Smigħ ta' xhieda

Greċja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Fi kwistjonijiet ta’ prova, il-liġi Griega ssegwi l-prinċipju ta’ prosekuzzjoni tal-parti (archí tis diáthesis). Dan ifisser li l-qorti taġixxi biss fuq ir-rikors ta’ parti u tiddeċiedi fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet fattwali li jsiru u jintwerew mill-partijiet u tar-rikorsi li jippreżentaw. Il-passi proċedurali jittieħdu wara r-rikors ta’ parti, sakemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor. Kull parti tkun meħtieġa turi biss il-fatti li jkollhom importanza għas-sentenza finali tal-kawża u li jkunu neċessarji biex isostnu t-talba jew il-kontrotalba indipendenti tagħha. Rikors li ma jkunx sostnut bil-provi jiġi miċħud.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Meta l-liġi tkun teħtieġ evidenza għall-eżistenza ta’ fatt, kontroprova tkun awtorizzata sakemm ma jkunx hemm regola li tgħid bil-kontra. Fatti li tant ikunu magħrufa sew li ma jkun hemm ebda dubju raġonevoli li huma veri, jew li jkunu magħrufa mill-qorti minħabba proċedimenti ġudizzjarji oħra, jiġu kkunsidrati b’mod awtomatiku, u m’hemmx bżonn li jingħataw provi tagħhom. Il-qorti tieħu f’kunsiderazzjoni b’mod awtomatiku t-tagħlimiet mill-esperjenza komuni, bla ma tkun teħtieġ evidenza. Bl-istess mod, il-qorti tieħu nota tal-liġijiet, tad-drawwiet u tal-użanzi f’pajjiżi oħra fuq inizjattiva tagħha stess, għad li jaf tkun teħtieġ l-evidenza jekk ma tkunx midħla tagħhom.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-qorti tiġġudika l-evidenza liberament u tiddeċiedi bid-diskrezzjoni tagħha stess jekk id-dikjarazzjonijiet li jsiru humiex veri. Fid-deċiżjoni tagħha din tistabbilixxi r-raġunijiet li wassluha biex tikkonkludi b’ċertu mod. Meta l-liġi tistabbilixxi li l-kawża tista’ tiġi determinata fuq il-bilanċ tal-probabbiltajiet biss, eż. fuq applikazzjoni għal miżuri provviżorji (asfalistiká métra), il-qorti mhix obbligata tapplika r-regoli li jirregolaw il-kumpilazzjoni ta’ xhieda, il-forom ammissibbli ta’ evidenza u l-forza tal-evidenza li tista’ tiġi ppreżentata, iżda tista’ tieħu f’kunsiderazzjoni kwalunkwe ħaġa li hi tqis li tkun xierqa biex tasal għal opinjoni rigward il-fatti.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Il-prinċipju bażiku hu li l-evidenza tiġi proposta u pprovduta mill-partijiet. Madankollu, il-qorti tista’ fuq inizjattiva tagħha stess tordna l-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe evidenza awtorizzata bil-liġi, anki jekk ma tkunx inġiebet minn parti.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Wara l-kumpilazzjoni ta’ xhieda, il-qorti tiddeċiedi dwar is-sustanza tal-kawża, sakemm ma ssibx li l-evidenza kienet insuffiċjenti, f’liema każ tista’ tordna l-preżentazzjoni ta’ evidenza addizzjonali ġdida.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Jekk din issib li l-evidenza eżistenti hi suffiċjenti jew jekk il-parti ma rnexxilhiex tippreżentaha sal-iskadenza legali.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

L-evidenza, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Kódika Politikís Dikonomías) tinkludi ammissjonijiet, spezzjonijiet, perizji, evidenza dokumentarja, is-smigħ tal-partijiet, dikjarazzjonijiet tax-xhieda, preżunzjonijiet tal-fatt u affidavits.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ix-xhieda esperti (pragmatognómones) jassistu lill-qorti billi jagħtu opinjoni dwar mistoqsijiet li jsirulhom mill-qorti. Jekk ikun hemm bżonn, il-qorti teħtieġ li x-xhieda esperti jkunu preżenti meta jitwettqu l-passi ġudizzjarji kollha jew uħud minnhom. Kull qorti żżomm lista ta’ xhieda esperti. Ordnijiet maħruġa fuq proposta mill-Ministru għall-Ġustizzja jistabbilixxu kif jitfasslu u jinżammu l-listi. Il-qorti li tisma' l-kawża tagħti lix-xhieda esperti l-istruzzjonijiet neċessarji dwar kif għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom, u tistabbilixxi b’mod partikolari (a) jekk hi tqisx li hemm bżonn li dawn ikunu preżenti fi kwalunkwe stadju fil-proċedimenti ġudizzjarji, u (b) jekk il-perizja għandhiex tingħata lill-qorti jew titfassal mix-xhieda esperti waħedhom. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor mill-qorti li tisma' l-kawża, l-istess setgħat jistgħu jiġu eżerċitati minn qorti oħra li taġixxi fuq talba jew fuq referenza biex tieħu xi pass ġudizzjarju b’rabta mal-perizja, jew minn imħallef delegat (entetalménos dikastís). Jekk tiġi ordnata opinjoni bil-miktub, il-qorti tistabbilixxi terminu perentorju li sa dan ix‑xhieda esperti jridu jagħtu l-opinjoni tagħhom. L-imħallef jew, fil-każ ta’ diversi mħallfin, il-President tal-qorti, jista’ jestendi t-terminu perentorju fuq it-talba tax-xhieda esperti u mingħajr ma l-partijiet ikunu ġew imħarrka qabel, jekk ix-xhieda esperti jqisu li ż-żmien permess ma jkunx adegwat għat-tħejjija tal-opinjoni. Jekk ikun hemm aktar minn xhud espert wieħed, dawn iwettqu l-azzjonijiet meħtieġa kollha għat-tħejjija ta’ perizja u jfasslu l-opinjoni tagħhom bil-miktub b’mod konġunt. Dawn jiltaqgħu wara l-istedina ta’ kwalunkwe wieħed minnhom. Opinjoni bil-miktub trid tiddikjara l-azzjonijiet li huma wettqu u tagħti l-fehmiet ta’ kull wieħed minnhom, bir-raġunijiet, u trid tkun iffirmata minnhom. Jekk kwalunkwe wieħed mix-xhieda esperti ma jkunx preżenti meta titfassal l-opinjoni, jew jiċħad milli jiffirmaha, dan jiġi ddikjarat fl-opinjoni. Ix-xhieda esperti jew persuna awtorizzata minnhom għal dan l-għan jippreżentaw l-opinjoni bil-miktub lir-reġistru tal-qorti li taħtarhom u l-fatt jiġi reġistrat. Jekk l-opinjoni tiġi ppreżentata lir-reġistru ta’ qorti fuq talba jew fuq referneza mill-qorti tal-imħallef delegat, ir-rapport jingħadda minnufih lir-reġistru tal-qorti li tipproċessa l-kawża. Il-qorti dejjem tivvaluta l-opinjoni tax-xhieda esperti liberament.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Ammissjoni orali jew bil-miktub (omología) li ssir minn parti f’qorti jew quddiem l-imħallef delegat tikkostitwixxi prova sħiħa kontra l-persuna li tagħmilha; ammissjonijiet li jsiru barra mill-qorti, bħal kull evidenza oħra, jiġu vvalutati liberament.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Kuntratti u atti ta’ natura kollettiva ma jistgħux jintwerew bil-provi b’evidenza tax-xhieda jekk il-valur tat-tranżazzjoni jkun ogħla minn EUR 20 000, u l-evidenza tax-xhieda ma tkunx permessa kontra l-kontenut tal-evidenza dokumentarja anki jekk il-valur tat-tranżazzjoni jkun anqas minn GRD 2 miljun jew EUR 20 000. Iżda l-evidenza tax-xhieda xorta waħda tiġi ammessa fil-każijiet li ġejjin: (a) meta jkun hemm evidenza bażika pprovduta minn dokument b’valur probatorju li jagħmilha tidher anqas probabbli li t-tranżazzjoni tabilħaqq twettqet (il-“bidu tal-evidenza bil-miktub”, archí éngrafis apódeixis); (b) jew jekk ikun hemm raġuni fiżika jew morali għaliex id-dokument ma jistax jiġi prodott; (c) jekk jintwera li dokument tfassal iżda ntilef b’mod aċċidentali; (d) jekk l-evidenza tax-xhieda tkun ġustifikata min-natura tat-tranżazzjoni jew mill-kundizzjonijiet speċjali li skont dawn saret, u speċjalment jekk tikkonċerna negozjati kummerċjali.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Kull min jintalab jidher biex jiġi eżaminat bħala xhud irid jidher u jiddikjara l-fatti li jaf bihom. Jekk il-persuna tonqos milli tidher, mingħajr ġustifikazzjoni, il-qorti tordnalu jħallas l-ispejjeż ikkawżati mill-assenza tiegħu, u tista’ timponi multa wkoll.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Il-persuni li ġejjin għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jiġu eżaminati bħala xhieda: (1) membri tal-kleru, avukati, nutara, tobba, spiżjara, infirmiera, qwiebel, l-assistenti tagħhom, u l-avukat tal-parti, fir-rigward ta’ fatti li jsiru jafu bihom meta jipprattikaw il-professjoni tagħhom; (2) il-persuni relatati mal-partijiet bid-demm, biż-żwieġ jew b’adozzjoni sat-tielet grad ta’ parentela, f’linja diretta jew f’linja kollaterali, sakemm ma jkunux relatati bl-istess mod mal-partijiet kollha, u konjuġi, eks konjuġi, u persuni għarajjes li se jiżżewġu. Barra minn hekk, xhud ma jkunx obbligat jixhed dwar (1) fatti li jistgħu jwasslu għall-prosekuzzjoni ta’ reat imwettaq mix-xhud jew minn persuna li tiġi minnu skont it-tifsira tal-Artikolu 401(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jew li jistgħu jirriflettu fuq l-unur tax-xhud jew fuq l-unur ta’ persuna bħal din, (2) fatti li jikkostitwixxu sigriet professjonali.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Xhud li jidher iżda li jiċħad milli jixhed, anki meta jkun meħtieġ jagħmel dan, jista’ jiġi ordnat iħallas multa mill-qorti.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu eżaminati bħala xhieda:

  1. qassisin, fir-rigward ta’ kull ħaġa li jsiru jafu biha matul is-sigriet tal-qrar;
  2. persuni li, fiż-żmien tal-avvenimenti inkwistjoni, ma kellhomx il-kapaċità mentali li jifhmuhom jew mhumiex kapaċi jikkomunikaw dak li jipperċepixxu;
  3. persuni li, fiż-żmien tal-avvenimenti inkwistjoni, kienu fi stat ta’ disturb mentali li effettivament illimita l-operat tas-sentenza tagħhom u r-rieda tagħhom jew li huma fi stat tali meta jkunu se jiġu eżaminati;
  4. avukati, nutara, tobba, spiżjara, infirmiera, qwiebel, l-assistenti tagħhom, u l-avukat tal-parti, fir-rigward ta’ fatti li ntqalu lilhom b’mod kunfidenzjali jew li saru jafu bihom matul it-twettiq tal-professjoni tagħhom li għalihom għandhom dmir ta’ kunfidenzjalità, sakemm il-persuna li tkun qaltilhom b’kunfidenzjalità u li lilha huma dovuti jħarsu d-dmir ta’ kunfidenzjalità ma tippermettilhomx jixhdu;
  5. impjegati taċ-ċivil u persunal li jservi fil-militar fir-rigward ta’ fatti li għalihom għandhom dmir ta’ kunfidenzjalità, sakemm il-ministru responsabbli ma jippermettilhomx li jiġu eżaminati;
  6. persuni li jista’ jkollhom interess fl-eżitu tal-proċess.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Qabel ma jiġi eżaminat, xhud irid jieħu l-ġurament (billi jaħlef ħalfa reliġjuża jew billi jagħmel affermazzjoni). Ix-xhieda jiġu eżaminati b’mod separat u biss jekk jitqies li jkun essenzjali li dawn jiġu kkonfrontati ma’ xhieda oħra jew mal-partijiet. Ix-xhieda jagħtu l-evidenza tagħhom oralment. Ix-xhieda jridu jiddikjaraw kif l-evidenza li jkunu qed jagħtu saru jafu biha, u fil-każ ta’ evidenza minn għajdut, dawn iridu jiddikjaraw min hi l-persuna li wasslitilhom l-informazzjoni. Il-qorti tista’ tipprojbixxi mistoqsijiet li jsiru lil xhieda minn partijiet jew mill-avukat tagħhom jekk ikun ċar li jkunu inutli jew irrilevanti, u tiddikjara l-eżami ta’ xhud bħala mitmuma meta hi tqis li jkun iddikjara dak kollu li jaf dwar il-fatti li jridu jiġu pprovati. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li għandha ssir vidjokonferenza f’kawża speċifika, fuq inizjattiva tagħha stess jew wara applikazzjoni minn parti. Il-qorti tiddeċiedi jekk taċċettax applikazzjoni bħal din wara li tistabbilixxi jekk l-użu tat-teknoloġija huwiex neċessarju għat-tmexxija effettiva tal-proċedimenti. B’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-qorti tista’ tilqa’ applikazzjoni għal vidjokonferenza filwaqt li tesiġi garanziji addizzjonali għat-tmexxija xierqa tal-proċedimenti. L-imħallef, ir-reġistrar u l-persuni l-oħra li jieħdu sehem fil-vidjokonferenza jridu jkunu preżenti fil-kmamar rispettivi qabel il-ħin skedat tal-konnessjoni. Il-qorti tikkunsidra fuq bażi ta’ każ b’każ jekk għandux ikun hemm imħallef involut fil-post imbiegħed. It-tagħmir jiġi mmaniġġjat mill-imħallef jew minn persunal awtorizzat tal-qorti. Fil-każ ta’ awtorità konsulari, it-tagħmir jiġi mmanġġjat minn persuna awtorizzata mill-kap tad-delegazzjoni. Smigħ b’vidjokonferenza jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili li jirregolaw il-pass ġudizzjarju kkonċernat. L-imħallef jiddetermina n-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu preżenti fil-kmamar. Dan imexxi s-seduta ta' smigħ u jipprovdi l-gwida neċessarja lill-persuni li jkunu preżenti fiż-żewġ postijiet. Kull membru tal-qorti jew parteċipant fil-proċess huwa intitolat, bil-permess tal-imħallef li jmexxi s-seduta ta' smigħ, li jagħmel mistoqsijiet lill-partijiet, lix-xhieda u lix-xhieda esperti preżenti. Biex tiġi stabbilita l-identità tal-persuna fil-kamra mbiegħda, l-imħallef jiġi assistit mir-reġistratur jew minn persuna fil-post imbiegħed li tkun ġiet awtorizzata mill-avukat. L-imħallef li jmexxi s-seduta jiddeċiedi meta l-vidjokonferenza tkun waslet fi tmiemha. Is-smigħ tax-xhieda, tax-xhieda esperti u tal-partijiet b’vidjokonferenza jitqies li jkun seħħ quddiem il-qorti u jkollu l-istess saħħa evidenzjali bħal seduta f’qorti miftuħa.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Il-qorti tista’ tikkunsidra evidenza legali biss. Il-kunċett ta’ evidenza “legali” (nómima endeiktiká mésa) jinkludi l-mezzi li bihom tinkiseb l-evidenza. Evidenza miksuba illegalment hi illegali, u ma tiġix ikkunsidrata.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Iva, l-eżami tal-partijiet jiġi aċċettat bħala evidenza.

L-aħħar aġġornament: 14/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.