Manwal

4.1. Il-Qafas Legali fil-Materji Kriminali

68. Fil-materji kriminali, l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Affarijiet Kriminali tal-2000 jipprovdi l-qafas legali għall-każijiet transkonfinali. Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

  1. awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru rikjest għandha tkun preżenti matul is-smigħ, fejn meħtieġ tkun assistita minn interpretu, u għandha tkun responsabbli biex tiżgura kemm l-identifikazzjoni tal-persuna li għandha tinstema' kif ukoll ir-rispett għall-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat Membru rikjest. Jekk l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru rikjest tkun tal-fehma li matul is-smigħ l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat Membru rikjest ikunu qed jinkisru, hija għandha tieħu immedjatament il-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-kumpilazzjoni tax-xhieda tkompli skont il-prinċipji msemmijin;
  2. għandhom jiġu maqbula miżuri għall-protezzjoni tal-persuna li għandha tinstema', fejn meħtieġ, bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membr rikjedenti u rikjesti;
  3. is-smigħ għandu jitmexxa direttament mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru, jew taħt it-tmexxija tagħha, skont il-liġijiet tiegħu stess;
  4. fuq it-talba tal-Istat Membru rikjedenti jew tal-persuna li għandha tinstema', l-Istat Membru rikjest għandu jiżgura li l-persuna li għandha tinstema' tkun assistita minn interpretu, jekk meħtieġ;
  5. il-persuna li għandha tinstema' tista' tuża d-dritt li ma tixhedx, dritt mogħti lilha skont il-liġi jew tal-Istat Membru rikjest jew rikjedenti.

69. L-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni MLA tal-2000 jistabbilixxi l-prinċipju li talba għal smigħ b'vidjokonferenza tista' tkun ippreżentata lil Stat Membru għal persuna li tkun fi Stat Membru ieħor. Iċ-ċirkostanzi li fihom tista' ssir tali talba huma li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru rikjedenti jeżiġu li l-persuna in kwistjoni tinstema' bħala xhud jew espert u li ma jkunx mixtieq jew possibbli li tivvjaġġa lejn dak l-Istat għal smigħ. 'Ma jkunx mixtieq' tista' tapplika, pereżempju, f'każijiet fejn ix-xhud ikun żgħir wisq, anzjan wisq jew ikollu saħħa batuta; 'ma jkunx possibbli' tista' pereżempju tkopri każijiet fejn ix-xhud ikollu jkun espost għal periklu kbir meta jidher fl-Istat Membru rikjedenti.

70. L-Istat Membru rikjest għandu jaqbel mal-vidjokonferenzjar dment li s-smigħ ma jkunx kuntrarju għall-prinċipji fundamentali tal-liġi tiegħu u dmenti li jkollu l-kapaċità teknika biex iwettaq is-smigħ. F'dak il-kuntest ir-referenza għal 'prinċipji fundamentali tal-liġi' timplika li talba ma tistax tinċaħad għall-unika raġuni li s-smigħ tax-xhieda u esperti b'vidjokonferenza mhux previst skont il-liġi tal-Istat Membru rikjest, jew li kondizzjoni dettaljata waħda jew aktar għal smigħ b'vidjokonferenza ma jistgħux ikunu rrispettati skont il-liġi nazzjonali. Fejn ikun hemm nuqqas tal-mezzi tekniċi relevanti, l-Istat Membru rikjedenti jista', bil-qbil tal-Istat Membru rikjest, jipprovdi tagħmir adegwat biex jippermetti li jseħħ is-smigħ .

71. It-talbiet għal smigħ b'vidjokonferenza għandu jkun fihom informazzjoni dwar l-awtorità li tagħmel it-talba, is-suġġett u r-raġuni tat-talba fejn possibbli, l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata u fejn meħtieġ, l-isem u l-indirizz tal-persuna li għandha tinqeda. It-talba għandha tinkludi wkoll ir-raġuni għaliex ma jkunx mixtieq jew possibbli għax-xhud li jattendi in persona, l-isem tal-awtorità ġudizzjarja u l-ismijiet tal-persuni li jkunu ser imexxu s-smigħ. Din l-informazzjoni hija msemmija fl-Konvenzjoni MLA tal-2000. L-awtorità ġudizzjarja tal-istat rikjest għandha tħarrek lill-persuna kkonċernata biex tidher skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi tagħha.

72. Fil-Konvenzjoni MLA tal-2000, l-Artikolu 10(8) jipprevedi li jekk, matul is-smigħ b'vidjokonferenza, persuna tirrifjuta li tixhed jew tixhed falz, l-istat li fih tkun tinsab il-persuna li tkun qiegħda tinstema għandu jkun f'pożizzjoni li jitratta ma' dik il-persuna bl-istess mod daqs li kieku hija tkun qiegħda tidher fi smigħ li jsir skont il-proċeduri nazzjonali tagħha. Dan jirriżulta mill-fatt li hemm l-obbligu tax-xhieda fi smigħ b'vidjokonferenza, skont dan il-paragrafu, f'konformità mal-liġi tal-istat rikjest. Il-paragrafu mhux intenzjonat partikolarment biex jiggarantixxi li x-xhud, fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' obbligu tax-xhieda, ikun soġġett għall-konsegwenzi tal-għemil tiegħu, simili għal dawk applikabbli f'każ domestiku fejn ma jintużax il-vidjokonferenzjar.

73. Fil-paragrafu 9 tal-Artikolu 10, l-użu tas-smigħ b'vidjokonferenza huwa estiż għall-persuni akkużati. Kull Stat Membru għandu kompetenza esklużiva dwar jekk jaqbilx li jeżegwixxi talbiet għal tali smigħ. Stat Membru jista' jagħmel dikjarazzjoni ġenerali dwar il-fatt li ma jkunx ser jagħmel dan .  Il-persuna akkużata għandha tagħti l-kunsens tagħha fi kwalunkwe każ qabel ma jsir is-smigħ.

L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.