Smigħ ta' xhieda

Malta
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

L-oneru tal-provi hija mitfugħa fuq min jallegga u dan jidher ċar fil-Kodiċi ta’ Origanizzazzjoni u Proċedura Ċivili fl-Artikolu 562: ‘l-obbligu tal-prova ta’ fatt imiss dejjem lil min jallegah’.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Iva hemm regoli u dawn huma regolati taħt l-Artikolu 627 et seq tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. L-Artikolu 627 isemmi dokumenti li jistgħu jinġibu bħala prova u li m’għandhomx jiġu ppruvati li huma awtentiċi, fosthom:

  • l-atti tal-Gvern ta’ Malta, iffirmati mill-Ministru jew mill-kap tad-dipartiment li minnu jkunu ħarġu, jew, fl-assenza ta’ dan, mid-deputat, assistent jew uffiċjal ieħor li jiġi warajh fil-grad, awtorizzat li jiffirma dawk l-atti;
  • ir-reġistri ta’ dipartiment tal-Gvern ta’ Malta;
  • l-atti pubbliċi kollha ffirmati mill-awtoritajiet kompetenti, u maħruġin fil-Gazzetta tal-Gvern;
  • l-atti tal-Gvern ta’ Malta, stampati bl-awtorità tal-Gvern u ppubblikati regolarment;
  • l-atti u r-reġistri tal-qrati tal-ġustizzja u tal-qrati ekkleżjastiċi ta’ Malta;
  • iċ-ċertifikati maħruġin mill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku u mir-Reġistratur tal-Artijiet;
  • it-testimonjal magħmul taħt l-awtorità tal-Qorti Ċivili, Prim'Awla;
  • dokumenti oħra msemmija fl-Att dwar il-Bastimenti Merkantili (fosthom ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li hi iffirmata mir-reġistratur jew minn uffiċjal xieraq ieħor u kull ħaġa mniżżla fuq ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li tidher li hi iffirmata mir-reġistratur jew minn uffiċjal xieraq ieħor).

Hemm dokumenti oħra li jistgħu jiġu ppreżentati u li l-kontenut tagħhom huwa eżentat mill-oneru tal-provu, iżda jrid jiġi ppruvat l-awtentiċita tiegħu u dawn jinkludu:

  • l-atti u r-reġistri ta’ stabbilimenti, jew korpi pubbliċi, awtorizzati jew magħrufa mil-liġi jew mill-Gvern;
  • l-atti u r-reġistri tal-parroċċi dwar twelid, żwieġ, u mewt, u d-disposizzjonijiet magħmula skont il-liġi quddiem kappillan;
  • l-atti u r-reġistri tan-nutara pubbliċi ta’ Malta;
  • il-kotba tal-kummerċjanti, miżmumin skont il-liġi, għall-prova biss tal-konvenzjonijiet jew ta’ operazzjonijiet kummerċjali oħra;
  • il-kotba tas-sensali pubbliċi miżmumin skont il-liġi, għall-prova ta’ dak li jkun għadda bejn il-kontraenti f’affarijiet kummerċjali.

Il-kontenut ta’ dawn diversi tipi ta’ dokumenti jista’ jiġi ppruvat kuntrarju.

Barra dawn id-dokumenti, hemm preżunżjoni oħra li hija regolata taħt il-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Kodiċi Ċivili, li tarbija mwielda fiż-żwieġ hija tar-raġel tal-mara. Dan jista’ jiġi ppruvat li l-preżunzjoni legali mhix valida billi jagħmel rikors ġuramentat quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) u jipprova li dik il-preżunzjoni mhix valida.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Fiċ-ċivil il-livell biex il-Qorti tkun sodisfata bil-provi mressqa u li tkun tista’ tingħata sentenza huwa dak ta bilanċ ta’ probabiltajiet.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Kull waħda mill-partijiet fil-kawża, ikun xi jkun l-interess tagħha, tista’ tixhed, sew b’talba tagħha nfisha, kemm b’talba ta’ waħda oħra mill-partijiet fil-kawża, inkella jekk imsejħa mill-qorti ex officio. Meta l-proċedura tinbeda permezz ta' rikors ġuramentat, huwa obbligatorju li ssir lista tax-xhieda.  L-istess jingħad għat-tweġiba u ċioe' illi fir-risposta ġuramentata trid tinkludi l-lista tax-xhieda.  Ikun biss jekk il-parti jkollha bżonn ix-xhieda ta' xhud mhux indikat li għandu jiġi preżentat rikors f'dan is-sens.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Wara li r-rikors għall-ġbir tal-provi tintlaqa’, ix-xhieda jiġu mħarrkin biex jidhru bil-mezz ta’ mandat maħruġ fuq rikors tal-parti li trid iġgibhom. It-talba għall-ħruġ ta’ dan il-mandat fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta), u fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fil-kompetenza tagħha inferjuri, tista’ ssir bil-fomm.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tista' tiċħad ir-rikors għall-ġbir tal-provi meta l-persuna mħarka tkun avukat, prokuratur legali u saċerdot. Barra minnhekk, bħala regola, ebda persuna preżenti waqt is-smigħ ta’ kawża ma tista’ tinġieb bħala xhud fl-istess kawża; iżda hu mħolli fid-diskrezzjoni tal-qorti li, għal raġuni tajba, tiddispensa minn din ir-regola, f’każijiet partikolari.  Hemm ukoll japplikaw liġijiet speċjali li jirregolaw is-segretezza uffiċjali u ma jippermettux żvelar ta’ informazzjoni sigrieta u kunfidenzjali.  Magħdud ma' dan, it-talba tista' tiġi miċħuda jekk il-Qorti jidhrilha li x-xhud mhux xhud pertinenti.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Hemm tlett tipi ta’ provi li jistgħu jitresqu u dawn huma: dokumenti, viva voce u affidavits.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ir-regola ġenerali hi li l-eżami tax-xhieda fis-smigħ tal-kawżi għandu jsir fil-qorti bil-miftuħ u viva voce. Iżda l-liġi tipprovdi modi ta’ ġbir ta’ provi oħra li jistgħu jiġu użati:

  • Xhieda tista tiġi pprezentata b’affidavit, kemm jekk ix-xhud jgħix Malta kif ukoll jekk jgħix barra minn Malta;
  • Persuna li tkun sejra titlaq minn Malta jew tkun marida jew imdaħħla fiż-żmien li tista’ tmut jew issir inkapaċi li tixhed qabel iż-żmien li fih għandha tinsama’ dik il-kawża, inkella ma tkunx tista’ tidher fis-smigħ tal-kawża, il-qorti tista’, tinkariga assistant ġudizzjarju biex jisma’ lil dik il-persuna, u f’dak il-każ, il-mistoqsijiet magħmulin lix-xhud, flimkien mat-tweġibiet li jagħti, għandhom jiġu mniżżla bil-miktub, u x-xhud għandu jiffirma x-xiehda jew jagħmel salib flok il-firma;
  • Il-Qorti tista' tinnomina wkoll Imħallef Supplenti sabiex jisma' xhud partikolari speċjalment f'każ ta' xhieda li ma jkunux jistgħu joħorġu minn darhom fuq raġunijiet ta' eta'.
  • Jekk xhud tkun qed tirrisjedi barra minn Malta, l-avukat permezz ta’ rikors jista jagħmel talba għas-smigħ (talba rogatorja) - il-parti li titlob is-smigħ ta’ dan ix-xhud għandha ġġib il-mistoqsijiet magħmulin bil-miktub, u tagħti l-isem u l-indirizz tal-persuna li għandha tidher għaliha waqt is-smigħ tax-xhud;
  • Il-qorti tista’ jekk tqis li jkun hekk xieraq, tippermetti l-irrekordjar fuq tejp jew fuq video ta’ xi xiehda meħtieġa minn xhud;
  • Il-qorti tista' tagħti inkarigu lill-periti, fejn tagħtihom is-setgħa li jisimgħu xhieda u li jagħtu l-ġurament

Meta perit jiġi inkarigat bil-ġbir ta’ provi, dan ta’ l-aħħar għandu l-istess mezzi bħal ma għandhom il-qrati.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-mezzi ta’ prova kollha miġjuba huma meqjusa ta’ importanza ugwali.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Le, iżda dejjem trid tinġieb l-aħjar prova.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Iva l-liġi tobbliga lil kull xhud li jiġi mħarrek biex jixhed iżda xhud ma jistax jiġi mġiegħel iwieġeb għal mistoqsijiet, meta t-tweġiba għalihom tkun tista’ tissuġġettah għal proċeduri kriminali.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Ir-raġel jew il-mara tal-parti f’kawża jistgħu jixhdu u jistgħu jkunu mġiegħla jixhdu f’dik il-kawża fuq talba ta’ kull min ikun mill-partijiet. Iżda ir-raġel ma jistax jkun imġiegħel jikxef xi ħaġa li l-mara tkun fdat miegħu matul iż-żwieġ, u vica versa, u anqas jista r-raġel jew il-mara jkunu mġiegħla jwieġbu għal mistoqsija meta t-tweġiba tista’ tissuġġetta lill-mara tiegħu jew lir-raġel tagħha għall-proċeduri kriminali.

Fatti oħra li huma eżenti jinkludu dawk il-fatti li jkunu ġew fdati lill-avukat u l-prokuratur legali u lis-saċerdot. Iżda jekk l-avukut jew l-prokuratur legali iġib il-kunsens tal-klijent u s-saċerdot iġib il-kunsens tal-persuna li tkun għamlet il-qrara, dawn jistgħu jiġu mistoqsija fuq ħwejjeġ li jkunu saru jafu (dejjem bil-kunsens), l-avukat jew il-prokuratur legali billi jkunu ġew fdati lilhom mill-klijent għall-finijiet tal-kawża, u s-saċerdot billi jkun ġie jafhom taħt is-sigriet tal-qrar jew bħala qrar.

Ħlief bl-ordni tal-qorti, ebda accountant, tabib jew ħaddiem soċjali, psikologu jew marriage counsellor ma jista’ jiġi mistoqsi fuq ħwejjeġ li jkun sar jaf mill-klijent tiegħu taħt sigriet professjonali jew li seta’ sar jaf bihom fil-kapaċità professjonali tiegħu. Dan il-privileġġ igħodd ukoll għall-interpretu li jkun ġie mqabbad sabiex jistgħu jsiru dawk il-ħwejjeġ sigrieti.

Xhud marbut bis-segretezza uffiċjali ma jistax jiżvela informazzjoni sigrieta u kunfidenzjali, ħlief f’ċertu ċirkostanzi skond il-liġi partikolari li tapplika f’dak il-każ.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Jekk xhud, imħarrek regolarment, ma jidhirx meta jiġi msejjaħ, huwa jsir ħati ta’ disprezz għall-awtorità tal-qorti u jiġi minnufih ikkundannat bħala ħati u jigi mmultat. Il-qorti tista’ wkoll, b’mandat ta’ skorta jew ta’ arrest, iġġiegħlu jidher biex jagħti x-xiehda tiegħu f'udjenza sussegwenti. Iżda il-qorti tista’, meta tinġieb raġuni tajba ta’ sodisfazzjon tagħħa, taħfer il-multa inflitta.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Kull min hu f’sensieh, meta ma jkun hemm ebda eċċezzjoni kontra l-kompetenza tiegħu, jista’ jinġieb bħala xhud. Tkun liema tkun l-età tax-xhud li sejjer jinġieb, hu jista’ jinġieb bħala xhud, basta jkun jaf li hija ħaġa ħażina li wieħed jixhed il-falz.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-qorti tista’, f’kull waqt tal-eżami jew tal-kontro-eżami, tagħmel lix-xhud dawk il-mistoqsijiet li jidhrilha meħtieġa jew spedjenti. Min-naħa l-oħra, kull waħda mill-partijiet fil-kawża, ikun xi jkun l-interess tagħha, tista’ tixhed, sew b’talba tagħha nfisha, kemm b’talba ta’ waħda oħra mill-partijiet fil-kawża, inkella jekk imsejħa mill-qorti ex officio.

Fi kwistjonijiet li jinvolvu minuri, ġeneralment l-imħallef jisma' lill-minuri in camera jew jiġi maħtur Avukat tat-Tfal sabiex jisma' lill-minuri.

Xhud jinstema b’vidjokonferenza meta jkun jgħix barra minna Malta.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Meta prova ma tkunx inkisbet b’mod illegali, il-qorti ma jkollix restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha. L-unika eċċezzjoni hija li bħala regola, il-qorti ma tiħux konjizzjoni ta’ xiehda dwar fatti li x-xhud igħid li ġie jafhom mingħand ħaddieħor jew li qalhom ħaddieħor li jista’ jinġieb biex jagħti xiehda fuq dawk il-fatti.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Iva dikjarazzjoni ta’ parti fil-kawża hija ammissibli.

L-aħħar aġġornament: 22/03/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.