Smigħ ta' xhieda

Ċipru
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

B'mod ġenerali l-oneru tal-prova fi proċedimenti ċivili jaqa' fuq il-parti li fetħet il-kawża jiġifieri r-rikorrent jew l-attur, skont il-każ.

F'każijiet eċċezzjonali, l-oneru jista' jiġi trasferit lill-konvenut jew l-intimat. Eżempju tipiku huwa meta titressaq kawża minħabba negliġenza jekk jiġi ppruvat li r-rikorrent ma kienx jaf, jew ma kellux il-mezzi biex isir jaf kif seħħ l-inċident, id-dannu ġie kkawżat minn oġġett li kien taħt il-kontroll waħdieni tal-konvenut u d-dannu huwa marbut man-nuqqas tal-konvenut li jieħu ħsieb b'mod raġonevoli, f'liema każ japplika l-prinċipju ta' res ipsa loquitur (il-fatt jitkellem waħdu) fejn l-oneru tal-prova jiġi trasferit fuq il-konvenut.

B'mod ġenerali r-rikorrent jew l-attur irid jipprova billi jippreżenta provi rilevanti bix-xhieda l-fatti kollha meħtieġa biex jappoġġaw / ikunu l-bażi tat-talba tiegħu.

Il-qorti trid tevalwa l-provi u tagħti sentenza skont il-konklużjonijiet li tasal għalihom mill-fatti tal-każ. Jekk, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, il-qorti ma tkunx tista' tasal għal konklużjoni fuq ċertu fatt tal-każ li huwa importanti sabiex jiġi deċiż il-każ, it-talba mressqa mill-parti li hija bbażata fuq dak il-fatt għandha tiġi miċħuda.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Hemm ċerti fatti li ma hemmx għalfejn jiġu ppruvati mill-provi. Dawn jinkludu ċerti fatti li dwarhom ma hemmx dubji u huma ċari, li dwarhom il-qorti tista' titiqes li għandha "għarfien ġudizzjarju". Pereżempju, dawn jistgħu jinkludu fatti marbuta ma' unitajiet tal-kejl, kwistjonijiet ta' flus, il-kalendarju annwali u d-differenzi fil-ħin bejn il-pajjiżi. Eżempji oħra huma fatti li huma ta' għarfien komuni u huma preżunti li huma bbażati fuq l-esperjenza umana, bħaż-żieda fl-inċidenti tat-traffiku, il-problemi li jkollha taffaċċa armla bi tfal minuri eċċ. Bl-istess mod, fatti storiċi, xjentifiċi u ġeografiċi huma komunement magħrufa u ma hemmx bżonn jiġu ppruvati permezz ta' provi.

Barra minn hekk, hemm preżunzjonijiet f'ċerti każijiet. Preżunzjonijiet huma konklużjoni li tista' jew trid issir minħabba li ġew ippruvati ċerti fatti. Dawn il-preżunzjonijiet jistgħu ikunu konfutabbli jew mhux konfutabbli.

Il-preżunzjonijiet mhux konfutabbli huma dawk li jiġu stabbiliti mil-liġi u li ma jistgħux jiġu kkontestati permezz ta' provi li juru l-kuntrarju. Il-preżunzjonijiet mhux konfutabbli huwa rari. L-Artikolu 14 tal-Kodiċi Kriminali jagħti eżempju fejn jistabbilixxi li tifel taħt l-14-il sena huwa preżunt li ma għandux responsabbiltà kriminali għal kull azzjoni jew omissjoni tiegħu. Il-preżunzjonijiet konfutabbli huma ħafna aktar komuni. Dawn jistgħu jiġu rroftati permezz ta' provi li juru l-kuntrarju. Pereżempju tifel imwieled fiż-żwieġ huwa preżunt li huwa wild il-missier sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

Il-livell tal-prova f'kawżi ċivili huwa l-"bilanċ ta' probabbiltajiet". Fi kliem ieħor, il-qorti tista' tiddeċiedi li fatt ġie stabbilit jekk tkun sodisfata mill-provi li l-fatt x'aktarx aktar seħħ milli le.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

Fi proċedimenti ċivili l-partijiet fil-kawża jagħżlu liema provi bix-xhieda jippreżentaw il-qorti. Kull parti ssejjaħ dawk ix-xhieda li jitqiesu utli għall-kawża. Il-qorti ma għandhiex is-setgħa ssejjaħ ix-xhieda ex officio mingħajr il-kunsens tal-partijiet.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Il-proċedura hija sempliċi. Il-parti li tixtieq ittella' xhud titlob lill-qorti biex toħroġ taħrika. Il-qorti mbagħad toħroġ it-taħrika biex jiġi nnotifikat ix-xhud. Kull persuna li tiġi nnotifikata b'taħrika hija obbligata bil-liġi biex titla' l-qorti fid-data u fil-ħin imniżżla fit-taħrika.

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

B'talba ta' parti fil-kawża, it-taħrika tinħareġ f'bosta mill-każijiet. It-talba għal taħrika minn parti tista' tiġi miċħuda f'każijiet rari u eċċezzjonali, jekk jiġi ppruvat li t-talba kienet frivola u tikkostitwixxi abbuż mill-proċedimenti tal-qorti.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Hemm żewġ tipi ta' provi: xhieda mogħtija oralment quddiem il-qorti, u provi bil-miktub jew f'forma ta' dokumenti ppreżentati l-qorti.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ma hemmx regoli stabbiliti li jirregolaw l-ghoti tax-xiehda minn xhieda esperti. Il-parti li tippreżenta l-provi għandha tiddeċiedi jekk ix-xhud espert għandux jagħtu x-xiehda tiegħu personalment jew bil-miktub.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Ma hemmx regola ġenerali li tindika li hemm ċertu tip ta' xhud li huwa aħjar minn jew iktar kredibbli minn ieħor jew aktar konvinċenti minn tipi oħra ta' provi. Il-provi kollha ppreżentati matul il-proċess jiġu evalwati mill-qorti fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Le, ma hemmx regoli dwar dan.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Jekk it-taħrika tiġi nnotifikata lil persuna sabiex hija tidher u tixhed il-qorti, hija għandha obbligu bil-liġi li tagħmel dan. In-nuqqas jew rifjut li tagħmel dan jikkostitwixxi disprezz lejn il-qorti u hemm piena għalih.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Ix-xhieda ma jistgħux jirrifjutaw li jixhdu. Madanakollu, ix-xhieda jistgħu, f'każijiet eċċezzjonali, jirrifjutaw li jwieġbu għal ċerti domandi jew ma jippreżentawx ċerti dokumenti minħabba raġunijiet ta' privileġġ, pereżempju minħabba s-sigriet professjonali.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Ara t-tweġiba għas-sottoparagrafu (a) msemmi hawn fuq.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Kulħadd huwa kompetenti biex jixhed fil-proċedimenti ċivili sakemm il-qorti ma tiddeċidix li, minħabba l-età żgħira, diżabbiltà mentali jew kawżi oħra simili, persuna mhix kapaċi tapprezza l-obbligu tagħha biex tgħid il-verità, jew tifhem id-domandi li jsirulha, jew tagħti tweġiba razzjonali għal dawn id-domandi (skont l-Artikolu 13 tal-Att dwar il-Provi).

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Xhud jiġi eżaminat waqt l-eżami prinċipali mill-parti li sejjħitlu biex jixhed. Wara li tkun lest l-eżami prinċipali, isir il-kontro eżami tax-xhud mill-parti l-oħra. Fl-aħħar, il-qorti tista' tagħmel xi mistoqsijiet fejn ikun hemm bżonn aktar kjarifiki dwar ċerti kwistjonijiet.

Xhud jista' jagħti x-xiehda tiegħu permezz tat-telekonferenza jew mezzi tekniċi oħra jekk il-preżenza fiżika tiegħu quddiem il-qorti tkun impossibbli, sakemm ikun possibbli għall-qorti li tipprovdi dawn il-faċilitajiet tekniċi. Kull kundizzjoni speċifika mitluba tiddependi miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ preżenti.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Kull prova li tinġieb b'mod illegali, bi ksur ta' drittijiet imħarsa mill-Kostituzzjoni, tiġi eskluża mill-proċedimenti tal-qorti, u l-qorti ma tistax tibbaża ruħha fuq dawk il-provi. Eżempju tipiku ta' dan hija r-reġistrazzjoni illegali ta' konversazzjoni personali.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

Dikjarazzjoni minn persuna li tkun parti fil-kawża tgħodd bħala prova. Il-fatt li din id-dikjarazzjoni saret minn persuna li għandha interess dirett fl-eżitu tal-kawża hija biss waħda minn numru ta' fatti li jitqiesu mill-qorti fl-evalwazzjoni jew l-eżami tal-provi kollha.

L-aħħar aġġornament: 07/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.