Manwal

1.1. Kamp ta' applikazzjoni u Sfond

1. Din il-gwida tkopri l-użu tat-tagħmir tal-vidjokonferenzjar fi proċeduri ġudizzjarji transkonfinali fl-Unjoni Ewropea. Hija tiddiskuti l-aspetti organizzattivi, tekniċi u legali tal-użu tat-teknoloġija tal-vidjokonferenzjar.  Barra minn hekk hija tanalizza l-użu tat-tagħmir fl-awli tal-qorti u fil-kmamar tax-xhieda, u l-użu ta' tagħmir mobbli.   Il-gwida tapplika għal każijiet fejn il-vidjokonferenzjar jintuża għal kwalunkwe parti tal-proċeduri legali, partikolarment għall-kumpilazzjoni tax-xhieda minn postijiet remoti fi Stati Membri oħrajn tal-UE.

2. Din il-gwida fiha pariri u gwida għall-professjonisti legali, segretarji tal-qorti u persunal tekniku. Din il-gwida tiddiskuti l-konsiderazzjonijiet prattiċi dwar l-użu tat-tagħmir tal-vidjokonferenzjar li huwa ta' interess partikolari għall-professjonisti legali u l-persunal tal-qorti, u mbagħad teżamina l-aspetti tekniċi li huma ta' interess speċifiku għall-persunal tekniku. L-anness għall-gwida jipprovdi dettalji dwar il-qafas legali għall-użu transkonfinali tal-vidjokonferenzjar f'materji kriminali, kif ukoll ċivili u kummerċjali. Annessi oħrajn jissottolinjaw l-istandards tekniċi li għandhom jitqiesu u jipprovdu sommarju ta' passi prinċipali fil-proċessi għall-użu tal-vidjokonferenzjar fil-proċeduri ġudizzjarji transkonfinali. Dan id-dokument jimmira li jgħin lill-utenti billi jipprovdilhom konsulenza u gwida. Huwa ma jissostitwixxix struzzjonijiet ta' ħidma dettaljati jew struzzjonijiet operattivi dettaljati.

3. Dan id-dokument huwa kkonċernat partikolarment bl-użu tal-vidjokonferenzjar fi proċeduri fil-qrati kriminali, ċivili u kummerċjali.  Madankollu, bosta mill-aspetti tekniċi dwar l-użu tal-vidjokonferenzjar huma ġeneralment aktar applikabbli għall-użu tiegħu fil-komunità ġudizzjarja aktar ġenerali. Is-smigħ tax-xhieda u esperti mhux dejjem issir fil-qrati u huwa possibbli li tiġi stabbilita konnessjoni ta' vidjokonferenzjar bejn il-qrati u postijiet oħrajn, bħal rappreżentazzjonijiet konsulari u diplomatiċi, ħabsijiet, sptarijiet u ċentri ta' asil. Bħala tali, dan id-dokument jista' jintuża bħala bażi għall-użu tal-vidjokonferenzjar fi proċeduri oħrajn.

4. Normalment fil-proċeduri ċivili transkonfinali jkun hemm żewġ sitwazzjonijiet possibbli fejn ix-xhieda u l-esperti jistgħu jinstemgħu permezz tal-vidjokonferenzjar:

  • Kumpilazzjoni indiretta tax-xhieda, fejn il-qorti fl-istat rikjest tmexxi s-smigħ ta', pereżempju, xhud (taħt ċerti kondizzjonijiet bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-qorti rikjedenti)
  • Kumpilazzjoni diretta tax-xhieda, fejn il-qorti rikjedenti tisma' xhud fi Stat Membru ieħor permezz tal-vidjokonferenzjar.

5. F'investigazzjonijiet kriminali ta' qabel il-proċess, l-imħallef jew il-prosekutur li jinvestiga jista' jiddeċiedi li jieħu xhieda minn xhud li jkun mhedded jew xhud jew espert li jirrisjedi barra mill-pajjiż, permezz ta' vidjokonferenza jew kwalunkwe mezz ieħor adegwat ta' komunikazzjoni awdjoviżiva remota, bil-qbil tax-xhur, jekk dan tal-aħħar ma jkunx jista' jew ma jkunx jixtieq jidher fil-proċess in persona.

6. Id-disponibbiltà tax-xhieda esperti ġiet identifikata bħala waħda mill-kawżi ta' dewmien f'każijiet ċivili (eż. esperti mediċi jew psikoloġisti f'każijiet dwar kustodju ta' tfal jew kura tat-tfal) u f'każijiet kriminali (eż. esperti forensiċi jew tal-informatika).  L-użu ta' tagħmir tal-vidjokonferenzjar ser jipprovdi lill-qrati flessibbiltà akbar għal meta u kif xhieda esperti minn Stati Membri oħrajn huma meħtieġa jagħtu xhieda.  Meta jinstemgħu xhieda esperti, huwa rakkomandabbli li l-espert ikun ikkuntattjat qabel is-smigħ, sabiex jiġi vverifikat x'tip ta' tagħmir tekniku jista' jkun meħtieġ matul is-smigħ.

7. Għal xhieda vulnerabbli u intimidati l-vidjokonferenzjar jista' jitqies bħala mezz biex jitnaqqsu t-tensjoni u l-iskonfort li jistgħu jkunu kkawżati mill-vjaġġ skomdu lejn qorti barranija.  Biex tingħata xhieda lil kwalunkwe qorti barranija, kamra separata tax-xhieda tista' tkun aktar prattika mill-awla tal-qorti.

L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.