Manwal

2.3. It-Tħejjijiet Meħtieġa

22. Meta tkun aċċettata t-talba jistgħu jibdew it-tħejjijiet prattiċi.

23. Fi proċeduri transkonfinali ċivili u kummerċjali, f'każ ta' talba lil qorti fi Stat Membru ieħor, il-qorti rikjesta tinforma lill-qorti rikjedenti u/jew il-partijiet bid-data, il-ħin u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni. Konsultazzjoni minn qabel mal-qorti rikjedenti dwar id-data u l-ħin tas-smigħ għandha tkun ikkunsidrata. Il-qorti rikjesta tħarrek lix-xhud u tieħu l-miżuri obbligatorji meħtieġa, jekk ikun meħtieġ hekk. It-talba għandha tkun eżegwita fi żmien disgħin jum mill-wasla.

24 F'każ ta' kumpilazzjoni diretta tax-xhieda, il-qorti rikjedenti stess tkun responsabbli għall-organizzazzjoni tas-smigħ u biex tinnotifika lix-xhud bid-data, il-ħin u l-post tas-smigħ kif ukoll bil-fatt li l-għoti tax-xhieda huwa volontarju. Il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandhom jassistu lill-qorti rikjedenti, peress li huma fid-dmir jinkoraġġixxu l-vidjokonferenzjar. Il-qorti rikjedenti għandha tikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti mill-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti, li tista' tagħżel ukoll qorti tal-Istat Membru tagħha biex tiżgura l-konformità.

25. F'materji kriminali, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru rikjest tħarrek lill-persuna biex tidher skont il-liġi tiegħu.  Il-metodu ta' kif il-persuna tintalab tidher f'qorti huwa rregolat bil-leġislazzjoni nazzjonali.

26. Barra minn hekk, il-qorti rikjedenti u l-faċilità ta' vidjokonferenzjar fl-Istat Membru rikjest (li tista' tkun qorti) jeħtieġu jagħmlu prenotazzjoni tal-awli tal-qorti jew tal-kmamar tax-xhieda.     Jekk għas-smigħ tintuża l-interpretazzjoni, f'materji ċivili fil-każ ta' kumpilazzjoni diretta tax-xhieda l-qorti rikjedenti tikkuntattja lill-interpreti u tilħaq ftehim mal-interpreti (rigward il-miżata, l-arranġamenti ta' vvjaġġar possibbli u spejjeż oħrajn).

27. L-użu tat-tagħmir tal-vidjokonferenzjar għandu rwol ċentrali fit-tħejjijiet prattiċi.  Ikun hemm dejjem il-ħtieġa li jsiru kuntatti fi żmien debitu qabel il-vidjokonferenza bejn l-esperti tekniċi tal-qrati, il-ħabsijiet jew postijiet oħrajn ta' vidjokonferenzjar rispettivi, sabiex jiġi żgurat li t-tagħmir tal-vidjokonferenza jiffunzjona kif suppost (kameras, mikrofoni, skins, linji ISDN, eċċ).  Huwa rakkomandabbli li t-tagħmir u l-konnessjonijiet ikunu ttestjati mill-anqas jum qabel il-vidjokonferenza attwali.  Barra minn hekk x'aktarx ikun utli li n-numri tal-linji tat-telefon ISDN u n-numri tal-fax jintbagħtu lill-persunal tekniku u lis-segretarji tal-qrati rispettivi.

L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.