Manwal

2.2. It-Talba

17. In-natura tat-talba għall-użu tal-vidjokonferenzjar fl-assistenza legali reċiproka jew tal-kumpilazzjoni tax-xhieda hija differenti f'materji ċivili u kriminali u d-dettalji jingħataw fl-Anness III. Il-formoli huma disponibbli kemm fil-materji ċivili u kif ukoll kriminali u jintbagħtu mill-qorti rikjedenti lill-qorti rikjesta f'pajjiż ieħor (f'materji kriminali l-użu tal-formoli mhux obbligatorju). Il-formoli jinkludu informazzjoni użata biex isir kuntatt mal-partijiet involuti mar-rappreżentanti u dettalji tal-qorti. F'xi każijiet l-informazzjoni dwar il-ħlas għall-użu tat-tagħmir u l-lingwa li għandha tintuża fil-vidjokonferenza wkoll tista' tingħata.

18. F'materji ċivili r-Regolament tal-Kumpilazzjoni tax-xhieda 2001 jipprevedi żewġ possibbiltajiet għall-użu tal-vidjokonferenzjar fil-kumpilazzjoni tax-xhieda transkonfinali:

  • Skont l-Artikoli 10 sa 12 l-qorti rikjedenti tista' titlob lill-qorti rikjesta fi Stat Membru ieħor biex tippermetti lilha jew lill-partijiet ikunu preżenti jew jipparteċipaw permezz ta' vidjokonferenza fil-kumpilazzjoni tax-xhieda mill-qorti rikjesta. Tali talba tista' tkun irrifjutata biss jekk tkun inkompatibbli mal-liġi tal-Istat Membru tal-qorti rikjesta jew minħabba diffikultajiet prattiċi maġġuri. F'dak il-każ l-Artikolu 13 jipprevedi miżuri obbligatorji għall-eżekuzzjoni tat-talba. Madankollu, skont l-Artikolu 14 ix-xhud jista' jagħmel użu mid-dritt li jagħmel kumpilazzjoni tax-xhieda skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti rikjedenti jew rikjesta.
  • Skont l-Artikolu 17 il-qorti rikjedenti stess tieħu xhieda direttament fi Stat Membru ieħor bil-kunsens tal-korp ċentrali jew tal-awtorità kompetenti ta' dan l-Istat Membru. Skont l-Artikolu 17(4) il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti huma obbligati jinkoraġġixxu l-vidjokonferenzjar għal dan l-għan. L-Artikolu 17(2) jispeċifika li l-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda tista' ssir biss jekk tista' ssir fuq bażi volontarja.

Apparti mill-possibbiltà ma' miżuri obbligatorji, id-differenzi prinċipali bejn iż-żewġ metodi huma l-qorti responsabbli mill-kumpilazzjoni tax-xhieda u l-liġi applikabbli.

19. Il-qorti rikjedenti tibgħat it-talba għal vidjokonferenzjar u l-informazzjoni mitluba flimkien ma' formola ta' talba ta' tip A jew I mir-Regolament tal-Kumpilazzjoni tax-xhieda 2001 lill-qorti rikjesta. It-tweġiba għat-talba ssir ukoll bl-użu ta' formoli standard oħrajn. Jekk talba lil qorti fi Stat Membru ieħor għal parteċipazzjoni permezz ta' vidjokonferenza tkun miċħuda, il-qorti tuża l-formola tat-tip E. F'każ ta' kumpilazzjoni diretta tax-xhieda, il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti huma obbligati jinfurmaw lill-qorti rikjedenti fi żmien 30 jum (bl-użu tal-formola tat-tip J) jekk it-talba tistax tkun aċċettata jew le. Jekk it-talba tkun aċċettata l-qorti rikjedenti tista' tikseb ix-xhieda f'perijodu ta' żmien li hija tiddeċiedi.

20. F'materji kriminali, l-Istat Membru rikjest għandu jaqbel mas-smigħ b'vidjokonferenza kemm-il darba l-użu tal-vidjokonferenza ma jkunx kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tiegħu u bil-kondizzjoni li huwa jkollu l-mezzi tekniċi biex iwettaq is-smigħ. Miżuri obbligatorji jistgħu jkunu ordnati fl-eżekuzzjoni ta' talba għal assistenza reċiproka (eż. taħrika biex persuna tidher b'sanzjoni fil-każ li ma tidhirx) jekk ir-reat deskritt fit-talba jkun punibbli wkoll fl-istat rikjest.

21. Fejn it-tagħmir tal-vidjokonferenzjar li ser jintuża mhuwiex fornut mill-qorti rikjedenti, l-ispejjeż kollha tat-trasmissjoni, inklużi l-ispejjeż għall-kiri tat-tagħmir u tal-persunal tekniku li joperah, inizjalment ser ikunu r-responsabbiltà tal-awtorità li titlob il-vidjokonferenza, u din għandha tidħol għalihom.  Skont ir-Regolament tal-Kumpilazzjoni tax-Xhieda tal-2001 il-prinċipju ġenerali huwa li l-eżekuzzjoni tat-talba għal kumpilazzjoni indiretta tax-xhieda m'għandhiex twassal għal talba għal rimborż ta' taxxi jew spejjeż. Madanakollu, jekk il-qorti rikjesta teħtieġ dan, il-qorti rikjedenti għandha tiżgura r-rimborż tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu tal-vidjokonferenzjar.

L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.