Manwal

2.5. Minuti tas-Smigħ

40. Fi proċeduri ġudizzjarji transkonfinali, wara li tkun konkluża l-kumpilazzjoni tax-xhieda, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru rikjest jeħtieġ li tħejji l-minuti tal-kumpilazzjoni tax-xhieda b'vidjokonferenza.  Il-minuti jindikaw id-data u l-post tal-kumpilazzjoni tax-xhieda, l-identità tal-persuna mismugħa, l-identitajiet u l-funzjonijiet tal-persuni l-oħrajn kollha li jipparteċipaw fis-smigħ, kwalunkwe ġuramenti meħudin u l-kondizzjonijiet tekniċi li fihom ikun sar is-smigħ.  Id-dokument jintbagħat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti.

41. B'mod simili, fil-proċeduri ċivili u kummerċjali transkonfinali għal talbiet li jsiru skont l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament tal-Kumpilazzjoni tax-xhieda (jiġifieri talbiet diretti), il-qorti rikjesta tibgħat lill-qorti rikjedenti d-dokumenti li jistabbilixxu l-eżekuzzjoni tat-talba u, fejn meħtieġ, tirritorna d-dokument riċevuti mill-qorti rikjedenti. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu akkumpanjati minn konferna ta' eżekuzzjoni permezz tal-formola tal-tip H fl-Anness tar-Regolament tal-Kumpilazzjoni tax-xhieda tal-2001.

42. Għal kumpilazzjoni diretta tax-xhieda f'materji ċivili u kummerċjali, fejn it-tagħmir tal-vidjokonferenzjar li ser jintuża ma jkunx fornut mill-qorti rikjedenti, l-ispejjeż kollha tat-trasmissjoni, inklużi l-ispejjeż għall-kiri tat-tagħmir u tal-persunal tekniku li joperah, ser ikunu r-responsabbiltà tal-awtorità li titlob il-vidjokonferenza. Il-prinċipju ġenerali għal kumpilazzjoni indiretta tax-xhieda huwa li l-eżekuzzjoni tat-talba m'għandhiex twassal għal talba għal rimborż ta' taxxi jew spejjeż. Madanakollu, jekk il-qorti rikjesta teħtieġ dan, il-qorti rikjedenti għandha tiżgura r-rimborż tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu tal-vidjokonferenzjar.

43. F'materji kriminali, fejn tapplika l-Konvenzjoni MLA tal-2000, l-ispiża għall-istabbiliment tal-konnessjoni vidjo, l-ispejjeż relatati tal-offerta tal-konnessjoni vidjo fl-Istat Membru rikjest, ir-remunerazzjoni tal-interpreti pprovdut minnu u l-allowances għax-xhieda u l-esperti u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom fl-Istat Membru rikjest għandhom ikunu rimborżati mill-Istat Membru rikjedenti lill-Istat Membru rikjest, dment li dan tal-aħħar ma jirrinunzjax għar-rimborż tal-ispejjeż kollha jew parti minnhom.

44. Bl-istess mod fil-proċeduri ċivili u kummerċjali, jekk il-qorti rikjesta hekk titlob, il-qorti rikjedenti għandha tiżgura r-rimborż, mingħajr dewmien, tal-ispejjeż imħallsa lill-esperti u lill-interpreti, u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu tal-vidjokonferenzjar (applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kumpilazzjoni tax-xhieda tal-2001).

L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.