Smigħ ta' xhieda

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-oneru tal-provi

1.1 X’inhuma r-regoli dwar l-oneru tal-provi?

Fil-prinċipju, kull parti hija obbligata li telenka l-pretensjonijiet fattwali kollha li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tagħhom (piż persważiv – Behauptungslast) u li tipprovdi l-evidenza xierqa (it-Taqsimiet 226(1) u 239(1) tal-Kodiċi Awstrijak tal-Proċedura Ċivili (ZPO)). Jekk il-fatti tal-każ jibqgħu mhux ċari (sitwazzjoni “non liquet”), il-Qorti għandha madankollu tieħu deċiżjoni. F’dawn il-każijiet ir-regoli dwar l-oneru tal-provi jidħlu fis-seħħ. Kull parti ġġorr l-oneru tal-provi biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet kollha tar-regoli favorevoli għaliha jintlaħqu. Taħt ċirkostanzi normali, ir-rikorrenti għandhom jiddikjaraw il-fatti kollha bħala sostenn tal-pretensjoni tagħhom u l-intimati jridu jasserixxu l-fatt kollha b’appoġġ għall-oġġezzjonijiet tagħhom. Ir-rikorrent għandu l-oneru li jipprova wkoll li jintlaħqu r-rekwiżiti proċedurali.

1.2 Hemm xi regoli li permezz tagħhom ċerti fatti jiġu eżentati mill-oneru tal-provi? F’liema każijiet ? Jistgħu jiġu ppreżentati provi sabiex jiġi ppruvat li preżunzjoni legali partikolari mhix valida?

Il-fatti li huma materjali għas-sentenza għandhom jiġu pprovati, sakemm ma jkunux eżentati mill-ħtieġa ta’ prova. Ma hemm l-ebda bżonn li jiġu pprovati l-fatti li ġew konċessi (Taqsimiet 266 u 267 ZPO), il-fatti ovvji (Taqsima 269 ZPO) jew il-fatti legalment preżunti (Taqsima 270 ZPO).

Fatt li ġie konċess huwa wieħed li parti taċċetta li jkun pretensjoni korretta mill-kontroparti. Il-Qorti hija, fil-prinċipju, obbligata li taċċetta fatt konċess bħala korrett u li tasal għad-deċiżjoni tagħha mingħajr eżami ulterjuri.

Fatt huwa ovvju jekk huwa magħruf (jiġifieri magħruf jew perċettibbli b’mod affidabbli f'kull ħin lil numru kbir ta’ persuni) jew magħruf lill-Qorti (lill-Qorti fejn ikun qed isir il-proċess fuq il-bażi tas-sejbiet uffiċjali tagħha jew sejbiet li jirriżultaw b’mod ċar mill-fajls).

Il-Qorti hija mitluba li tieħu inkunsiderazzjoni ex officio tal-fatti ovvji fid-deċiżjoni tagħha; dawn ma għandhomx għalfejn jintalbu jew jiġu pprovati.

Preżunzjoni legali tirriżulta direttament mil-liġi u għandha l-effett li taqleb l-oneru tal-provi. Il-kontroparti tal-parti li qed tibbenefika minn tali preżunzjoni għandha tipprovdi evidenza kuntrarja. Hi għandha tagħti prova li, minkejja li hemm bażi għal preżunzjoni legali, il-fatti allegati jew sitwazzjoni legali ma jeżistux.

1.3 Sa liema livell trid tkun konvinta l-qorti sabiex tagħti sentenza li tissejjes fuq l-eżistenza ta' dak il-fatt?

L-għan tal-proċedimenti tal-Qorti huwa li tikkonvinċi l-imħallef dwar fatt. B’mod ġenerali, “possibilità sostanzjali” għandha tiġi preżunta u mhijiex meħtieġa “ċertezza assoluta” sabiex tikkonvinċi l-imħallef.

Gradi tal-istandard ta’ prova huma stabbiliti permezz tal-każistika jew tal-liġi statutorja li jvarjaw minn “probabbiltà sinifikanti" (eż. it-Taqsima 138(1) jew it-Taqsima 163(1) tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali) għal “probabbiltà li tmiss iċ-ċertezza"”. Fl-ewwel każ, il-preżunzjoni jew ċertifikat huma biżżejjed bħala standard ta’ prova skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Taqsima 274). Evidenza prima facie twassal ukoll għal tnaqqis tal-istandard ta’ prova u għandha rwol li tegħleb id-diffikultajiet fil-provvediment ta' evidenza f’azzjonijiet ta' ħsara/għall-ħsara. Jekk ikun hemm sitwazzjoni tipika li għaliha l-esperjenza tal-ħajja tissuġġerixxi rabta kawżali speċifika jew difett speċifiku, dawn il-kondizzjonijiet jitqiesu li jiġi ppruvati fuq il-bażi ta’ prima facie anki f’każijiet individwali.

2 Is-smigħ tal-provi

2.1 Għas-smigħ tal-provi dejjem ikun meħtieġ li jsir rikors minn parti, jew huwa wkoll possibbli li f’ċerti każijiet l-imħallef jisma’ l-provi fuq l-inizjattiva tiegħu stess?

L-evidenza tista’ tittieħed minn imħallfin fuq mozzjoni tagħhom stess jew wara l-applikazzjoni ta’ parti. Fi proċedimenti purament ta’ natura investigattiva (fejn il-Qorti hija meħtieġa li tistabbilixxi l-fatti deċiżivi tal-każ fuq il-mozzjoni tal-imħallef stess), ma hemm l-ebda ħtieġa għal applikazzjoni mill-partijiet. Fi proċedimenti Awstrijaċi standard skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-imħallef fuq inizjattiva tiegħu stess għandu s-setgħa li jieħu kull evidenza mistennija li tiċċara fatti materjali (Taqsima 183 ZPO). L-imħallef jista’ jordna lill-partijiet biex jipproduċu evidenza dokumentata, jitlob li titwettaq spezzjoni lokali jew jordna t-teħid ta’ evidenza fil-forma ta’ opinjonijiet esperti jew eżami tal-partijiet. Madankollu, evidenza dokumentata tista' tiġi ppreżentata biss jekk mill-inqas waħda mill-partijiet tkun irreferiet għaliha u l-evidenza dokumentata ma tistax tiġi ammessa jew ix-xhieda jinstemgħu jekk dan jiġi oppost miż-żewġ partijiet.  Fil-każijiet l-oħra kollha, l-evidenza tittieħed fuq applikazzjoni biex tinkiseb l-evidenza minn waħda mill-partijiet.

2.2 Jekk ir-rikors min-naħa ta' parti għall-ġbir tal-provi jintlaqa', x'isir wara?

Fil-prinċipju, l-evidenza tittieħed fis-seduta ta’ smigħ orali. Matul il-laqgħa "preparatorja" (it-Taqsima 258 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), titfassal skeda għall-proċess b’mod konġunt mill-Qorti u l-partijiet u/jew ir-rappreżentanti tagħhom li jkun fiha wkoll skeda għall-ġbir ta’ evidenza. Fejn ikun hemm bżonn, madankollu, tista' ssir diskussjoni ulterjuri dwar il-progress tal-proċedimenti f'kull ħin. Ladarba l-evidenza tkun ittieħdet, ir-riżultat jiġi diskuss mal-partijiet (Taqsima 278 ZPO). L-evidenza trid tittieħed direttament mill-imħallef li jkun se jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. F’dawk il-kawżi koperti espressament mil-liġi, l-evidenza tista’ tittieħed ukoll matul il-proċedura ta’ assistenza reċiproka. Il-partijiet għandhom jiġu konvokati għall-kompilazzjoni ta’ evidenza u jkollhom diversi drittijiet biex jipparteċipaw, bħad-dritt li jinterrogaw lix-xhieda u lill-esperti. L-evidenza tittieħed dejjem mill-imħallfin stess, fil-prinċipju anki jekk, minkejja li jissejħu, il-partijiet ma jkunux preżenti

2.3 F’liema każijiet il-qorti tista' tiċħad ir-rikors ta' parti għall-ġbir tal-provi?

Applikazzjoni minn parti biex tikseb l-evidenza għandha tiġi miċħuda jekk il-Qorti tqis li din hija irrilevanti (Taqsima 275(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) jew jekk tkun ippreżentata bl-intenzjoni li ddewwem il-proċedimenti (Taqsimiet 178(2), 179 u 27 (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Huwa possibbli wkoll li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għat-teħid ta’ evidenza li huwa probabbli li jdewwem il-proċedimenti (Taqsima 279(1) Ladarba dan ikun skada, l-applikazzjoni biex tittieħed l-evidenza tista’ tiġi miċħuda. Din tista’ wkoll tiġi miċħuda jekk ma tkunx neċessarja għax il-Qorti tkun diġà ġiet konvinta jew għax il-fatt ma għandux għalfejn jiġi ppruvat jew it-teħid ta’ evidenza huwa pprojbit. Fejn it-teħid ta’ evidenza jagħti lok għal spejjeż (eż. evidenza esperta), għandu jsir ħlas bil-quddiem mill-parti applikanti. Jekk dan ma jitħallasx fi żmien l-iskadenza stipulata, l-evidenza tista’ tingħata biss f’data aktar tard jekk dan ma jikkawżax dewmien fil-proċedimenti.

2.4 X’inhuma l-mezzi differenti biex isiru l-provi?

Il-Kodiċi Awstrijaka tal-Proċedura Ċivili jipprovdi għal ħames mezzi "klassiċi" ta' prova: evidenza dokumentata (it-Taqsimiet minn 292 sa 319), l-evidenza tax-xhieda (it-Taqsimiet minn 320 sa 350), evidenza esperta (it-Taqsimiet minn 351 sa 367), spezzjoni ġudizzjarja (it-taqsimiet minn 368 sa 370) u l-eżami tal-partijiet (it-Taqsimiet minn 371 sa 383). Fil-prinċipju kull sors ta’ informazzjoni jista' jiġi ammess bħala evidenza u se jiġi kklassifikat bħala wieħed mill-mezzi ta’ prova ta' hawn fuq skont il-forma li jieħu.

2.5 X’inhuma l-mezzi biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda u huma differenti mill-mezzi użati biex jinġabru l-provi mingħand ix-xhieda tal-periti tal-qorti? X’inhuma r-regoli fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ provi bil-miktub u ta’ perizji/opinjonijiet ta' esperti?

Ix-xhieda jinstemgħu individwalment fl-assenza ta’ xhieda li jridu jinstemgħu sussegwentement. Dan iżommhom lura milli jinfluwenzaw ix-xhieda ta’ xulxin. Jekk l-evidenza tax-xhieda hija kontradittorja, huma jistgħu jiġu eżaminati flimkien. Eżami tax-xhieda jibda b’mistoqsijiet ġenerali biex jiġi stabbilit jekk ix-xhud ikunx skwalifikat milli jixhed għal xi raġuni, jekk għandux id-dritt li jibqa’ sieket jew jekk hemmx xi fatturi li jipprekluduh milli jieħu l-ġurament. Ladarba x-xhud jiġi mwissi li għandu jgħid il-verità u avżat dwar il-konsegwenzi skont il-liġi kriminali jekk jagħti xhieda falza, l-eżami konkret jibda billi x-xhieda jiġi mitlub jipprovdi d-dettalji personali tiegħu.  Ix-xhud imbagħad jiġi mistoqsi dwar il-każ innifsu. Il-partijiet jistgħu jieħdu sehem fl-eżami tax-xhieda u, jekk approvat mill-Qorti, jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda. L-imħallef jista’ jirrifjuta mistoqsijiet mhux xierqa. Fil-prinċipju, ix-xhieda għandhom jiġu eżaminati direttament qabel l-għoti tas-sentenza tal-Qorti, għalkemm huwa possibbli taħt ċerti ċirkostanzi li x-xhieda jiġu eżaminati permezz tal-mezzi ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka (Taqsima 328 ZPO).

Xhieda esperti huma meqjusa bħala li “jgħinu” l-Qorti. Filwaqt li x-xhieda jagħtu evidenza dwar il-fatti, l-esperti jipprovdi għarfien li l-imħallef ma jkollux. L-evidenza tal-esperti għandha fil-prinċipju tittieħed quddiem il-Qorti fejn isir il-proċess. Espert jista' jissejjaħ ukoll mingħajr restrizzjoni fuq mozzjoni mill-imħallef stess. Xhieda esperti għandhom jippreżentaw is-sejbiet tagħhom flimkien ma' rapport. Għandu jingħata rapport orali waqt is-seduta orali. Rapporti bil-miktub għandhom jiġu spjegati mill-espert matul is-seduta ta’ smigħ orali, jekk dan ikun mitlub mill-Partijiet. Is-sejbiet u r-rapport għandhom ikunu sostanzjati. Rapporti privati mhumiex ikkunsidrati bħala rapporti fis-sens tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u għandhom l-istatus ta’ dokumenti privati.

Il-liġi Awstrijaka ma tippermettix li l-proċedimenti jitwettqu kompletament bil-miktub. Madankollu, minħabba li l-mezzi ta’ prova ma huma bl-ebda mod limitati, teżisti l-possibbiltà tax-xhieda li jagħtu l-evidenza tagħhom bil-miktub. Madankollu, stqarrijiet ta' evidenza bil-miktub jiġu ttrattati bħala evidenza dokumentata u huma soġġetti għal valutazzjoni indipendenti mill-Qorti. Jekk il-Qorti tqis li jkun meħtieġ, ix-xhud għandu jidher quddiem il-Qorti, sakemm iż-żewġ partijiet ma joġġezzjonawx għall-eżami ta’ dan ix-xhud.

2.6 Hemm xi mezzi ta’ prova li huma iktar b’saħħithom minn oħrajn?

Il-prinċipju tal-“evalwazzjoni libera tal-provi” huwa stipulat fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Taqsima 272). L-evalwazzjoni tal-evidenza hija l-eżami tar-riżultati tal-evidenza meħuda mill-imħallef. Fit-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni, l-imħallef mhux marbut b’xi regoli statutorji dwar l-evidenza iżda għandu jiġġudika skont il-konvinzjoni personali tiegħu jekk ix-xhieda hijiex korretta jew le. Ma hemm l-ebda ġerarkija applikabbli għal metodi ta’ prova. L-evidenza bil-miktub titqies bħala prova dokumentata sakemm hija rapport ta’ espert. Dokumenti pubbliċi maħruġa fl-Awstrija huma preżunti li huma awtentiċi, jiġifieri huwa preżunt li dawn huma fil-fatt attribwibbli lill-emittent indikat. L-eżattezza tagħhom hija wkoll kompletament preżunta għall-finijiet ta’ evidenza. Sakemm ikunu ffirmati, dokumenti privati huma wkoll kompletament aċċettati bħala prova li d-dikjarazzjonijiet li fihom kienu magħmula mill-persuna li ffirmathom. L-eżattezza tagħhom hija dejjem suġġetta għal evalwazzjoni libera tal-evidenza.

2.7 Hemm obbligu li jintużaw ċerti mezzi ta’ prova biex jiġu ppruvati xi fatti partikolari?

Il-Kodiċi Awstrijaka ta’ Proċedura Ċivili ma jeħtieġx ċerti tipi ta’ evidenza biex jiġi kkunsidrati f’każijiet speċifiċi. L-ammont tal-pretensjoni ma għandu l-ebda effett fuq l-għażla tal-metodu ta’ prova.

2.8 Ix-xhieda huma obbligati bil-liġi li jixhdu?

Ix-xhieda huma obbligati jidhru fil-Qorti, biex jagħtu testimonjanza u, jekk mitlub, li jieħu ġurament. Jekk xhud debitament imsejjaħ jonqos milli jattendi għas-seduta ta’ smigħ mingħajr raġuni suffiċjenti, il-Qorti għandha l-ewwel timponi multa amministrattiva u, jekk huwa jonqos milli jattendi għat-tieni darba, tordna li jitressaq quddiem is-seduta bil-forza. Jekk ix-xhieda jirrifjutaw li jixhdu mingħajr ma jagħtu l-ebda raġuni jew li jagħtu raġuni mhux ġustifikata jistgħu jiġu mġiegħla jagħtu xhieda. Xhieda falza minn xhud quddiem il-Qorti tirriżulta fi proċedimenti kriminali.

2.9 F’liema ċirkostanzi jistgħu jirrifjutaw li jixhdu?

Meta hemm raġunijiet biex jirrifjutaw li jagħtu evidenza (Taqsima 321 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), ix-xhud huwa intitolat li jirrifjuta li jwieġeb xi mistoqsija jew mistoqsijiet individwali. Ma hemm l-ebda d-dritt sħiħ li jirrifjuta li jagħti evidenza. Tali raġunijiet huma skandlu jew ir-riskju ta’ prosekuzzjoni kriminali ta’ xhud jew ta' persuna qrib tiegħu, żvantaġġ finanzjarju dirett għall-istess persuni, l-obbligi statali li jibqgħu siekta, l-iżvelar potenzjali ta' sigrieti artistiċi jew kummerċjali u l-użu ta’ dritt tal-vot li jkun ġie iddikjarat bħala sigriet permezz ta’ liġi. Il-Qorti għandha tagħti parir lix-xhieda dwar dawn ir-raġunijiet qabel ma jiġu eżaminati. Xhieda li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jibqgħu siekta għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom.

2.10 Jekk persuna tirrifjuta li tixhed tista’ tingħata multa jew tiġi sfurzata tixhed?

Huwa f’idejn il-Qorti biex tiddeċiedi jekk ir-rifjut minn xhud biex jagħti evidenza huwiex legali. Xhieda li jirrifjutaw li jixhdu mingħajr ma jagħtu xi raġuni jew li jagħtu raġuni li l-Qorti tqis mhux ġustifikata jistgħu jiġu mġiegħla jagħtu xhieda (it-Taqsima 354 tal-Kodiċi għall-Infurzar - Exekutionsordnung). Ix-xhieda jistgħu jiġu mġiegħla jixhdu permezz ta’ multi u, sa ċertu punt, priġunerija u huma wkoll responsabbli vis-à-vis l-partijiet għal kwalunkwe dannu kkawżat bħala riżultat ta’ rifjut mhux ġustifikat biex jagħtu evidenza.

2.11 Hemm persuni li ma jistgħux jixhdu?

Ma tistax tinkiseb evidenza minn persuni li ma kinux jew li mhumiex kapaċi jagħtu xhieda tal-fatti li għandhom jiġu ppruvati jew li jikkomunikaw dak li esperjenzaw.  Dawn huma kkunsidrati li għandhom nuqqas ta' kapaċità fiżika “assoluta” li jixhdu (Taqsima 320(1) ZPO). Fil-każ ta’ minorenni jew persuni morda mentalment, il-Qorti trid tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ dwar jekk dawn ikunux jistgħu jagħtu evidenza. Hemm ukoll tliet każijiet ta’ inabbiltà “relattiva” biex wieħed jixhed (Taqsima 320 (2-4 ZPO), li japplikaw għal professjonisti reliġjużi fir-rigward tal-informazzjoni mogħtija lilhom matul konfessjoni jew inkella koperta bil-kunfidenzjalità li tirriżulta mill-pożizzjoni tagħhom, l-uffiċjali tal-Istat fir-rigward ta’ informazzjoni kunfidenzjali konnessa mal-uffiċċju tagħhom, sakemm ma tkunx saret eżenzjoni, u medjaturi fir-rigward ta’ informazzjoni fdata lilhom jew inkella miksuba minnhom matul il-kors ta’ medjazzjoni.

2.12 X’inhu r-rwol tal-imħallef u tal-partijiet fis-smigħ ta’ xhud? B’liema kundizzjonijiet jista’ jinstema’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza jew ta’ mezzi tekniċi oħrajn?

Il-Qorti għandha tistaqsi mistoqsijiet xerqa lix-xhieda dwar il-fatti li għandhom jiġu pprovati permezz tax-xhieda tagħhom u dwar iċ-ċirkustanzi li taħthom huma kisbu l-għarfien tagħhom. Il-Partijiet jistgħu jipparteċipaw fis-smigħ tax-xhieda u, b’kunsens tal-Qorti, jistaqsuhom mistoqsijiet biex jiċċaraw jew jikkompletaw ix-xhieda tagħhom. L-imħallef jista’ jirrifjuta mistoqsijiet mhux xierqa. It-testimonjanzi tax-xhieda għandhom jiġu rreġistrati fil-kontenut essenzjali tagħhom jew, jekk meħtieġ, jiġu rreġistrati kelma b'kelma,. Reġistraturi tal-vidjo u tal-awdjo u d-dejta maħżuna fihom ġeneralment jitqiesu bħala oġġetti ta’ spezzjoni. Evidenza ta’ spezzjoni hija r-riżultat tal-perċezzjoni sensorjali diretta ta’ karatteristiċi jew kondizzjonijiet tal-oġġetti mill-Qorti. Madankollu, fuq il-prinċipju li l-evidenza għandha tittieħed direttament, tali evidenza hija biss ammissibbli meta evidenza diretta (eż. xhud) ma tkunx disponibbli. Eżami tax-xhieda bl-użu tat-teknoloġija awdjoviżiva huwa fil-prinċipju possibbli u għandu jintuża minflok eżami meta jiġu esegwiti talbiet għal assistenza ġudizzjarja għal raġunijiet ta’ ekonomija ta’ proċedura. Il-qrati kollha huma mgħammra b’faċilitajiet ta’ vidjokonferenza mill-2011.

3 Il-valutazzjoni tal-provi

3.1 Meta l-provi ma jkunux inkisbu b’mod legali minn parti, il-qorti jkollha xi restrizzjonijiet meta tagħti s-sentenza tagħha?

Jekk parti tikser obbligu kuntrattwali, dispożizzjoni ta’ liġi privata jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità sabiex tikseb evidenza, il-Qorti tista’ taċetta u tevalwa l-evidenza, iżda l-parti kkonċernata, madankollu, tkun responsabbli biex tħallas kumpens. Jekk, sabiex tikseb evidenza, il-parti tikser dispożizzjoni tal-liġi kriminali li tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi stabbiliti mill-Kostituzzjoni (eż. korriment fiżiku, ħtif, jew l-isfurzar ta’ xhud biex jagħti xhieda), l-evidenza miksuba permezz ta' dan hija inammissibbli u ma tistax tiġi aċċettata mill-Qorti. Jekk hemm dubju dwar jekk twettaqx att kriminali, il-Qorti tista’ tissospendi l-proċedimenti ċivili sakemm tingħata sentenza finali fil-proċedimenti kriminali. Jekk l-att kriminali li twettaq biex tinkiseb evidenza ma jiksirx id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi stabbiliti mill-Kostituzzjoni, il-parti inkwistjoni titqies kriminalment responsabbli, iżda l-evidenza mhijiex inammissibbli. Evidenza miksuba illegalment biss, li taffettwa b’mod ħażin id-dmir tal-Qorti li tistabbilixxi l-verità u b’hekk iddgħajjef il-garanzija li l-Qorti tagħti sentenza vera u preċiża, titqies bħala inammissibbli.

3.2 Bħala parti fil-kawża, id-dikjarazzjoni tiegħi tgħodd bħala prova?

L-eżami tal-partijiet jikkostitwixxi wkoll evidenza. Bħax-xhieda, il-Partijiet għandhom ukoll id-dmir li jattendu, jagħtu xhieda u jieħdu ġurament. Madankollu, il-partijiet ma jistgħux jiġu mġiegħla jidhru jew jixhdu fil-Qorti. Kwalunkwe nuqqas mhux ġustifikat minn parti li tattendi l-proċedimenti jew li tixhed fil-Qorti għandu jiġi ġġudikat mill-Qorti b’konsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkostanzi kollha. Fi proċedimenti tal-paternità u ta’ divorzju biss huwa possibbli li tintuża l-forza biex ikun żgurat li l-partijiet jidhru quddiem il-Qorti. In-nuqqas min-naħa ta' parti li tgħid il-verità (b’kuntrast ma’ xhieda), mhuwiex reat kriminali sakemm ma tingħatax stqarrija falza taħt ġurament. L-eżami tal-partijiet jista' jiġi ordnat mill-imħallfin fuq mozzjoni tagħhom stess.

L-aħħar aġġornament: 02/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna