe evidenza kkumpilata.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tevalwa l-evidenza skont id-diskrezzjoni tagħha, filwaqt li tieħu kull biċċa evidenza individwalment u kull biċċa evidenza fir-rigward tal-oħrajn, filwaqt li tqis bir-reqqa kwalunkwe materja li tkun ġiet żvelata fil-proċedimenti. L-affidabbiltà ta’ kull biċċa evidenza meħuda tista’ tiġi kkontestata sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.

Ċertu limitu fuq l-evalwazzjoni diskrezzjonali tal-evidenza japplika għall-qorti tal-appell u l-qorti li tittratta appelli dwar punti tal-liġi, meta l-qorti tal-appell mhijiex marbuta bil-fatti tal-kawża kif stabbilit mill-qorti ta’ prim’istanza. Għalhekk tista’ tasal għal konklużjoni differenti fir-rigward tal-fatti. Madanakollu, ma tistax titbiegħed mill-evalwazzjoni tal-evidenza speċifika kkumpilata mill-qorti tal-prim’istanza. Hija tista’ tevalwa biss evidenza kkumpilata mill-qorti tal-prim’istanza b’mod differenti jekk tirrepeti dik l-evidenza. Madankollu, b’kuntrast għall-qorti tal-prim’istanza, hija tista’ tevalwa b’mod differenti l-evidenza kkumpilata minn qorti inferjuri permezz ta’ qorti mitluba.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Kull ħaġa li tista’ tikkontribwixxi għall-kjarifika xierqa tal-materja u li tkun inkisbet b’mod legali mill-mezzi ta’ provi tista’ sservi ta’ evidenza. Mezzi ta’ provi jinkludu eżami tal-partijiet u tax-xhieda, dokumenti, perizji, xhieda esperti, u spezzjonijiet. Jekk il-mod ta’ kumpilazzjoni ta’ evidenza ma jkunx preskritt, dan jiġi speċifikat mill-qorti.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Xhud huwa persuna li hija distinta mill-qorti u mill-partijiet fil-proċedimenti li jixhed dwar il-fatti li jkun ipperċepixxa permezz tas-sensi tiegħu. Il-persuni fiżiċi biss jistgħu jkunu xhieda.

F’materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-esperti tal-qrati ċivili, spiss ikunu meħtieġa perizji dwar il-fatti li jservu bħala l-bażi fattwali għal deċiżjonijiet dwar il-merti tal-kawża. Meta t-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-merti ta’ kawża jkun jiddependi fuq valutazzjoni tal-fatti li għaliha jkun meħtieġ għarfien espert, il-qorti taħtar xhud espert. F’tali każ, il-qorti tista’ taħtar xhud espert anke jekk l-imħallef ikollu għarfien espert li jippermettilu jivvaluta r-ratione materiae tal-proċedimenti b’mod espert. Dan l-għarfien ma jistax jieħu post l-istabbiliment oġġettiv tal-fatti minn parti lil hinn mill-korp li jiddeċiedi dwarhom.

Il-kompitu bażiku tal-qorti huwa li tifformula l-mistoqsijiet għax-xhud espert b’mod korrett. Il-qorti hija mitluba tistaqsi lix-xhud espert mistoqsijiet dwar il-fatti biss, u tevita mistoqsijiet relatati mal-valutazzjoni legali tar-ratione materiae tal-perizja.

Il-perizja tal-qorti tista’ tiġi riveduta minn xhud espert ieħor, jew minn istituzzjoni xjentifika jew istituzzjoni oħra. Ir-ratione materiae ta’ tali opinjoni oħra hija reviżjoni tal-opinjoni sottomessa aktar kmieni. Din xi drabi tissejjaħ opinjoni ta’ reviżjoni. Il-qorti teżamina l-perizji bħal kwalunkwe evidenza oħra.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-qorti tevalwa l-biċċiet individwali ta’ evidenza f’termini tal-affidabbiltà u l-veraċità tagħhom. Il-qorti mhi limitata bl-ebda leġiżlazzjoni dwar kif jenħtieġ li tevalwa kwalunkwe biċċa evidenza – dan huwa l-prinċipju tal-evalwazzjoni diskrezzjonali tal-evidenza. Minkejja dan, il-kunsiderazzjonijiet tal-evalwazzjoni tal-qorti mhumiex arbitrarji; il-qorti trid tqis dak kollu li ġie żvelat fil-proċedimenti. Jenħtieġ li l-qorti tirrispetta dawk il-fatti u trid tiddetermina b’mod korrett kif jirrelataw ma’ xulxin. Fl-istess ħin, il-qorti mhi marbuta bl-ebda ordni ta’ prijorità f’termini tal-importanza u l-forza probattiva ta’ biċċiet ta’ evidenza individwali.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

F’materji fejn il-proċedimenti jistgħu jibdew mingħajr mozzjoni u wkoll fi proċedimenti dwar il-permess għaż-żwieġ, dwar id-determinazzjoni u ċ-ċaħda tal-paternità, dwar l-adottabbiltà u dwar l-adozzjoni, u f’materji tar-reġistru kummerċjali, il-qorti hija mitluba tikkumpila evidenza addizzjonali meħtieġa għall-istabbiliment tal-fatti anke jekk il-partijiet ma pproponewx tali evidenza.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Kull persuna fiżika li tiġi mħarrka hija obbligata tidher il-qorti u tixhed bħala xhud – it-Taqsima 126(2) tar-Regoli ta’ Proċedura Ċivili Kontenzjuża. Hija jeħtiġilha tgħid il-verità u ma taħbi xejn. Il-qorti trid tgħarraf lix-xhud tal-liġi kriminali bil-konsegwenzi ta’ għoti ta’ xhieda falza u bid-dritt tiegħu li jirrifjuta milli jagħti evidenza.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Ix-xhieda jistgħu jirrifjutaw jagħtu evidenza biss meta din tista’ tinkrimina lilhom jew lil persuni li jiġu minnhom. Il-qorti tiddeċiedi dwar jekk ir-rifjut li tixhed huwiex leġittimu. Ix-xhieda jistgħu jirrifjutaw ukoll li jagħtu evidenza jekk ix-xhieda tagħhom tikser is-siġill tal-konfessjonarju jew il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mgħoddija lilhom bħala persuni fdati b’kura pastorali, bil-fomm jew bil-miktub, bil-kundizzjoni tal-kunfidenzjalità.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Il-qorti tiddeċiedi dwar il-leġittimità tar-rifjut li tixhed. Appelli kontra d-deċiżjoni tal-qorti mhumiex ammissibbli. Jekk, minkejja d-deċiżjoni tal-qorti, ix-xhud jirrifjuta li jagħti evidenza, il-qorti tista’ timponi multa proċedurali fuqu.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Il-qrati dejjem iridu jisimgħu lir-rappreżentant statutorju ta’ organizzazzjoni li tkun parti mill-proċedimenti ċivili bħala parti għal tali proċedimenti u mhux bħala xhud (Taqsima 185 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Kontenzjuża).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Qabel teżamina x-xhieda, il-qorti trid tistabbilixxi l-identità tagħhom u r-relazzjonijiet tagħhom mal-partijiet. Barra minn hekk, ix-xhieda jridu jiġu infurmati bl-importanza tax-xhieda tagħhom, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, il-konsegwenzi kriminali tal-għoti ta’ xhieda falza, u l-intitolament tagħhom għal multi tax-xhieda.

Il-qorti tistieden lix-xhieda biex, b’mod koerenti, jiddeskrivu dak kollu li jafu dwar ir-ratione materiae tal-eżami. Il-qorti mbagħad tistaqsi mistoqsijiet lix-xhieda li jkunu meħtieġa biex tiġi ssupplimentata u ċċarata x-xhieda tagħhom.

Ix-xhieda ma jistgħux jiġu mistoqsijin mistoqsijiet tendenzjużi jew suġġestivi. Jekk il-partijiet għall-proċedimenti jew ix-xhieda esperti jiġu mistoqsija mistoqsijiet bħal dawn jew kwalunkwe mistoqsija relatata mal-valutazzjoni legali tal-kawża, l-imħallef li jippresjiedi jqis il-mistoqsijiet inammissibbli. L-imħallef li jippresjiedi jiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà tal-mistoqsijiet f’ordni li ma tiġix notifikata u li kontrih ma jista’ jiġi ppreżentat l-ebda appell. L-ordni tifforma biss parti mit-traskrizzjoni tas-smigħ.

Skont il-kunsens tal-partijiet għall-proċedimenti, il-qorti tista’ torganizza smigħ orali permezz ta’ vidjokonferenza jew faċilitajiet tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni oħra.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Jenħtieġ li jiġi mtenni li l-qorti mhijiex limitata mil-leġiżlazzjoni dwar kif jenħtieġ li tevalwa kwalunkwe biċċa evidenza partikolari – dan huwa l-prinċipju tal-evalwazzjoni diskrezzjonali tal-evidenza skont it-Taqsima 191 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Kontenzjuża.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Il-qorti tivvaluta l-atti mill-partijiet u l-avukati tagħhom u persuni oħrajn involuti fil-proċedimenti strettament f’termini tal-kontenut tagħhom minflok abbażi ta’ kif dawn il-persuni indikawhom. L-atti mill-partijiet huma regolati mill-prinċipju tal-informalità. Fil-prinċipju, il-partijiet għandhom diskrezzjoni f'li jagħmlu atti proċedurali: kemm jekk jissottomettuhom bil-miktub jew bħala dikjarazzjoni orali mdaħħla bħala referenza, ix-xhieda tagħhom għandha l-istess effetti legali, iżda trid tiġi ddikjarata b’mod espliċitu jew b’mod li ma jagħtix lok għal dubju dwar l-intenzjoni proprja tagħhom.

L-aħħar aġġornament: 26/09/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Finlandja

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Ir-rikorrent irid jagħti prova tal-fatti li jsostnu l-pretensjoni tiegħu, filwaqt li l-intimat iġorr il-piż tal-prova li tiddefendih minnha. Jekk parti tonqos milli tippreżenta l-evidenza tirriskja li l-fatti li din tkun iddikjarat fil-pretensjoni, jitqiesu li ma ġewx ippruvati.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Il-fatti ammessi ma għandhomx għalfejn jiġu ppruvati. Barra minn hekk, fatti rikonoxxuti b'mod ġenerali, jew fatti magħrufa ex officio mill-qorti, ma għandhomx għalfejn jiġu ppruvati. Naturalment tista' tiġi ppreżentata evidenza li tikkuntradixxi dawn il-fatti.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

F'dan ir-rigward, il-liġi sempliċiment tinkludi dispożizzjoni li tgħid li l-qorti, wara li tkun qieset il-fatti kollha ppreżentati, trid tiddeċiedi x'għandu jitqies bħala l-verità fil-kawża. Il-Finlandja tapplika l-prinċipju ta' "evalwazzjoni libera ta' evidenza", u għalhekk l-importanti huwa li titressaq evidenza rilevanti quddiem il-qorti.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Fil-prattika, il-partijiet interessati jridu jiksbu l-evidenza li jixtiequ jibbażaw fuqha huma stess. Il-liġi tippermetti wkoll lill-qorti tikseb elementi ta' evidenza fuq l-inizjattiva tagħha stess. Madankollu, il-qorti ma tistax tordna li jiġi interrogat xhud ġdid jew li jiġi ppreżentat xi dokument, fuq l-inizjattiva tagħha stess u kontra r-rieda taż-żewġ partijiet interessati jekk il-każ inkwistjoni jkun jista' jwassal għal soluzzjoni ekstraġudizzjarja.

F'ċerti każijiet, bħal fil-kawżi ta' paternità, il-qorti hija fid-dmir ukoll li tiżgura li tinkiseb l-evidenza kollha meħtieġa.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Is-smigħ tal-evidenza jsir fis-seduta ewlenija.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tista' tiċħad talba bħal din jekk, pereżempju, l-evidenza tkun irrilevanti jew jekk il-kawża tkun diġà ssolviet fir-rigward ta' dak il-punt partikolari. Talba biex tinkiseb l-evidenza tista' tiġi miċħuda wkoll jekk il-parti tkun ippreżentatha tard wisq.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-mezzi ta' prova differenti jinkludu s-smigħ tal-partijiet interessati, tax-xhieda u tal-esperti, il-preżentata tal-evidenza miktuba u tar-rapporti tal-esperti, kif ukoll l-eżaminazzjoni.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ma hemm l-ebda differenza bejn l-evalwazzjoni tax-xhieda orali ta' xhud jew ta' espert u dik ta' rapport miktub minn espert. Madankollu, il-qrati ma jaċċettawx li x-xhieda jippreżentaw dikjarazzjonijiet bil-miktub.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Le. Il-qorti tgawdi minn setgħa diskrezzjonali libera fl-evalwazzjoni tal-evidenza.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Le.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Bħala regola ġenerali, ix-xhieda ma jistgħux jirrifjutaw li jixhdu.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Pereżempju, il-konjuġi, l-għarus(a) u l-axxendenti u d-dixxendenti ta' parti interessata, ħutha u l-konjuġi tagħhom kif ukoll il-ġenituri adottivi jew it-tfal adottati tagħha għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jixhdu. Barra minn hekk, il-liġi tinkludi diversi sitwazzjonijiet oħra fejn ix-xhieda jkollhom id-dritt jew l-obbligu li jirrifjutaw li jixhdu.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Ix-xhud li jirrifjuta li jixhed mingħajr l-ebda raġuni leċita, jista' jintalab jissodisfa l-obbligu tiegħu b'theddida ta' multa. Jekk ix-xhud jibqa' jippersisti li ma jridx jixhed, il-qorti tista' tordna li jiġi arrestat sakemm dan jaċċetta li jixhed.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Fid-diskrezzjoni tagħha l-qorti tista' tiddeċiedi (pereżempju) jekk minorenni ta' inqas minn 15-il sena jew persuni bi problemi psikoloġiċi għandhomx jinstemgħu bħala xhieda.

Ċerti kategoriji ta' persuni, bħat-tobba u l-avukati, ma jistgħux jixhdu fuq kwistjonijiet marbuta mal-kariga ta' fiduċja tagħhom.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Bħala regola ġenerali, il-parti li ttella' persuna biex tixhed trid l-ewwel tinterrogaha hi. Il-parti l-oħra mbagħad għandha d-dritt li tagħmel kontroeżami tax-xhud. Wara l-kontroeżami, il-qorti u l-partijiet interessati jistgħu jkomplu jinterrogaw lix-xhud.

Ix-xhieda jistgħu jinstemgħu b'vidjokonferenza jew inkella b'mezzi oħra adattati tat-telekomunikazzjoni li jipprovdu kollegament awdjoviżiv bejn il-parteċipanti kollha tas-seduta, jekk il-qorti tqis li dan ikun xieraq. Din il-proċedura tista' tintuża pereżempju jekk ix-xhud ma jkunx jista' jmur il-qorti personalment, jew jekk l-attendenza tiegħu tkun twassal għal spejjeż eċċessivi, jew jekk ix-xhud ikollu inqas minn 15-il sena. F'ċerti sitwazzjonijiet, ix-xhieda jistgħu jinstemgħu wkoll bit-telefon.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Il-liġi ma tinkludix struzzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' ċirkostanzi bħal dawn. Il-qorti trid tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha biex tiddeċiedi l-valur li għandu jkollha evidenza miksuba b'dan il-mod.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Iva. Il-partijiet interessati jistgħu jinstemgħu b'mod liberu biex jippreżentaw l-evidenza tagħhom, u f'kawżi ċivili jistgħu jinstemgħu taħt ġurament fir-rigward tal-fatti li jkollhom importanza partikolari biex jissolva l-każ. Id-dikjarazzjoni mogħtija minn parti interessata bħala evidenza, tiġi evalwata abbażi tal-istess kriterji użati għad-dikjarazzjonijiet mogħtija mix-xhieda.

Ħoloq

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-smigħ tal-evidenza (Il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Finlandja)

Fuljett: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIx-xhieda l-qorti (Il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Finlandja)

L-aħħar aġġornament: 26/09/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Smigħ ta' xhieda - Svezja

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Il-liġi Svediża hija bbażata fuq il-prinċipji tal-metodu tal-provi u l-ammissibiltà tagħhom. Wara eżami dettaljat ta' kull ma jkun ħareġ mill-każ, il-qorti trid tiddeċiedi x'ġie ppruvat. Hija l-qorti li tiddeċiedi x'valur tagħti lill-provi.

Ċerti regoli dwar l-ammissibiltà tal-provi ġew stabbiliti fil-ġurisprudenza, inkluż b'rabta ma' fuq min qiegħed l-oneru tal-prova. Regola ewlenija ssimplifikata ħafna, li għaliha hemm ħafna eċċezzjonijiet, hija li kull min jallega xi ħaġa jrid imbagħad jippruvaha. Jekk parti tkun sabitha aktar faċli biex tikseb il-prova ta' ċertu fatt, l-oneru tal-prova normalment jaqa' fuqha. Jekk parti tkun sabitha diffiċli biex tipproduċi provi ta' xi ċirkostanza, dan jista' jkollu konsegwenza fuq min qiegħed jinsab l-oneru tal-prova. Jekk, pereżempju, xi ħadd jitlob il-ħlas ta' dejn, huwa jrid juru li għandu dritt kontra l-parti l-oħra. Jekk il-parti l-oħra ssostni li l-ħlas ġa sar, l-oneru tal-prova issa jaqa' fuqha. F'każ ta' responsabbiltà għad-danni, normalment hija l-parti li ssostni li ġarrbet id-danni li jkollha l-oneru tal-prova. Jista' jiġri wkoll li l-oneru tal-prova għal xi fatt jaqa' bil-kontra fuq il-parti l-oħra.

Jekk il-provi prodotti mhumiex konkreti biżżejjed, il-qorti ma tistax tuża ċ-ċirkostanza konċernata bħala bażi għall-eżami tagħha. Jekk huwa l-każ ta' stima tal-valur tad-dannu li seħħ, hemm eċċezzjoni, li jfisser li l-qorti tista', jekk ma jkunx possibbli jew diffiċli wisq li jiġu prodotti provi dwar l-ammont ta' danni, għal stima tal-valur tad-dannu f'ammont raġonevoli.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija nru 1.1.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Ir-rekwiżiti li huma stabbiliti għall-oneru tal-prova jiddependu mit-tip ta' każ konċernat. F'kawżi ċivili r-rekwiżit ġenerali huwa li jrid jiġi kkonfermat il-fatt konċernat. F'ċerti kawżi ċivili jista' japplika livell ta' prova aktar baxx. Bħala eżempju wieħed jista' jsemmi l-kawżi tal-poloz tal-assigurazzjoni tal-konsumaturi, fejn huwa biżżejjed li jkun aktar probabbli milli le li seħħ l-avveniment li kontrih inħarġet il-polza.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-partijiet infushom huma responsabbli għall-provi. F'każijiet kontenzjużi, jiġifieri każijiet marbuta ma' kwistjonijiet fejn il-partijiet ma jistgħux jiksbu konċiljazzjoni, il-qorti għandha ċ-ċans tippreżenta provi fil-kawża mingħajr ma tiġi mitluba tagħmel hekk mill-partijiet. F'kawżi rigward il-kustodja jew drittijiet ta' aċċess għat-tfal, għalhekk, il-qorti tista' tiddeċiedi li l-investigazzjoni trid tiġi kumplimentata minn provi ulterjuri. F'kawżi ċivili fejn il-partijiet kisbu konċiljazzjoni, magħrufa bħala kawżi mhux kontenzjużi, il-qorti ma tistax tintroduċi provi ġodda ex officio.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-provi jinstemgħu fis-seduta prinċipali.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tista' tirriġetta l-provi jekk dak li tixtieq turi l-parti mhux rilevanti għall-kawża. Dan japplika wkoll jekk il-provi mhumiex meħtieġa jew jekk il-provi b'mod ċar ma jkollhom l-ebda effett. Barra minn hekk, hemm regoli li jfissru li x-xiedha bil-miktub hija ammissibbli biss f'ċirkostanzi speċjali u eċċezzjonali.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Fl-Isvezja hemm, fil-prinċipju, ħames forom bażiki ta' provi (mezzi ta' provi). Dawn huma:

  • provi bil-miktub;
  • l-eżami tax-xhieda;
  • l-eżami tal-partijiet;
  • l-eżami ta' espert;
  • l-investigazzjoni.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Xhud, bħala regola ġenerali, għandu jinstema' oralment u fil-preżenza tal-qorti. Ma tistax issir referenza għax-xhieda bil-miktub tax-xhieda. Bil-permess tal-qorti, madankollu, ix-xhud jista' juża xi noti biex jiffriska l-memorja. Il-parti li ssejjaħ lix-xhud tibda l-eżami (dan huwa msejjaħ l-eżami dirett) sakemm il-qorti ma tistabbilixxix mod ieħor. Il-parti kontra mbagħad għandha ċans tagħmel mistoqsijiet lix-xhud (il-kontro eżami).

F'każ ta' provi mingħand espert ir-regola prinċipali hija li l-espert għandu jippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub. Jekk ikun hemm talba minn waħda mill-partijiet, u dan b'mod ċar ikun importanti, l-espert jista' jinstema' wkoll oralment waqt il-proċedimenti. Seduta ta' smigħ tista' ssir ukoll jekk huwa essenzjali li l-espert jinstema' fil-preżenza tal-qorti .

Jekk il-każ irid jiġi deċiż wara s-seduta prinċipali - pereżempju sabiex jinstema' x-xhud - il-provi bil-miktub u d-dikjarazzjonijiet esperti jridu fil-prinċipju jinqraw fil-beraħ fis-seduta sabiex il-qorti tkun tista' tqis il-materjal fis-sentenza tagħha. Il-qorti tista' madankollu, tiddeċiedi li provi bil-miktub ikunu nstemgħu fis-seduta prinċipali mingħajr ma nqraw fil-beraħ fis-seduta.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Skont il-liġi Svediża, japplika l-prinċipju tal-ammissibbiltà tal-provi. Fost affarijiet oħra, dan ifisser li mhemmx prinċipji fissi stabbiliti mil-liġi fir-rigward tal-piż li jkollhom provi differenti.  Minflok il-qorti tista' twettaq eżami indipendenti ta' kull ma jkun ħareġ mill-każ u tiddeċiedi x'jista' jitqies bħala provi fil-każ.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Il-prinċipju tal-ammissibiltà tal-provi jfisser li mhemmx regoli li jispeċifikaw li ċerti ċirkostanzi jeħtieġu ċerti tipi ta' provi sabiex ikunu konfermati. Minflok il-qorti twettaq eżami ġenerali taċ-ċirkostanzi tal-każ fl-eżami ta' x'ġie ppruvat.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Skont il-liġi Svediża, japplika l-obbligu ġenerali tax-xhieda. Dan ifisser li, bħala regola ġenerali, persuna msejħa biex tixhed trid tixhed.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Persuna mhux obbligata tixhed f'każ fejn parti minnhom hija qarib tagħha. Xhud jista' jirrifjuta li jikkummenta fuq ċertu fatt jekk id-dikjarazzjoni tkun tfisser li x-xhud ġie sfurzat jiżvela li huwa kkometta reat kriminali jew ta' diżunur. Huwa jista' wkoll, f'ċerti ċirkostanzi, jirrifjuta li jiżvela sigrieti tan-negozju. Hemm ċerti restrizzjonijiet fuq id-dmir li wieħed jixhed fil-każ ta' xi kategoriji professjonali, pereżempju l-persunal tal-kura tas-saħħa.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Persuna li trid tinstema' bħala xhud tissejjaħ għall-proċedimenti taħt piena ta' multa. Jekk ix-xhud ma jidhirx, jeħel dik il-multa jekk ma jkollux raġuni valida għan-nuqqas ta' dehra tiegħu, pereżempju mard. Jekk ix-xhud ma jidhirx, il-qorti tista' tiddeċiedi wkoll li tibgħat skorta tal-pulizija għax-xhud. Fl-aħħar nett, il-qorti għandha l-għażla li tibgħat il-ħabs persuna li tirrifjuta li tixhed mingħajr raġuni valida għaliex irrifjutat li twieġeb għall-mistoqsijiet..

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Jekk il-persuna msejħa bħala xhud hija taħt 15-il sena, jew tbati minn mard mentali, il-qorti trid tara jekk tistax tiġi mismugħa bħala xhud, tenut kont taċ-ċirkostanzi. Ara wkoll it-Taqsima 2.9.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

L-eżami tax-xhieda normalment jibda mill-persuna li ssejjaħ lix-xhieda (eżami dirett). Wara, il-parti kontra għandha ċans tagħmel il-mistoqsijiet (il-kontro eżami). Wara l-kontro eżami, il-persuna li ssejjaħ lix-xhieda u l-qorti jistgħu jagħmlu mistoqsijiet supplimentari. Il-qorti tirriġetta l-mistoqsijiet li b'mod ċar ma għandhomx x'jaqsmu mal-każ jew li jħawwdu jew mhux xierqa b'mod ieħor.

Il-partijiet, ix-xhieda u persuni oħra li se jitilgħu l-qorti jridu jkollhom aċċess remot permezz ta' kollegament bil-vidjow jekk dan huwa xieraq. Ir-regola prinċipali, madankollu tibqa' li dawk li se jitilgħu l-qorti jridu jmorru personalment.

Xhud jista' jiġi eżaminat bit-telefown jekk xieraq, tenut kont tal-ispejjeż involuti jekk ix-xhud ikollu minflok jitla' l-qorti u l-importanza li x-xhud jinstema' personalment waqt is-seduta.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Il-prinċipju tal-ammissibiltà tal-provi jfisser li huma rari dawk l-eċċezzjonijiet fejn ma jistgħux jintużaw ċerti forom ta' provi. Il-fatt li l-provi nkisbu b'mod illegali ma jfissirx, għalhekk, fil-prinċipju, li dawk il-provi ma jistgħux jintużaw matul il-proċess. Madankollu dan il-fatt jista' jkollu sinifikat jekk il-provi jingħataw valur probatorju limitat fl-evalwazzjoni tal-provi.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Parti ma tistax tixhed, iżda minflok tiġi eżaminata taħt ġurament, fejn tkunkriminalment responsabbli għall-korrettezza tal-informazzjoni li hija tagħti.

L-aħħar aġġornament: 05/11/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.