Manwal

3.1. Sfond għall-Ħtiġiet Tekniċi

45. Din it-taqsima tal-Gwida tiddiskuti l-aspetti tekniċi tal-vidjokonferenzjar u t-tagħmir tal-vidjokonferenzjar. Dan jinkludi t-tqegħid ta' kameras, id-dawl, l-iskrins u l-mikrofoni. It-tagħmir provdut għandu jintgħażel u jkun stabbilit biex jappoġġa bl-aħjar mod possibbli l-passi differenti involuti fil-proċess tas-smigħ tal-qorti. L-istandards tekniċi dettaljati għall-vidjokonferenzjar jinsabu fl-Anness II.

Prinċipju tar-realiżmu

46. L-objettiv huwa li s-sessjoni ta' vidjokonferenzjar issir kemm jista' jkun possibbli qrib għall-prattika tas-soltu fi kwalunkwe qorti fejn tittieħed xhieda f'qorti miftuħa. Sabiex jittieħed l-akbar benefiċċju għandhom ikunu kkunsidrati diversi differenzi. Xi materji, li huma kkunsidrati ovvji meta tkun ikkumpilata xhieda b'mod konvenzjonali, jakkwistaw dimensjoni differenti meta din tkun ikkumpilata b'vidjokonferenzjar: pereżempju, li jkun żgurat li x-xhud jifhem l-arranġamenti prattiċi għas-sessjoni tal-vidjokonferenzjar, u li jkun jaf min huma l-partijiet għall-vidjokonferenzjar u xi jkunu r-rwoli differenti tagħhom. Dawn li ġejjin huma ssuġġeriti bħala lista ta' konsiderazzjonijiet prattiċi li jħeġġu l-aħjar prattika fl-użu tal-vidjokonferenzjar:

  • Id-differenzi fiż-żoni tal-ħin għandhom ikunu kkunsidrati meta xhud barra mill-pajjiż għandu jkun eżaminat permezz ta' vidjokonferenzjar. L-esiġenzi tax-xhud, tal-partijiet, tar-rappreżentanti tagħhom u tal-qorti kollha għandhom ikunu kkunsidrati.
  • Fl-awla tal-qorti l-għodda tal-vidjokonferenzjar għandhom ikunu, safejn hu possibbli,  installati u użati b'tali mod li l-utenti jħossuhom li qegħdin jipparteċipaw f'laqgħa tradizzjonali tal-qorti.
  • Dawk involuti fil-vidjokonferenzjar jeħtieġ li jkunu konxji li, anke bl-aktar sistemi avvanzati disponibbli bħalissa, hemm xi dewmien bejn il-wasla tal-istampa u dik tal-ħoss li jakkumpanjaha. Jekk dan ma jiġix ikkunsidrat, ikun hemm it-tendenza li jsir diskors sovvrapost fuq dak tax-xhud, li l-vuċi tiegħu tista' tkompli tinstema' għal parti ta' sekonda wara li huwa jkun deher fuq l-iskrin bħala li spiċċa jitkellem.
  • Bit-teknoloġija preżenti, il-kwalità tal-istampa hija tajba, iżda mhux daqstant tajba bħal stampa tat-televixin. Il-kwalità tal-istampa tittejjeb jekk dawk li jidhru fuq il-monitors tal-vidjokonferenzjar jiċċaqilqu mill-anqas possibbli.
L-aħħar aġġornament: 18/01/2019

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna