Smigħ ta' xhieda

Irlanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

L-oneru tal-provi ta’ dikjarazzjoni partikolari ġeneralment jaqa’ fuq il-parti li tagħmel l-asserzjoni jew id-dikjarazzjoni inkwistjoni. Pereżempju, f’kawża ta’ negliġenza, l-onus għall-wiri bil-provi tan-negliġenza jaqa’ fuq ir-rikorrent u l-oneru tal-provi tan-negliġenza kontributorja jaqa’ fuq il-konvenut. Ġeneralment, prova tal-fatti neċessarji biex tiġi stabbilita raġuni għal kawża taqa’ taħt ir-responsabbiltà tar-rikorrent filwaqt li prova ta’ difiża għall-azzjoni taqa’ taħt il-konvenut u jekk il-konvenut jagħmel kontrotalba, il-konvenut iġarrab l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ dik it-talba. Madankollu, ċertu rekwiżit statutorju kultant jixħet l-onus tal-provi fuq konvenut. Pereżempju, f’talbiet dwar sensja inġusta, l-oneru tal-provi jaqa’ fuq l-impjegatur konvenut, jiġifieri l-impjegatur irid juri li kien hemm raġunijiet sostanzjali li jiġġustifikaw l-għoti tas-sensja. [Ara l-Att dwar is-Sensji Inġusti 1977 kif emendat].

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Ma hemmx bżonn li jingħataw provi ta’ fatti li jkunu ammessi. L-imħallfin jistgħu jibbażaw irwieħom fuq l-għarfien ġenerali tagħhom jew jieħdu nota ġudizzjarja tal-fatti li jkunu stabbiliti biċ-ċar jew magħrufa sew jew parti mill-għarfien komuni, u għalhekk ma jkunx hemm bżonn ta’ evidenza tat-tali fatti. Il-liġi tagħmel ċerti preżunzjonijiet li jistgħu jitwaqqgħu b’evidenza li turi bil-kontra. Dawn jinkludu preżunzjonijiet dwar il-leġittimità tat-tfal, il-validità taż-żwiġijiet, il-kapaċità mentali tal-adulti u l-preżunzjoni tal-mewt meta persuna tkun ilha ma tidher jew tinstema’ għal aktar minn 7 snin minkejja li jkunu saru l-inkjesti xierqa kollha. Ir-regola ta’ res ipsa loquitur tapplika meta preżunzjoni ta’ negliġenza ssir f’ċirkustanzi li fihom jintwera li l-kawża tal-aċċident kienet taħt il-kontroll tal-konvenut jew tal-ħaddiema jew tal-aġenti tiegħu fil-mument tal-aċċident u l-aċċident kien tali li fil-perkors normali tal-avvenimenti ma kienx iseħħ li kieku dawk fil-kontroll kienu attenti kif suppost. Meta tiġi invokata l-massima ta’ res ipsa loquitur , din taqleb jew tmexxi l-oneru tal-provi għall-konvenut u dan imbagħad ikun irid juri li hu ma kienx negliġenti. Madankollu, l-oneru tal-provi dwar il-kawżazzjoni jibqa’ fuq ir-rikorrent. Ta’ min jinnota l-fatt li d-duttrina res ipsa loquitur m’għandhiex bżonn tintalab jew tiġi stabbilita fit-talba tar-rikorrent biex rikorrent ikun jista’ jibbaża fuqha matul is-smigħ tal-kawża jekk il-fatti juru li jkun ċar li d-duttrina hi applikabbli.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

F’kawża ċivili, parti tirnexxi fi kwistjoni jekk hi tissodisfa lill-qorti b’rabta ma’ dik il-kwistjoni fuq il-bilanċ tal-probabbiltajiet. B’hekk, jekk parti tonqos milli tissodisfa lill-qorti li l-verżjoni tagħha tal-avvenimenti hi aktar probabbli mill-verżjoni tal-opponent tagħha, din titlef il-kawża. Dan hu standard flessibbli u l-qrati ġeneralment ikunu jeħtieġu aktar provi f’ċerti każijiet, bħal f’każijiet li jinvolvu dikjarazzjoni ta’ frodi, minħabba s-serjetà tal-allegazzjoni.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

L-evidenza tinkiseb fi proċedimenti ċivili permezz tal-iżvelar ta’ dokumenti, permezz tad-divulgazzjoni u permezz tax-xhieda.

Żvelar: F’kawżi quddiem il-Qorti Superjuri, l-iżvelar jinkiseb b’applikazzjoni minn parti għall-oħra bil-miktub li titlob li l-iżvelar isir b’mod volontarju. Il-qorti tordna l-iżvelar biss meta l-parti l-oħra tonqos jew tiċħad milli tagħmel l-iżvelar b’mod volontarju jew tinjora t-talba għall-iżvelar. [Ara r-Regoli tal-Qrati Superjuri, Ord. 31, r. 12 kif emendata]. Kwalunkwe żvelar imfittex irid ikun rilevanti u neċessarju għall-fatti inkwistjoni fil-kawża. Hu possibbli wkoll li jintalab l-iżvelar ta’ dokumenti mingħand entità li mhix parti għall-azzjoni.

Divulgazzjoni: Kwalunkwe parti għal kawża dwar danni personali trid tiddivulga lill-parti l-oħra, mingħajr il-ħtieġa ta’ xi applikazzjoni quddiem il-qorti, kwalunkwe rapport mediku mħejji minn esperti li jintalbu jixhdu fil-proċess. [Ara r-Regoli tal-Qrati Superjuri, Ord. 39, r. 46 kif emendata].Iż-żewġ partijiet iridu jiskambjaw ukoll il-listi tal-ismijiet u l-indirizzi tax-xhieda kollha li jkollhom l-għan li jsejħu biex jidhru u r-rikorrent irid jipprovdi dikjarazzjoni sħiħa tal-elementi kollha tad-danni speċjali jew tal-ispejjeż li ħallas minn butu assoċjati mat-telf jew mad-dannu li jkun is-suġġett tat-talba.

Xhieda tal-Fatt: Il-partijiet m’għandhomx bżonn il-permess tal-qorti biex iġibu evidenza tax-xhieda b’appoġġ tal-kawżi tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ proċedimenti fil-Lista Kummerċjali tal-Qorti Superjuri, fejn parti li titlob li tibbaża fuq l-evidenza ta’ xhud trid tinnotifika dikjarazzjoni lix-xhud iffirmata mix-xhud li tistabbilixxi l-evidenza tax-xhud u trid tistieden lix-xhud biex jagħti l-evidenza orali fil-proċess. Jekk parti tonqos milli tipprovdi dikjarazzjoni tax-xhud qabel il-proċess fil-Lista Kummerċjali tal-Qorti Superjuri, dik il-parti ma tistax issejjaħ lix-xhud mingħajr il-permess tal-qorti. Il-qorti għandha wkoll setgħat estensivi biex tikkontrolla l-evidenza li tiġi ammessa u tista’ teskludi evidenza li normalment tkun ammissibbli jew tillimita l-kontroeżami ta’ xhud. F’ċerti ċirkustanzi, parti tista’ tapplika wkoll għal ordni mill-qorti biex din tippermetti lil xhud jagħti l-evidenza f’xhieda taħt ġurament meħuda minn eżaminatur maħtur mill-qorti qabel is-smigħ tal-kawża. B’mod ġenerali, xogħol l-imħallef hu li jisma’ l-evidenza kollha miġjuba mill-partijiet u ma jwettaqx missjoni ta’ sejbien tal-fatti. Ġeneralment, imħallef ma jkollu ebda dritt li jsejjaħ lil xhud biex jidher mingħajr il-kunsens tal-partijiet, għad li jista’ jagħmel dan f’każijiet ta’ disprezz ċivili jew f’ċerti proċedimenti dwar il-kura tat-tfal. Imħallef għandu wkoll is-setgħa li jsejjaħ lil xhud li jkun issejjaħ preċedentement minn parti.

Xhieda Esperti: Il-partijiet ġeneralment ma jkollhomx bżonn il-permess tal-qorti biex iġibu evidenza minn esperti b’appoġġ tal-kawżi tagħhom. Meta tkun se tinġieb evidenza minn esperti, il-partijiet għandhom jiskambjaw kwalunkwe perizja minn qabel il-proċess. Fi proċedimenti fil-Lista Kummerċjali tal-Qorti Superjuri, imħallef, bħala parti mill-proċedura ta’ qabel il-proċess, jista’ jordna lix-xhieda esperta biex jikkonsultaw ma’ xulxin għall-finijiet ta’ identifikazzjoni tal-kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom ikun biħsiebhom jixhdu, jilħqu ftehim dwar dak li biħsiebhom jixhdu fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet u jikkunsidraw kwalunkwe materja li l-imħallef jista’ jordnalhom jikkunsidraw. It-tali xhieda esperti jistgħu jiġu ordnati mill-qorti biex iħejju memorandum li jrid jiġi ppreżentat b’mod konġunt minnhom lir-Reġistrar u notifikat minnhom lill-partijiet, li jkun fih l-eżitu tal-laqgħat u tal-konsultazzjonijiet tagħhom. Kwalunkwe eżitu bħal dan tal-konsultazzjonijiet tax-xhieda esperti ma jkunx vinkolanti fuq il-partijiet. [Ara r-Regoli tal-Qrati Superjuri, Ord. 63A, r. 6(1)(ix)].

Fuq inizjattiva tagħha stess, il-qorti tista’ taħtar espert bħala assessur biex jassisti lill-qorti b’rabta mal-kwistjoni li tkun se tiġi proċessata. Il-qorti tista’ tordna lill-assessur iħejji rapport, li kopji tiegħu jiġu pprovduti lill-partijiet, u jattendi l-proċess biex jagħti pariri jew assistenza lill-qorti.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Żvelar: Ordni għal żvelar issir minn qorti biss meta l-parti li minnha qed jintalab l-iżvelar tkun naqset jew ċaħdet milli twettaq l-iżvelar jew injorat talba biex isir dan l-iżvelar mixtieq fuq bażi volontarja. Għaldaqstant, jekk il-qorti tordna l-iżvelar, il-parti li titlob l-iżvelar normalment tingħata kumpens għall-ispejjeż talli ppreżentat ir-rikors. Jekk parti għal kawża tiġi ordnata tiżvela ċerti dokumenti fis-setgħa jew fil-pussess tagħha, din trid tagħmel kopji ta’ dawk id-dokumenti disponibbli għall-parti l-oħra. Ordni għal żvelar tiġi rrispettata bil-ġurament ta’ affidavit tal-iżvelar li jistabbilixxi d-dokumenti rilevanti permezz ta’ esibiti għall-affidavit. Nuqqas ta’ rispett ta’ ordni għal żvelar jista’ jwassal biex il-kawża tiġi miċħuda jew biex id-difiża titwaqqa’ bl-għan li jiġi żgurat li l-partijiet għal-litigazzjoni jirrispettaw l-ordnijiet għal żvelar.

Xhieda tal-fatt: Il-partijiet ma għandhomx bżonn il-permess tal-qorti biex iġibu evidenza tax-xhieda b’appoġġ għall-kawżi tagħhom. F’ċirkustanzi li fihom il-qorti tordna li evidenza ta’ xhud tiġi kkumpilata f’xhieda, ix-xhud jixhed oralment quddiem eżaminatur maħtur mill-qorti. L-eżami jsir bħallikieku kien proċess, b’opportunità sħiħa li jsir kontroeżami tax-xhud u bi traskrizzjoni tal-evidenza li tiġi prodotta.

Xhieda Esperti: Il-partijiet ġeneralment ma jkollhomx bżonn il-permess tal-qorti biex iġibu evidenza minn esperti b’appoġġ tal-kawżi tagħhom. L-esperti jistgħu jħejju rapporti bil-miktub fejn huma jistabbilixxu s-sejbiet tagħhom u jagħtu l-opinjoni esperta u imparzjali tagħhom. Meta jitħejjew il-perizji, dawn għandhom jiġu skambjati minn qabel il-proċess. Id-dmir prevalenti tal-espert hu lejn il-qorti u mhux lejn xi waħda mill-partijiet tal-proċedimenti, għad li l-espert jitħallas mill-parti li taħtru.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Il-qorti tista’ tiċħad rikors ta’ parti li tfittex li tikseb jew iġġib ċerta evidenza jekk il-qorti tkun tal-fehma li l-evidenza hi irrilevanti, żejda jew inammissibbli. Skont ir-“regola dwar l-aħjar evidenza”, l-aħjar evidenza u l-aktar evidenza diretta ta’ fatt trid tinġieb jew jekk l-aħjar evidenza ma tkunx disponibbli, in-nuqqas ta’ din irid jiġi spjegat. Pereżempju, l-aħjar evidenza għall-kontenut ta’ ittra partikolari tkun il-produzzjoni tal-ittra nfisha, minflok ma tingħata evidenza orali tal-kontenut tagħha. B’mod ġenerali, l-evidenza kollha rilevanti għal kwalunkwe wieħed mill-fatti inkwistjoni tkun ammissibbli. Madankollu, ċerta evidenza tkun inammissibbli bħal komunikazzjoni privileġġata (pereżempju evidenza ta’ komunikazzjoni kunfidenzjali bejn klijent u avukat). Għaldaqstant, l-ammissibbiltà tal-evidenza tiġi deċiża f’kull każ mill-imħallef.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-fatti jistgħu jintwerew bil-provi permezz ta’ evidenza, ta’ preżunzjonijiet u ta’ inferenzi li jirriżultaw mill-evidenza, u mill-qorti li tieħu nota ġudizzjarja ta’ ċerti fatti magħrufa. It-tipi ta’ evidenza li fuqhom jista’ jiġi bbażat fi proċedimenti ċivili huma testimonjanza tax-xhieda, dokumenti u evidenza reali. Id-dokumenti jistgħu jinkludu dokumenti fuq karti, rekords tal-kompjuter, ritratti, u reġistrazzjonijiet vidjo u awdjo.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Fil-prinċipju, xhieda tal-fatt jixhdu oralment fil-proċess fejn jintalbu jikkonfermaw il-verità u l-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet tagħhom.

Ix-xhieda esperti jixhdu fir-rapporti miktubin sakemm il-qorti ma tordnax xi mod ieħor. Perizja trid tistabbilixxi l-konklużjonijiet, il-fatti u s-suppożizzjonijiet tagħha li fuqhom tkun ibbażata, u s-sustanza tal-istruzzjonijiet tal-espert. Il-qorti tiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn ukoll li espert jattendi l-proċess biex jixhed oralment.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-qorti għandha diskrezzjoni estensiva rigward l-importanza jew il-kredibbiltà li għandha tingħata lil kwalunkwe biċċa evidenza. Pereżempju, evidenza bbażata fuq għajdut, filwaqt li tista’ tkun ammissibbli fi proċedimenti ċivili, spiss iġġorr importanza inferjuri minn testimonjanza diretta, b’mod partikolari jekk min jagħmel id-dikjarazzjoni seta’ jissejjaħ biex jixhed hu stess.

Ċerti dokumenti u rekords jiġu aċċettati bħala awtentiċi. Pereżempju, ir-rekords tan-negozji u tal-awtoritajiet pubbliċi jiġu aċċettati bħala awtentiċi jekk ikunu ċċertifikati bħala tali minn uffiċjali tan-negozju jew tal-awtorità pubblika u diversi tipi ta’ dokumenti uffiċjali (bħal leġiżlazzjoni, ordinamenti, ordnijiet, trattati u rekords tal-qorti) jistgħu jintwerew bil-provi permezz ta’ kopji stampati jew iċċertifikati mingħajr ebda prova ulterjuri.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Ċerti tranżazzjonijiet iridu jsiru bil-miktub u, għaldaqstant, l-evidenza bil-miktub u dokumentarja tkun meħtieġa għall-prova tat-tali tranżazzjonijiet. L-eżempji jinkludu kuntratti għall-bejgħ tal-art.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Bħala regola ġenerali, jekk xhud ikun kompetenti, hu jista’ jintalab jitla’ l-qorti u jixhed. Parti li tixtieq tiggarantixxi l-attendenza ta’ xhud fi proċess tħejji taħrika tax-xhud li teħtieġ li x-xhud jitla’ l-qorti biex jixhed. Ladarba tinħareġ mill-qorti u tiġi notifikata kif xieraq, it-taħrika torbot lix-xhud biex jattendi għas-seduta. Persuna li ma tobdix taħrika għal xhud tkun ħatja ta’ disprezz lejn il-qorti.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Ir-regola ġenerali li x-xhieda kompetenti jistgħu jintalbu jixhdu ma tapplikax għal sovrani barranin u għall-familji tagħhom, għal aġenti diplomatiċi barranin u għal uffiċjali konsulari, għal rappreżentanti ta’ ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali u għal imħallfin u għal ġurati, b’rabta mal-attivitajiet tagħhom f’dawk il-kapaċitajiet. Konjuġi u qraba tal-partijiet jistgħu jintalbu jixhdu fi proċedimenti ċivili. Xhud jiġi obbligat iwieġeb mistoqsija ħlief fiċ-ċirkustanzi li fihom ikun jitlef il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni. Fi kliem ieħor, xhud hu obbligat iwieġeb mistoqsija sakemm ma jkunx jista’ jistabbilixxi li hemm motivazzjonijiet raġonevoli biex jibża’ li t-tweġiba ser ikollha tendenza li tinkriminah.

Ix-xhieda li ġeneralment jistgħu jkunu meħtieġa jixhdu xorta waħda jkunu intitolati jipprevjenu ċerti dokumenti milli jiġu spezzjonati u jiċħdu milli jwieġbu ċerti mistoqsijiet fuq il-bażi tal-privileġġ. It-tipi ewlenin ta’ privileġġ huma privileġġ professjonali legali, komunikazzjoni “mingħajr preġudizzju”, u, kif intqal aktar ’il fuq, il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni.

L-evidenza tista’ titrażżan ukoll fuq il-bażi tar-raġunijiet ta’ immunità għall-interess pubbliku jekk il-produzzjoni tagħha tmur kontra l-interess pubbliku. L-evidenza li tista’ tkun koperta mill-immunità tinkludi evidenza relatata mas-sigurtà nazzjonali, ma’ relazzjonijiet diplomatiċi, mal-ħidma tal-gvern ċentrali, mal-benessri tat-tfal, mal-investigazzjoni ta’ reat u mal-protezzjoni ta’ kollaboraturi. Barra minn hekk, il-ġurnalisti mhumiex meħtieġa jiddivulgaw is-sorsi tagħhom sakemm id-divulgazzjoni ma tkunx neċessarja fl-interessi tal-ġustizzja jew tas-sigurtà nazzjonali jew għall-prevenzjoni ta’ disturb jew ta’ reat.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhud li jiċħad milli jixhed, wara li jkun ġie notifikat b’taħrika għax-xhieda, jista’ jintbagħat il-ħabs għal disprezz tal-qorti sakemm ma jpattix għad-disprezz tiegħu, jew inkella jista’ jkun meħtieġ iħallas multa. Nuqqas ta’ konformità ma’ taħrika għax-xhieda fil-fatt hu nuqqas ta’ konformità ma’ ordni tal-qorti u, b’hekk, kwalunkwe ċaħda ta’ għoti tax-xhieda tista’ tkun disprezz tal-qorti.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

L-adulti mhumiex kompetenti biex jidhru fi proċedimenti ċivili jekk ma jkunux kapaċi jifhmu l-ħalfa jew ma jkunux kapaċi jagħtu testimonjanza razzjonali. Xhud minorenni jaf ma jkunx kompetenti biex jixhed jekk hu ma jkunx jifhem id-dmir li jgħid il-verità jew ma jkollux biżżejjed għarfien biex jiġġustifika s-smigħ tal-evidenza tiegħu u jkun f’idejn l-imħallef partikolari tal-proċess li jiddeċiedi fuq din il-kwistjoni.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Ix-xhieda għall-ewwel jagħtu x-xhieda ewlenija tagħhom u mbagħad jiġu kontroeżaminati mill-avukat tal-parti opposta. Matul il-kontroeżami, jistgħu jsiru mistoqsijiet li jwasslu għal tweġibiet ippjanati lix-xhud. Kultant, ix-xhud jerġa’ jiġi eżaminat mill-parti li tkun sejħitlu biex jixhed inizjalment wara li jintemm il-kontroeżami. L-imħallef ukoll jista’ jagħmel mistoqsija lix-xhud, pereżempju biex jirċievi kjarifika fuq ċerti materji.

Hu possibbli li x-xhieda jixhdu b’xandira televiżiva diretta f’ċerti każijiet. Fi proċedimenti li jikkonċernaw il-benessri ta’ minorenni jew ta’ persuna b’diżabbiltà mentali, il-qorti tista’ tisma’ x-xhieda ta’ minorenni permezz ta’ xandira televiżiva diretta u l-mistoqsijiet lill-minorenni jistgħu jsiru permezz ta’ intermedjarju. L-evidenza b’xandira televiżiva diretta tista’ tiġi riċevuta wkoll meta x-xhud inkwistjoni jkun jgħix barra mill-ġurisdizzjoni tal-Irlanda.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Evidenza miksuba b’mod illegali mhux bilfors tkun inammissibbli. Tkun ammissibbli jekk tkun rilevanti iżda l-imħallef tal-proċess għandu diskrezzjoni biex jeskludiha. Jekk l-imħallef tal-proċess jidhirlu li l-ordni pubbliku jeħtieġ li l-evidenza tiġi eskluża, anki jekk tkun rilevanti għall-fatti inkwistjoni, l-evidenza ma tiġix ammessa.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Dikjarazzjonijiet tax-xhieda mogħtija mill-partijiet għall-proċedimenti huma ammissibbli bħala evidenza daqs dikjarazzjonijiet mogħtija minn entitajiet li ma jkunux partijiet.

Links relatati

http://www.courts.ie/

L-aħħar aġġornament: 13/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.